KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MAZÁK
ippreżentati fit-3 ta’ Frar 2009 1(1)
Kawża C‑498/07 P
Aceites del Sur-Coosur, li kienet Aceites del Sur
vs
Koipe u UASI
“Appell – Trade mark Komunitarja – Regolament (KE) Nru 40/94 – Artikolu 8(1)(b) – Trade mark figurattiva Komunitarja ‘La Española’ – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Element determinanti”
1. Permezz tal-appell tagħha, Aceites del Sur-Coosur SA, li qabel kienet Aceites del Sur SA (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Koipe vs UASI u Aceites del Sur (La Española) (2). Id-Deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI) tal-11 ta’ Mejju 2004 (3) ġiet mibdula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li sabet li l-appell ippreżentat minn Aceites Carbonell, li issa saret Koipe Corporación SL (iktar ’il quddiem “Koipe”) quddiem il-Bord tal-Appell kien fondat u, li għaldaqstant l-oppożizzjoni kellha tintlaqa’.
I – Il-kuntest ġuridiku
2. L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (4) jipprovdi:
“1. Jekk issir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:
[…]
(b) jekk minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.”
3. L-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi:
“għall-iskopijiet tal-Paragrafu 1, “Trade marks preċedenti” tfisser:
(a) trade marks tat-tip imsemmija hawn taħt b’data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tiġi qabel dik ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, wara li wieħed iqis, fejn dan ikun xieraq, il-prioritajiet mitluba fir-rigward ta’ dawk it-trade marks:
(i) trade marks Komunitarji;
(ii) trade marks reġistrati fi Stati Membru, jew, fil-każ tal-Belġju, l-Olanda jew il-Lussemburgu, fl-Uffiċċju tat-trade Marks tal-Benelux
[…]”
II – Il-fatti li wasslu għall-kawża
4. Fit-23 ta’ April 1996, l-appellanti ppreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva mal-UASI (iktar ’il quddiem: it-“trade mark li għaliha saret applikazzjoni” jew it-“trade mark La Española”), li hija s-segwenti:
5. Fit-23 ta’ Novembru 1998, l-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 89/98. Fit-23 ta’ Frar 1999, Koipe ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti li tkopri. Koipe bbażat ruħha fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni, skont l-Artikolu 8(1)(b), 8(2)(ċ) u 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trademark figurattiva preċedenti Carbonell ta’ Koipe (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti” jew it-“trade mark Carbonell” li hija s-segwenti:
6. Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni qieset li Koipe kienet stabbilixxiet l-eżistenza ta’ biss tliet reġistrazzjonijiet Spanjoli u reġistrazzjoni Komunitarja rigward “żejt taż-żebbuġ” (iktar ’il quddiem: it-“trade marks Spanjoli preċedenti”) (5). Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjonijiet ta’ Koipe permezz tad-Deċiżjoni Nru 2084/2000, tal-21 ta’ Settembru 2000.
7. Fid-19 ta’ Jannar 2001, Koipe ppreżentat appell quddiem l-UASI mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Fil-11 ta’ Mejju 2004, ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell billi adotta d-deċiżjoni kkontestata u, billi segwa l-approċċ rifless fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, ikkonferma li l-impressjoni viżiva prodotta minn dawn is-sinjali kienet differenti. Huwa osserva li l-elementi figurattivi, li jikkonsistu essenzjalment fl-istampa ta’ persuna bil-qegħda fi ġnien bis-siġar taż-żebbuġ, kellha karattru distintiv dgħajjef ħafna fir-rigward taż-żejt taż-żebbuġ, li bħala konsegwenza jagħtu importanza ewlenija lill-elementi verbali “La Española” u “Carbonell”. Fir-rigward tat-tqabbil tas-sinjali fuq livell fonetiku u kunċettwali, huwa kkonstata li Koipe ma kinitx ċaħdet in-nuqqas totali ta’ koinċidenza bejn l-elementi verbali, u lanqas id-dgħjufija tar-rabta kunċettwali bejn is-sinjali konfliġġenti. Fl-aħħar, huwa rrikonoxxa li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kellha tagħti d-deċiżjoni tagħha fuq il-popolarità tat-trade marks preċedenti. Madankollu, huwa qies li din l-evalwazzjoni, kif ukoll l-evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni ppreżentata quddiem il-Bord tal-Appell sabiex tiġi ppruvata l-imsemmija reputazzjoni, ma kinux strettament meħtieġa, peress li waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa għall-evalwazzjoni ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark magħrufa jew li għandha reputazzjoni, jiġifieri l-eżistenza ta’ xebh bejn is-sinjali, f’kull każ, ma kinitx sodisfatta.
