KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
TRSTENJAK
ippreżentati fit-18 ta’ Frar 2009 1(1)
Kawża C‑489/07
Pia Messner
vs
Firma Stefan Krüger
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgerichts Lahr [il-Ġermanja])
“Protezzjoni tal-konsumaturi rigward kuntratti li jsiru mill-bogħod –Direttiva 97/7/KE – Dritt ta’ rtirar skont l-Artikolu 6 – Premessa 14 – Kumpens għall-użu tal-oġġett fornut fil-każ li d-dritt ta’ rtirar jiġi eżerċitat fit-terminu xieraq – Kunċett ta’ ‘penali’ u ta’ ‘kont[spejjeż]’”
Werrej
I – Introduzzjoni
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
B – Id-dritt nazzjonali
III – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
V – L-argumenti prinċipali tal-partijiet
VI – Evalwazzjoni
A – Kunsiderazzjonijiet preliminari
B – Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar in-natura u l-funzjoni tal-kumpens għall-użu
C – Fuq il-passaġġi individwali meħtieġa mill-eżami tad-domanda preliminari
D – Il-kumpens jaqa’ taħt il-kunċett ta’ penali u għal din ir-raġuni għandu jiġi kkunsidrat bħala inkompatibbli mad-Direttiva 97/7?
E – Il-kumpens jaqa’ taħt il-kunċett ta’ spejjeż u għal din ir-raġuni għandu jiġi kkunsidrat bħala inkompatibbli mad-Direttiva 97/7?
1. Il-kunċett ta’ spejjeż fid-Direttiva 97/7 – Interpretazzjoni litterali u sistemikolitterali
2. Il-kunċett ta’ spejjeż fid-Direttiva 97/7 – Approċċ teleoloġiku u sistematiku
3. Analiżi iktar preċiża tat-tqassim tar-riskji li fuqu hija bbażata d-Direttiva 97/7 tikkorrabora l-interpretazzjoni pprovduta sa issa
4. In-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ informazzjoni u l-effetti ta’ dan
5. Il-possibbiltà li l-konsumaturi individwali jwettqu abbużi tista’ tiġġustifika l-adozzjoni ta’ liġi iktar iebsa għall-konsumaturi kollha?
6. Id-differenzi mill-ġurisprudenza fis-sentenzi Schulte u Crailsheimer Volksbank
7. Konklużjoni
F – Jekk jiġi kkunsidrat li l-kumpens ma jaqax taħt il-kunċetti ta’ penali u ta’ spejjeż skont id-Direttiva 97/7, liġi dwar il-kumpens taqa’ fil-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri?
VII – Konklużjoni
I – Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) u t-tieni sentenza tal-ewwel subparagafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (2).
2. Il-kontroversja fil-kawża prinċipali nħolqot minħabba t-tħassir ta’ kuntratt li sar mill-bogħod. Il-partijiet fil-kawża prinċipali qed jikkontestaw jekk il-konvenuta għandhiex id-dritt, fil-kuntest ta’ ħlas lura tal-prezz tal-bejgħ, li tnaqqas minn dan il-prezz kumpens għall-użu tal-oġġett mir-rikorrenti.
3. Il-kuntratti li jsiru mill-bogħod huma kkaratterizzati mill-fatt li l-bejjiegħ ma jinnegozjax f’ħanut. La waqt il-fażi ta’ tħejjija tal-kuntratt u lanqas meta jiġi konkluż il-kuntratt ma jkun hemm kuntatt personali bejn il-bejjiegħ – li f’dan il-kuntest ser jissejjaħ “fornitur” - u l-konsumatur, fis-sens ta’ preżenza fiżika fl-istess ħin (3). Il-kuntratt jiġi konkluż fil-kuntest ta’ sistema ta’ bejgħ jew ta’ għoti ta’ servizzi mill-bogħod organizzata mill-fornitur (4). Għal dan il-għan jintużaw esklussivament tekniki ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, li l-kunċett tagħhom huwa ddefinit b’mod wiesa’ fil-kuntest tad-Direttiva 97/7, kif jirriżulta mill-Anness I tagħha. Min-naħa l-waħda, taħt dan il-kunċett jaqgħu t-tekniki ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li ilhom magħrufa ż-żmien, bħal ittri, materjal stampat, katalogi u telefonati. Min-naħa l-oħra, taħt dan il-kunċett jaqgħu wkoll it-tekniki l-ġodda frott il-progress, li jagħmlu possibbli n-negozju u l-kummerċ permezz tal-Internet jew b’mezzi oħrajn, bħat-teletext, il-vidjofon, il-posta elettronika u t-telebejgħ. B’mod partikolari, fid-dawl tal-iżvilupp tat-teknoloġiji l-ġodda, għandhom jiġu adattati anki l-modalitajiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li jieħdu inkunsiderazzjoni, madankollu, l-interessi tal-fornituri. Fil-kuntest tal-eżami ta’ din il-kawża, għaldaqstant għandna nżommu quddiem għajnejna li huwa probabbli li fil-ġejjieni n-negozju u l-kummerċ permezz tal-Internet jew b’mezzi simili moderni oħrajn isiru iktar mifruxa milli huma diġà llum.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
4. Il-premessa 14 tad-Direttiva 97/7 tipprovdi kif ġej:
“Billi l-konsumatur ma jistax jara l-prodott jew jaċċerta ruħu min-natura tas-servizz ipprovdut qabel jikkonkludi l-kuntratt; billi għandha ssir dispożizzjoni kemm-il darba mhux speċifikat b’mod ieħor f’din id-Direttiva, għal dritt ta’ irtirar mill-kuntratt; billi, jekk dan id-dritt għandu jkun aktar minn formali, l-ispejjeż, jekk hemm, li jitħallsu mill-konsumatur meta jeserċita d-dritt ta’ rtirar għandhom ikunu limitati għall-ispejjeż diretti involuti sabiex jirritorna l-oġġetti; billi dan id-dritt ta’ rtirar għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-konsumatur skond il-liġijiet nazzjonali, b’rigward partikolari għar-riċevuta ta’ prodotti u servizzi bil-ħsara jew ta’ prodotti u servizzi li ma jaqblux mad-deskrizzjoni mogħtija fl-offerta ta’ dawn il-prodotti u servizzi; billi jitħalla għall-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-kondizzjonijiet u ftehim ieħor li jsegwu l-eserċizzju tad-dritt ta’ rtirar.”
5. L-Artikolu 5 tad-Direttiva 97/7 jistabbilixxi l-obbligi li l-fornituri għandhom iwettqu fil-qasam ta’ informazzjoni fir-relazzjoni tagħhom mal-konsumaturi.
6. L-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/7 jipprovdi dan li ġej:
“Dritt ta’ rtirar
1. Għal kull kuntratt li jsir mill-bogħod il-konsumatur għandu jkollu perijodu ta’ mill-inqas sebat ijiem tax-xogħol li fihom jista’ jirtira mill-kuntratt mingħajr penali u mingħajr ma jagħti ebda raġuni. L-unika kont li jista’ jingħata [spejjeż li jistgħu jingħataw] lill-konsumatur minħabba l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar tiegħu huwa l-ispiża diretta involuta sabiex l-oġġetti jiġu rritornati.
Il-perjodu għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu jibda:
- fil-każ ta’ oġġetti, mill-ġurnata li l-konsumatur jirċiviehom fejn l-obbligi stabbilit fl-Artikolu 5 ikunu ntlaħqu;
[…]
Jekk il-fornitur naqas li jonora l-obbligi imposti fl-Artikolu 5, il-perjodu għandu jkun ta’ tliet xhur.
Il-perjodu għandu jibda:
- fil-każ ta’ oġġetti, mill-jum li fih il-konsumatur jirċievihom;
[...]
Jekk l-informazzjoni li saret referenza għaliha fl-Artikolu 5 hija fornuta waqt dan il-perjodu ta’ tliet xhur, il-perjodu ta’ sebat ijiem tax-xogħol li sar referenza għalih fl-ewwel subparagrafu għandu jibda minn dak il-ħin.
2. Fejn id-dirtt ta’ rtirar ġie eserċitat mill-konsumatur skond dan l-Artikolu, il-fornitur għandu jkun obbligat li jirrimborża l-ammonti mħallsa mill-konsumatur mingħajr ħlas.
L-unika imposta li tista’ ssir lill-konsumatur minħabba l-eżerċizzju tad-dritt li għandu li jirtira huwa l-ispiża diretta involtua fir-ritorn ta’ l-oġġetti.
Dan ir-rimborż għandu jsir kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien 30 jum.
(3) […]”.
B – Id-dritt nazzjonali
7. It-traspożizzjoni tad-Direttiva 97/7 fid-dritt Ġermaniż saret speċjalment permezz tal-Artikoli 312 b et seq. tal-Bürgerliches Gesetzbuch (Kodiċi Ċivili Ġermaniż, iktar ‘il quddiem: il-“BGB”) (5) u tad-dispożizzjonijiet tal-Verordnung über Informations- und Nachweispflichten nach bürgerlichem Recht (regolament dwar l-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ prova tad-dritt ċivili, iktar ‘il quddiem: il-“BGB‑InfoV”) (6).
8. L-Artikolu 312 d tal-BGB, taħt it-titolu “Dritt ta’ rtirar u ta’ restituzzjoni fil-kuntratti li jsiru mill-bogħod”, jipprovdi dan li ġej:
“1. Fil-kuntratti li jsiru mill-bogħod, il-konsumatur għandu dritt ta’ rtirar skont l-Artikolu 355. Fil-każ ta’ kuntratti ta’ forniment ta’ oġġetti, il-konsumatur jista’ jingħata d-dritt ta’ restituzzjoni taħt l-Artikolu 356 minflok id-dritt ta’ rtirar.
2. B’deroga mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 355(2), it-terminu għall-irtirar m’għandhux jibda jiddekorri qabel ma jiġu sodisfatti l-obbligi ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 312 c(2); fil-każ ta’ forniment ta’ oġġetti, mhux qabel id-data li fiha jirċievihom id-destinatarju; fil-każ ta’ forniment perijodiku ta’ oġġetti tal-istess tip mhux qabel id-data li fiha d-destinatarju jirċievi l-ewwel forniment; u fil-każ ta’ servizzi, mhux qabel id-data li fiha jiġi konkluż il-kuntratt.”
9. L-Artikolu 355 tal-BGB, li huwa intitolat “Dritt ta’ rtirar fil-kuntratti tal-konsumaturi”, jipprovdi dan li ġej:
“1. Il-konsumatur, fil-każ li l-liġi tagħtih id-dritt ta’ rtirar, taħt din id-dispożizzjoni, ma jibqax iktar marbut mad-dikjarazzjoni tal-intenzjoni tiegħu li jikkonkludi l-kuntratt jekk ikun eżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu fit-terminu xieraq. L-irtirar mhux bilfors irid ikun sar għal xi raġuni u għandu jkun iddikjarat lill-imprenditur bil-miktub jew bir-ritorn tal-oġġett f’terminu ta’ ġimgħatejn; sabiex jiġi rrispettat it-terminu, għandu jiġi kkunsidrat anki l-jum li fih intbagħat l-oġġett.
2. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-mument li fih l-konsumatur jiġi informat bil-miktub bid-dritt ta’ rtirar tiegħu permezz ta’ komunikazzjoni ċara li tispeċifikalu d-drittijiet tiegħu skont ir-rekwiżiti tal-mezz ta’ komunikazzjoni li ntuża, u li jkun fiha wkoll l-isem u l-indirizz tal-persuna li lilu jrid jiddikjara l-irtirar kif ukoll il-bidu tat-terminu u r-regoli mniżżla fit-tieni sentenza tal-paragrafu 1. Jekk din l-informazzjoni tasal għand il-konsumatur wara li jiġi konkluż il-kuntratt, it-terminu jiġi estiż għalxahar, b’deroga mit-tieni sentenza tal-paragrafu 1. Fil-każ li l-kuntratt irid jiġi konkluż bil-miktub, it-terminu ma jibdiex jiddekorri qabel ma titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumaturanki dokument tal-kuntratt, l-ordni bil-miktub tal-konsumatur jew kopja tal-oriġinal tal-kuntratt jew tal-ordni. Jekk il-bidu tat-terminu jkun ikkontestat, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-imprenditur.
3. Id-dritt ta’ rtirar għandu jiġi estint l-iktar tard sitt xhur wara l-konklużjoni tal-kuntratt. Fil-każ ta’ forniment ta’ oġġetti, it-terminu ma għandux jibda jiddekorri qabel id-data li fiha d-destinatarju jirċievi l-oġġetti. B’deroga mill-ewwel sentenza, id-dritt ta’ rtirar ma jiġix estint jekk il-konsumatur ma jkunx ingħata informazzjoni xierqa dwar id-dritt ta’ rtirar tiegħu u, fejn il-kuntratti li jsiru mill-bogħod ikunu jikkonċernaw l-għoti ta’ servizzi finanzjarji, jekk l-imprenditur ma jkunx issodisfa b’mod xieraq l-obbligi ta’ komunikazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 312 c(2)(1).”
10. L-Artikolu 357 tal-BGB, taħt it-titolu “Effetti tal-irtirar u tar-restituzzjoni”, jipprovdi kif ġej:
“1. Sa fejn mhuwiex ipprovdut mod ieħor, ir-regoli dwar it-tħassir legali japplikaw b’analoġija għad-dritt ta’ rtirar u ta’ restituzzjoni. L-Artikolu 286(3) għandu japplika b’mod korrispondenti għall-obbligu ta’ rimbors ta’ ħlas skont din id-dispożizzjoni; it-terminu li ġie stabbilit hemmhekk jibda jiddekorri mad-dikjarazzjoni ta’ rtirar jew ta’ restituzzjoni tal-konsumatur. Għal dak li jikkonċerna obbligu ta’ rimbors tal-konsumatur, it-terminu għandu b’hekk jibda jiddekorri mill-mument li dan jibgħat id-dikjarazzjoni tiegħu u għal dak li jikkonċerna l-obbligu ta’ rimbors tal-bejjiegħ, dan jibda jiddekorri minn meta jirċievi din id-dikjarazzjoni.
[…]
3. B’deroga mill-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 346(2), il-konsumatur għandu jħallas kumpens għad-deterjorament tal-oġġett minħabba l-użu xieraq li għamel minnu, jekk ikun ġie informat bil-miktub, mhux iktar tard minn meta ġie konkluż il-kuntratt, b’din il-konsegwenza u bil-possibbiltà li jevitaha. Il-kumpens ma jkunx dovut jekk id-deterjorament ikun esklussivament ikkawżat mill-eżami tal-oġġett. Il-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 346(3) ma japplikax jekk il-konsumatur ikun ġie informat sew dwar id-dritt ta’ rtirar tiegħu jew ikun sar jaf bih b’xi mod ieħor.
4. Il-paragrafi preċedenti jistabbilixxu d-drittijiet tal-partijiet b’mod eżawrjenti.”
11. L-Artikolu 14(1) u (3) tal-BGB‑InfoV jistabbilixxi r-regoli ta’ forma li skonthom il-konsumatur għandu jiġi informat bid-dritt tiegħu ta’ rtirar u ta’ restituzzjoni, kif ukoll dwar l-użu ta’ mudell.
12. Rigward dan l-aħħar punt, fl-Anness 2 għall-Artikolu 14(1) u (3) tal-BGB‑InfoV, il-mudell għall-informazzjoni dwar l-irtirar huwa mfassal b’dan il-mod:
“Dritt ta’ rtirar
Il-klijent jista’ jirrevoka bil-miktub (pereżempju, b’ittra, b’faks jew b’email) id-dikjarazzjoni kuntrattwali tiegħu, mingħajr ma jispeċifika r-raġuni, fi żmien ġimgħatejn jew – jekk l-oġġett jiġi kkunsinnat qabel ma jiskadi t-terminu – billi jirritornah. It-terminu jibda jiddekorri minn meta dawn l-istruzzjonijiet jiġu riċevuti bil-miktub. Sabiex ikun rispettat it-terminu għall-irtirar ikun biżżejjed li d-dikjarazzjoni ta’ rtirar jew l-oġġett jintbagħtu fit-terminu xieraq […].
Effetti tal-irtirar
Fil-każ ta’ rtirar validu, iż-żewġ partijiet għandhom jirrestitwixxu s-servizzi li ngħataw, inkluż il-vantaġġi mill-użu tagħhom li seta’ kien hemm […] (pereżempju, l-imgħaxijiet). Jekk il-klijent ma jkunx jista’ jirrestitwixxi s-servizz kollu jew parti minnu, jew jista’ jirrestitwih biss fi stat deterjorat, jista’ jintalab, għal din ir-raġuni, li jħallas kumpens. Fil-każ ta’ kunsinna ta’ oġġetti, din ir-regola ma tiġix applikata jekk id-deterjorament tal-oġġett ikun ġie kkawżat esklussivament mill-eżami li jkun sar fl-istess kundizzjonijiet li kieku kien isir fil-ħanut.
Il-klijent jista’ wkoll jiġi eżentat mill-obbligu li jħallas il-kumpens għad-deterjorament tal-oġġett li jirriżulta minn użu xieraq tal-oġġett billi ma jużax l-oġġett bħallikieku kien tiegħu u joqgħod lura minn kull imġieba li tista’ tnaqqaslu l-valur.
L-oġġetti li jintbagħtu ppakkjati għandhom jiġu rritornati bi spejjeż tagħna u b’riskju għalina. L-oġġetti li ma jistgħux jiġu ppakkjati jinġabru mingħand il-klijent.”
III – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
13. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija konsumatur. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali hija impriża li topera fis-settur tal-bejgħ b’korrispondenza permezz tal-Internet.
