KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ppreżentati fl-4 ta’ Novembru 2008 1(1)
Kawża C‑459/07
Veli Elshani
vs
Hauptzollamt Linz
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Unabhängiger Finanzsenat, Graz (l‑Awstrija)]
“Kodiċi Doganali Komunitarju – Artikolu 233 – Estinzjoni tad-dejn doganali – Kunċett ta’ ‘introduzzjoni illegali’”
1. Il-problema li fuqha l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi fil-kawża preżenti, hi, fiha nfisha, relattivament limitata: fil-fatt, sostanzjalment, qed jiġi mitlub li tingħata interpretazzjoni ta’ silta qasira inkluża fil-Kodiċi Doganali Komunitarju, u preċiżament tal-espressjoni “ma’ l-introduzzjoni kontra l-liġi” li tinsab fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233.
2. Madankollu, minkejja s-sempliċità apparenti tagħha, id-domanda għandha aspetti pjuttost kumplessi. Minn naħa waħda, il-kliem tat-test leġiżlattiv ma jipprovdix indikazzjonijiet univoċi għall-finijiet tal-interpretazzjoni tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-għażla ta’ interpretazzjoni waħda u mhux l-oħra tista’ tinvolvi konsegwenzi prattiċi kunsiderevoli, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-irkupru tad-dazji doganali.
3. Mill-bqija, huwa sinjifikattiv li l-problema li l-qorti tar-rinviju tissottoponi lill-Qorti tal-Ġustizzja toriġina minn nuqqas ta’ qbil fil-ġurisprudenza, li huwa rifless fid-duttrina, bejn xi qrati nazzjonali, fir-rigward tal-interpretazzjoni korretta tal-imsemmi Artikolu 33.
4. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ qbil fil-ġurisprudenza li l-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi dwaru, huwa ta’ natura tranżnazzjonali, għalkemm jirrigwarda żewġ Stati tal-istess żona lingwistika: iż-żewġ qrati li bħalissa jagħtu interpretazzjonijiet differenti tar-regola fil-fatt huma, minn naħa waħda, il-Verwaltungsgerichtshof tal-Awstrija u, min-naħa l-oħra, il-Bundesfinanzhof Ġermaniż. Reċentement, żewġ rappreżentanti awtorevoli ta’ dawn il-qrati esponew f’artikolu f’żewġ partijiet, il-pożizzjonijiet tal-qrati rispettivi tagħhom (2).
I – Il-kuntest leġiżlattiv
A – Id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali
5. Id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali Komunitarju(3) rilevanti fil-każ preżenti huma dawn li ġejjin:
“Artikolu 38
1. Merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità għandha titwassal mill-persuna li jintroduċiha fil-Komunità mingħajr dewmien, mir-rotta speċifikata mill-awtoritajiet doganali u skont l-istruzzjonijiet tagħhom, jekk ikun hemm:
a) fl-uffiċċju doganali nominat mill-awtoritajiet doganali jew f’xi post ieħor nominat jew approvat minn dawk l-awtoritajiet;
[…]
2. Kull persuna li tassumi r-responsabbilità għall-ġarr tal-merkanzija wara li tkun ddaħħlet fit-territorju doganali tal-Komunità, fost oħrajn bħala riżultat ta’ trasbord, għandha tidħol responsabbli għall-konformità ma’ l-obbligazzjoni stipulata fil-paragrafu 1 […]
Artikolu 202
1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz ta’:
a) l-introduzzjoni kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-Komunità ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni […]
[…]
Għall-iskop ta’ dan l-Artikolu, introduzzjoni kontra l-liġi tfisser kull introduzzjoni li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 38 sa 41 u t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 177.
2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jiġu introdotti kontra l-liġi.
[…]
Artikolu 203
1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:
− tat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni.
2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali.
[…]
Artikolu 233
Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jirrigwardaw il-preskrizzjoni ta’ dazju doganali u nuqqas ta’ rkupru ta’ dak id-dejn fil-każ tal-falliment legalment stabbilit tad-debitur, dejn doganali għandu jingħalaq:
[…]
d) fejn merkanziji li fir-rigward tagħhom ġie inkors dejn doganali skond l-Artikolu 202 jinqabdu ma’ l-introduzzjoni kontra l-liġi tagħhom u jiġu fl-istess waqt jew sussegwentement konfiskati.
Fil-każ ta’ qbid u konfiska, d-dejn doganali għandu xorta waħda għall-iskopijiet tal-liġi kriminali applikabbli għal offiżi doganali, jitqies li ma ġiex magħluq fejn, taħt il-liġi kriminali ta’ Stat Membru, dazji doganali jipprovdu l-bażi biex jiġu stabbiliti pieni jew l-eżistenza ta’ dejn ta’ dwana tkun raġuni sabiex jittieħdu proċeduri kriminali”.
B – Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ implementazzjoni
6. Hawnhekk għandu jsir riferiment ukoll għal żewġ dispożizzjonijiet tar-regolament li jimplementa l-Kodiċi Doganali (4):
“Artikolu 867
Il-konfiska ta’ merkanzija fis-sens tal-Artikolu 233(c) u (d) tal-Kodiċi m’għandiex taffettwa l-istatus doganali tal-merkanzija in kwistjoni.
Artikolu 867a
1. Prodotti mhux tal-Komunità li jkunu ġew abbandunati lit-Teżor jew maqbuda jew konfiskati għandhom ikunu kkunsidrati li jkunu ddaħħlu għall-proċedura tad-dwana ta’ depożitu.
2. Il-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinbiegħu mill-awtoritajiet tad-dwana biss bil-kondizzjoni li x-xerrej jagħmel minnufih il-formalitajiet biex jassenjahom trattament jew użu approvat mid-dwana.
Meta l-bejgħ ikun bi prezz li jinkludi d-dazji tal-importazzjoni, il-bejgħ għandu jkun ikkunsidrat bħala ekwivalenti għal rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa, u l-awtoritajiet tad-dwana nfushom għandhom jikkalkulaw id-dazji u jdaħħluhom fil-kontijiet.
F’dawn il-każijiet, il-bejgħ għandu jsir skont il-proċeduri fis-seħħ fl-Istati Membri.
3. Meta l-amministrazzjoni tiddeċiedi li taġixxi rigward il-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 minbarra bejgħ, din għandha minnufih tagħmel il-formalitajiet biex tassenjahom wieħed mit-trattamenti jew użi li jkunu approvati mid-dwana stabbiliti fl-Artikolu 4(15)(a), (b), (ċ) u (d) tal-kodiċi”.
II – Fatti, kawża prinċipali u domandi preliminari
7. Fil-21 ta’ Mejju 2001, abbażi ta’ interċettazzjoni ta’ xi telefonati, il-pulizija Awstrijaka waqqfet fl-inħawi ta’ Wels, pulman tat-turisti ġej mill-Kosovo, li ġewwa fih instabu 150 kartuna sigaretti tal-kuntrabandu, li ġew maqbuda u, wara, ikkonfiskati u meqruda.
8. Il-pulman inkwistjoni kien daħal fit-territorju doganali Komunitarju fl-Italja, fil-port ta’ Brindisi, f’data mhux ippreċiżata bejn id-19 u l-21 ta’ Mejju 2001. Id-destinazzjoni tal-vettura kienet ir-raħal ta’ Eferding, li ma kienx għadu ntlaħaq fil-mument meta intervjenew il-pulizija.
9. Sussegwentement, l-awtoritajiet doganali Awstrijaki kkalkolaw l-ammont tad-dazju għas-sigaretti inkwistjoni, u wara ordnaw il-ħlas tiegħu. L-ammont tad-dazju kien ta’ EUR 961.46.