14. Wara offerta magħmula fuq l-Internet mill-konvenuta, fit-2 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti xtrat mingħandha laptop użat bil-prezz ta’ EUR 278.00.
15. Meta nxtara dan il-laptop, il-konvenuta kienet qiegħdet fuq is-sit web tagħha l-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt tal-konvenuta, li kienu jistabbilixxu dan li ġej: “[...] Il-klijent ma jibqax marbut mal-kuntratt konkluż jekk jirritornalna, bi spejjeż tiegħu u b’riskju tiegħu, l-oġġett ikkunsinnat fi żmien 14-il jum minn meta jirċevih. Sabiex ikun irrispettat it-terminu jkun biżżejjed li f’dan it-terminu jintbagħatu l-oġġetti kif ukoll komunikazzjoni bil-miktub preċedenti indirizzata lilna. Mhux ser naċċettaw oġġetti rritornati mingħajr notifika minn qabel [...]. Fl-aħħar nett, nixtiequ niġbdu l-attenzjoni tal-klijent għall-fatt li huwa jkollu jħallas kumpens fil-każ ta’ deterjorament fl-oġġett li jkun ordna mingħandna, minħabba użu skont l-għan tiegħu; għaldaqstant, nagħtu parir li wieħed jaħsibha darbtejn qabel juża l-oġġett li jkun ordna mingħandna jekk ma jkunx ċert jekk iridx iżommu. Wieħed jifhem li oġġetti diġà użati jistgħu jinbiegħ ulil klijenti oħra biss bi prezz imnaqqas. Normalment, dan it-tnaqqis ikun ta’ 15 % tal-valur tal-oġġett. Ma hemm l-ebda obbligu li jitħallas kumpens fil-każ ta’ oġġett li ma ntużax, li jkun għadu fl-ippakkjar oriġinali tiegħu. Dan kollu huwa bla preġudizzju għad-dritt tal-klijent li jeżamina l-oġġett li jkun xtara mingħandna”.
16. F’Awwissu 2006 l-iskrin tal-kompjuter ġralu xi ħsara. Fl-4 ta’ Awwissu 2006, ir-rikorrenti informat lill-konvenuta b’dan id-difett. Din tal-aħħar irrifjutat li tipprovdi għat-tiswija tiegħu, bla ħlas.
17. Fis-7 ta’ Novembru 2006, ir-rikorrenti ddikjarat li kienet qed tirtira mill-kuntratt ta’ bejgħ u offriet lill-konvenuta li tirrestitwixxi l-laptop jekk tiġi rimborsata l-prezz tax-xiri.
18. Ir-rikorrenti qed titlob lill-konvenuta l-ħlas ta’ EUR 278.99, kif ukoll l-imgħaxijiet u l-ispejjeż ekstraġudizzjarji, u qed titlob ukoll li l-konvenuta tiġi ddikjarata bħala inadempjenti.
19. Il-konvenuta rrispondiet għat-talbiet tar-rikorrenti billi eċċepiet li, ikun xi jkun il-każ, din għandha tħallas kumpens għall-użu tal-laptop għal madwar tmien xhur. Skont il-prezzijiet medji tas-suq, l-ispiża tal-kiri ta’ laptop tal-istess tip tammonta għal EUR 118.80 għal tliet xhur, biex b’hekk għall-perijodu li matulu r-rikorrenti użat il-laptop huwa dovut kumpens ta’ EUR 316.80, li tista’ tipprekludi t-talba ta’ ħlas li għamlet ir-rikorrenti.
20. Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, l-irtirar tar-rikorrenti sar f’waqtu qabel ma skada t-terminu legali, peress li r-rikorrenti ma ngħatatx informazzjoni xierqa dwar l-irtirar.
21. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju qieset li, skont id-dritt nazzjonali, it-terminu għall-irtirar ma jibdiex jiddekorri sakemm il-konvenuta ma tkunx issodisfat l-obbligi ta’ informazzjoni. Fil-fehma tagħha, l-informazzjoni dwar l-irtirar u dwar l-effetti tal-irtirar mogħtija mill-konvenuta mhijiex konformi ma’ dak li jipprovdu l-Artikolu 312 c(2) tal-BGB kif ukoll l-Anness 2 għall-Artikolu 14(1) u (3) tal-BGB‑InfoV, u għaldaqstant mhijiex effettiva. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssemmi diversi aspetti tal-informazzjoni (7).
22. Hija tispjega li fir-rigward tat-tħassir tal-kuntratt kif fil- każ ta’ rtirar, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 312 d(1) flimkien mal-Artikoli 355, 357(1), 346(1) tal-BGB, jobbligaw lill-konsumatur li jrodd lura s-servizzi li huwa rċieva. L-Artikolu 346(1) tal-BGB jistabbilixxi li għandhom jiġu restitwiti anki l-vantaġġi li ttieħdu mis-servizz. Jekk din ir-restituzzjoni tkun eskluża minħabba n-natura ta’ dak li nkiseb, il-konsumatur, skont il-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 346(2) tal-BGB, għandu jħallas kumpens. L-Artikolu 100 tal-BGB jiddefinixxi l-vantaġġi bħala l-gwadann miksub minn xi ħaġa, kif ukoll il-benefiċċji li jinkisbu mill-użu tal-oġġett.
23. Il-qorti tar-rinviju tqis li sabiex tiddeċiedi dwar it-talba tar-rikorrenti għar-rimbors tas-somma mħallsa, jiġifieri EUR 278.00, l-ewwel għandha tingħata risposta għall- kwistjoni dwar jekk il-konvenuta, meta tirrestitwixxi l-prezz tal-bejgħ, ikollhiex id-dritt li tnaqqsu b’kumpens għall-vantaġġi li r-rikorrenti kisbet mill-oġġett ta’ konsum. F’dan il-kuntest, il-fatt li l-laptop kien difettuż minn Awissu 2006, huwa irrelevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni. Dan il-fatt huwa relevanti biss għall-finijiet tal-kalkolu tal-perijodu li matulu seta’ jintuża l-oġġett. Jeħtieġ li wieħed jibda mill-premessa li r-rikorrenti użat il-laptop esklussivament b’mod konformi mal-għan tiegħu (8).
24. Konsegwentement, Amtsgericht Lahr (tal-Ġermanja), b’deċiżjoni tal-5 ta’ Novembru 2007, għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
– “Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal]-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod, għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu liġi nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ li l-konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu fit-terminu xieraq, il-bejjiegħ jista’ jeżiġi kumpens għall-użu tal-oġġett ta’ konsum fornut?”
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
25. It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Novembru 2007.
26. Il-Gvernijiet tal-Belġju, tal-Ġermanja, ta’ Spanja, tal-Awstrija u tal-Portugall kif ukoll il-Kummissjoni ressqu osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu pprovdut fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.
27. Wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub, dehru fis-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2008 il-Gvernijiet tal-Ġermanja u ta’ Spanja kif ukoll il-Kummissjoni sabiex iressqu l-osservazzjonijiet orali tagħhom.
V – L-argumenti prinċipali tal-partijiet
28. L-opinjonijiet li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jinqasmu f’żewġ linji ta’ argument, għalkemm fi ħdan kull grupp nistgħu nosservaw iktar sfumaturi. Essenzjalment, il-Gvern tal-Ġermanja u l-Gvern tal-Awstrija, kif ukoll il-Kummissjoni huma favur risposta negattiva għad-domanda preliminari, filwaqt li l-Gvern tal-Belġju, ta’ Spanja u tal-Portugall qed jissuġġerixxu li tingħata risposta pożittiva.
29. Fil-firxa wiesgħa ta’ risposti mressqa nsibu rifless il-fatt li r-risposta għad-domanda preliminari hija suġġetta għal ċertu marġni konsiderevoli fl-interpretazzjoni (9).
30. Skont il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Awstrija, id-Direttiva 97/7 hija kompatibbli ma’ liġi nazzjonali dwar kumpens għall-benefiċċju effettivament miksub. Id-direttiva ma tgħid xejn fuq il-kwistjoni dwar jekk, u eventwalment kemm, il-konsumatur ikollu jħallas bħala kumpens għall-benefiċċju miksub. Kumpens għall-użu la jaqa’ taħt il-“kont [spejjeż]” fis-sens tal-erbatax premessa u fit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) u fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7 u lanqas taħt “imposta” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva. “Penali”, fis-sens tad-direttiva, hija ddefinita bħala l-ħlas ta’ somma, li l-għan tagħha huwa li timponi sanzjoni pekunarja fir-rigward tal-irtirar, mingħajr ma dan ikun marbut ma’ telf ta’ flus min-naħa tal-imprenditur. L-obbligu li jitħallas kumpens għall-benefiċċji miksuba mill-użu li għamel il-konsumatur mhuwiex sanzjoni tal-irtirar. Il-“kont[spejjeż]” jew “imposta” li jirriżultaw mill-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar huma biss dawk is-somom ta’ flus meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti l-obbligi konsegwenti għall-irtirar. Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar, dan huwa r-responsabbiltà tal-konsumatur (jiġifieri, ir-ritorn tal-oġġetti), kif ukoll obbligu għall-fornitur (jiġifieri r-rimbors tal-prezz ta’ xiri li eventwalment tħallas). Mid-diċitura ma nistgħux niddeduċu interpretazzjoni iktar wiesgħa tat-terminu -“kont[spejjeż]” jew “imposta”, li teskludi kwalunkwe talba fil-konfront tal-konsumatur marbuta mal-arrikkiment indebitu; u din l-interpretazzjoni iktar wiesgħa lanqas ma nistgħu nisiltuha minn interpretazzjoni bbażata fuq l-istruttura, l-ispirtu u l-finalità tad-direttiva. Id-Direttiva 97/7 hija kkaratterizzata minn żewġ prinċipji: it-tlestija tas-suq intern u l-protezzjoni tal-konsumaturi. L-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ prinċipji ma jiġi ppreġudikat minn liġi nazzjonali li, fil-każ ta’ rtirar, tirrikonoxxi d-dritt li jintalab kumpens mingħand il-kontroparti għall-benefiċċji tabilħaqq miksuba mill-użu tal-oġġett.
31. Il-ħlas ta’ tali kumpens għall-użu bħal dan, għalhekk, mhux ipprojbit mid-Direttiva 97/7, imma huwa suġġett għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri. Dan jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-premessa 14 tad-direttiva, li tipprovdi li għandhom ikunu l-Istati Membri li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u l-ftehim ieħor li jsegwu l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar. Jekk il-konsumatur, qabel id-dikjarazzjoni ta’ rtirar, mhux biss ikun ipprova l-oġġett mixtri imma jkun għamel użu kbir minnu, biex b’hekk kiseb arrikkiment, ma jkunx xieraq li l-fornitur jinċaħad il-possibbiltà li jitlob kumpens mingħand il-konsumatur.
32. Skont il-Gvern Awstrijak ukoll, liġi nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ rtirar mill-kuntratt, il-fornitur jista’ jitlob lill-konsumatur remunerazzjoni għall-użu tal-oġġett għandha tkun interpretata b’mod konformi mad-direttiva. Tali remunerazzjoni għall-użu ma tkunx konformi mal-għan tad-dritt ta’ rtirar skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/7 jekk l-obbligu li jitħallas dan il-kumpens ikun impost fuq il-konsumatur anki fil-każ li dan kulma jkun għamel huwa li eżamina l-oġġett jew użah għal ftit taż-żmien b’mod konformi mal-għan tiegħu biex jipprovah. Piżijiet finanzjarji ta’ din ix-xorta, li l-konsumatur ikollu jissodisfa regolarment fil-każ li jeżerċita d-dritt ta’ rtirar, jispiċċaw biex jissarfu f’sanzjoni, li mhijiex kompatibbli mad-direttiva, u li tfixkel u tista’ tipprevjenti l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar mill-konsumatur. L-għan fundamentali tad-Direttiva 97/7, min-naħa l-oħra, huwa li jkun evitat li l-konsumatur li jixtri mill-bogħod isib ruħu f’pożizzjoni agħar minn dik ta’ konsumatur li jikkonkludi l-kuntratt ta’ bejgħ fil-preżenza fiżika taż-żewġ partijiet kuntrattwali u li, f’dik l-okkażjoni, ġeneralment ikun jista’ jeżamina l-oġġett li ser jixtri mingħajr ma jidħol għall-ebda spiża (pereżempju, billi jipprovah). Għaldaqstant, fil-bejgħ mill-bogħod, meta jiġi riċevut l-oġġett għandu jkun jista’ jiġi eżaminat u, minkejja li dan l-eżami jsir wara l-konklużjoni tal-kuntratt, għandu jkun jista’ jqiegħed lill-konsumatur – minħabba l-possibbiltà ta’ eżerċizzju bla limiti tad-dritt ta’ rtirar – fl-istess pożizzjoni ta’ konsumatur li jkun eżamina l-oġġett li ser jixtri qabel il-konklużjoni tal-kuntratt (li mbagħad ma seħħitx).
33. Il-Gvern Ġermaniż josserva wkoll li l-liġi Ġermaniża relevanti f’dan il-każ tgħaqqad id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/7, peress li għandha l-għan li tikkompleta r-regolamentazzjoni pprovduta mid-direttiva biex terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kien hemm qabel fil-kuntest tar-reċiproċità tas-servizzi. Hija tobbliga liż-żewġ partijiet biex jirrestitwixxu l-benefiċċji miksuba mill-użu. Fil-każ li l-konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ rtirar, il-fornitur huwa obbligat, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 357(1) flimkien mal-Artikolu 346(1) tal-BGB li jirrestitwixxi s-somom li ngħata u li jirrimborsa l-benefiċċji miksuba mill-użu tagħhom. Dawn il-benefiċċji jistgħu jkunu qligħ kapitali, pereżempju l-imgħaxijiet, jew inkella xi spejjeż li ġew evitati peress li ġew estinti d-djun, pereżempju l-ispejjeż għal self eventwali. Jekk il-fornitur – bil-kontra tar-regoli ta’ ġestjoni finanzjarja korretta – ma jkunx investa dawn is-somom u lanqas ma jkun użahom biex jestingwi xi djun, minkejja li kellu din il-possibbiltà, skont tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 357(1) flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 347(1) tal-BGB, ikollu jħallas kumpens. Min-naħa tiegħu, il-konsumatur huwa obbligat, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 357(1) flimkien mal-Artikolu 346(1) u (2) tal-BGB li jħallas kumpens għall-vantaġġi eventwali miksuba. Fis-sens tal-Artikolu 100 tal-BGB, vantaġġi tfisser il-benefiċċji miksuba mill-użu tal-oġġett. Skont il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshofs, biex jiġi kkalkolat dan il-kumpens jeħtieġ li l-perijodu effettiv tal-użu tal-oġġett jiġi pparagunat mal-perijodu (li jifdal) tal-użu possibbli tiegħu, u mbagħad jiġi mmultiplikat bil-prezz. Jekk nużaw dan il-metodu ta’ kalkolu, il-kumpens dovut mill-konsumatur qatt ma jista’ jkun ikbar mill-prezz tax-xiri. Ġeneralment u ħlief każijiet eċċezzjonali, il-kumpens ma jistax ikun kbir. It-talba mressqa f’dan il-każ mill-fornitur mhix koerenti fl-ammont tagħha. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat il-fatt li l-oneru tal-prova rigward il-kumpens mhux impost fuq il-konsumatur, peress li d-dritt Ġermaniż jqiegħed fuq il-fornitur kemm l-oneru li jipprova li l-konsumatur tabilħaqq kiseb xi vantaġġi mill-oġġett li jistgħu jiġi vvalutati mil-lat finanzjarju, kif ukoll l-oneru li jipprova l-ammont tat-talba li eventwalment tirriżulta.
34. Il-Kummissjoni, l-istess bħall-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Awstrija, hija tal-fehma li liġi dwar il-kumpens għall-użu, bħal-liġi Ġermaniża relevanti hawnhekk, ma tistax tiġi marbuta mal-kunċett ta’ “kont[spejjeż]” jew “imposta”. Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix li l-qrati nazzjonali jissorveljaw sabiex il-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mis-sistema ġuridika Komunitarja ma twassalx għal arrikkiment indebitu tal-persuni intitolati (10). Madankollu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni, u osservat li dan ma jfissirx li d-dritt nazzjonali applikabbli għandu jiġi applikat għal każijiet irregolati mid-dritt Komunitarju mingħajr ma jiġi kkunsidrat id-dritt Komunitarju stess. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tagħha, teżiġi li jiġu rrispettati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività meta jiġi applikat id-dritt ta’ Stat Membru għal każijiet irregolati mid-dritt Komunitarju (11). Ir-rispett tal-prinċipju ta’ ekwivalenza jimplika li l-liġi kkontestata tiġi applikata bl-istess mod kemm għal azzjonijiet ibbażati fuq il-ksur tad-dritt Komunitarju kif ukoll għal dawk ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali, jekk ikunu kkonċernati l-istess tip ta’ taxxi jew ta’ imposti. F’dan il-każ, il-Kummissjoni, minn dan l-aspett, ma tara l-ebda problema ta’ dritt Komunitarju. Madankollu, l-istituzzjoni tqis li liġi li tippermetti li l-fornitur mill-bogħod jippretendi kumpens għall-użu li jista’ jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ kriterji astratti u li għaldaqstant jista’ jirriżulta għoli wisq, biex b’hekk ineżża kull interess finanzjarju mill-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar u jagħmlu tabilħaqq impossibbli għandha tiġi evalwata b’mod differenti. Skont il-Kummissjoni, il-kumpens għall-użu jrid iqis il-valur effettiv tal-oġġett mixtri u tat-tul ta’ ħajja previst, biex b’hekk ikun jista’ jiġi kkalkolat b’mod proporzjonali għall-prezz oriġinali u għal kemm dam jintuża.
35. Il-Gvernijiet tal-Belġju, ta’ Spanja u tal-Portugall jemmnu li d-Direttiva 97/7 tipprekludi liġi nazzjonali dwar il-kumpens għall-vantaġġi effettivament miksuba.
36. L-imsemmija gvernijiet jemmnu li mid-Direttiva 97/7 jirriżulta li fuq il-konsumatur ma jistgħux jiġu imposti spejjeż oħrajn minbarra dawk diretti biex l-oġġett jiġi rritornat. L-istess jirriżulta mill-premessa 14 tad-direttiva, li ma tagħtix lok biex ikunu imposti iktar spejjeż. L-għan tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7 huwa li tiġi stabbilita mill-ġdid l-i“status quo ante”, li jimplika biss ir-restituzzjoni tal-oġġett jew tas-servizzi riċevuti hekk kif jiġu rrimborsati l-ħlasijiet li saru. Huwa partikolarment importanti li d-domanda preliminari tingħata risposta fid-dawl tal-għan tad-direttiva li jiġu protetti l-konsumaturi. Fil-kuntest ta’ kull relazzjoni li tikkonċerna l-konsum, il-konsumaturi jirrappreżentaw il-parti l-iktar vulnerabbli. Dan huwa partikolarment minnu fil-każ ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod. F’dan is-settur, skont l-opinjoni tal-imsemmija gvernijiet, l-istandards tal-protezzjoni tal-konsumaturi għandhom ikunu partikolarment għoljin biex ikun evitat li l-użu ta’ tekniki ta’ komunikazzjoni mill-bogħod iwassal għal tnaqqis fil-protezzjoni tal-konsumaturi. Ir-rikonoxximent tad-dritt ta’ rtirar favur il-konsumatur huwa aspett fundamentali tal-liġi inkwistjoni. Skont il-premessa 14, l-effettività ta’ dan id-dritt tippreżumi l-projbizzjoni li fuq il-konsumatur li jeżerċita d-dritt tiegħu jkunu imposti iktar obbligi barra s-sempliċi ritorn tal-oġġett. Jekk il-bejjiegħ ikollu l-possibbiltà li jeżiġi kumpens għall-użu tal-oġġett (li l-ammont tiegħu huwa diffiċli li jiġi ddeterminat), jiġi kompromess l-eżerċizzju tad-dritt ta’ riflessjoni u ta’ rtirar, u allura jkun hemm ir-riskju li dan jinbidel fi dritt sempliċement formali, għaliex il-konsumatur ma jitħalliex jeżerċita dan id-dritt tiegħu. Ir-rikonoxximent ta’ kumpens lil bejjiegħ li ma jkunx wettaq l-obbligi ġuridiċi ta’ informazzjoni tiegħu jmur kontra r-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju. Kumpens bħal dan, li jkun anki xorta ta’ sanzjoni, pereżempju huwa espressament eskluż mid-dritt Spanjol.
VI – Evalwazzjoni
A – Kunsiderazzjonijiet preliminari
37. Il-problema ġuridika prinċipali mqajma minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-kompatibbiltà mad-dritt ta’ rtirar li jissemma fid-Direttiva 97/7 ta’ dispożizzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ rtirar minn kuntratt li sar mill-bogħod, tipprovdi għal kumpens li l-konsumatur irid iħallas għall-użu li sadanittant ikun għamel mill-oġġett li kien is-suġġett tal-kuntratt.
38. L-ewwel nett nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-fatt li mhix l-ewwel darba li l-problema tal-kumpens għall-użu ta’ oġġett hija s-suġġett tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, nista’ nfakkar is-sentenza Quelle tas-17 ta’ April 2008 (12) li tikkonċerna l-kwistjoni jekk il-bejjiegħ, fil-każ ta’ sostituzzjoni ta’ oġġett ta’ konsum mhux konformi ma’ dak li kien ipprovdut fil-kuntratt, jistax jeżiġi mingħand il-konsumatur kumpens għall-użu ta’ dak l-oġġett. Il-kuntest leġiżlattiv tad-dritt Komunitarju, għal dik il-kawża, kien magħmul mid- Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (13). Fis-sentenza Quelle, il-Qorti tal-Ġustizzja – f’konformità mal-konklużjonijiet ippreżentati fil-15 ta’ Novembru 2007 (14) – stabbiliet li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-bejjiegħ, fis-sitwazzjoni fejn huwa jkun biegħ oġġett ta’ konsum difettuż, jeżiġi mingħand il-konsumatur kumpens għall-użu li dan il-konsumatur ikun għamel mill-oġġett difettuż sakemm dan ġie mibdul ma’ oġġett ġdid (15).
39. Fil-Kawżi Schulte (16) u Crailsheimer Volksbank (17) li kienu jikkonċernaw it-trasferiment ta’ kapitali, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat problema sa ċertu punt relatata, billi kien hemm xi dubji rigward il-kompatibbiltà mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar id-dritt ta’ rtirar rigward il-bejgħ minn fuq it-tarġa tal-bieb ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi l-obbligu għall-konsumatur, fil-każ ta’ tħassir ta’ kuntratt ta’ self għal proprjetà immobbli, mhux biss tal-ħlas lura tal-ammonti riċevuti bis-saħħa ta’ dan il-kuntratt, iżda wkoll li jitħallsu lill-persuna li tat is-self l-interessi skont ir-rata tas-suq. Il-kuntest leġiżlattiv tad-dritt Komunitarju, għal dawk il-kawżi, kien magħmul mid-Direttiva 85/577/KEE [tal]-20 ta’ Diċembru 1985 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju (18). Fis-sentenzi Schulte u Crailsheimer Volksbank, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li l-obbligu li jitħallsu l-imgħaxijiet b’rata tas-suq huwa kompatibbli mad-direttiva (19).
40. B’relazzjoni għad-Direttiva 97/7 li hija relevanti f’dan il-każ ma hemm l-ebda ġurisprudenza dwar il-kwistjoni ta’ kumpens eventwali għall-użu. Jeħtieġ li nivverifikaw iktar ‘il quddiem jekk iż-żewġ tendenzi ġurisprudenzjali msemmija iktar ‘il fuq fil-paragafi 37 u 39 eventwalment jistgħux ikunu relevanti għal din il-problema.
41. Bit-tieni kunsiderazzjoni preliminari, li hija bbażata fuq iċ-ċirkostanzi tal-każ inkwistjoni, nixtieq niġbed l-attenzjoni en passant li d-Direttiva 97/7 ma tagħmel l-ebda differenza bejn oġġetti ġodda u oġġetti użati. Id-dritt ta’ rtirar huwa pprovdut għat-tnejn li huma.
42. Bit-tielet kunsiderazzjoni preliminari nixtieq niġbed l-attenzjoni għal żewġ karatteristiċi partikolari ta’ dan il-każ. L-ewwel karatteristika li għandha tiġi enfasizzata tikkonċerna l-fatt li l-qorti tar-rinviju għamlet id-domanda preliminari b’relazzjoni għal każ fejn difett fl-oġġett fornut, li ħareġ madwar seba’ xhur wara li nxtara, tabilħaqq kellu ċerta importanza. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tenfasizza espressament li l-preżenza ta’ difett, fil-fehma tagħha, mhux relevanti għall-finijiet tas-sentenza, filwaqt li seta’ kien relevanti biss għall-finijiet tal-kalkolu eventwali tal-perijodu ta’ użu possibbli tal-oġġett. Dan ifisser li għandna quddiemna kwistjoni ġuridika ferm differenti minn dik li ġiet ittratta fl-imsemmija Kawża Quelle (20) fejn, fil-kuntest ta’ direttiva differenti (21), ukoll kellha tiġi solvuta l-problema tal-kumpens għall-użu ta’ oġġett fornut u sussegwentement restitwit. F’dik il-kawża, fil-fatt, il-kwistjoni tal-kumpens inqalgħet b’relazzjoni għal ċirkostanzi għal kollox differenti, jiġifieri, b’relazzjoni għall-forniment ta’ oġġett ta’ konsum li ma kienx konformi ma’ dak li kien ipprovdut fil-kuntratt u għas-sostituzzjoni tiegħu ma’ oġġett ieħor.
43. It-tieni karatteristika partikolari li nixtieq nenfasizza tikkonċerna l-fatt li, f’dan il-każ, skont il-verifika tal-fatti li għamlet il-qorti tar-rinviju, l-irtirar mill-kuntratt sar wara perijodu ta’ żmien ferm wara d-data tax-xiri, jiġifieri madwar ħdax-il xahar. Minkejja dan, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-irtirar, skont il-qorti tar-rinviju, sar f’waqtu qabel ma skada t-terminu relatat, peress li l-konsumatur ma ngħatax informazzjoni xierqa dwar l-irtirar fit-termini pprovduti mid-dritt nazzjonali (22). Għaldaqstant, din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tqajjem l-ebda kwistjoni espressament rigward ir-rispett tat-termini għall-irtirar min-naħa tal-konsumatur. Konsegwentement, l-analiżi ġuridika li biħsiebni nagħmel ser tiffoka esklussivament fuq il-problema tat-talba għal kumpens għall-użu li sar mill-oġġett fil-każ li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni kif kienet qabel ma l-konsumatur jirtira minn kuntratti li jsiru mill-bogħod.
44. Minkejja li l-proċedura preliminari, bħala prinċipju, inħolqot b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li minn darba għall-oħra jkunu relevanti jiġu interpretati b’riferiment għaċ-ċirkostanzi tal-każ li jkun qed jiġi eżaminat, nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-fatt li, f’dan il-kuntest, jista’ jkun fundamentali li ma nillimitawx ruħna biss għal “ipoteżi” pjuttost “atipika”, bħal dik attwali. Anzi, jeħtieġ li nżommu quddiem għajnejna ipoteżijiet li meta pparagunata magħhom il-problema inkwistjoni hija pjuttost tipika. Is-soluzzjoni trid tkun adegwata anki fir-rigward tagħhom.
B – Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar in-natura u l-funzjoni tal-kumpens għall-użu
45. Biex niddefinixxu aħjar il-problema li tqajmet bid-domanda preliminari nixtieq nagħmel xi kunsiderazzjonijiet qosra rigward in-natura u l-funzjoni tal-kumpens għall-użu. Anki jekk tali kumpens ikun kompatibbli mad-Direttiva 97/7, jeħtieġ li nistaqsu f’liema sitwazzjonijiet dan ikun dovut. Għal dan il-għan, l-ewwel nixtieq nagħmel distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “prova” u dak ta’ “użu”. Wara ser nipprova nispjega aħjar dak li effettivament nistgħu niddefinixxu tabilħaqq bħala “użu”.
46. L-ewwel nett, nixtieq niddiskuti d-distinzjoni bejn “użu” u “prova”. Li tara oġġett, tipprovah u anki tittestjah ilkoll jaqgħu taħt il-kunċett ta’ prova. Fil-fatt, fil-każ ta’ bosta oġġetti, bħall-ilbies u t-tagħmir tekniku, l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi ta’ użu tagħhom hija wieħed mill-elementi meta l-konsumatur jiġi biex jiddeċiedi jixtrix l-oġġett jew le. Partikolarità speċifika tal-kuntratti li jsiru mill-bogħod hija li oġġett jew tagħmir ma jitqiegħedx għad-dispożizzjoni tal-konsumatur biex jarah imma jkun l-oġġett li jinxtara stess li jaqdi din il-funzjoni (23). Pereżempju, meta wieħed jipprova libsa jew par żarbun, wieħed ma jillimitax ruħu għalli jħares lejha imma jilbisha biex jipprovaha. Fil-każ ta’ xiri mill-bogħod ta’ karozza, anki d-dawra bi prova, kif jiġri fil-każ ta’ xiri in loco, ġeneralment per se ma tistax tiġi marbuta ma’ użu min-naħa tax-xerrej (24). L-eżempju tal-karozza huwa partikolarment drastiku peress li, jekk il-karozza tkun ġdida, l-ewwel reġistrazzjoni tagħha, eventwalment meħtieġa biex issir id-dawra bi prova, per se ġeneralment tfisser tnaqqis fil-valur li, skont id-duttrina, ikun ta’ madwar 20 % u li jwassal biex il-karozza wara tiġi kkunsidrata bħala vettura użata (25).
47. Bħala prinċipju (26), it-traċċi li eventwalment jitħallew fuq oġġett meta jiġi pprovat u eżaminat ma għandhomx jitqabblu mat-traċċi minħabba użu. Dawn huma traċċi li jistgħu jitħallew anki fil-każ ta’ prova in loco, u għalhekk li mhux fil-każ tal-kuntratti li jsiru mill-bogħod u li, ġeneralment, ma jagħtux lok għall-obbligu li jitħallas kumpens, dejjem jekk l-oġġett ma ssirlux xi ħsara. F’kull każ individwali jiddependi mill-karatteristiċi u min-natura tal-oġġett in kwistjoni jekk il-valur tiegħu jinbidilx minħabba l-prova jew l-użu u jekk (u b’liema prezz) l-oġġett ikun jista’ jinbiegħ wara li jiġi restitwit (27). Bħala prinċipju, ir-riskju impliċitu fi tnaqqis fil-valur, fil-każ ta’ xiri minn ħanut, jaqa’ fuq il-bejjiegħ li ġeneralment ikollu għad-dispożizzjoni tal-klijenti tagħmir jew oġġett li jużah biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jarawh u jipprovawh. Partikolarità tal-kuntratti li jsiru mill-bogħod, ikkawżata mill-istruttura differenti tagħhom, qiegħda fil-fatt li dan ir-riskju mhux inerenti f’sitwazzjoni li tippreċedi x-xiri, imma tirriżulta wara li l-oġġett jinxtara u jkun ġie kkunsinnat.
48. Li l-konsumatur jitħalla jeżamina b’xejn l-oġġett li ordna mill-bogħod huwa l-iskop prinċipali tad-dritt ta’ rtirar kif ġie stabbilit fid-Direttiva 97/7 (28). Dan l-iskop jirriżulta b’mod ċar anki mil-liġi nazzjonali li hija relevanti hawnhekk, u speċjalment fit-tieni sentenza tal-Artikolu 357(3) tal-BGB (29).
49. Minkejja dan, ta’ spiss jista’ jkun diffiċli li tabilħaqq issir distinzjoni bejn, fuq in-naħa l-waħda, prova, u, fuq in-naħa l-oħra, użu (30). Preżumibbilment, f’bosta każijiet mhux possibbli li ssir distinzjoni netta, għaliex hemm żona griża kbira (31) li twassal biex id-deċiżjonijiet jittieħdu każ b’każ. Jeħtieġ li nistaqsu fuq liema parti – il-fornitur jew il-konsumatur – id-Direttiva 97/7 qiegħdet ir-riskju marbut ma’ din iż-żona griża fis-sitwazzjoni partikolari tal-kuntratti li jsiru mill-bogħod. Jekk, bħala prinċipju, il-kumpens għall-użu jiġi kkunsidrat bħala kompatibbli mad-Direttiva 97/7, huwa prevedibbli li jinqala’ b’mod regolari tilwim inter partes rigward il-kwistjoni jekk l-oġġett intużax tassew jew le (32). Element deċiżiv biex tissolva din il-problema preżumibbilment ikun l-oneru tal-prova, imma għandna nżommu quddiem għajnejna li dan l-oneru huwa partikolarment problematiku fil-kuntest tal-imsemmija żona griża, irrispettivament fuq liema parti jkun impost (33).
50. Madankollu, dan il-każ li minnu rriżultat id-domanda preliminari huwa ferm differenti minn din il-problema tipika. Id-domanda preliminari donnha qed tagħmel riferiment speċifiku għal każijiet fejn il-konsumatur mhux biss ikun għamel id-dar dak li ma setax jagħmel qabel, peress li xtara mill-bogħod mingħajr ma mar f’ħanut – jiġifieri, jipprova jew jittestja l-oġġett – iżda evidentement uża l-oġġett, jiġifieri li “għamel użu minnu”. Minn dawn il-fatti nistgħu niddeduċu li l-qorti tar-rinviju b’mod ċar hija tal-fehma li l-konsumatur mhux biss ipprova l-laptop, imma anki użah. Il-qorti tar-rinviju, pereżempju, tosserva espressament li għandna nibdew mill-premessa li r-rikorrenti użat il-laptop (esklussivament) f’konformità mal-għan tiegħu. F’punt wieħed biss tad-deċiżjoni tar-rinviju l-kelmiet użati mill-qorti tar-rinviju jesprimu xi ħaġa differenti, jiġifieri fejn jissemma l-“perijodu li matulu seta’ jintuża l-oġġett”, li, fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi mqabbel ma’ użu effettiv.
51. Fil-fehma tiegħi, iċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ ma jirrappreżentawx sitwazzjoni tipika ta’ kawża dwar il-kumpens għall-użu fuq il-bażi tad-Direttiva 97/7. Anzi, din is-sitwazzjoni naħseb li hija pjuttost atipika u hija kkawżata mit-traspożizzjoni partikolari tal-imsemmija direttiva fid-dritt nazzjonali, peress li din it-traspożizzjoni, b’relazzjoni għal ipoteżijiet partikolari, tmur lil hinn mir-rekwiżiti minimi stabbiliti mid-direttiva stess u tipprovdi terminu ferm twil, jekk mhux wieħed bla limiti, għad-dritt ta’ rtirar. Huwa evidenti li l-potenzjalitajiet għall-użu tal-oġġett huma kbar jekk it-terminu jiġi ffissat ferm lil hinn fiż-żmien (34).