10. Wara sensiela ta’ rikorsi ppreżentati quddiem l-awtoritajiet Awstrijaċi (ikkonċentrati essenzjalment fuq problemi relattivi għall-aċċertament taċ-ċirkustanzi fattwali preċiżi u tar-responsabbiltajiet speċifiċi tal-persuni involuti), il-kwistjoni ġiet quddiem il-qorti tar-rinviju. Din il-qorti, fid-dawl tar-rwol ċentrali tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali għall-finijiet tad-deċiżjoni, issospendiet il-proċedimenti u għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Fid-dawl tal-fatt li l-ipoteżi ta’ estinzjoni prevista fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu233 [tal-Kodiċi Doganali] ma tirreferix għall-mument li fih id-dejn doganali jkun ġie inkors, iżda għal perijodu sussegwenti għal dak meta d-dejn doganali jkun ġie inkors, billi din tippreżupponi li dejn doganali jkun ‘ġie inkors’ fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali, il-kliem ‘ma’ l-introduzzjoni kontra l-ligi’ fis-sens tal-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
– l-introduzzjoni, fit-territorju doganali tal-Komunità, ta’ merkanzija li għaliha dejn doganali jkun ġie inkors skont l-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali, tintemm mal-introduzzjoni tagħha fl-uffiċċju tad-dwana tal-fruntiera jew f’kull post ieħor stabbilit mill-awtoritajiet doganali, iżda mhux iktar tard minn meta din il-merkanzija titlaq mill-post fejn jinsab l-uffiċċju [tad-dwana] jew minn dak il-post stabbilit, għax b’hekk il-merkanzija tkun daħlet fit-territorju doganali, b’mod illi l-qbid u l-konfiska tal-merkanzija wara dan il-mument ma jkollhomx bħala effett l-estinzjoni tad-dejn doganali,
jew fis-sens li
– l-introduzzjoni, fit-territorju doganali tal-Komunità, ta’ merkanzija li għaliha dejn doganali jkun ġie inkors skont l-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali, tkompli, minn perspettiva ekonomika, sakemm idum it-trasport tagħha, bħala proċess wieħed marbut mal-introduzzjoni tal-merkanzija fit-territorju doganali, li jkompli sakemm il-merkanzija ma tkunx għadha laħqet l-ewwel destinazzjoni tagħha u waqfet hemm, b’mod illi l-qbid u l-konfiska tal-merkanzija jkollhom bħala effett, sa dak il-mument, l-estinzjoni tad-dejn doganali?
2) Fil-każ ta’ aġir kontra l-liġi fis-sens tal-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali, li jiġi skopert mal-introduzzjoni tal-merkanzija, id-dejn doganali għandu jiġi estint. Min-naħa l-oħra, il-qbid ta’ merkanzija li jseħħ mat-tneħħija mis-sorveljanza doganali fuq din il-merkanzija, peress li huwa aġir kontra l-liġi fis-sens tal-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali, m’għandux bħala effett l-estinzjoni immedjata tad-dejn doganali. Il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li din l-estinzjoni tad-dejn doganali, li hija espressament limitata għall-każijiet li fih id-dejn doganali jiġi inkors skont l-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali, madankollu tissodisfa l-obbligu ta’ trattament ugwali fir-rigward ta’ aġir kontra l-liġi?
III – Fuq id-domandi preliminari
A – L-ewwel domanda
11. L-ewwel fost iż-żewġ domandi preliminari mqajma mill-qorti tar-rinviju hija mingħajr dubju l-iktar waħda importanti u l-iktar waħda delikata. Permezz ta’ din id-domanda, b’mod partikolari, din il-qorti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-espressjoni “ma’ l-introduzzjoni kontra l-liġi” inkluża fl-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali. B’mod iktar speċifiku, l-Unabhängiger Finanzsenat għamlet speċi ta’ domanda b’għażla multipla, u tindika żewġ interpretazzjonijiet alternattivi possibbli. Fil-verità, kif ser jidher immedjatament, l-espressjoni li għadha kif ġiet iċċitata tista’ wkoll tingħata interpretazzjonijiet oħra.
12. F’kull każ, sabiex tinftiehem il-problema sħiħa mqajma mill-qorti a quo, jeħtieġ qabel kollox li jiġu eżaminati fil-qosor iż-żewġ pożizzjonijiet fil-ġurisprudenza msemmija fid-digriet tar-rinviju.
1. L-interpretazzjoni “wiesgħa”
13. L-interpretazzjoni l-inqas restrittiva tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali, sostnuta fost l-oħrajn b’mod partikolari mill-Verwaltungsgerichtshof Awstrijak, issostni li l-estinzjoni tad-dejn doganali għall-merkanzija introdotta bil-kuntrabandu fil-Komunità isseħħ fil-każijiet kollha fejn il-merkanzija nfisha tinqabad qabel ma tasal fl-ewwel destinazzjoni tagħha ġewwa t-territorju doganali Komunitarju.
14. Għalhekk, fil-każ ineżami, il-fatt li l-qbid tas-sigaretti seħħ qabel mal-pulman li fih kienu moħbija wasal fid-destinazzjoni tiegħu (ir-raħal ta’ Eferding) għandu bħala konsegwenza l-estinzjoni tad-dejn doganali.
15. Din il-pożizzjoni hija sostnuta, fil-kuntest tal-kawża preżenti, b’mod partikolari, mill-Gvern Awstrijak.
16. Qabel kollox, il-Gvern Awstrijak isostni li l-kunċett ta’ “introduzzjoni” inkluż fl-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali ma jaqbilx mal-kunċett ta’ “introduzzjoni” li jinsab f’punti oħra tal-Kodiċi Doganali nnifsu. Fil-fatt, bħala regola, l-introduzzjoni hija att istantanju, li għaldaqstant jiġi konkluż mal-att innifsu tal-qsim tal-fruntiera. Madankollu, il-Gvern Awstrijak josserva kif l-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali jiddefinixxi “l-introduzzjoni kontra l-liġi” bħala “kull introduzzjoni li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 38 sa 41 u t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 177”. Skont dan il-Gvern, espressjoni bħala din ma tistax tiġi mfissra bl-użu tal-kunċett ordinarju ta’ “introduzzjoni”. Kieku fil-fatt, “introduzzjoni” kellha tinftiehem bħala l-att istantanju tal-qsim tal-fruntiera, ma tkunx jagħmel sens ir-riferiment għall-Artikoli 38 sa 41 u 177 tal-Kodiċi Doganali minħabba li dawn jagħmlu referenza għal atti suċċessivi għall-qsim tal-fruntiera.
17. Bħala konsegwenza ta’ dan, skont il-Gvern Awstrijak, il-kunċett ta’ “introduzzjoni” inkluż fl-Artikoli 203 u 233 tal-Kodiċi Doganali jikkostitwixxi kunċett separat, li jinkludi perijodu ta’ żmien itwal mis-sempliċi qsim istantanju tal-fruntiera (5).
18. Mill-bqija, skont dan il-Gvern, l-użu hawnhekk ta’ interpretazzjoni restrittiva jillimita b’mod irraġonevoli għalkollox, in-numru ta’ każijiet li fihom ir-regola tista’ tiġi applikata b’mod konkret (6).
19. Il-Gvern Finlandiż min-naħa tiegħu, jipproponi interpretazzjoni saħansitra inqas restrittiva: fil-fatt, fl-opinjoni tiegħu, l-estinzjoni tad-dejn doganali prevista fl-Artikolu 233 għandha sseħħ fil-każijiet kollha fejn wieħed jista’ juri li l-merkanzija introdotta kontra l-liġi fit-territorju doganali ma ddaħlitx fiċ-ċirkwit ekonomiku. Għaldaqstant, sakemm, il-merkanzija stess tkun għadha ma ġietx “imqegħda fiċ-ċirkolazzjoni”, l-obbligu li jitħallas id-dazju jiġi estint anki fil-każ fejn il-qbid isir wara l-mument li fih il-merkanzija tkun waslet fl-ewwel destinazzjoni tagħha fit-territorju doganali Komunitarju (7).
20. Dan ikun konformi mal-għan tar-regola msemmija fl-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali, minħabba li l-qbid tempestiv tal-merkanzija jevita kull dannu lit-Teżor. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 867a tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali, l-eventwali bejgħ suċċessiv tal-merkanzija kkonfiskata jimplika l-ħlas tad-dazji doganali u b’hekk l-ammont tad-dazji jinġabar xorta waħda.
21. Barra minn hekk, skont il-Gvern Finlandiż, l-interpretazzjoni restrittiva hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza, minħabba li ser jiġu ttratati b’mod radikalment differenti s-sitwazzjonijiet, għalkemm fil-fatt huma simili ħafna, ta’ persuna li tintroduċi kontra l-liġi merkanzija li inqabdet fil-mument tal-qsim tal-fruntieri, u ta’ persuna li tinqabdilha l-merkanzija f’mument suċċessiv (8) (anki jekk ftit biss wara).
2. L-interpretazzjoni restrittiva
22. Skont l-interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali, li kif ġie osservat iktar ’il fuq, ġiet reċentement segwita mill-Bundesfinanzhof Ġermaniż, l-estinzjoni tad-dejn doganali wara l-qbid u l-konfiska suċċessiva tal-merkanzija mdaħħla bil-kuntrabandu hija limitata għall-każijiet fejn il-qbid iseħħ fil-mument eżatt tal-qsim tal-fruntiera jew fil-mument meta l-merkanzija tgħaddi mill-uffiċċju doganali tal-fruntiera. Dan għaliex l-espressjoni “ma’ l-introduzzjoni kontra l-liġi” tindika biss il-mument preċiż li fih il-merkanzija tidħol fit-territorju doganali Komunitarju.
23. Fil-każ imressaq quddiem il-qorti tar-rinviju, il-fatt li l-qbid tas-sigaretti bil-kuntrabandu seħħ f’mument wara l-qsim tal-fruntiera (li, għandu jitfakkar, seħħ fil-port ta’ Brindisi, fl-Italja) jeskludi l-possibbiltà li tiġi applikata din ir-raġuni ta’ estinzjoni. Bħala konsegwenza ta’ dan, minkejja l-qbid u l-konfiska tal-merkanzija mdaħħla bil-kuntrabandu, il-persuni responsabbli għall-introduzzjoni illegali tas-sigaretti huma obbligati jħallsu d-dazju relattiv ukoll.
24. Din il-pożizzjoni hija b’mod partikolari sostnuta, fil-kuntest tal-kawża preżenti mill-Gvern Daniż u l-Kummissjoni.
25. Il-Gvern Daniż jippreferi interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 233 kemm għal raġunijiet ta’ konsistenza, minħabba li f’partijiet oħra tal-Kodiċi Doganali l-kelma “introduzzjoni” tindika att istantanju u mhux imtawwal (9), kif ukoll għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, minħabba li kunċetti bħal dak ta’ “inklużjoni fiċ-ċirkwit ekonomiku” jew ta’ “post ta’ destinazzjoni” jkunu vagi wisq (10).
26. Dan il-Gvern barra minn hekk, isostni li peress li interpretazzjoni restrittiva, bħala fatt tikkostitwixxi sanzjoni addizzjonali fuq min jintroduċi l-merkanzija bil-kuntrabandu fit-territorju doganali Komunitarju, tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-frodi (11).
27. Il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni restrittiva tista’ tiġi sostnuta, fl-ewwel lok, abbażi ta’ interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 233 u fuq il-bażi ta’ paragun bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tiegħu (12). L-istess interpretazzjoni hija wkoll imsaħħa minn qari sistematiku, minħabba li l-kunċett ta’ “introduzzjoni” ikun l-istess fil-Kodiċi Doganali kollu. Barra minn hekk, minħabba li hija regola li tipprovdi eċċezzjoni, l-estinzjoni tad-dejn doganali prevista mill-Artikolu 233 għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (13).
3. Perspettiva alternattiva: il-pożizzjoni tal-Gvern Pollakk
28. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Pollakk jissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din issegwi interpretazzjoni differenti, fis-sens li l-għoti ta’ risposta għad-domandi mqajma mill-qorti tar-rinviju huwa inutli. Dan il-Gvern, fil-fatt, jagħmel referenza għall-Artikolu 867a tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, li jistabbilixxi li l-prodotti mhux tal-Komunità li huma maqbuda jew konfiskati huma kkunsidrati li ddaħħlu għall-proċedura tal-ħżin doganali. Issa, din id-dispożizzjoni hija lex specialis fir-rigward tar-regoli li jirregolaw il-ħolqien u l-estinzjoni tad-dejn doganali: skont il-Gvern Pollakk, fil-każijiet fejn japplika l-imsemmi Artikolu 867a, lanqas jinħoloq dejn doganali, u b’hekk mhux neċessarju li wieħed jistaqsi dwar il-kundizzjonijiet tal-estinzjoni tiegħu skont l-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali (14).
29. Barra minn hekk, l-istess Gvern isostni li, jekk id-dazji doganali jitqiesu li huma applikabbli għall-merkanzija kkonfiskata, fil-każ ta’ bejgħ suċċessiv tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi, ikun hemm sitwazzjoni ta’ pagament doppju tad-dazji (15).
4. Evalwazzjoni
30. Kif diġà semmejt qabel, id-domanda li l-Qorti tal-Ġustizzja hija hawnhekk imsejħa sabiex issolvi mhijiex waħda mill-iktar sempliċi. It-test leġiżlattiv li għandu jiġi interpretat ma jipprovdix indikazzjonijiet deċiżivi, u l-pożizzjonijiet tal-partijiet kollha fihom elementi ta’ interess kbir, li jistħoqqilhom kunsiderazzjoni kbira.
31. Is-soluzzjoni li għandi l-intenzjoni nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja hija dik li ġiet sostnuta mill-Gvern Awstrijak. Minn hawn ’il quddiem ser nindika r-raġunijiet li wassluni sabiex nippreferiha għal interpretazzjonijiet oħra possibbli, għalkemm mhux se naħbi ċerti aspetti problematiċi.
a) Il-verżjonijiet lingwistiċi differenti
32. Il-Kummissjoni targumenta li l-analiżi tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti ssostni interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 233 li din l-istituzzjoni tippreferi. B’mod partikolari, dan jirriżulta evidenti fil-verżjoni Taljana u f’dik Spanjola tal-Kodiċi Doganali. Verżjonijiet lingwistiċi oħra, minkejja li juru b’mod inqas evidenti dak li sostniet il-Kummissjoni, madankollu xorta jikkonfermaw l-interpretazzjoni restrittiva.
33. Jidhirli però li kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni, l-analiżi tal-verżjonijiet lingwistiċi (16) tal-Kodiċi Doganali ma tippermettix li wieħed jislet indikazzjonijiet deċiżivi dwar l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 233. Il-verżjoni Taljana (“all’atto dell’introduzione irregolare”) u dik Spanjola (“en el momento de la introducción irregular”) fil-fatt huma kompatibbli kemm ma’ idea “istantanja” tal-introduzzjoni tal-merkanzija, kif ukoll ma’ kunċett iktar estiż tagħha. Fil-fatt, minkejja li l-użu tal-kliem “atto” u “momento” huwa suġġestiv, għandu jiġi osservat li dawn huma sempliċement parti minn frażi (rispettivament “all’atto di” u “en el momento de”), u ma jfissrux jew jikkwalifikaw b’xi mod l-introduzzjoni tal-merkanzija fit-territorju doganali. Minn din il-perspettiva, iż-żewġ verżjonijiet iċċitati jidhru ekwivalenti għall-oħrajn (17). Min-naħa l-oħra, anki kieku wieħed iqis li l-verżjoni Tajana u dik Spanjola jindikaw tendenzjalment avveniment li jsir fl-istess ħin mal-qsim tal-fruntiera, jibqa’ l-fatt li, fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, din l-isfumatura mhijiex preżenti.
34. Bħala konklużjoni, inqis li l-analiżi tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti ma tagħtix elementi deċiżivi għall-finijiet tal-interpretazzjoni.
b) Fuq il-pożizzjoni tal-Gvern Pollakk
35. Il-pożizzjoni oriġinali adottata mill-Gvern Pollakk, għalkemm interessanti, ma tidhirlix aċċettabbli. Fil-fatt, li wieħed iqis li fil-każijiet fejn japplika l-Artikolu 867a tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, id-dejn doganali skont l-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali lanqas biss jitnissel, b’hekk li m’hemmx li l-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi nnifsu jiġi interpretat, fil-fatt ifisser li dispożizzjoni ta’ implementazzjoni (l-iċċitat Artikolu 867a) tingħata l-effett li twaqqaf il-possibbiltà li tiġi applikata regola “prinċipali”. Fil-fatt, il-punt d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233, li huwa bbażat unikament fuq is-suppożizzjoni li d-dejn doganali jkun tnissel skont l-Artikolu 202, b’hekk jispiċċa mingħajr suġġett, u għalhekk ikun inapplikabbli.
36. Barra minn hekk, u fuq kollox, huwa l-istess punt d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 li jitkellem espliċitament dwar dejn doganali “inkors […] skond l-Artikolu 202” (il-korsiv huwa tiegħi). Fi kliem ieħor ma hemmx dubju dwar il-fatt li d-dejn doganali għandu jinħoloq u imbagħad jiġi estint.