52. Id-distinzjoni bejn “prova” u “użu” biss però mhix biżżejjed. Anki l-kunċett ta’ “użu” jqajjem għadd ta’ domandi: dan qed jikkunsidra l-użu effettiv tal-oġġett (ikkalkolat f’sigħat jew f’jiem) jew hija biżżejjed is-sempliċi possibbiltà li jiġi użat (jiġifieri, il-perijodu ta’ żmien bejn meta l-oġġett jiġi riċevut u meta jiġi restitwit)? Is-sempliċi pussess tal-oġġett matul id-dekorrenza tat-terminu għall-irtirar għalhekk jista’ jagħti lok għall-obbligu li jitħallas il-kumpens għall-użu (35) (li fil-prattika jfisser prezz retroattiv ta’ noleġġ)? Irid jingħata kumpens għal kwalunkwe użu effettiv (li għal darb’oħra, fil-prattika, ifisser prezz retroattiv ta’ noleġġ) jew biss għall-użu li ħalla traċċi ta’ ħsara minħabba l-użu fuq l-oġġett? Fil-fehma tiegħi, nistgħu nikkunsidraw – għalkemm b’ċerta approssimazzjoni – li l-“kumpens għall-użu” għandu l-għan li jikkumpensa żewġ sitwazzjonijiet finanzjarji li bħala prinċipju huma differenti, imma huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin. Min-naħa l-waħda, dan jista’ jkun il-kumpens għall-benefiċċju li l-konsumatur kiseb mill-użu (kumpens għall-użu). Min-naħa l-oħra, però, il-kumpens jista’ anki jservi biex jagħmel tajjeb għall-ħsarat li saru minħabba l-użu (il-kumpens għall-ħsara minħabba l-użu).
53. Peress li dan huwa “kumpens għall-użu”, jeħtieġ ukoll li nistaqsu x’relazzjoni hemm bejn dawn iż-żewġ kunċetti. Liġi bħal dik Ġermaniża donnha tippreżumi telf fil-valur minħabba kwalunkwe użu tal-oġġett u anki minħabba l-possibbiltà li jintuża. Mill-atti jirriżulta wkoll li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, il-kumpens li għandu jitħallas ma jiġix stabbilit fuq il-bażi tal-użu f’kull każ individwali (pereżempju, fuq il-bażi tal-jiem jew tas-sigħat), imma fuq il-bażi ta’ paragun tal-perijodu possibbli ta’ użu tal-oġġett mal-perijodu ta’ użu tiegħu (36) (jiġifieri, il-perijodu li matulu seta’ jintuża l-oġġett). Għalhekk jintuża kalkolu b’rata fissa bbażat fuq fatturi li jirreferu għal relazzjonijiet bejn iż-żmien u l-valur.
54. Għaldaqstant wisq nibża’ li, jekk fid-diskussjoni dwar il-“kumpens” il-kunċetti ta’ “kumpens għall-użu” u ta’ “kumpens għall-ħsara minħabba l-użu”, jistgħu jinqalgħu sistematikament problemi serji ta’ fehim.
55. Il-qorti tar-rinviju donnha qed tirreferi għall-kunċett, imfisser iktar’il fuq (37), ta’ kumpens għall-użu, peress li tqiegħed il-vantaġġi inkwistjoni fl-Artikolu 100 tal-BGB, bħala qligħ minn oġġett, kif ukoll bħala benefiċċji li ġejjin mill-użu ta’ oġġett (38). Għaldaqstant, bid-domanda tagħha qed tistaqsi jekk ir-rikorrenti għandiex tħallas xorta ta’ “prezz ta’ noleġġ” għall-użu li għamlet tul diversi xhur tal-laptop minħabba li użat u kellha għad-dispożizzjoni tagħha, l-oġġett filwaqt li, fl-istess perijodu, dan ma kienx għad-dispożizzjoni tal-fornitur.
56. Jekk nammettu l-kompatibbiltà mad-Direttiva 97/7 ta’ liġi nazzjonali dwar il-kumpens għall-użu ta’ oġġett fornut, f’xi ħin inevitabbilment ikollna nirrispondu mill-perspettiva tad-dritt Komunitarju għal domandi bħal dawk li saru.
57. Fl-aħħar nett nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-fatt li – irrispettivament mill-preċiżazzjoni (li sa issa għadha ma saritx) ta’ xi jfisser il-kumpens għall-użu skont id-dritt Komunitarju – jeħtieġ li nżommu quddiem għajnejna anki l-problema tal-kumpens għad-danni. Fil-fatt, dak tal-kumpens għad-dannu jista’ jkun aspett li għandu jiġi kkunsidrat kull darba l-użu, minbarra telf eventwali fil-valur (taż-żmien), jikkawża ħsara. Anki jekk, f’dan il-każ, din mhix ipoteżi ta’ kumpens għad-danni, madankollu, għal raġunijiet sistematiċi jkun aħjar jekk iktar’il quddiem nistaqsu, fil-qosor, kif għandha tiġi megħluba tali problema (39).
C – Fuq il-passaġġi individwali meħtieġa mill-eżami tad-domanda preliminari
58. Id-domanda preliminari tikkonċerna l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 97/7 (40). Skont l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 97/7, l-irtirar fit-terminu xieraq minn kuntratt li sar mill-bogħod ma jista’ jinvolvi l-ħlas tal-ebda penali. It-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 97/7 tistabbilixxi li l-uniċi spejjeż li eventwalment għandu jħallas il-konsumatur minħabba li jkun eżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu huma dawk diretti biex l-oġġett jiġi rritornat. Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7, il-fornitur (41), fil-każ ta’ rtirar, li għandu jsir bla ħlas, għandu jirrimborsa s-somom imħallsa mill-konsumatur. Għalhekk, hemmhekk qed jiġi sostnut li l-uniċi spejjeż li eventwalment għandu jħallas il-konsumatur minħabba li jkun eżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu huma l-ispejjeż diretti biex l-oġġett jiġi rritornat. Id-diċitura tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/7 ma tipprovdi l-ebda indikazzjoni speċifika oħra rigward il-kwistjoni tal-kumpens għall-użu (42).
59. Biex tingħata risposta għad-domanda li saret l-ewwel nett jeħtieġ li nivverifikaw jekk il-kumpens għall-użu tal-oġġett ta’ konsum fornut jaqax taħt il-kunċett ta’ “penali” jew ta’ “kont [spejjeż]” jew “imposta” li jissemma fl-Artikolu 6 tad-direttiva, u għal din ir-raġuni diġà huwa inkompatibbli mad-direttiva, peress li dan mhux l-ispejjeż diretti tar-ritorn tal-oġġett. Dawn iż-żewġ kunċetti, minħabba d-determinazzjoni tal-kontenut tagħhom u l-portata li għandhom, ma jirreferux għad-dritt tal-Istati Membri.
60. Skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mill-ħtiġijiet kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza, li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li ma jinkludu ebda riferiment speċifiku għad-dritt ta’ l-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit is-sens u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fil-Komunità kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (43).
61. Il-kunċetti li għandhom jiġu interpretati hawnhekk għalhekk għandhom jinftiehmu bħala kunċetti tad-dritt Komunitarju li għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu.
62. Fil-każ li l-kumpens inkwistjoni ma jaqax la taħt il-kunċett ta’ penali u lanqas taħt dak ta’ spejjeż, jeħtieġ allura li nivverifikaw jekk l-Istati Membri, fuq il-bażi tal-ewwel sentenza tal-premessa 14 tad-Direttiva 97/7, għandhomx is-setgħa li joħorġu, fuq inizjattiva tagħhom stess, liġi dwar il-kumpens bħal dik ikkontestata fil-proċedura prinċipali.
D – Il-kumpens jaqa’ taħt il-kunċett ta’ penali u għal din ir-raġuni għandu jiġi kkunsidrat bħala inkompatibbli mad-Direttiva 97/7?
63. Il-kunċett ta’ penali, li għandu jkun interpretat b’mod awtonomu (44), fid-Direttiva 97/7ma ġiex iddefinit. Fis-sens strett tal-kelma, fil-fehma tiegħi, penali tfisser ħlas li ma għandu l-ebda skop ieħor għajr dak ta’ sanzjoni. Taħt dan il-kunċett jaqgħu wkoll is-sanzjonijiet fi flus jew il-penali kuntrattwali (45). Ma hemm xejn li jwaqqafna milli nikkunsidraw il-kumpens inkwistjoni bħala penali fis-sens strett tat-terminu. Il-penali tirreferi għal kumpens għall-użu, u għalhekk għandha l-għan tagħha, li huwa differenti minn dak ta’ sanzjoni.
64. Jekk il-kunċett ta’ penali jiġi interpretat b’mod iktar wiesa’, kif inqis li għandu jsir f’dan il-każ, jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett anki diversi spejjeż, b’mod partikolari dawk għall-irtirar. Jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett anki kumpens ġenerali jew danni, li ma jirrelatawx ma xi dannu speċifiku jew xi użu speċifiku, iżda huma ffissati b’mod ġenerali (46). Fil-fatt, filwaqt li l-iskop ta’ tali kumpens jew tali dannu mhuwiex dak ta’ sanzjoni, madankollu huma mhumiex ikkalkolati skont riferiment konkret għal skop ieħor u jistgħu għaldaqstant ikollhom karattru pjuttost punittiv. Minkejja dan, fil-fehma tiegħi, kumpens li jirreferi għall-użu effettiv u li jiġi kkalkolat fuq dan il-bażi, ma għandux jaqa’ taħt il-kunċett ta’ penali.
65. Kumpens bħal dak mitlub fil-kawża prinċipali jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ penali biss jekk ninterpretaw dak il-kunċett f’termini ferm wesgħin, biex b’hekk isir kunċett iktar ġenerali li jinkludi l-ispejjeż kollha li effettivament isiru (għalkemm iktar ‘il quddiem (47) ser nippreċiża jekk il-kumpens jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ spejjeż), li l-ħlas tagħhom jista’ jiġi kkunsidrat mill-konsumatur bħala sanzjoni u li, għaldaqstant, jista’ jkollhom l-effett li jiskoraġixxu lill-konsumatur milli jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu. Interpretazzjoni daqstant wiesgħa bħala konsegwenza jkollha l-fatt li l-kunċett ta’ spejjeż jinbela’ kważi għal kollox minn dak tal-penali. Madankollu, l-ebda element fid-diċitura tad-direttiva ma jipprovdi għal dan.
66. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-kumpens ma jistax jiġi kkunsidrat bħala penali.
E – Il-kumpens jaqa’ taħt il-kunċett ta’ spejjeż u għal din ir-raġuni għandu jiġi kkunsidrat bħala inkompatibbli mad-Direttiva 97/7?
67. Jeħtieġ li nivverifikaw jekk il-kumpens jaqax taħt il-kunċett ta’ spejjeż skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1), kif ukoll tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7, li għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu (48).
1. Il-kunċett ta’ spejjeż fid-Direttiva 97/7 – Interpretazzjoni litterali u sistemikolitterali
68. Id-direttiva ma tipprovdi l-ebda definizzjoni espliċita tal-kunċett ta’ spejjeż (49), u ma jidhirlix li fid-dritt Komunitarju teżisti definizzjoni ġenerali jew għall-inqas applikabbli f’iktar minn kuntest wieħed ta’ dan il-kunċett (50). Madankollu, mit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) kif ukoll mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7, jirriżulta b’mod ċar li l-kunċett ta’ spejjeż jirreferi għall-ispejjeż imposti fuq il-“konsumatur minħabba l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar tiegħu”. Skont id-direttiva, fuq il-konsumatur li jirritorna l-oġġett jistgħu jiġu imposti biss l-ispejjeż relatati mal-“ispiża diretta involuta sabiex l-oġġetti jiġu rritornati” (51). Din id-diċitura kif ukoll ir-riferiment għall-“unika kont li jista’ jingħata [spejjeż li jistgħu jingħataw] lill-konsumatur” juru li d-direttiva, minbarra din l-“ispiża diretta involuta sabiex l-oġġetti jiġu rritornati”, tqis ukoll spejjeż oħra, li madankollu ma jistgħux jiġu imposti fuq il-konsumatur.
69. It-test tad-direttiva ma jillimitax dawn l-ispejjeż addizzjonali għal dawk kuntrattwali, jiġifieri l-ispejjeż li jinqalgħu b’rabta mal-konklużjoni tal-kuntratt, imma jestendihom għall-ispejjeż imposti fuq il-“konsumatur minħabba l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar tiegħu”. Miċ-ċirkostanza li t-test tad-direttiva fl-Artikolu 6(1) u (2) jirreferi għall-“ispiża diretta involuta sabiex l-oġġetti jiġu rritornati” nistgħu niddeduċu li, flimkien magħhom, jista’ jkun hemm “spejjeż indiretti”, li, min-naħa tagħhom, jixhdu favur interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ spejjeż skont id-Direttiva 97/7. Tixhed favur tali interpretazzjoni anki ċ-ċirkostanza li, skont l-Artikolu 6(1) u (2), dawn huma spejjeż “minħabba” l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar. Mid-diċitura tad-Direttiva 97/7 ma jirriżulta l-ebda element li jimpedixxi li l-kumpens għall-użu tal-oġġett fornut jaqa’ taħt il-kunċett ta’ spejjeż inkluż fid-direttiva (52).
70. Għaldaqstant, nistgħu nqisu li l-interpretazzjoni litterali u sistemikolitterali tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7 ma tipprovdi l-ebda risposta ċara rigward il-kwistjoni jekk il-kumpens jaqax taħt il-kunċett ta’ spejjeż li jissemma fl-istess direttiva. Madankollu, diġà nistgħu nikkonstataw li l-argumenti sistematiċi jixhdu favur interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ spejjeż inkluż fid-direttiva.
2. Il-kunċett ta’ spejjeż fid-Direttiva 97/7 – Approċċ teleoloġiku u sistematiku
71. Fil-fehma tiegħi, il-metodu teleoloġiku jipprovdi elementi għal interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ spejjeż, li tinkludi l-kumpens għall-użu kkontestat. Kif biħsiebni nuri iktar ‘il quddiem, mill-għan tad-Direttiva 97/7 jirriżulta li l-imsemmi kumpens mhux ipprovdut mid-direttiva fil-verżjoni attwali tagħha (53).
72. Ir-ratio tad-dispożizzjonijiet li jissemmew fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/7 dwar id-dritt ta’ rtirar tal-konsumatur rigward il-kuntratti li jsiru mill-bogħod (54) tissuġġerixxi li tingħata portata wiesgħa lill-kunċett ta’ spejjeż, li jinkludi l-kumpens għall-użu. Il-premessa 14 tad-Direttiva 97/7, b’mod partikolari, tixhed f’dan is-sens għaliex tippreċiża li l-kwistjoni jekk id-dritt ta’ rtirar għandux jiġi kkunsidrat bħala dritt effettiv tal-konsumatur jiddependi speċjalment mill-effetti finanzjarji marbuta mal-eżerċizzju tiegħu. Fi ftit kliem, il-premessa 14 tad-Direttiva 97/7 tipprovdi dan li ġej: “jekk dan id-dritt għandu jkun iktar minn formali, l-ispejjeż, jekk hemm, li jitħallsu mill-konsumatur meta jeżerċita d-dritt ta’ rtirar għandhom ikunu limitati għall-ispejjeż diretti involuti sabiex jirritorna l-oġġetti”.
73. Il-kunċett li ntuża hemmhekk ta’ piżijiet (spejjeż) irid jinftiehem, fil-kuntest kollu tas-sentenza, mhux bħala kunċett li għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, imma bħala kunċett li għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’. Fil-fatt ma jkunx koerenti jekk, min-naħa l-waħda, tiġi enfasizzata l-konnessjoni bejn il-piżijiet finanzjarji u l-funzjonalità tad-dritt ta’ rtirar, u mill-oħra, jiġi rregolat biss tip partikolari ta’ piżijiet finanzjarji.
74. Kumpens għall-użu bħal dak ipprovdut mid-dritt Ġermaniż jirrappreżenta piż finanzjarju li jista’ jikkomprometti l-funzjonalità u l-effettività tad-dritt ta’ rtirar (55). Kif jirriżulta mill-atti, meta jiġi kkalkolat dan il-kumpens, l-għan huwa li jiġi rremunerat perijodu ta’ użu (possibbli) tal-oġġett (56), li jikkoinċidi mat-terminu ta’ rtirar. L-obbligu li jsir ħlas skont dan il-qbil, fl-aħħar mill-aħħar, jissarraf fil-prezz li għalih jista’ jinkiseb l-irtirar (57). Dan il-kumpens, b’differenza għal dak li huwa pprovdut fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 97/7, għalhekk jingħata minħabba l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar.
75. Kif diġà osservajt f’kuntest ieħor (58), jeħtieġ li nikkunsidraw liema huma l-effetti prattiċi li ġejjin mit-talba għal kumpens għall-użu (59).
76. Fil-fehma tiegħi, hemm motivi validi biex inqisu li l-għan li kellu l-leġiżlatur Komunitarju rigward id-Direttiva 97/7 jiġi kompromess jew saħansitra jispiċċa fix-xejn jekk il-konsumatur, fil-każ ta’ rtirar, ikollu jħallas lill-fornitur kumpens għall-użu tal-oġġett.