37. Però għandu jiġi osservat li l-Gvern Pollakk jenfasizza, fl-osservazzjonijiet tiegħu, ir-riskju ta’ applikazzjoni doppja tad-dazju fuq l-istess merkanzija, u l-bżonn li din is-sitwazzjoni tiġi evitata. Nerġa’ lura għal din il-problema speċifika iktar ’il quddiem (18).
c) L-elementi li jixhdu favur interpretazzjoni wiesgħa
i) Il-kunċett ta’ “introduzzjoni kontra l-liġi”
38. Għall-finiijiet ta’ dan il-punt, l-“introduzzjoni kontra l-liġi” hija ddefinita fl-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali, li jidentifikaha bħala “kull introduzzjoni li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 38 sa 41 u t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 77”. Madankollu, jidhirli, li fin-noti tal-osservazzjonijiet li ppreżentaw il-partijiet u fl-osservazzjonijiet li ppreżentaw waqt is-seduta, tħalla barra punt li fl-opinjoni tiegħi huwa kruċjali.
39. Fil-fatt huwa ċar, u dan lanqas ġie miċħud mill-Kummissjoni, li l-introduzzjoni tal-merkanzija fit-territorju Komunitarju mhijiex “kontra l-liġi” sakemm il-persuna li tintroduċi l-merkanzija ma tkunx uriet, b’aġir inekwivoku, ir-rieda tagħha li ma tinformax lill-awtoritajiet kompetenti bl-introduzzjoni tal-merkanzija. Dan iseħħ, fil-każ ta’ introduzzjoni f’punt tal-fruntiera mgħasses, fil-mument meta l-persuna inkwistjoni titlaq mill-post doganali mingħajr ma tkun iddikjarat il-merkanzija li jkollha magħha. Fil-każ ta’ introduzzjoni ta’ merkanzija mill-hekk imsejħa “fruntiera ħadra”, jiġifieri, parti mill-fruntiera li mhijiex mgħassa, il-mument li fih tiġi kkonkretizzata l-irregolarità jkun dak li fih tiġi manifestata l-intenzjoni li l-merkanzija ma titteħidx f’uffiċċju doganali (19).
40. Għaldaqstant, “introduzzjoni kontra l-liġi” teżisti biss wara li s-suġġett jabbanduna l-post tal-fruntiera jew f’kull każ jimmanifesta b’mod inekwivoku l-intenzjoni tiegħu li ma jiddikjarax il-merkanzija lill-awtoritajiet doganali.
41. Kif diġà ġie spjegat, skont l-interpretazzjoni restrittiva, l-estinzjoni sseħħ biss fil-każ fejn il-qbid isir qabel ma l-persuna li tittrasporta l-merkanzija tkun ħalliet il-post tal-fruntiera, jew tkun uriet l-intenzjoni tagħha li ma tmurx għand l-awtoritajiet doganali. Issa, l-adozzjoni ta’ din l-interpretazzjoni tfisser li jiġi kkunisdrat li l-estinzjoni msemmija fil-punt d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali tirrigwarda, kuntrarjament għall-kliem tad-dispożizzjoni, “introduzzjoni” li għadha mhijiex “kontra l-liġi”.
42. Fl-opinjoni tiegħi, din l-interpretazzjoni kjarament iġġebbed it-tifsira tal-liġi, speċjalment billi skont l-Artikolu 202(2) tal-Kodiċi Doganali “[id]-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jiġu introdotti kontra l-liġi”: b’hekk, l-interpretazzjoni restrittiva tispiċċa biex tipprova testingwi dejn li għadu ma nħoloqx.
43. Barra minn hekk, alternattivament, l-interpretazzjoni restrittiva tista’ twassal sabiex wieħed isostni li l-estinzjoni inkwistjoni qatt ma tiġi vverifikata, peress li kundizzjoni prevista espliċitament (jiġifieri l-“introduzzjoni kontra l-liġi”) ma tkunx ġiet sodisfatta.
44. Bħala konsegwenza ta’ dan, l-interpretazzjoni restrittiva tispiċċa biex taqa’ f’kontradizzjoni loġika, li fl-opinjoni tiegħi turi d-dgħufija intrinsika tagħha.
ii) Effettività
45. Għalkemm ma jużax b’mod espliċitu din l-espressjoni, il-Gvern Awstrijak jissuġġerixxi li interpretazzjoni restrittiva tal-klawżola inkluża fil-punt d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali tirriskja li tneħħi l-effettività minn din il-klawżola. Dan għaliex, il-limitazzjoni tal-każijiet ta’ estinzjoni tad-dejn doganali għal dawk fejn il-qbid tal-merkanzija jsir fil-mument tal-qsim tal-fruntiera tfisser li, din id-dispożizzjoni ssir kważi inapplikabbli (jew, f’kull każ, applikabbli għal numru ħafna iżgħar ta’ każijiet): fil-fatt, fil-prattika, il-qbid ta’ merkanzija mdaħħla bil-kuntrabandu jseħħ bħala regola mhux mal-att tal-qsim tal-fruntiera, iżda f’mument suċċessiv (20).
46. Għalkemm dan l-argument fih innifsu mhuwiex deċiżiv, jidhirli li jistħoqqlu attenzjoni. Huwa magħruf sew li, fl-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-prinċipju tal-effettività għandu rwol determinanti: abbażi tiegħu, għandha dejjem tingħata preferenza lill-interpretazzjoni li tippermetti lill-att Komunitarju jilħaq l-iskopijiet tiegħu (21). F’din il-perspettiva, ma jidhirx li hemm dubju li l-interpretazzjoni “wiesgħa” tidher iktar addatta biex tiggarantixxi l-applikazzjoni tar-regola.
iii) Proporzjonalità
47. Huwa magħruf li l-Qorti tal-Ġustizzja sistematikament irrikonoxxiet, fost il-prinċipji fundamentali, l-eżistenza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan il-prinċipju ntuża sabiex tiġi ddikjarata l-illeġittimità ta’ sanzjonijiet li kienu kkunsidrati iebsa wisq (u għalhekk “sproporzjonati”) fir-rigward tal-aġir li ssanzjonat (22). Barra minn hekk, fuq il-bażi tal-istess prinċipju ġie affermat li, b’mod ġenerali, fil-każ li jkun hemm possibbiltà ta’ numru ta’ sanzjonijiet li jistgħu jiġi applikati f’sitwazzjoni speċifika, għandha tintuża l-miżura li hija l-inqas restrittiva fost dawk li jippermettu li jintlaħaq l-għan imfittex (23).
48. Jekk ir-raġunament ibbażat fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità jiġi estiż għall-interpretazzjoni tal-atti Komunitarji wkoll, wieħed jista’ jistaqsi jekk, fil-każ fejn huma possibbli żewġ interpretazzjonijiet ta’ regola li tinvolvi effetti negattivi għall-individwu, huwiex meħtieġ li tintgħażel dik l-interpretazzjoni li timponi l-inqas effett oneruż. Bħala prinċipju, dan jidhirli raġonevoli, u f’dan il-każ jimmilita favur interpretazzjoni iktar “wiesgħa”.
49. Naturalment, dan japplika bil-kundizzjoni li ż-żewġ interpretazzjonijiet possibbli jkunu xierqa sabiex jilħqu l-għan li r-regola li qed tiġi interpretata trid tilħaq. L-għan tar-regola li għandha tiġi interpretata huwa preċiżament dak li ser nagħmel xi kunsiderazzjonijiet dwaru fil-punti li ġejjin.
iv) Ir-ratio tar-regola
50. Liema hu l-għan li r-regola li għandha tiġi interpretata, f’dan il-każ il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali jrid jikseb? Il-mistoqsija hija evidentement essenzjali għall-finijiet tal-interpretazzjoni.
51. Jidhirli diffiċli niċħad li l-għan tal-estinzjoni tad-dejn prevista fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali huwa dak li tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ dazju fil-każ fejn il-merkanzija, minkejja li tkun ġiet introdotta illegalment fit-territorju Komunitarju, ma kellhiex mod biex titqiegħed fis-suq, u għaldaqstant, ma kkostitwixxietx “theddida” f’termini ta’ kompetizzjoni, għall-merkanzija Komunitarja (24).
52. Huwa evidenti li interpretazzjoni teleoloġika stretta tar-regola, ibbażata fuq dak li għadu kif ġie indikat, tista’ twassal għall-affermazzjoni li d-dejn doganali jiġi estint fil-każijiet kollha fejn il-merkanzija mdaħħla bil-kuntrabandu tinqabad qabel ma titqiegħed fis-suq, indipendentement mill-post u mill-mument li fih dan iseħħ. Il-Gvern Finlandiż esprima ruħu f’dan is-sens, kif fakkart iktar ’il fuq.
53. Madankollu, insostni li din l-interpretazzjoni partikolarment “wiesgħa” tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali mhijiex ammissibbli, għas-sempliċi raġuni li hija ġġebbed b’mod evidenti wisq it-tifsira tad-dispożizzjoni.
54. Fil-fatt, jekk tiġi adottata din l-interpretazzjoni, id-dejn doganali fir-rigward tal-merkanzija introdotta bil-kuntrabandu għandu jiġi estint anki fil-każ fejn il-merkanzija introdotta bil-kuntrabandu, pereżempju, tinqbad xi ftit xhur wara l-introduzzjoni tagħha illegalment, wara li tkun baqgħet moħbija f’post “sigur” sakemm titqiegħed fis-suq. Huwa ċar li ipoteżi bħal din ma tista’ bl-ebda mod tkun kompatibbli mad-dispożizzjoni li qed tiġi diskussa hawn, u li tistipula li d-dejn jiġi estint għall-merkanzija li tinqabad “ma’ l-introduzzjoni kontra l-liġi”. Fi kliem ieħor, huwa ċar li r-regola titlob ċerta kontinwità temporali bejn il-qsim tal-fruntiera mill-merkanzija introdotta bil-kuntrabandu u l-qbid tagħha.
55. Minkejja li l-interpretazzjoni partikolarment “ġeneruża” tar-regola li ddeskrivejt fil-punt 52 ma tistax tintlaqa’, jibqa’ l-fatt li r-ratio tad-dispożizzjoni, anki jekk ma jippermettix li tinbidel kompletament it-tifsira letterali, jimponi li din tingħata portata li tkun kompatibbli kemm jista’ jkun mal-għanijiet tar-regola. Għalhekk, f’dan il-każ, il-kunsiderazzjoni tal-għanijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni timmilita favur interpretazzjoni li, filwaqt li tkun fidila għall-kontenut letterali, testendi, sakemm ma kienx hemm kummerċjalizzazjoni tal-prodotti mdaħħla bil-kuntrabandu, il-firxa ta’ sitwazzjonijiet fejn id-dejn doganali jiġi estint.
56. Huwa veru li l-interpretazzjoni iktar restrittiva tal-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali tagħmel enfasi ikbar fuq l-element ta’ sanzjoni/dissważjoni tar-regola, kif sostnew b’mod partikolari l-Gvern Daniż fin-nota tal-osservazzjonijiet tiegħu u l-Kummissjoni waqt is-seduta. F’dan ir-rigward, però nosserva dan li ġej.
57. Ir-raġuni għall-estinzjoni tad-dejn doganali għall-merkanzija introdotta bil-kuntrabandu maqbuda hija, bħalma rajna, li l-merkanzija stess ma tibqax kapaċi tirrappreżenta theddida, f’termini ta’ kompetizzjoni għall-merkanzija tal-Komunità. Fil-każ fejn dawn il-prodotti suċċessivament jiġu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera, id-dazji relattivi għandhom jitħallsu skont l-Artikolu 867a tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.
58. Ir-raġunament tal-Kummissjoni u tal-Gvern Daniż li sostnew li l-applikazzjoni ispirata minn spirtu “ta’ sanzjoni” tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali hija ġġustifikata mill-fatt li meta taqbeż il-fruntiera, il-merkanzija mdaħħla bil-kuntrabandu għandha iktar probabbiltà li tidħol fiċ-ċirkwit ekonomiku, u għalhekk li tirrappreżenta ħsara għall-prodotti u għat-Teżor, huwa inkonsistenti u huwa bbażat fuq żball fir-raġunament.
59. Minn naħa, fil-fatt, fil-każ li l-merkanzija mdaħħla bil-kuntrabandu tinqabad, ir-riskju ta’ ħsara ma jibqax jeżisti: il-prodotti mdaħħla bil-kuntrabandu mhux ser jikkompetu b’mod żleali ma’ dawk Komunitarji, u jekk jidħlu fiċ-ċirkwit ekonomiku, se jagħmlu dan wara l-ħlas tad-dazju. Min-naħa l-oħra, jekk il-prodotti stess ma jinqabdux, huma se jitpoġġew xorta waħda fis-suq u mhux se jitħallas dazju, indipendentement mill-interpretazzjoni iktar jew inqas restrittiva tal-Artikolu 233.
60. Lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat li l-effett ta’ sanzjoni jopera, fil-verità, bħala disinċentiv fir-rigward tal-kuntrabandisti aspiranti. B’mod partikolari kieku l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li l-pagament tad-dazji fuq il-merkanzija mdaħħla bil-kuntrabandu u maqbuda jirrappreżenta sanzjoni, ma kienx jipprovdi, fl-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali, ipoteżi li fiha anki lill-kuntrabandisti tiġi rikonoxxuta l-estinzjoni tad-dazji. Kieku l-leġiżlatur Komunitarju ried jagħti lir-regola poter dissważiv effettiv, ma kienx jipprovdi għall-każijiet ta’ estinzjoni, u minflok kien jikkundanna lill-kuntrabandist, dejjem u f’kull każ, għall-ħlas tad-dazji fuq il-merkanzija li tkun ġiet maqbuda. Min-naħa l-oħra, jekk tiġi adottata interpretazzjoni restrittiva, din is-“sanzjoni” tolqot biss lill-kuntrabandist li jinqabad f’fażi relattivament avvanzata tal-attività illegali tiegħu, filwaqt li l-kuntrabandist li jinqabad f’fażi inizjali jinħafirlu l-pagament tad-dazju.
61. Minflok, inqis li l-aspetti iktar strettament “sanzjonatorji” marbuta mal-attività ta’ kuntrabandu jikkostitwixxu s-suġġett tar-regoli penali u/jew amministrattivi li jolqtu dan l-aġir. Kunsiderazzjonijiet bħal dawn minflok għandhom jiġu kkunsidrati bħala estranji għar-raġunament relattiv għall-impożizzjoni jew le tad-dazji doganali, li huwa l-uniku suġġett tal-kawża preżenti.
62. Dan huwa kkonfermat mill-aħħar paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali, li, proprju bil-għan li jissalvagwardja l-possibbiltà li jiġu imposti sanzjonijiet kriminali anke fil-każ ta’ estinzjoni tad-dejn doganali, jippreċiża li, għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni kriminali, għandu jiġi kkunsidrat li l-qbid jew il-konfiska tal-merkanzija introdotta bil-kuntrabandu ma pproduċewx l-estinzjoni tad-dejn doganali.
63. L-analiżi li għadni kif għamilt hija espliċitament ikkonfermata f’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, għalkemm formalment tirreferi għal qafas leġiżlattiv ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Doganali attwali, jidhirli li din għadha valida: b’mod partikolari, f’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja affermat li “r-raġunijiet għall-estinzjoni għandhom ikunu bbażati fuq il-konstatazzjoni li l-merkanzija effettivament ma ntużatx għall-għan ekonomiku li jiġġustifika l-applikazzjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni” (25).
v) L-evoluzzjoni storika tal-leġiżlazzjoni u tal-interpretazzjoni tagħha
64. Ir-regoli dwar l-estinzjoni tad-dejn doganali wara qbid u konfiska ta’ merkanzija mdaħħla bil-kuntrabandu inklużi fil-punt d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali jikkostitwixxu verżjoni iktar ħarxa tas-sistema prevista, f’dan ir-rigward, sad-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Doganali nnifsu, mir-Regolament Nru 2144/87(26). Fil-fatt, dan ir-regolament kien jipprevedi, fl-Artikolu 8(1)(b) għall-estinzjoni tad-dejn doganali fil-każijiet kollha ta’ konfiska tal-merkanzija.
65. Min-naħa tiegħu, ir-Regolament Nru 450/2008 (27), li fih il-Kodiċi Doganali l-ġdid li dalwaqt jidħol fis-seħħ, jerġa’ jipproponi fl-Artikolu 86, l-approċċ “artab” diġà inkluż fir-Regolament Nru 2144/87, u jistabbilixxi, b’mod partikolari li d-dejn doganali jispiċċa “fejn il-merkanzija soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tiġi konfiskata” (paragrafu 1(d)), “fejn il-merkanzija soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tiġi simultanjament jew sussegwentement konfiskata” (paragrafu 1(e)), kif ukoll “fejn il-merkanzija soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni u fuq l-esportazzjoni tinqered taħt superviżjoni tad-dwana jew abbandunata lill-Istat” (paragrafu 1(f)). Għalhekk, anki fil-Kodiċi Doganali l-ġdid, il-mument li fih iseħħ il-qbid u/jew il-konfiska huwa rrilevanti għall-finijiet tal-estinzjoni tad-dejn doganali.