77. B’mod partikolari, ir-riskju strutturali ta’ tilwima (ġudizzjarja) eventwali rigward il-kwistjoni jekk il-konsumatur għandux jeżamina l-oġġett biss biex jivverifika kemm huwa xieraq għal ħtiġijietu jew ikunx kiseb xi vantaġġ (u eventwalment liema vantaġġ) (60), jista’ jiskoraġġixxi lill-konsumatur milli jeżerċita d-drittijiet tiegħu. Fil-prattika, min-naħa l-waħda, dan ir-riskju, għal raġunijiet ta’ kawtela diġà jista’ jwaqqfu milli jagħmel eżami effettiv tal-oġġett qabel ma jirritornah, pereżempju billi jqatta’ t-tgeżwir protettiv tal-plastik. Tgeżwir tal-plastik li jkun għadu sħiħ, fil-fatt, jipprova b’mod ċar li l-oġġett ma ntużax, imma jimpedixxi anki li l-konsumatur jara u jeżamina l-oġġett. Min-naħa l-oħra, il-konsumatur jista’ jaqta’ qalbu li jirtira mill-kuntratt jekk jara li l-oġġett mhux dak li kien qed jistenna jew li mhux adattat għal ħtiġijietu. F’dawn il-kundizzjonijiet, id-dritt tal-konsumatur li jkun jista’ jeżamina l-oġġett wara l-konklużjoni tal-kuntratt jista’ jsir dritt tat-tieni klassi, bil-kontra ta’ dak li tipprovdi l-premessa 14 tad-Direttiva 97/7. Dan imur kontra r-ratio tad-Direttiva 97/7.
78. Fl-aħħar nett, ma rridux ninsew li l-obbligu tar-restituzzjonijiet reċiproċi (61), li ssemma fl-osservazzjonijiet bil-miktub u anki waqt is-seduta, jekk teoretikament jista’ jiġi kkunsidrat li huwa obbligu ġust, fil-prattika jista’ jkun kważi ma jkollu l-ebda valur għall-konsumatur, ħlief fil-każ li l-prezz ta’ xiri jkun ferm għoli, f’liema każ l-imgħaxijiet ta’ matul it-terminu tal-irtirar jistgħu jirriżultaw f’ammont sinjifikattiv.
79. Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ‘il fuq, jiena tal-idea li fil-kuntest tad-Direttiva 97/7 il-kumpens għall-użu jista’ jkun marbut ma’ kunċett wiesa’ ta’ spejjeż. Jekk, allura, il-kumpens jaqa’ taħt il-kunċett ta’ spejjeż li jissemma fit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) kif ukoll fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7, dan ma jistax jiġi impost fuq il-konsumatur, għaliex ma jaqax taħt il-kunċett ta’ spejjeż diretti biex l-oġġett jiġi rritornat.
3. Analiżi iktar preċiża tat-tqassim tar-riskji li fuqu hija bbażata d-Direttiva 97/7 tikkorrabora l-interpretazzjoni pprovduta sa issa
80. It-tqassim tar-riskji fil-każ ta’ rtirar jivvantaġġja lill-konsumatur, li ma għandux jiġi suġġett għal inċertezzi legali (62) u għal piżijiet finanzjarji minħabba l-irtirar tiegħu.
81. Il-mod kif id-Direttiva 97/7 tfassal it-tqassim tar-riskji bejn il-fornitur u l-konsumatur huwa koerenti mal-intenzjoni tal-istess direttiva – li tidher ċara f’ċerti premessi tagħha – li tippromwovi l-kuntratti li jsiru mill-bogħod (63) filwaqt li jiġu rispettati l-għanijiet ta’ iktar protezzjoni għall-konsumaturi. F’dan r-rigward, għandna nfakkru b’mod partikolari l-premessi li jikkonċernaw l-għanijiet tas-suq intern (64), it-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni (65) u l-protezzjoni tal-konsumaturi (66). Id-disponibbiltà tal-konsumatur li jipparteċipa fis-sistema ta’ bejgħ mill-bogħod tiġi promossa mid-direttiva permezz tat-tnaqqis, b’mod li jkun ta’ benefiċċju għall-konsumatur, tal-problemi speċifiċi marbuta ma’ dan is-suq (67).
82. Huwa minnu li, jekk ninterpretaw il-kunċett ta’ spejjeż kif għidt iktar’il fuq, ikun hemm impatt fuq l-interessi tal-fornitur peress li dan ma jista’ jippretendi l-ebda kumpens għall-użu li sar mill-oġġett ta’ konsum sal-mument tal-irtirar. Dan huwa minnu b’mod partikolari fil-każijiet fejn l-oġġett – minkejja li jiġi rritornat fl-iqsar terminu possibbli ta’ sebat ijiem tax-xogħol (68) – jitlef il-valur tiegħu għall-fornitur. Għal din ir-raġuni, dawk li fasslu d-direttiva eskludew għalkollox id-dritt ta’ rtirar f’każijiet partikolari rregolati mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 97/7, pereżempju fil-każ ta’ oġġetti li jidher b’mod ċar li jkunu personalizzati skont talbiet speċifiċi tal-klijent jew fil-każ ta’ oġġetti li jmorru (69). Fil-każ ta’ oġġetti ta’ dik ix-xorta, id-dritt ta’ rtirar tal-konsumatur mhux marbut – jekk il-kunċett ta’ spejjeż jiġi interpretat kif ingħad iktar’il fuq – bl-obbligu li jħallas kumpens, jagħmel ħsara kbir lill-interessi tal-fornitur. Konsegwentement, il-fornitur jista’ anki jiġi skoraġġit milli jopera fis-suq tal-kuntratti li jsiru mill-bogħod. Però, dan ma jkunx konformi mal-intenzjoni ta’ dawk li fasslu d-direttiva li jippromwovu l-kuntratti li jsiru mill-bogħod – b’mod partikolari, anki fl-interess tal-konsumatur (70).
83. Il-fornitur, biex jipproteġi ruħu mir-riskju li effettivament irid isostni konkretament rtirar li sar wara u minkejja l-użu tal-oġġett mingħajr ma jista’ jippretendi l-ebda kumpens għal dan l-użu, però jista’ jagħmel użu minn politika ta’ prezzijiet ibbażata fuq kalkolu mħallat, li tqis ċerta perċentwali ta’ rtirar (71).
84. Barra minn hekk, fid-Direttiva 97/7, biex ikunu protetti l-interessi tal-fornitur, li naturalment irid jevita tnaqqis fil-valur tal-oġġett, jiġi pprovdut għal mekkaniżmu protettiv, jiġifieri l-mogħdija taż-żmien immarkata minn termini għall-irtirar. L-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 97/7 fil-fatt tistabbilixxi t-tul ta’ żmien tat-terminu għall-irtirar f’“mill-inqas sebat ijiem tax-xogħol”. Wara li jiskadi dan it-terminu għall-irtirar relattivament qasir, li fit-traspożizzjoni li għamlu l-Istati Membri ġeneralment ikun daqstant qasir (ġeneralment it-terminu jkun ta’ sebat ijiem ta’ xogħol jew ta’ 14-il jum kalendarju (72)), bħala prinċipju l-fornitur jieqaf ikun suġġett għal dan ir-riskju. Għaldaqstant, id-direttiva tistabbilixxi perijodu ta’ żmien assolutament limitat li matulu r-riskju għas-sostenn tal-konsegwenzi finanzjarji eventwali ta’ rtirar jaqa’ fuq il-fornitur.
85. Inċidentalment, fl-aħħar nett jeħtieġ ukoll li nfakkru li kemm proposta għal direttiva tal-Kummissjoni reċenti (73), kif ukoll il-proposta inkluża fid-dokument imħejji minn grupp ta’ esperti Draft Common Frame of Reference (abbozz ta’ qafas komuni ta’ referenza, iktar ‘il quddiem: id-“DCFR”) (74) għal regolamentazzjoni uniformi tad-dritt privat Ewropew (75) jipproponu regolamentazzjoni parzjalment differenti. Il-proposta tal-Kummissjoni tipprovdi eżattament dan li ġej: “Il-konsumatur għandu jkun responsabbli biss għal kwalunkwe valur imnaqqas tal-oġġetti li jirriżulta mill-manipulazzjoni ħlief dik meħtieġa biex taċċerta n-natura u t-tħaddim tal-oġġetti” (76). Dan ifisser xi ħaġa essenzjalment differenti mill-kumpens għat-tnaqqis fil-valur ipprovdut bħalissa mid-dritt Ġermaniż u kkalkolat fuq bażi ta’ żmien (77). Fil-kapitolu li jikkonċerna l-kuntratti, id-DCFR jirregola anki d-dritt ta’ rtirar (Artikoli II.-5:101 sa II.-5:202). Fl-Artikolu II.-5:201(1) u (3), għall-konsumatur li jkun ikkonkluda kuntratt mill-bogħod ġie pprovdut dritt ta’ rtirar fi żmien terminu bażi – l-istess wieħed għat-territorju Komunitarju kollu – ta’ 14-il jum (78). F’dan ir-rigward, l-Artikolu II.-5:105(3) DCFR jirregola l-aspetti li jikkonċernaw il-kumpens għall-użu. Kumpens għall-eżami u għall-prova tal-oġġett huwa espressament eskluż mill-Artikolu II.-5:105(3) DCFR, filwaqt li skont l-Artikolu II.-5:105(4) DCFR il-konsumatur għandu jħallas kumpens fil-każ ta’ użu normali tal-oġġett (79), li l-oneru tal-prova tiegħu jista’ jaqa’ fuq l-impriża bejjiegħa (80). Anki dawk li jissejħu Prinċipji tad-dritt (Principles of the Existing EC Contract Law) (81) jinkludu dispożizzjonijiet simili (82). B’relazzjoni għal dawn id-dokumenti u għal dawn il-proposti leġiżlattivi għandu jingħad li dawn, fejn għandu x’jaqsam il-kumpens għall-użu, huma bbażati fuq kunċett differenti minn dak tal-esklużjoni tal-ħlas tal-ispejjeż skont id-Direttiva 97/7. Madankollu – minbarra l-fatt li, fil-fehma tiegħi, fil-prattika dawn jistgħu jinvolvu problemi kumplessi biex issir distinzjoni bejn eżami/prova u użu, li jippreġudikaw iċ-ċertezza tad-dritt, tant li fl-aħħar mill-aħħar ix-xiri mill-bogħod isir inqas attraenti għall-konsumatur – xorta mhumiex utli meta niġu biex ninterpretaw id-direttiva li tinsab fis-seħħ bħalissa, peress li dawn huma sempliċi proposti.
4. In-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ informazzjoni u l-effetti ta’ dan
86. Fil-każ li l-fornitur ma jissodisfax l-obbligi li jissemmew fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 97/7 biss, jiżdied il-perijodu ta’ żmien tar-riskju impost fuqu. F’dan il-każ, jidher il-piż li dawk li fasslu d-direttiva taw lill-valuri differenti, jiġifieri li f’dawn il-każijiet, l-interess tal-fornitur jixraqlu inqas protezzjoni mill-interess u mill-protezzjoni tal-konsumaturi. Imma anki din l-estensjoni fit-terminu tar-riskju, li l-fornitur jista’ jevita fl-interess tiegħu sempliċement billi jissodisfa l-obbligi li jissemmew fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 97/7, hija limitata mid-direttiva. Kif ġie pprovdut fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 97/7 (83) il-limitu huwa kkostitwit minn terminu ta’ tliet xhur.
87. Bit-terminu ta’ tliet xhur, id-Direttiva 97/7 tipprovdi espressament terminu skadut li, anki fin-nuqqas ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar, ma jistax jiġi eżerċitat iktar dan id-dritt (84). Barra minn hekk, dan it-terminu ta’ tliet xhur (85) ma kienx maħsub bħala terminu minimu, imma bħala terminu obbligatorju. Huwa minnu li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 97/7 jistabbilixxi klawżola minima, li fuq il-bażi tagħha l-Istati Membri, fis-settur irregolat mid-Direttiva 97/7, jistgħu jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet iktar iebsa li jkunu kompatibbli mat-Trattat KE. Din il-possibbiltà, madankollu, hija suġġetta għall-kundizzjoni li lill-konsumatur jiġi ggarantit livell ogħla ta’ protezzjoni (86). L-adozzjoni eventwali fuq livell nazzjonali ta’ liġi differenti minn dik tad-direttiva rigward it-terminu ta’ tliet xhur, ma jistax ikollha impatt fuq l-interpretazzjoni tad-direttiva. Dan japplika anki rigward liġi bħal dik Ġermaniża, hawnhekk ikkontestata li, minn dak li jirriżulta mill-atti, fil-każ ta’ informazzjoni mhux korretta ma timponi l-ebda limitu ta’ żmien għad-dritt ta’ rtirar.
5. Il-possibbiltà li l-konsumaturi individwali jwettqu abbużi tista’ tiġġustifika l-adozzjoni ta’ liġi iktar iebsa għall-konsumaturi kollha?
88. It-teżi tal-Kummissjoni (87), jiġifieri li, f’ċerti każijiet, il-limitu jista’ jinqabeż biex b’hekk nispiċċaw fl-arrikkiment indebitu, pereżempju fil-każ li l-oġġett jiġi ordnat mill-bogħod għal okkażjoni speċifika u, wara li jintuża f’dik l-okkażjoni, jiġi rritornat wara li l-konsumatur jirtira mill-kuntratt (88), ma tistax tiġi invokata biex tiġi adottata liġi ġenerali dwar l-ispejjeż iktar iebsa għall-konsumaturi kollha.
89. Kif għidt iktar’il fuq, id-direttiva ma tħalli l-ebda marġni ieħor għal-liġijiet nazzjonali li jikkonċernaw l-ispejjeż li għandhom jiġu imposti fuq il-konsumatur li ma jikkonċernax ir-ritorn tal-oġġett, espressament imsemmija mid-direttiva. Minn dan il-lat, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/7 għandhom jiġu kkunsidrati bħala obbligatorji.
90. Barra minn hekk, jeħtieġ ukoll inqisu li l-biża’ ta’ abbużi min-naħa tal-individwi ġeneralment ma tistax twassal għal limitu erga omnes għall-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mis-sistema legali Komunitarja. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (89), l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li għandha l-għan li tevita l-abbużi ma tistax tippreġudika l-effikaċja sħiħa u l-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fl-Istati Membri. B’mod partikolari, l-għanijiet ta’ liġi Komunitarja partikolari ma jistgħux jiġu kompromessi, pereżempju minn direttiva partikolari (90).
91. F’dan ir-rigward, ma għandniex ninsew li f’każijiet ta’ abbuż effettiv (kif ukoll fil-każ li tkun saret xi ħsara (91)), għandu jkun ipprovdut rimedju, kif jipprovdi l-istess prinċipju ta’ ekwivalenza. Għalli jista’ jinqala’, il-fornitur xorta jista’ jaġixxi skont il-każ mingħajr, madankollu, ma jkun jista’ jinvoka liġi iktar iebsa fil-konfront tal-konsumaturi kollha. Il-każijiet ta’ abbuż veru, fil-fehma tiegħi, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ spejjeż skont id-Direttiva 97/7 u għaldaqstant jistgħu jiġu solvuti fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ġenerali tad-dritt ċivili, b’mod partikolari fuq il-bażi tar-regoli nazzjonali dwar l-arrikkiment indebitu. Bl-istess mod, il-każijiet fejn tkun tabilħaqq saret ħsara jistgħu jiġu solvuti fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali relevanti.
92. Madankollu, hemm xi dubji rigward xi jkunu l-konsegwenzi f’każijiet fejn il-konsumatur ma jkunx ġie informat mill-fornitur rigward id-dritt ta’ rtirar tiegħu, jew fejn ma jkunx ġie informat b’mod xieraq. F’dawn il-każijiet, huwa prevedibbli li fil-parti l-kbira tal-każijiet il-konsumatur jirtira minn kuntratt biss wara ċertu perijodu li jkun uża l-oġġett, jiġifieri biss wara li tkun ingħatat l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar. Fin-nuqqas ta’ din l-informazzjoni, il-konsumatur ma setax jipprova l-oġġett biss u joqgħod lura milli jużah. Il-kwistjoni għalhekk hija jekk f’din is-sitwazzjoni l-konsumatur għandux, biex ngħidu hekk, “iħallas” għad-dritt ta’ rtirar suġġett għal terminu itwal fl-interess tiegħu stess, fis-sens li ġeneralment ikollu jħallas kumpens għall-użu tal-oġġett ta’ konsum li ngħatalu.
93. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li f’każijiet bħal dan inkwistjoni fejn ikun ġie aċċertat li l-fornitur ma jkunx issodisfa l-obbligu ta’ informazzjoni (92), rikors ibbażat fuq il-liġi tal-arrikkiment indebitu ma jidhirx possibbli. Fil-fatt, skont l-evalwazzjoni magħmula mill-leġiżlatura Komunitarja (93), li llimitat għal ċertu perijodu ta’ żmien ir-riskju tal-fornitur, nemmen li anki f’każijiet bħal dawn għandu jiġi eskluż il-piż finanzjarju impost fuq il-konsumatur, peress li dan ma jkunx kompatibbli mal-għan ta’ protezzjoni segwit mid-direttiva li l-konsumatur għandu fl-aħħar mill-aħħar iħallas,jekk il-fornitur ma jissodisfax l-obbligi tiegħu, għall-użu protezzjoni iktar estiża fiż-żmien. Dan iwassal għal xorta ta’ rabta biex il-konsumatur ma jirtirax mill-kuntratt (94). Rabta bħal din tmur kontra l-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur li għandha d-Direttiva 97/7, kif ukoll mal-għan l-ieħor tagħha, jiġifieri li tippromwovi l-kuntratti li jsiru mill-bogħod. Ovvjament, pereżempju l-każijiet ta’ użu eċċessiv (95) tal-oġġett f’sitwazzjoni fejn ma ġiex sodisfatt l-obbligu ta’ informazzjoni għandhom jiġu evalwati b’mod differenti minn kif għandu jsir f’sitwazzjoni fejn il-fornitur issodisfa kif suppost l-obbligu ta’ informazzjoni.