66. Issa, peress li l-Kodiċi Doganali li huwa fis-seħħ attwalment, fir-rigward tal-estinzjoni tad-dejn doganali għal merkanzija mdaħħla bil-kuntrabandu, jippreżenta ruħu bħala leġiżlazzjoni partikolarment iebsa, inkluża, mill-aspett kronoloġiku, bejn żewġ leġiżlazzjonijiet ħafna inqas riġidi, jidhirli li l-interpretazzjoni tal-punt (d) tal-ewwel paragrafu Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali b’mod restrittiv ħafna twassal, b’kull probabbiltà, għall-isfurzar tal-loġika interna tal-ordinament Komunitarju u tar-rieda preżumibbli tal-leġiżlatur (28).
vi) Il problema tal-qbid fuq il-“fruntiera ħadra”
67. L-interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 233 issir partikolarment problematika fil-każ fejn il-merkanzija mdaħħla bil-kuntrabandu tidħol fil-Komunità tul il-“fruntiera ħadra”. Fil-fatt, f’dan il-każ, jista’ jkun hemm żewġ interpretazzjonijiet.
68. Skont l-ewwel interpretazzjoni, li l-Kummissjoni stess sostniet fil-punt 26 tan-nota tal-osservazzjonijiet tagħha, fil-każ tal-kuntrabandu fuq il-parti tal-fruntieri li mhijiex mgħassa, l-introduzzjoni illegali ssir diġà kif tinqabeż fiżikament il-linja tal-fruntiera. Huwa ċar li jekk wieħed jadotta din l-interpretazzjoni, l-estinzjoni tad-dejn doganali msemmija fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali prattikament qatt ma sseħħ, minħabba li jkun kważi impossibbli li l-qbid tal-merkanzija jsir eżattament fuq il-linja tal-fruntiera. Linja, mid-definizzjoni tagħha stess, hija entità ġeometrika li ma fiha ebda wisa’.
69. Skont interpretazzjoni differenti li l-Kummissjoni sostniet waqt is-seduta, fil-każ ta’ introduzzjoni tal-merkanzija tul il-fruntiera ħadra, l-introduzzjoni illegali skont l-Artikolu 233 isseħħ fil-mument li fih il-persuna li qed iġġorr il-merkanzija, tieħu direzzjoni differenti minn dik li għandha tieħu sabiex tilħaq l-iktar post viċin tad-dwana, u b’dan il-mod turi l-intenzjoni tagħha li tintroduċi l-merkanzija bil-kuntrabandu (29).
70. Nosserva li din it-tieni “varjanti” tal-interpretazzjoni restrittiva tidher ċertament iktar konvinċenti mill-ewwel waħda: għall-inqas, fil-fatt, hija ma tirrendix il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 prattikament inapplikabbli. Madankollu, hija tħalli xi problemi irriżolti, minħabba li huwa ċar li, fil-prattika, mhux dejjem ikun possibbli li wieħed jiddetermina d-direzzjoni meħuda mill-importatur wara li jaqbeż il-fruntiera, u dan b’mod partikolari f’żoni forestali jew f’kull każ li għandhom aċċess diffiċli, bħal dawk fejn tipikament tgħaddi l-linja tal-“fruntiera ħadra”.
71. Għaldaqstant, anki f’dan ir-rigward, nikkunsidra preferibbli l-interpretazzjoni mhux restrittiva.
d) Il-limiti tal-interpretazzjoni proposta
72. Minkejja li jidhirli li, mingħajr dubju, l-interpretazzjoni li nipproponi hija dik li għandha tiġi preferuta, jibqa’ l-fatt li din xorta waħda fiha xi problemi.
73. Qabel kollox, kif diġà spjegat qabel, sabiex il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali jkun jista’ jingħata interpretazzjoni mhux restrittiva, jeħtieġ li jiġi aċċettat li l-kunċett ta’ “introduzzjoni” inkluż fl-Artikolu 233 huwa differenti mill-kunċett ta’ “introduzzjoni” li jinsab f’partijiet oħra tal-Kodiċi Doganali. Huwa ċar li, idealment, ikun preferibbli li kieku diskrepanza bħal din fit-tifsiriet tkun tista’ tiġi evitata. Min-naħa l-oħra, naħseb li wrejt li l-għoti, lit-terminu “introduzzjoni” fl-Artikolu 233, ta’ tifsira “istantanja” u limitata fiż-żmien, tifsira li l-kelma nfisha indubbjament għandha f’partijiet oħra tal-Kodiċi Doganali, jispiċċa sabiex joħloq iktar problemi minn dawk li jsolvi.
74. Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni mhux restrittiva tinvolvi element ta’ inċertezza rigward il-post tal-ewwel destinazzjoni tal-merkanzija mdaħħla bil-kuntrabandu. Huwa evidenti li l-kunċett tal-“ewwel destinazzjoni” huwa wieħed pjuttost indeterminat, li ma jistax jiġi ddefinit b’mod iktar preċiż u li għandu jiġi speċifikat fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni każ b’każ, kif l-istess Gvern Awstrijak irrikonoxxa waqt is-seduta. Barra minn hekk, huwa possibbli wkoll li, fil-prattika, jistgħu jseħħu każijiet ta’ qbid ta’ merkanzija fejn ma jkun ċar xejn jekk il-merkanzija nfisha waslitx jew le fl-ewwel destinazzjoni tagħha ġewwa t-territorju doganali Komunitarju. F’dawn il-każijiet jista’ jkun neċessarju li wieħed jipproċedi b’investigazzjonijiet approfonditi: min-naħa l-oħra, indaġnijiet ta’ dan it-tip huma komuni ħafna, pereżempju, fil-kuntest tal-liġi kriminali, u ma għandux jintesa li bħala regola l-attività ta’ kuntrabandu, ġaladarba hija sanzjonata kriminalment, tinvolvi xorta waħda l-bżonn li l-awtoritajiet lokali jwettqu investigazzjonijiet għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali. Fil-każ ta’ qbid ta’ merkanzija “waqt it-trasport”, jista’ jiġi argumentat ukoll li jista’ jiġi preżunt li fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, l-ewwel post ta’ destinazzjoni għadu ma ntlaħaqx.
75. Mill-bqija, ma jistax jiġi injorat li anki interpretazzjoni restrittiva għandha elementi li bl-istess mod huma vagi. Dan japplika, b’mod partikolari għall-każ ta’ qbid relattiv għal merkanzija mdaħħla bil-kuntrabandu tul il-“fruntiera ħadra”, kif rajna preċedentement (30).
76. Fit-tielet lok, għalkemm l-interpretazzjoni proposta tillimitah, ma teliminax ir-riskju tal-possibbiltà ta’ pagament doppju ta’ dazju fuq l-istess merkanzija (31). Din is-sitwazzjoni ta’ pagament doppju, fil-fatt tista’ tiġri fil-każ ta’ merkanzija maqbuda wara li tkun laħqet l-ewwel post ta’ destinazzjoni tagħha (b’hekk ma jkunx hemm estinzjoni tad-dejn doganali”), u din imbagħad tinbiegħ mill-awtoritajiet pubbliċi, bil-konsegwenza li d-dazju jitħallas (għat-tieni darba) mix-xerrej, skont l-Artikolu 867a tar-Regolament Nru 2454/93.
77. Diġà rrilevajt kif l-uniku mod biex jiġi evitat għalkollox ir-riskju ta’ pagament doppju tad-dazju huwa dak li dejn doganali jiġi kkunsidrat estint fil-każijiet kollha fejn il-merkanzija introdotta bil-kuntrabandu tiġi maqbuda u konfiskata qabel ma titqiegħed fis-suq. Min-naħa l-oħra, diġà wrejt ukoll kif din is-soluzzjoni preżenti fir-Regolament Nru 2144/87 u issa riproposta mir-Regolament Nru 450/2008, tidher insostenibbli fid-dawl tal-kontenut letterali tal-Kodiċi Doganali (32).
e) Konklużjoni dwar l-ewwel domanda
78. Naħseb li l-limiti u l-problemi li indikajt mhumiex, globalment, tali li jostakolaw serjament l-interpretazzjoni li spjegajt iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, l-interpretazzjonijiet alternattivi fihom diffikultajiet iktar sinjifikattivi.
79. Bħala konsegwenza ta’ dan, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi d-domanda magħmula lilha mill-Unabhängiger Finanzsenat billi tiddikjara li l-espressjoni “ma’ l-introduzzjoni kontra l-liġi” inkluża fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali, għandha tiġi interpretata bħala li tirreferi għall-perijodu ta’ żmien li jgħaddi mill-qsim tal-fruntiera sal-mument li fih il-merkanzija introdotta illegalment tkun laħqet l-ewwel destinazzjoni tagħha ġewwa t-territoriju Komunitarju.
B – It-tieni domanda
80. Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, jekk jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza l-fatt li l-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi għall-estinzjoni tad-dejn doganali biss bħala konsegwenza ta’ qbid ta’ merkanzija importata illegalment skont l-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali stess, filwaqt li ma hemm previst xejn simili fil-każ ta’ merkanzija maqbuda wara li tkun tneħħiet mis-sorveljanza doganali skont l-Artikolu 203.
81. Mill-ewwel jidher ċar li t-tieni domanda preliminari tqajjem problemi li ma jistgħux jiġu injorati taħt il-profil tar-rilevanza tagħha għall-finijiet tad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali.
1. Fuq il-ħtieġa li tingħata risposta lid-domanda
82. Kemm il-Kummissjoni, kif ukoll il-Gvern Awstrijak, minkejja li f’termini ftit differenti, isostnu li d-domanda hija evidentement estranja għas-suġġett tal-kawża prinċipali (33).
83. Jidhirli li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Gvern Awstrijak huma korretti. Il-pożizzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, fil-fatt hija indiskutibbilment irregolata mill-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali, li jittratta l-introduzzjoni illegali ta’ merkanzija mill-fruntiera. Bil-kontra, il-każ previst mill-Artikolu 203, li l-merkanzija titneħħa mis-sorveljanza doganali, huwa għalkollox estranju għall-fatti tal-kawża.
84. Huwa ċar li, konkretament, kieku s-sitwazzjoni prevista mill-Artikolu 203 kienet regolata b’mod iktar favorevoli meta mqabbla ma’ dik tal-Artikolu 202, setgħet titqajjem il-problema tal-invalidità tad-dispożizzjonijiet iktar sfavorevoli fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza. Madankollu, fil-każ preżenti, ir-regoli applikabbli għall-kawża prinċipali huma dawk stipulati fl-Artikolu 202: fi kliem ieħor, iktar favorevoli.
85. Issa, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja hija ġustament dejjem kawta quddiem il-possibbiltà li ma tagħtix risposta għal domanda preliminari, skont ġurisprudenza stabbilita, hija tista’ tiddeċiedi li ma tagħtix risposta għal domanda preliminari meta jkun evidenti li din l-evalwazzjoni mitluba mill-qorti de quo ma għandha l-ebda rilevanza għall-kawża prinċipali (34). Issa, jidhirli ċar li, fil-każ preżenti, id-domanda hija kjarament ipotetika, u mhijiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Għaldaqstant, naħseb li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiddeċiedi dwar it-tieni domanda.
86. Fil-każ fejn, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li teżamina l-mertu tad-domanda, issa ser nagħmel xi kunsiderazzjonijiet qosra dwar il-punt.
2. B’mod sussidjarju, fuq il-mertu tad-domanda
87. F’dan ir-rigward, il-Gvern Daniż u l-Gvern Finlandiż isostnu li s-sitwazzjonijiet irregolati mill-Artikoli 202 u 203 tal-Kodiċi Doganali huma oġġettivament differenti, u għalhekk trattament differenti tagħhom ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza (35).
88. Bil-kontra, il-Gvern Awstrijak, jidher li jsostni li fil-fatt, l-Artikolu 233 joħloq diskriminazzjoni inġustifikata bejn is-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 202 u dik imsemmija fl-Artikolu 203: b’mod konkret, din is-sitwazzjoni diskriminatorja tista’ tingħeleb billi l-estinzjoni tad-dejn doganali, b’mod simili, tiġi rikonoxxuta anke fil-każ ta’ qbid ta’ merkanzija li titneħħa mis-sorveljanza doganali skont l-Artikolu 203. Min-naħa l-oħra, id-domanda tibqa’ għalkollox irrilevanti, minħabba li s-sitwazzjoni li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali hija dik regolata mill-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali (36). Il-Gvern Awstrijak josserva wkoll li, din il-problema mhijiex ser tqum iktar fil-Kodiċi Doganali l-ġdid minħabba li l-estinzjoni tad-dejn doganali hija prevista, għall-każ ta’ qbid u konfiska, indipendentement mill-mument u s-sitwazzjoni li fih il-qbid u/jew il-konfiska jseħħu (37).
89. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni, b’raġunament simili għal dak żviluppat, b’mod iktar ġenerali, mill-Gvern Pollakk (38), tagħmel referenza għall-Artikolu 867a tar-Regolament ta’ Implementazzjoni u ssostni li, peress li din l-aħħar dispożizzjoni tkopri mingħajr distinzjoni l-merkanzija introdotta bil-kuntrabandu msemmija fl-Artikolu 202 u dik li tkun tneħħiet mis-sorveljanza doganali msemmija fl-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali, mhuwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li l-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 huwa diskriminatorju.
90. Nikkunsidra li huwa indispensabbli, sabiex tkun tista’ tingħata deċiżjoni fuq il-mertu tad-domanda, li tiġi evidenzjata d-differenza notevoli li fil-fatt teżisti bejn il-każijiet irregolati rispettivament mill-Artikoli 202 u 203 tal-Kodiċi Doganali.
91. B’mod partikolari, filwaqt li l-Artikolu 202 jirrigwarda sitwazzjonijiet “klassiċi” ta’ kuntrabandu ta’ merkanzija ġewwa t-territorju doganali Komunitarju, l-Artikolu 203 isemmi s-sitwazzjonijiet kollha fejn wieħed ikun fil-preżenza ta’ azzjoni jew ommissjoni li għandha r-riżultat li twaqqaf, anki biss għal mument, lill-awtorità doganali kompetenti milli taċċedi għall-merkanzija taħt is-sorveljanza doganali u tagħmel il-kontrolli previsti mill-Kodiċi Doganali (39).
92. Fi kliem ieħor, fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali, ladarba l-merkanzija titneħħa mis-sorveljanza doganali, għandha probabbiltà Ikbar, bħala prinċipju, li tidħol fiċ-ċirkwit ekonomiku, minħabba li tkun diġà tinsab fit-territorju doganali. Fl-istess ħin, però, l-eżistenza ta’ din il-merkanzija hija magħrufa mal-awtoritajiet doganali. Diġà din l-informazzjoni tista’ tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika t-trattament differenti taż-żewġ sitwazzjonijiet.
93. Għandu jiġi osservat ukoll li l-merkanzija li titneħħa mis-sorveljanza doganali msemmija fl-Artikolu 203 hija, minnha nfisha, merkanzija li l-introduzzjoni tagħha fit-territorju doganali diġà ġiet innotifikata preċedentement. Bħala konsegwenza ta’ dan, kif enfasizza b’mod korrett il-Gvern Daniż (40), l-eventwalità ta’ qbid/konfiska (u għalhekk l-applikabbiltà potenzjali tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali) hija b’mod konkret, inqas rilevanti għall-merkanzija li taqa’ taħt l-Artikolu 203 milli għall-merkanzija introdotta illegalment skont l-Artikolu 202.
94. Huwa veru li anki f’dan ir-rigward, dispożizzjoni bħal dik inkluża fil-Kodiċi Doganali l-ġdid, li għandu jidħol fis-seħħ dalwaqt, li tipprevedi b’mod ġenerali għall-estinzjoni tad-dejn doganali għall-merkanzija kkonfiskata kollha, hija x’aktarx iktar loġika u “ekwa”. Min-naħa l-oħra, naħseb, li fid-dawl tal-kontenut ċar tal-kliem tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali fis-seħħ bħalissa, li ma jipprovdix għall-estinzjoni fir-rigward tal-merkanzija kkonfiskata li taqa’ taħt l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali nnifsu, id-differenzi oġġettivi bejn is-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 202 u l-Artikolu 203 huma biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat iġġustifikat (anke jekk, forsi mhux “ottimali”) it-trattament differenti taż-żewġ sitwazzjonijiet ipprovduti mil-leġiżlatur Komunitarju.