94. Inċidentalment, għandu jiġi nnotat li l-imsemmi DCFR (96) jsegwi approċċ simili fil-każ li l-fornitur ma jissodisfax l-obbligu ta’ informazzjoni. Kif għidt iktar ‘il fuq, filwaqt li kumpens għall-eżami u għall-prova tal-oġġett ġie espressament eskluż, il-konsumatur però għandu jħallas kumpens fil-każ ta’ użu normali tal-oġġett (97). Huwa interessanti li ninnotaw, però, li dan japplika biss għall-irtirar li jsir fit-terminu normali, jiġifieri ġeneralment ta’ 14-il jum. Bil-kontra, fil-każijiet fejn il-konsumatur ma jkunx ġie informat bid-dritt ta’ rtirar tiegħu, jew ma jkunx ġie informat b’mod xieraq, il-ħlas ta’ kumpens ġie espressament eskluż mill-Artikolu II.-5:105(4). L-evalwazzjoni impliċita f’din ir-regolamentazzjoni turi li, fil-każijiet fejn l-obbligu ta’ informazzjoni ma jiġix sodisfatt, il-konsumatur ikun jeħtieġ protezzjoni partikolari li tpatti għan-nuqqas ta’ informazzjoni.
95. Għandu wkoll jiġi osservat li fil-ġurisprudenza diġà ġie rrilevat li, jekk il-konsumatur ma jkunx jaf bi dritt ta’ rtirar, ma jkunx jista’ jeżerċitah (98). L-istess japplika anki fil-każ li l-konsumatur, bħala prinċipju, ikun jaf b’dan id-dritt, imma l-obbligu ta’ informazzjoni ma jkunx ġie sodisfatt b’mod sħiħ. Informazzjoni mhux kompluta jew li tiżgwida tista’ twassal biex il-konsumatur ma jeżerċitax id-dritt tiegħu minħabba evalwazzjoni żbaljata.
96. Limitu ieħor għad-dritt ta’ rtirar mhux marbut mal-ħlas ta’ kumpens għall-użu jista’ jirriżulta fil-każ ta’ restituzzjoni ta’ oġġett b’xi ħsara. F’dan il-każ, jistgħu japplikaw ir-regoli ġenerali dwar il-kumpens għad-danni ta’ kull Stat Membru. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, li l-konsumatur jingħata indikazzjonijiet ġenerali sabiex jirrispetta ċerti standards ta’ diliġenza ma jmurx kontra d-direttiva.
6. Id-differenzi mill-ġurisprudenza fis-sentenzi Schulte u Crailsheimer Volksbank
97. Fl-aħħar nett, nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-interpretazzjoni tal-effetti tal-irtirar skont id-Direttiva 97/7 fis-settur tal-kuntratti li jsiru mill-bogħod li qed tintlaqa’ hawnhekk ma tmurx kontra s-sentenzi Schulte u Crailsheimer Volksbank (99) fejn, rigward l-irtirar minn kuntratt ta’ self għal proprjetà li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/577, ġie kkunsidrat bħala konformi mad-direttiva mhux biss ir-rimbors tal-ammonti riċevuti iżda anki l-obbligu li jitħallsu l-imgħaxijiet skont ir-rata tas-suq (100), li f’sens wiesa’ jista’ jitqies bħala xorta ta’ kumpens. Dawn is-sentenzi huma bbażati fuq il-każ partikolari ta’ kuntratt ta’ self, kif ukoll fuq kuntesti leġiżlattivi differenti (101) u fuq direttivi differenti (102) b’dispożizzjonijiet speċifiċi differenti (103); b’mod partikolari, jeħtieġ li ninnotaw li fiż-żewġ direttivi r-regolamentazzjoni tal-effetti tal-irtirar ġiet strutturata b’mod differenti. Fil-kuntest tad-Direttiva 97/7, l-Artikolu 6(1) u (2) jirregola dettaljatament l-effetti tal-irtirar. Kif għidt iktar ‘il fuq, f’dan il-kuntest huma pprojbiti l-penali u l-ispejjeż imposti fuq il-konsumatur huma permessi biss f’termini ferm limitati. Fil-kuntest tad-Direttiva 85/577 ma hemm l-ebda preskrizzjoni ta’ din ix-xorta. Kulma jagħmel l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, li jirregola l-effetti tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar (104), huwa li jipprovdi f’termini ferm ġenerali li “[i]ħoll lill-konsumatur minn kull obbligazzjoni li ġejja mill-kuntratt imħassar”. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li fid-dispożizzjonijiet tad-direttiva li ġiet interpretata fil-Kawżi Schulte u Crailsheimer Volksbank ma kienx hemm dispożizzjoni simili għal dik li hija relevanti rigward it-tqassim tar-riskju tal-ispejjeż.
98. Konsegwentement, id-Direttiva 97/7 għandha tiġi interpretata bħala li, fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, ma hemm l-ebda obbligu li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni kif kienet qabel fis-sens tal-ġurisprudenza fis-sentenzi Schulte u Crailsheimer Volksbank.
7. Konklużjoni
99. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li semmejt iktar ‘il fuq, għaldaqstant nikkonkludi li liġi nazzjonali li b’mod ġenerali tipprovdi li, fil-każ li l-konsumatur jirtira minn kuntratt fit-terminu xieraq, il-bejjiegħ jista’ jeżiġi kumpens għall-użu tal-oġġett ta’ konsum fornut, mhix konformi mal-Artikolu 6(1) u (2) kif ukoll mal-premessa 14 tad-Direttiva 97/7.
F – Jekk jiġi kkunsidrat li l-kumpens ma jaqax taħt il-kunċetti ta’ penali u ta’ spejjeż skont id-Direttiva 97/7, liġi dwar il-kumpens taqa’ fil-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri?
100. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-konklużjoni ta’ iktar ‘il fuq, għaliex tqis li l-kumpens għall-użu kkontestat ma taqax taħt il-kunċett ta’ spejjeż skont id-Direttiva 97/7, nixtieq inżid xi kunsiderazzjonijiet oħra.
101. Fl-aħħar sentenza tal-premessa 14 tad-Direttiva 97/7 jiġi stabbilit li “jitħalla għall-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u ftehim ieħor li jsegwu l-eserċizzju tad-dritt ta’ rtirar”. Għalhekk jeħtieġ li nistaqsu jekk minn din is-sentenza nistgħux niddeduċu li liġi nazzjonali dwar il-kumpens għall-użu bħal dik inkwistjoni taqax fil-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri.
102. Kif għidt iktar ‘il fuq (105), il-Gvern Ġermaniż qed jibbaża ruħu fuq l-imsemmija sentenza tal-premessa 14 biex isostni li d-Direttiva 97/7 ma tipprekludix il-liġi Ġermaniża kkontestata. Anki l-Gvern Awstrijak qed juża l-istess argument biex jiddefendi liġi Awstrijaka simili (106). Dawn iż-żewġ gvernijiet iqisu li l-ħlas ta’ kumpens għall-użu mhux ipprojbit mid-Direttiva 97/7, imma jaqa’ fil-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri.
103. Anki l-Kummissjoni, kif semmejt iktar ‘il fuq (107), għandha pożizzjoni simili. Skont il-Kummissjoni, il-liġi nazzjonali kontestata ma tistax tiġi marbuta mal-kunċett ta’ spejjeż. Skont il-Kummissjoni, dan huwa kumpens għaliex il-konsumatur ikun uża l-oġġett li xtara mill-bogħod għal ċertu perijodu ta’ żmien. Kif diġà ġie rikonoxxut f’setturi oħrajn tad-dritt Komunitarju (108), anki fis-settur tal-kuntratti li jsiru mill-bogħod l-Istati Membri jistgħu jissorveljaw sabiex il-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mis-sistema ġuridika Komunitarja ma twassalx għal arrikkiment indebitu tal-persuni intitolati; bħala prinċipju, l-istabbiliment ta’ regoli għall-irkupru ta’ ħlasijiet li saru b’mod indebitu jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni leġiżlattiva tas-sistema ġuridika nazzjonali.
104. Fil-fehma tiegħi, dawn l-argumenti dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri b’relazzjoni għal liġi nazzjonali dwar il-kumpens għall-użu mhumiex konvinċenti.
105. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett jeħtieġ li jiġi osservat li, kif għidt iktar ‘il fuq, il-biża’ ta’ abbużi min-naħa ta’ konsumaturi individwali ma tistax twassal għal limitu fil-konfront tal-konsumaturi kollha rigward il-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mis-sistema legali Komunitarja (109). Diġà għal din ir-raġuni, liġi bħal dik ikkontestata ma tistax taqa’ fil-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri.
106. It-tieni nett, għandu jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 97/7, li hija relevanti f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessi tagħha, għandha l-għan li, fl-ambitu tat-twettiq tal-għanijiet tas-suq intern, tippromwovi l-kuntratti li jsiru mill-bogħod filwaqt li jiġi rrispettat l-għan li tingħata l-aħjar protezzjoni lill-konsumaturi (110). Dawn l-iskopijiet ma jistgħux jispiċċaw fix-xejn. Kif irriżulta minn dak li għidt iktar’il fuq (111), id-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar id-dritt ta’ rtirar jinkludu regolamentazzjoni preċiża għat-tqassim tar-riskju, li b’mod partikolari tibda mill-premessa li jeħtieġ li jiġu limitati l-piżijiet finanzjarji tal-konsumatur ikkawżati mill-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar. Anki jekk nammettu – kontra l-fehma tiegħi – li l-kumpens ma jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ spejjeż, l-Istati Membri mhumiex liberi li jirregolawh b’mod arbitrarju. B’mod partikolari, ma jistgħux jirreferu esklussivament għall-aħħar sentenza tal-premessa 14, filwaqt li ma jagħtux kas, pereżempju, l-ewwel sentenzi tal-istess premessa.
107. It-tielet nett, għandu jiġi osservat, li l-konsumatur, fejn għandhom x’jaqsmu l-kuntratti li jsiru mill-bogħod, ma għandux il-possibbiltà konkreta li jara l-oġġett jew li jsir jaf x’tip ta’ servizz ser jingħata qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt (l-ewwel sentenza tal-premessa 14). Fil-każ ta’ forniment ta’ oġġetti, il-possibbiltà ta’ rtirar mogħtija lill-konsumatur tpatti għall-iżvantaġġ li ġej mill-fatt li ma jistax jara l-oġġett, mibjugħ mill-bogħod, f’ħanut u eventwalment jipprovah jew jittestjah. Dritt ta’ rtirar ibbażat fuq dawn l-iżvantaġġi jkun bla sens u formali biss jekk jista’ jintalab kumpens għall-użu li għamel minnu l-konsumatur waqt il-perijodi ta’ prova relattivament qosra ta’ ġimgħa jew tnejn (112) ipprovduti mid-Direttiva 97/7. Il-konsumatur qed jirriskja, billi jiftaħ l-ippakkjar oriġinali (ħaġa li ġeneralment trid issir biex wieħed jara l-oġġett u jipprovah), li jiġi kkritikat għaliex uża l-oġġett li jmur lil hinn minn ittestjar (113). Għal dawn ir-raġunijiet, fil-fehma tiegħi, huwa koerenti mad-direttiva li ma jkun ipprovdut l-ebda kumpens għall-użu għat-terminu normali ta’ rtirar. Peress li t-terminu ta’ tliet xhur mhux intiż li jqiegħed lill-konsumatur f’sitwazzjoni inqas favorevoli, iżda huwa sempliċement intiż biex jagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet ikkawżati mill-fornitur li ma ssodisfax l-obbligi ta’ informazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 97/7, huwa ferm diffiċli li tiġi sostnuta t-teżi li, b’relazzjoni għal dan il-perijodu itwal ta’ użu potenzjali tal-oġġett, tkun ammissibbli regola differenti.
108. Ir-raba’ nett, nixtieq ukoll niġbed l-attenzjoni għall-fatt li fil-premessa 14 tad-Direttiva 97/7 jiġi enfasizzat espressament li d-dritt ta’ rtirar tal-konsumatur fil-kuntratti li jsiru mill-bogħod ma għandux ikun dritt formali biss. Id-diversi problemi fl-applikazzjoni li jkollha liġi dwar il-kumpens, madankollu, jistgħu jwasslu biex dan id-dritt ta’ rtirar effettivament jispiċċa bħala prinċipju nieqes minn kwalunkwe relevanza prattika. Minbarra l-problemi probatorji (114) msemmija iktar ‘il fuq (115), jeħtieġ li nqisu li l-konsumaturi meta jikkonkludu l-kuntratt, ġeneralment ma jistgħux ikunu jafu bl-ammont ta’ talbiet għal kumpens li jistgħu jsirulhom. Ir-riskju li jirriżulta, madankollu, jista’ jwassal biex il-konsumatur jirrinunzja għall-irtirar sempliċement sabiex jevita kontenzjuż li jinvolvi esperjenzi spjaċevoli, minbarra nfiq ta’ flus, ta’ ħin u ta’ enerġija. Dan ir-riskju wkoll jista’ jagħmel inqas attraenti għall-konsumaturi l-kuntratti mill-bogħod, effett li mhux konsistenti mad-Direttiva 97/7. Fil-fatt, f’għajnejn il-konsumatur mhux biss il-possibbiltà ikbar ta’ għażla, imma anki l-fatt li jiffranka l-ħin u l-mezzi huwa wieħed mill-vantaġġi tal-kuntratti li jsiru mill-bogħod.
109. Rigward id-differenzi bejn dan il-każ u dawk li huma s-suġġett tas-sentenzi Schulte u Crailsheimer Volksbank nirreferi għall-osservazzjonijiet li għamilt iktar’il fuq (116).
110. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li semmejt iktar ‘il fuq, inqis li dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali, bħal dik ikkontestata fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li, fil-każ li l-konsumatur jirtira minn kuntratt fit-terminu xieraq, il-bejjiegħ jista’ jeżiġi kumpens għall-użu tal-oġġett ta’ konsum fornut, lanqas ma taqax taħt id- diskrezzjoni regolatorja tal-Istati Membri abbażi tal-aħħar sentenza tal-premessa 14 tad-Direttiva 97/7.
VII – Konklużjoni
111. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Amtsgericht Lahr fit-termini li ġejjin:
“L-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal]-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi li dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali, li tipprovdi b’mod ġenerali li, fil-każ li l-konsumatur jirtira minn kuntratt fit-terminu xieraq, il-bejjiegħ jista’ jeżiġi kumpens għall-użu tal-oġġett ta’ konsum fornut.
1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 3, p. 319.
3 – Ara l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 97/7.
4 – Ara l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 97/7.
5 – Biex id-Direttiva 97/7 tiġi trasposta fid-dritt Ġermaniż għall-ewwel saret il-liġi dwar il-kuntratti li jsiru mill-bogħod (BGBl. I p. 897), li daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Ġunju 2000, u li sussegwentement ġiet inkluża fil-BGB fl-1 ta’ Jannar 2002 (BGBl. 2001 I p. 3138) fil-kuntest ta’ riforma tad-dritt tal-obbligi. Għal spjegazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Ġermanja, qabel u wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi dwar il-kuntratti li jsiru mill-bogħod, kif ukoll wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi ta’ riforma tad-dritt tal-obbligi, ara P. Hellwege, Die Rückabwicklung gegenseitiger Verträge als einheitliches Problem, 2004, p. 60 et seq. Dwar is-sitwazzjoni fil-Ġermanja qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi dwar il-kuntratti li jsiru mill-bogħod, ara, fost l-oħrajn, P. Rott, “The distance selling directive and German Law”, fi Stauder/Stauder (ed.), La protection des consommateurs acheteurs à distance, Zürich 1999, 127 et seq.
6 – BGB‑Informationspflichten‑Verordnung (Regolament dwar l-obbligi ta’ informazzjoni skont il-BGB), fil-verżjoni ppubblikata fil-5 ta’ Awwissu 2002 (BGBl. I p. 3002), li ġiet emendata l-aħħar bir-Regolament tal-4 ta’ Marzu 2008 (BGBl. I p. 292).
7 – Pereżempju, hemmhekk ma jiġix indikat li t-terminu għall-irtirar jiddekorri biss wara li tingħata l-informazzjoni relatata u li, skont l-Artikolu 357(3) tal-BGB, il-kumpens ma jkunx dovut jekk id-deterjorament tal-oġġett ikun ikkawżat esklussivament mill-eżami tiegħu.
8 – Skont l-Artikolu 357(3) tal-BGB, il-konsumatur għandu jħallas kumpens fil-każ ta’ deterjorament tal-oġġett minħabba l-użu li għamel minnu skont l-għan tiegħu biss jekk ikun ġie informat bil-miktub b’din il-konsegwenza ġuridika u bil-possibbiltà li jevitaha. F’dan il-każ, il-konvenuta kienet tat biss informazzjoni nieqsa mill-effetti fuq il-konsegwenzi tal-irtirar, u għaldaqstant ma tista’ tippretendi l-ebda kumpens. Jekk ir-rikorrenti jirnexxielha tipprova li d-difett fil-laptop kien ġej minn ħsara li diġà kienet qiegħda hemm meta saret il-kunsinna skont il-kuntratt ta’ bejgħ u xiri, hija tkun tista’ titlob li tingħata lura l-prezz tax-xiri li ħallset skont l-Artikoli 434, 437(2) u (3); 440, 281 tal-BGB flimkien mal-Artikolu 346 tal-BGB. Anki f’dak il-każ, il-konvenuta tista’ tqajjem l-eċċezzjoni rigward il-kumpens għall-vantaġġi miksuba.
9 – Essenzjalment, din l-evalwazzjoni tidher li hija kondiviża anki minn H.-W. Micklitz, “La directive vente à distance 97/7/EC”, fi Stauder/Stauder (ed.), La protection des consommateurs acheteurs à distance, Zürich 1999, 23 et seq., b’mod partikolari p. 37.
10 – Dwar dan l-argument ara, fost l-oħrajn, il-punt 103 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
11 – Fost l-oħrajn ara s-sentenzi tas-16 ta’6 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral (33/76, Ġabra p. 1989, punt 5); tas-27 ta’ Frar 1980, Just (68/79, Ġabra p. 501, punt 25); tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, Ġabra p. I‑5357, punt 43); tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani (C‑261/95, Ġabra p. I‑4025, punt 27) ; kif ukoll tad-19 ta’ Ġunju 2003, Pasquini (C‑34/02, Ġabra p. I‑6515, punt 56).
12 – Sentenza tas-17 ta’ April 2008, Quelle (C‑404/06, Ġabra p. I‑2685).
13 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 4, p. 223.
14 – Il-konklużjonijiet tiegħi, ippreżentati fil-15 ta’ Novembru 2007 fil-Kawża Quelle (C‑404/06, Ġabra p. I‑2685, punt 67).
15 – Sentenza Quelle (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 iktar ‘il fuq, punt 43 u d-dispożittiv). F’dan ir-rigward ara, fost l-oħrajn, H. Ofner, “Kein Nutzungsentgelt für den Verkäufer bei Austausch der nicht vertragsmäßigen Sache”, f’Zeitschrift für Europarecht, Internationales Privatrecht u Rechtsvergleichung, 2008, p. 57 et seq.; M. Pardo Leal: “Derecho del vendedor a exigir al consumidor una indemnización por el uso de un bien en caso de sustitución de bienes que no son conformes (Sentencia “Quelle AG” de 17 de abril de 2008, asunto C‑404/06)”, f’Revista electrónica de Derecho del Consumo y de la Alimentación, 2008, punt 18, p. 29-33.
16 – Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Schulte (C‑350/03, Ġabra p. I‑9215).
17 – Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Crailsheimer Volksbank (C‑229/04, Ġabra p. I‑9273).
18 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 1, p. 262.
19 – Sentenzi Schulte (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 iktar ‘il fuq, punti 92 u 93, kif ukoll il-punt 3 tad-dispożittiv); u Crailsheimer Volksbank (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 iktar ‘il fuq, punti 48 u 49 kif ukoll il-punt 2 tad-dispożittiv). Fuq il-kwistjoni tal-imgħaxijiet skont ir-rata tas-suq, l-Avukat Ġenerali Léger, fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fit-2 ta’ Ġunju 2005 fil-Kawża Crailsheimer Volksbank (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 iktar ‘il fuq), ħa pożizzjoni. Fil-punti 71 u 72 tal-konklużjonijiet isostni li, bħala prinċipju, id-Direttiva 85/577 ma tipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li timponi l-ħlas tal-imgħaxijiet legali fil-każ ta’ rtirar minn kuntratt ta’ self. Fil-fatt, sakemm l-irtirar ikollu l-effett li jirrexxindi kuntratt retroattivament, jidher normali li l-affarijiet jinġiebu lura għall-istat li kienu qabel ma ġie konkluż il-kuntratt. Jekk nippreżumu li l-persuna li qed tissellef qatt ma bbenefikat mis-self, huwa loġiku li hija tirrimborsa mhux biss l-ammonti li ħadet skont il-kuntratt, imma anki l-imgħaxijiet, jiġifieri l-profitti li l-kapital kien jipproduċi li kieku baqa’ għad-dispożizzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu. Madankollu, b’riferiment speċifiku għall-kawża inkwistjoni, l-Avukat Ġenerali, fil-punti 75 et seq. ikkonkluda li l-Bank ma jistax jeżiġi l-ħlas tal-imgħaxijiet għal inadempjiment sakemm ma jkunx issodisfa l-obbligi tiegħu.
20 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 iktar ‘il fuq.
21 – Direttiva 1999/44, li fir-rigward tagħha, ara l-punt 38 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
22 – Dwar il-kwistjoni tar-relevanza tad-diversi termini, ara, fost l-oħrajn, il-punt 87 iktar ‘l isfel ta’ dawn il-konklużjonijiet.
23 – Eżattament B. Schinkels, “Fernabsatzverträge (§§ 312 b bis 312 d, § 241a, 355 ff. BGB)”, f’Gebauer/Wiedemann (ed.), Zivilrecht unter europäischem Einfluss, 2005, p. 209 et seq, punt 66.
24 – Għal dan l-eżempju u għal eżempji oħrajn, ara B. Schinkels (nota ta’ qiegħ il-paġna 23 iktar ‘il fuq, punt 67).
25 – Ara A. Arnold/W. Dötsch, “Verschärfte Verbraucherhaftung beim Widerruf?”, fi Neue Juristische Wochenschrift, 2003, p. 187-189, b’mod partikolari p. 187; u B. Schinkels (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 iktar ‘il fuq, punt 67); kif ukoll T. Brönneke, “Abwicklungsprobleme beim Widerruf von Fernabsatzgeschäften”, f’Multimedia u Recht, 2004, p. 127-133, b’mod partikolari p. 132. Arnold/Dötsch u Brönneke jqisu li l-okkażjoni biex ġiet adottata l-liġi nazzjonali msemmija fl-ewwel u fit-tieni sentenzi tal-Artikolu 357(3) tal-BGB kienet il-bejgħ fuq l-Internet ta’ karozza. Brönneke jsemmi wkoll li, f’dawn il-każijiet, it-tnaqqis fil-valur ma jkollu xejn x’jaqsam mal-ħsara mill-użu, imma mal-“awra” ta’ karozza ġdida u eventwalment ma’ ċerti prattiki ta’ traħħis tal-prezz li jiġu adottati mill-bejjiegħa sabiex jeludu r-rabtiet tal-prezz eżistenti.
26 – Bl-espressjoni “bħala prinċipju” biħsiebni nirreferi għall-kwistjonijiet, li ġew diskussi b’ċertu entużjażmu waqt is-seduta, rigward l-użu “skont l-għan tiegħu” jew “kawt” tal-oġġett għal finijiet ta’ prova, li madankollu, f’dan il-każ, ma hemmx għalfejn ikunu approfonditi peress li f’dan il-każ ma hemm l-ebda konnessjoni magħhom.
27 – Pereżempju, id-distinzjoni tista’ tkun partikolarment diffiċli fil-każ ta’ tagħmir tekniku peress li dan, anki wara li jkun ilu jiġi użat, mhux bilfors juri sinjali viżibbli ta’ ħsara minħabba l-użu. Bil-kontra, hemm oġġetti li l-użu tagħhom għal finijiet ta’ prova diġà jinvolvi l-konsum parzjali tagħhom, bħal pereżempju l-cartridges għall-printers ; ara G. Maderbacher/G. Otto, “Fernabsatz: Vertragsrücktritt nur gegen Entgelt?”, f’Ecolex, 2006, p. 117-119, b’mod partikolari p. 118.
28 – Dan jirriżulta b’mod ċar mill-premessa 14 tad-direttiva, fejn jingħad li l-konsumatur tabilħaqq ma għandux il-possibbiltà li jara l-oġġett jew li jsir jaf x’tip ta’ servizz ser jingħata qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt, u għalhekk id-dritt ta’ rtirar għandu jiġi rrikonoxxut. Ara, f’dan is-sens, P. Mankowski, Beseitigungsrechte, Tübingen, 2003, p. 898.
29 – Il-punt 10 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
30 – Dan jista’ jeħtieġ li l-interessi msemmija f’dan il-każ jitwieżnu sew: f’dan ir-rigward, ara R. G. Willhelm, Verbraucherschutz bei internationalen Fernabsatzverträgen, Amburgu, 2007, p. 137.
31 – Għal dan il-kunċett, ara anki B. Schinkels (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 iktar ‘il fuq, punt 67).
32 – Dwar dan il-punt ara anki N. Neumann, Bedenkzeit vor u nach Vertragsabschluss, 2005, p. 393.
33 – Għandu jiġi nnotat li mill-atti jirriżulta li, skont il-liġi Ġermaniża relevanti, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-fornitur (il-punt 33 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet). Madankollu, id-duttrina tidher li mhix daqstant ċerta dwar dan il-punt: ara N. Neumann (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 iktar ‘il fuq, p. 393).
34 – Mingħajr ma ninsew li, skont l-oġġett u ċ-ċirkostanzi, il-konsumatur jista’ jagħmel użu mill-oġġett anki f’perijodu ta’ żmien qasir. L-eżempji l-iktar evidenti jikkonċernaw l-ilbies għal xi ċerimonja, għamara u platti ordnati għal okkażjoni partikolari u restitwiti eżatt wara li, fil-fehma tiegħu, huwa abbuż.
35 – Dan huwa eskluż, pereżempju, minn P. Rott, “Widerruf und Rückabwicklung nach der Umsetzung der Fernabsatzrichtlinie und dem Entwurf eines Schuldrechtsmodernisierungsgesetzes”, f’Verbraucher u Recht, 2001, p. 78 et seq, b’mod p. 80; u minn R. G. Wilhelm (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 iktar ‘il fuq, p. 138).
36 – Ara l-punt 33 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
37 – Ara l-punt 52 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
38 – Ara l-punt 22 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara anki l-pożizzjoni li ħa l-Gvern Ġermaniż, il-punt 33 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
39 – Il-punt 91 u 96 iktar ‘l isfel ta’ dawn il-konklużjonijiet.
40 – Nixtieq niġbed l-attenzjoni, bħala xorta ta’ riflessjoni, li għall-qorti tar-rinviju – minbarra d-domandi li ssemmew iktar ‘il fuq rigward l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju – jista’ jkun relevanti, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, anki aspett ieħor: l-implementazzjoni fuq il-livell nazzjonali tad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadin mid-dritt Komunitarju ma tistax tkun inqas favorevoli mill-implementazzjoni tad-drittijiet korrispondenti li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali [f’dan ir-rigward ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1983, Deutsche Milchkontor et (205/82 sa 215/82, Ġabra p. 2633, punt 23); u tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis (C‑231/96, Ġabra p. I‑4951, punt 36)]. Fil-fehma tiegħi dan huwa aspett relevanti, peress li fid-duttrina jitqies li l-leġiżlatur nazzjonali, permezz tal-liġi inkwistjoni, jittratta lill-konsumatur li jirtira minn kuntratt li jsir mill-bogħod b’mod iktar sfavorevoli milli jagħmel lil persuna intitolata għal kwalunkwe dritt ta’ rtirar legali jew lill-bejjiegħa professjonali li jeżerċitaw id-dritt ta’ rtirar fuq il-bażi tad-dritt kummerċjali Ġermaniż [pereżempju Mankowski, (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 28 iktar ‘il fuq, p. 891); u N. Neumann (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 iktar ‘il fuq, p. 391) (“b’mod differenti minn parti kontraenti “normali” li tirtira” –)].
41 – Skont l-Artikolu 2(3), fornitur tfisser kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratti koperti mid-Direttiva 97/7 qiegħed jaġixxi fil-kapaċità kummerċjali jew professjonali tiegħu.
42 – Ara anki Maderbacher/Otto (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 iktar ‘il fuq, p. 118).
43 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster (C‑287/98, Ġabra p. I‑6917, punt 43).
44 – Ara l-punti 60 u 61 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
45 – Ara, fl-istess sens, H.-W. Micklitz (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ‘il fuq, p. 37).
46 – Pereżempju, kumpens b’rata fissa, bħal tnaqqis ta’ 15 % fil-valur tal-oġġett ipprovdut mill-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt tal-konvenuta (ara l-punt 15 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet) jista’ jitqies bħala penali.
47 – Ara l-punti 68 et seq iktar ‘l isfel.
48 – Ara l-punti 60 u 61 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
49 – Bil-kontra ta’ dak li tagħmel id-Direttiva 1999/44: dwar dan il-punt, għal iktar dettalji ara F. Buchmann, “Kein Nutzungsersatz beim Widerruf von Fernabsatzgeschäften?”, Kommunikation & Recht 2008, p. 505 et seq., b’mod partikolari p. 508.
50 – Definizzjoni bħal din ma tinstabx lanqas fis-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, i-21 Germany u Arcor (C‑392/04 u C‑422/04, Ġabra p. I‑8559), li semmietha l-Kummissjoni waqt is-seduta, li tittratta l-kwistjoni jekk fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ liċenzji l-impożizzjoni bil-quddiem tal-ħlasijiet għall-ispejjeż amministrattivi ġenerali ta’ awtorità regolatorja nazzjonali għal perijodu ta’ tletin sena tistax tingħadd bħala “spejjeż amministrattivi”. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddefinitx il-kunċett ta’ spejjeż, u lanqas ma pprovdiet definizzjoni applikabbli f’iktar minn kuntest wieħed. Hija stabbiliet biss, fil-punti 28 u 29 ta’ dik is-sentenza, li l-kunċett ta’ “spejjeż amministrattivi” skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ April 1997 dwar qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u għal-liċenzji individwali fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 117, p. 15), fejn ikun relevanti, għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-ispejjeż li jsiru għall-għoti ta’ dawn il-liċenzji u jinkludi, skont id-diċitura tal-imsemmija dispożizzjoni, il-ħruġ, il-ġestjoni, il-kontroll u l-applikazzjoni tal-liċenzji individwali.
51 – F’bosta Stati Membri, il-liġijiet maħruġa biex tiġi trasposta d-Direttiva 97/7 jipprovdu li kuntrattwalment l-ispejjeż għar-ritorn tal-oġġett jistgħu jiġu imposti fuq il-konsumatur: f’dan ir-rigward, ara G. Rühl, “Die Kosten der Rücksendung bei Fernabsatzverträgen: Verbraucherschutz versus Vertragsfreiheit”, f’Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht, 2005, p. 199-202, b’mod partikolari p. 201. Ara wkoll R. Knez, “Direktiva 97/7/ES Evropskega parlamenta in Sveta z dne 20. maja 1997 o varstvu potrošnikov glede sklepanja pogodb pri prodaji na daljavo”, f’V. Trstenjak, Evropsko pravo varstva potrošnikov, GV Založba, Ljubljana 2005, p. 111 et seq., b’mod partikolari p. 113.
52 – Jidher ċar li kemm Brönneke (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 iktar ‘il fuq, p. 132) kif ukoll Maderbacher/Otto (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 iktar ‘il fuq, p. 118) huma tal-istess fehma.
53 – Dwar l-isforzi u d-diskussjonijiet għal riforma jew għal regolamentazzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-konsumaturi, għal iktar dettalji, ara iktar ‘l isfel (il-punt 94 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
54 – J. Allix, “La directive 97/7CE: Contrats à distance et protection des consommateurs”, f’Revue des affaires européennes, 1998, p. 176-187, b’mod partikolari p. 179 ġustament iqis dan id-dritt ta’ rtirar bħala prinċipju fundamentali ta’ din id-direttiva. Fl-istess sens, ara Brönneke (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 iktar ‘il fuq, p. 127).
55 – Anki Mankowski (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 28 iktar ‘il fuq, p. 893) ġustament iqis li l-piżijiet u l-ispejjeż minħabba l-annullament tal-kuntratt wara rtirar għandhom jitqiesu bħala spejjeż minħabba l-irtirar.
56 – Ara l-punt 53 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
57 – Ara Mankowski (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 28 iktar ‘il fuq, p. 892).
58 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi, ippreżentati fil-15 ta’ Novembru 2007 fil-Kawża Quelle (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 iktar ‘il fuq, punt 49).
59 – B’differenza għal dak li seħħ fil-kuntest tal-imsemmija Kawża Quelle, f’dan il-każ id-dritt ta’ rtirar tal-konsumatur mhux marbut mal-fatt li l-bejjiegħ ma ssodisfax l-obbligi tiegħu, imma għandu biss l-għan li jipproteġi lill-persuna intitolata: ara P. Hellwege (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ‘il fuq, p. 74).
60 – Dwar dan il-punt, ara l-kunsiderazzjonijiet preliminari tiegħi, fil-punti 45 sa 57 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet. Huwa minnu li rigward dawn il-kwistjonijiet mhux irrelevanti jekk l-oneru tal-prova fl-aħħar mill-aħħar jiġi impost fuq il-fornitur (il-punti 33 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 33), imma ġeneralment il-konsumatur ma jkunx jaf b’din iċ-ċirkostanza.
61 – Dwar dan il-punt, ara l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
62 – Maderbacher/Otto (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 iktar ‘il fuq, p. 118) jenfasizzaw li jekk inqisu li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7 bl-ebda mod ma jipprovdi l-impożizzjoni ta’ kumpens għall-użu, jiġu evitati problemi ta’ definizzjoni bejn is-sempliċi “użu għal finijiet ta’ prova” u “użu effettiv”.
63 – F’dan ir-rigward, ara b’mod partikolari il-premessa 4 tad-Direttiva 97/7, fejn jiġi stabbilit espressament li “l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda qiegħda żżid in-numru ta’ modi li bihom il-konsumaturi jistgħu jiksbu l-informazzjoni dwar offerti kullimkien fil-Komunità u biex jagħmlu l-ordnijiet”. Il-ħsieb li jiġu promossi l-kuntratti li jsiru mill-bogħod jirriżulta anki mill-premessi 3, 6 u 7 tad-direttiva. Barra minn hekk, nistgħu nirreferu anki għal diversi komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-konsumaturi, pereżempju Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija għall-politika tal-konsumaturi 2002‑2006 (COM/2002/0208 finali, p. 21 et seq.). Fl-istess sens, ara H.-W. Micklitz (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ‘il fuq, p. 25).