IV – Konklużjonijiet
95. Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijet magħmula iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi d-domandi magħmula lilha mill-Unabhängiger Finanzsenat billi tiddikjara li l-espressjoni “ma’ l-introduzzjoni kontra l-liġi” inkluża fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali għandha tiġi interpretata bħala li tirreferi għall-perijodu ta’ żmien li jgħaddi mill-qsim tal-fruntieri sal-mument li fih il-merkanzija mdaħħla illegalment tkun laħqet l-ewwel destinazzjoni tagħha ġewwa t-territorju Komunitarju.
1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.
2 – K. Höfinger, R. Rüsken, Wann erlischt die Zollschuld infolge Beschlagnahme und Einziehung von Schmuggelware?, f’Zeitschrift für Zölle und Verbrauchsteuern, Nru. 8/2007, p. 197.
3 – Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).
4 – Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3665/93 tal-21 ta’ Diċembru 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 5, p. 114), iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implementazzjoni”.
5 – Osservazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak, punt 10.
6 – Ibidem, punt 15.
7 – Osservazzjonijiet tal-Gvern Finlandiż, punti 13-14.
8 – Ibidem, punti 16-17.
9 – Osservazzjonijiet tal-Gvern Daniż, punt 16.
10 – Ibidem, punt 20.
11 – Ibidwm, punt 26.
12 – Osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, punti 15-23.
13 – Ibidem, punt 36.
14 – Osservazzjonijiet tal-Gvern Pollakk, punti 18-26.
15 – Ibidem, punt 23.
16 – Kif inhuwa magħruf, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat b’mod kostanti n-neċessità, fil-każ ta’ dubji fl-interpretazzjoni, li jiġu pparagunati l-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-atti Komunitarji bħala strument ermenewtiku. Ara pereżempju, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 1967, van der Vecht (19/67, Ġabra p. 445, b’mod partikolari p. 454); tat-12 ta’ Lulju 1979, Koschniske vs Raad van Arbeid (9/79, Ġabra p. 2717, punt 6), u tat-2 ta’ April 1998, The Queen vs Commissioners of Customs and Excise, ex parte EMU Tabac et (C‑296/95, Ġabra p. I‑1605, punt 36). B’referenza speċifika għall-Kodiċi Doganali, ara s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1999, Söhl & Söhlke (C‑48/98, Ġabra p. I‑7877, punt 46).
17 – Ara, pereżempju, il-verżjoni Franċiża (“lors de l’introduction irrégulière”), dik Ingliża (“upon their unlawful introduction”), dik Ġermaniża (“bei dem vorschriftswidrigen Verbringen”), dik Olandiża (“bij het onregelmatig binnenbrengen”).
18 – Ara iktar ’il quddiem, il-punti 76‑77.
19 – Ara dwar dan il-punt, iktar ’il quddiem, il-punti 67 et seq.
20 – Osservazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak, punt 15.
21 – Il-kunċett u l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-effett utli jikkostitwixxu suġġett li l-portata tiegħu taqbeż il-kuntest tal-konklużjonijiet preżenti, minħabba li huwa prinċipju li kkaratterizza l-interpretazzjoni tat-dritt Komunitarju mill-Qorti tal-Ġustizzja sa mill-bidu. Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1970, Grad vs Finanzamt Traunstein (9/70, Ġabra p. 825, punt 5); tal-21 ta’ Ottubru 1970, Haselhorst vs Finanzamt Düsseldorf (23/70, Ġabra p. 881, punt 5); tat-22 ta’ Settembru 1988, Land de Sarre et (187/87, Ġabra p. 5013, punt 19), u tal-14 ta’ Ottubru 1999, Adidas (C‑223/98, Ġabra p. I‑7081, punt 24).
22 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-20 ta’ Frar 1979, Buitoni (122/78 (Ġabra p. 677, punt 16). Dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità bħala rekwiżit għas-sanzjonijiet fil-qasam doganali, ara, b’mod ġenerali, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1992, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑210/91, Ġabra p. I‑6735, punti 19, 20).
23 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder vs Hauptzollamt Gronau (265/87, Ġabra p. 2237, punt 21), u tal-5 ta’ Mejju 1998, National Farmers’ Union et (C‑157/96, Ġabra p. I‑2211, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).
24 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano ppreżentati fit-12 ta’ Ġunju 2003 fil-Kawża C-337/01, li tat lok għas-sentenza tat-12 ta’ Frar 2004, Hamann International (Ġabra p. I‑1791, punt 50).
25 – Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1983, Magazzini generali (186/82 u 187/82, Ġabra p. 2951, punt 14).
26 – Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2144/87 tat-13 ta’ Lulju 1987 dwar id-dejn doganali (ĠU L 201, p. 15).
27 – Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU L 145, p. 1).
28 – Barra minn hekk, nosserva li anke fil-Ġermanja, l-interpretazzjoni restrittiva mhijiex segwita b’mod unanimu. Hija l-prodott ta’ pożizzjoni interpretattiva reċenti ħafna, għalkemm awtorevoli ħafna. Din l-interpretazzjoni kienet ukoll suġġett ta’ kritika kbira, fuq il-bażi ta’ argumenti parzjalment simili għal dawk li huma esposti fil-konklużjonijiet preżenti. Ara, pereżempju, P. Witte, Zollkodex – Kommentar (ir-raba’ edizzjoni, München, Beck, 2006), dwar l-Artikolu 233.
29 – Barra minn hekk, nirrileva li b’din il-pożizzjoni, il-Kummissjoni sostanzjalment tikkontradiċi l-affermazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-karattru neċessarjament “istantanju” tal-introduzzjoni, li jirriżulta mill-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 233. Ara, iktar ’il fuq, il-punti 32 et seq.
30 – Ara, iktar ‘il fuq, il-punti 67 et seq.
31 – Huwa ovvju li, jekk wieħed isegwi l-interpretazzjoni restrittiva, dan ir-riskju huwa ikbar, minħabba li f’dan il-każ qed jiġu limitati għall-minimu l-possibbiltajiet ta’ estinzjoni tad-dejn doganali.
32 – Ara, iktar ’il fuq, il-punti 53, 54.
33 – Osservazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak, punt 22, u tal-Kummissjoni, punt 44.
34 – Ara f’dan ir-rigward, pereżempju, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke vs ADV ORGA (C‑83/91, Ġabra p. I‑4871, punti 26 et seq), u tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, Ġabra p. I‑289, punt 75).
35 – Osservazzjonijiet tal-Gvern Finlandiż, punt 22, u osservazzjonijiet tal-Gvern Daniż, punt 34.
36 – Osservazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak, punt 22.
37 – Ibidem, punt 24. Dwar dan l-aspett ara, iktar ‘il fuq, il-punt 65.
38 – L-argument tal-Kummissjoni fih ukoll xi aspetti pjuttost mhux ċari, u jagħmel riferiment għal dispożizzjoni kkaratterizzata minn xi differenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti. Fil-fatt, id-disa’ premessa ċċitata minnha, tar-Regolament Nru 3665/93 li daħħal l-Artikolu 867a fir-Regolament ta’ Implementazzjoni, tafferma fil-verżjoni Taljana li, sakemm il-merkanzija ma tkunx ġiet rilaxxata għal ċirkulazzjoni ħielsa “può sorgere nei confronti di esse un’obbligazione doganale”. L-istess idea tinsab fil-verżjoni Franċiża (“une dette douanière reste susceptible de naître à leur égard”), f’dik Ingliża (“a customs debt may still be incurred with regard to them”), f’dik Spanjola (“una deuda aduanera sigue siendo susceptible de nacer al respecto”) u f’dik Olandiża (“een douaneschuld ten aanzien daarvan zou kunnen ontstaan”). Madankollu, il-verżjoni Ġermaniża tafferma li, sal-mument ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni ħielsa tal-merkanzija “entsteht keine Zollschuld im Hinblick auf sie” (jiġifieri “ma jiġi inkors ebda dejn doganali fil-konfront tagħhom”). Il-verżjonijiet mhumiex inkompatibbli, iżda mingħajr dubju jenfasizzaw aspetti differenti.
39 – Ara s-sentenzi Hamann International (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 31), tal-1 ta’ Frar 2001, D. Wandel (C‑66/99, Ġabra p. I‑873, punt 47), u tal-11 ta’ Lulju 2002, Liberexim (C‑371/99, Ġabra p. I‑6227, punt‑55).
40 – Osservazzjonijiet tal-Gvern Daniż, punt 35.
Full & Egal Universal Law Academy