64 – Id-direttiva kienet ibbażata fuq l-Artikolu 100A tat-Trattat KE (bħalissa, wara l-emendi, l-Artikolu 95 KE) u għalhekk għandha l-għan li twettaq is-suq intern [fuq l-Artikolu 100A tat-Trattat KE, jew aħjar l-Artikolu 95 KE, bħala l-bażi leġiżlattiva ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, Ġabra p. I‑11453, punti 59 u 60)]. F’dan ir-rigward, b’riferiment għad-Direttiva 97/7, ara anki M. Donnelly/F. White, “The Distance Selling Directives: a time for review”, f’Northern Ireland Legal Quarterly 56/2005, p. 200 et seq., b’mod partikolari p. 200 u 204; B. Schinkels (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 iktar ‘il fuq, punt 7). Minbarra l-premessa 4, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63 iktar ‘il fuq, li ssemmi fost l-oħrajn anki l-ħtieġa li jkunu evitati l-effettivi negattivi fuq il-kompetizzjoni bejn l-impriżi fis-suq uniku, għandna nsemmu wkoll, b’mod partikolari, l-ewwel tliet premessi tad-Direttiva 97/7:
“(1) Billi, in konnessjoni mal-kisba tal-miri tas-suq intern, għandhom jittieħdu miżuri għall-konsolidazzjoni gradwali ta’ dak is-suq;
(2) Billi l-moviment ħieles ta’ oġġetti u servizzi jaffettwa mhux biss is-settur tal-kummerċ iżda wkoll lill-individwi privati; billi jfisser li l-konsumaturi għandhom ikollhom aċċess għall-oġġetti u servizzi fi Stat Membru ieħor bl-istess termini li għandu l-poplu ta’ dak l-Istat;
(3) Billi, għall-konsumaturi, il-bejgħ bejn il-fruntieri jista’ jkun wieħed mill-iktar riżultati tanġibbli tat-tkomplija tas-suq intern, kif ġie nnotat, inter alia, fil-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill bit-titolu ‘Lejn suq wieħed fid-distribuzzjoni’; billi hu essenzjali li l-ħidma mingħajr xkiel tas-suq intern għall-konsumaturi li jkunu jistgħu jinnegozjaw ma’ negozju barra t-territorju tagħhom, anki jekk għandu sussidjarju fil-pajjiż fejn jirrisjedi l-konsumatur”.
65 – Ara l-premessa 4 tad-Direttiva 97/7, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63 iktar ‘il fuq.
66 – L-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi jirriżulta fil-parti l-kbira tal-premessi tad-Direttiva 97/7, f’termini issa ferm espliċiti, issa ftit inqas. F’termini partikolarment ċari, il-premessa 19 tirreferi għal “protezzjoni ottima għall-konsumatur”, u l-premessa 4 tenfasizza l-għan ta’ approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet għall-protezzjoni tal-konsumaturi fil-bejgħ mill-bogħod. Permezz tal-premessi, l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi jintrabat mal-għan tas-suq intern: ara M. Cremona, “The distance selling directive”, f’The Journal of Business Law 11/1998, p. 613 et seq., b’mod partikolari p. 614.
67 – B. Schinkels (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 iktar ‘il fuq, punt 8). F’dan ir-rigward, ara anki J. Hörnle/G. Sutter/I. Walden, “Directive 97/7/EC on the protection of consumers in respect of distance contracts”, f’Lodder/Kaspersen (ed.), eDirectives: Guide to European Union Law on E-commerce, Chapter 2, 2002, p. 11 et seq., b’mod partikolari p. 17.
68 – Ara l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 97/7. Dawn l-istess argumenti nsibuhom anki fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Belġju.
69 – L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 97/7 jeskludi d-dritt ta’ rtirar, b’mod partikolari għall-kuntratti ta’ forniment ta’ oġġetti magħmulin skont l-ispeċifikazzjonijiet li jkun ta l-konsumatur jew li jkunu kjarament personalizzati jew li, minħabba n-natura tagħhom, ma jistgħux jingħataw lura jew li jistgħu jiddeterjoraw jew jiskadu malajr ħafna. Id-dritt ta’ rtirar jiġi eskluż anki għall-kuntratti ta’ forniment ta’ reġistrazzjonijiet awdjo jew vidjo jew softwer tal-kompjuter li tneħħilhom is-siġill mill-konsumatur, kif ukoll il-kuntratti ta’ forniment ta’ gazzetti, perjodiċi u rivisti.
70 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 63 iktar ‘il fuq.
71 – Jekk, però, il-fornitur jagħżel li jikkonċentra l-attivitajiet tiegħu fuq il-bejgħ mill-bogħod, dan se jfisser li se jiffranka l-ispejjeż: b’mod partikolari ma jkollux għalfejn ikollu ħanut; ara M. Donelly/F. White, (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 64 iktar ‘il fuq, p. 201).
72 – Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 1997/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal]21 ta’ Settembru 2006 dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi fir-rigward ta’ Kuntratti li jsiru mill-bogħod ([COM] 2006/0514 finali), punt 7 u l-Anness IV.
73 – L-Artikolu 17(2) tal-Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar drittijiet tal-konsumatur ([COM]/2008/614 finali). L-għan ta’ din il-proposta għal direttiva huwa l-armonizzazzjoni sħiħa u uniformi tal-consumer acquis, li sa issa kien irregolat b’mod differenti minn diversi direttivi; ara anki, E Terryn, “The Right of Withdrawal, the Acquis Principles and the Draft Common Frame of Reference”, f’R. Schulze (ed.), Common Frame of Reference and Existing EC Contract Law, 2008, p. 158 et seq. u Green Paper dwar ir-Reviżjoni [tal]-Acquis tal-Konsumatur, Brussell, tat-8 ta’ Frar 2007 ([COM] 2006/0744 finali, p. 11).
74 – C. von Bar et (ed.), Principles, Definitions and Model Rules of European Private Law. Draft Common Frame of Reference (DCFR). Interim Outline Edition; prepared by the Study Group on a European Civil Code and the Research Group on EC Private Law (Acquis Group), Munich, 2008.
75 – Rigward il-valur ta’ dan d-dokument, R. Schulze/T. Wilhelmsson, “From the Draft Common Frame of References towards European Contract Law Rules”, f’European Review of Contract Law, 2008, p. 154-168 jenfasizzaw li d-DCFR tfassal minn grupp ta’ esperti u huwa bażi għal diskussjoni, flimkien ma’ xogħlijiet u proġetti oħrajn [Principles of European Contract Law (Prinċipji tal-Liġi Ewropea dwar il-Kuntratti) – PECL – u l-Prinċipji tal-Liġi], għal regolamentazzjoni Ewropea futura tal-liġi dwar il-kuntratti. Dwar il-Prinċipji tal-Liġi, ara R. Schulze, “Die ‘Acquis-Grundregeln’ u der Gemeinsame Referenzrahmen”, f’Zeitschrift für Europäisches Privatrecht, 2007, p. 731 et seq.
76 – Artikolu 17(2) tal-Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tat-8 ta’ Ottubru 2008] dwar drittijiet tal-konsumatur ([COM]/2008/614 finali).
77 – F’dan ir-rigward, ara l-punt 53 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
78 – Dan it-terminu jibda jiddekorri biss wara li l-konsumatur ikun ġie informat bid-dritt ta’ rtirar tiegħu. M. B. M. Loos, “Review of the European consumer acquis”, f’Zeitschrift für Gemeinschaftsprivatrecht/European Community private law review/Revue du droit privé communautaire, 2008, p. 117-122, b’mod p. 118, jgħid li l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi sostnew li f’ċerti każijiet it-terminu għandu jkun itwal, filwaqt li l-assoċjazzjonijiet tal-bejjiegħa, ġeneralment, kienu favur terminu iqsar.
79 – Madankollu, dan il-kumpens ikun dovut biss fil-każ ta’ rtirar eżerċitat fit-terminu normali ta’ rtirar, jiġifieri ġeneralment 14-il jum. F’każijiet fejn, però, il-konsumatur ma jkunx ġie informat bid-dritt ta’ rtirar tiegħu, jew ma jkunx ġie informat b’mod xieraq, l-Artikolu II.-5:105(4) DCFR jeskludi espressament il-ħlas ta’ kumpens.
80 – M. B. M. Loos (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 78 iktar ‘il fuq, p. 119).
81 – Dwar il-Prinċipji tal-Liġi, ara, fost l-oħrajn, R. Schulze (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 80 iktar ‘il fuq).
82 – Ara, fost l-oħrajn, R. Schulze (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 80 iktar ‘il fuq, p. 902, Artikolu 5:105).
83 – Għandu jiġi nnotat li, skont ir-raba’ punt tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 97/7, f’kundizzjonijiet partikolari t-terminu ta’ tliet xhur jista’ jinqabeż bi ftit jiem, jekk l-informazzjoni li tissemma fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 97/7 tingħata f’dan it-terminu ta’ tliet xhur. F’dan il-każ, it-terminu ta’ sebat ijiem tax-xogħol li jissemma fl-ewwel punt tal-Artikolu 6(1) jiddekkori minn meta tingħata din l-informazzjoni.
84 – Anki fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro, ippreżentati fil-21 ta’ Novembru 2007 fil-Kawża Hamilton (sentenza tal-10 ta’ April 2008, C‑412/06, Ġabra p. I‑2383) rigward il-possibbiltà li jiġi ffissat terminu fil-kuntest tad-dritt ta’ rtirar ipprovdut mid-Direttiva 85/577. Il-limitu taż-żmien tad-dritt ta’ rtirar fis-settur tal-kuntratti li jsiru mill-bogħod jikkuntrasta man-nuqqas ta’ limiti ta’ żmien għad-dritt ta’ rtirar fis-settur tal-bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb; dwar dan tal-aħħar ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Heininger (C‑481/99, Ġabra p. I‑9945, punt 48).
85 – F’dan ir-rigward, ara R. Knez (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 51 iktar ‘il fuq, p. 113).
86 – Ma jaqax fl-ambitu ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari li napprofondixxu l-kwistjoni jekk estensjoni għat-terminu ta’ tliet xhur tiggarantix tabilħaqq livell ogħla ta’ protezzjoni, jew jekk, fil-prattika, iġġibx fix-xejn din il-protezzjoni minħabba l-perijodu itwal ta’ użu marbut, b’mod kważi inevitabbli, ma’ din l-estensjoni skont id-dritt nazzjonali (waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż ikkonferma li, meta t-terminu ta’ rtirar ikun itwal minħabba li ma ġiex sodisfatt l-obbligu ta’ informazzjoni, ġeneralment l-oġġett sadanittant ikun ġie użat li, skont id-dritt nazzjonali, jagħti bażi lit-talba għall-kumpens).
87 – Ara din it-teżi tal-Kummissjoni fil-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
88 – Pereżempju, libsa għal lejla partikolari jew skrin kbir għal avveniment partikolari (pereżempju ta’ televiżjoni għal logħba partikolari tal-futbol, ara F. Buchmann, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 49 iktar ‘il fuq, p. 505, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 4). L-eżempju ta’ rtirar wara użu eċċessiv sar minn B. Schinkels (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 iktar ‘il fuq, punt 63).
89 – Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Kefalas et (C‑367/96, Ġabra p. I‑2843, punt 22); u tal-11 ta’ Settembru 2003, Walcher (C‑201/01, Ġabra p. I‑8827, punt 37).
90 – F’dan ir-rigward, ara s-sentenzi Kefalas et (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 89 iktar ‘il fuq, punt 22); u Walcher (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 89 iktar ‘il fuq, punt 37).
91 – Dwar dan il-punt, ara l-punt 96 iktar ‘l isfel ta’ dawn il-konklużjonijiet.
92 – Dwar il-verifika eventwali min-naħa tal-qorti tar-rinviju, ara l-punti 20 u 21 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-obbligu ta’informazzjoni diġà ma jkunx ġie sodisfatt, li jmur kontra d-direttiva, jekk il-konsumatur jiġi mgħarraf bl-obbligu eventwali (kontra d-direttiva) li jħallas kumpens għall-użu fil-każ ta’ rtirar. Anki informazzjoni li ma tinftiehemx u wisq ikkumplikata (ara M. Donelly/F. White, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 64 iktar ‘il fuq, p. 213 et seq.) tista’ twassal biex il-konsumatur jiġi żgwidat. L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 97/7 jipprevjeni dan ir-riskju (f’dan ir-rigward, ara anki J. Hörnle/G. Sutter/I. Walden, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 67 iktar ‘il fuq, p. 15).
93 – Il-punti 86 u 87 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
94 – Mankowski (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 28 iktar ‘il fuq, p. 892).
95 – Għal dan il-kunċett, ara B. Schinkels (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 iktar ‘il fuq, punt 63).
96 – Ara l-punt 85 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
97 – Ara l-punt 85 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
98 – Ara anki s-sentenzi Heininger (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 84 iktar ‘il fuq, punt 45); u Hamilton (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 84 iktar ‘il fuq, punt 33).
99 – Ara l-punt 39 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
100 – B’sens kritiku rigward dawn is-sentenzi, b’mod partikolari b’relazzjoni għan-nuqqas ta’ motivazzjoni iktar preċiża ara, fost l-oħrajn, Hoffmann, “Die EuGH-Entscheidungen ‘Schulte’ u ‘Crailsheimer Volksbank’: ein Meilenstein für den Verbraucherschutz beim kreditfinanzierten Immobilienerwerb?”, Zeitschrift für Wirtschaftsrecht ‑ ZIP, 2005, p. 1985 et seq., b’mod partikolari p. 1986.
101 – L-istess għanijiet taż-żewġ direttivi msemmija huma ferm differenti: filwaqt li l-għanijiet tad-Direttiva 97/7, li hija relevanti għal dan il-każ, jirreferu kemm għall-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll għas-suq intern, u b’mod partikolari , għall-promozzjoni tal-kuntratti li jsiru mill-bogħod, (ara l-punt 81 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-ħsieb esklussiv tal-leġiżlatur Komunitarju fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/577, min-naħa l-oħra, kien li jiżgura protezzjoni lill-konsumaturi fis-sitwazzjoni prekarja tal-bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb (ara B. Rudisch, “Das ‘Heininger’-Urteil des EuGH vom 13. 12. 2001, Rs C‑481/99: Meilenstein oder Stolperstein für den Verbraucherschutz bei Realkrediten?”, f’Verbraucherschutz in Europa: Festgabe für Heinrich Mayrhofer 2002 p. 189‑205, b’mod partikolari p. 204). L-għan bl-ebda mod mhu dak li jippromwovi l-bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb – anzi “l-libertà ta’ l-Istati Membri li jżommu jew idaħħlu projbizzjoni totali jew parzjali li jsiru kuntratti’ l bogħod mill-bini tan-negozju [...] m’għandhiex tiġi affettwata” (ara l-ħames premessa tad-Direttiva 85/577).
102 – Dan japplika anki għas-sentenza Quelle, imsemmija fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-konklużjoni tagħha, għal raġunijiet differenti minn dak sostnuti, tikkoinċidi mal-konklużjoni li qed nissuġġerixxi hawnhekk.
103 – Diġà hemm differenza sinjifikattiva fil-fatt li d-Direttiva 85/577 ma tipprovdi l-ebda terminu għad-dritt ta’ rtirar fil-każ li ma tingħatax informazzjoni dwar l-irtirar: ara l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva. Kif għidt iktar ‘il fuq, id-Direttiva 97/7, fil-każ li ma tingħatax informazzjoni dwar l-irtirar tipprovdi sempliċement għal titwil fit-terminu biex ikun eżerċitat id-dritt ta’ rtirar.
104 – Ara anki l-punt 43 tas-sentenza Hamilton (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 84).
105 – Il-punt 31 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
106 – Il-punt 31 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
107 – Il-punt 34 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
108 – Madankollu, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix lill-qrati nazzjonali milli jassiguraw li l-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju ma ġġibx magħha arrikkiment indebitu għal dawk li jgawdu dawn id-drittijiet. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 1979, Ireks-Arkady vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, (238/78, Ġabra p. 2955, punt 14); tal-21 ta’ Settembru 2000, Michaïlidis, (C‑441/98 u C‑442/98, Ġabra p. I‑7145, punt 31); tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, Ġabra p. I‑6297, punt 30); u tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, Ġabra p. I‑6619, punt 94). B’relazzjoni għall-koordinazzjoni fuq livell Komunitarju tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li r-regoli applikabbli għall-irkupru tal-ammont żejjed (kif ukoll dawk relatati mal-perijodi eventwali ta’ preskrizzjoni) jaqgħu, bħala prinċipju, taħt il-ġuriżdizzjoni leġiżlattiva tas-sistema ġuridika tal-Istati Membri: dwar dan il-punt, ara s-sentenza Pasquini (fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 iktar ‘il fuq, punt 53).
109 – Ara l-punt 90 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
110 – Ara l-punt 81 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
111 – Ara l-punti 80 sa 87 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
112 – Ara l-punt 82 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
113 – U barra minn hekk, mad-diffikultajiet konnessi u relevanti rigward il-prova.
114 – Li ma ġewx solvuti lanqas mill-proposta ta’ F. Buchmann (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 49 iktar ‘il fuq, p. 508), li tidentifika diesa quo li minn meta jibda jiddekkorri l-konsumatur irid jiddeċiedi li “jixtieq iżomm” l-oġġett. Anzi, peress li dan id-diesa quo fil-prattika ma jistax jiġi ddokumentat b’mod oġġettiv, is-sitwazzjoni tal-oneru tal-prova iktar tikkumplika ruħha.
115 – Ara l-punt 49 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
116 – Ara l-punti 97 u 98 iktar ‘il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
Full & Egal Universal Law Academy