III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata
8. Fil-31 ta’ Awwissu 2004, Koipe ppreżentat rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Insostenn tar-rikors tagħha, Koipe allegat (i) ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, u (ii) ksur tal-obbligu tal-evalwazzjoni tal-provi tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.
9. Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza nnotat li l-kawża bejn il-partijiet irrigwardat liema reġistrazzjonijiet kellhom jiġu kkunsidrati għad-determinazzjoni dwar jekk kien jeżisti jew le d-dritt ta’ oppożizzjoni allegat minn Koipe. L-UASI u l-appellanti sostnew li, peress li d-data li fiha r-reġistrazzjoni Komunitarja Nru 338681 (iktar ’il quddiem, it-“trade mark Komunitarja ta’ Koipe”) ġiet ippreżentata minn Koipe wara d-data li fiha t-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni ġiet irreġistrata, il-Bord tal-Appell ma kellux jikkunsidraha. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, li din il-kwistjoni kienet irrilevanti u qieset li “d-deċiżjoni kkontestata hija essenzjalment ibbażata fuq in-nuqqas ta’ xebh bejn l-element figurattiv tat-trade mark Carbonell u dak tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. Issa, l-element figurattiv tat-trade mark Carbonell huwa identiku fir-reġistrazzjonijiet kollha invokati mir-rikorrenti, kemm f’dawk meħuda in kunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell kif ukoll f’dawk li huwa eskluda” (6).
10. Il-Qorti tal-Prim’Istanza pproċediet biex teżamina l-ewwel motiv ta’ Koipe, li fih allegat li d-deċiżjoni kkontestata kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 billi naqset milli tikkunsidra l-fatt li, it-trade marks inkwistjoni, jixxiebhu globalment mal-ewwel daqqa t’għajn u, għalhekk, kapaċi li joħolqu konfużjoni fis-suq, u l-fatt li l-prodotti li huma s-suġġett tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni huma identiċi għall-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti.
11. Għaldaqstant, fil-punti 75 sa 78 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell sempliċiment innota, sabiex jissustanzja r-riżultati li sab fir-rigward tal-karattru distintiv dgħajjef tal-elementi figurattivi tat-trade marks inkwistjoni, li kienu komuni fis-settur taż-żejt taż-żebbuġ. L-elementi figurattivi kkonsistew f’persuna bilqiegħda fil-kampanja u, b’mod iktar preċiż, fi ġnien bis-siġar taż-żebbuġ. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-Bord tal-Appell ma pprovda ebda dettalji fir-rigward tar-raġunijiet tar-riżultati li l-elementi figurattivi kellhom karattru distintiv dgħajjef, u lanqas ma semma trade marks oħra barra dawk fil-kawża, li fihom elementi figurattivi simili għat-trade marks inkwistjoni. Fil-punt 87 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza, għaldaqstant qieset li l-Bord tal-Appell kien żbalja meta kkonkluda li l-elementi figurattivi tat-trade marks inkwistjoni kellhom karattru distintiv dgħajjef.
12. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-Bord tal-Appell kien żbalja meta qies li l-element verbali kien ta’ importanza primarja minħabba l-karattru distintiv dgħajjef tal-elementi figurattivi tat-trade marks imsemmija anki jekk l-element verbali tat-trade mark La Española minnu nnifsu huwa distintiv b’mod dgħajjef (7).
13. Fir-rigward tax-xebh bejn it-trade marks u l-probabbiltà ta’ konfużjoni, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li “l-elementi komuni għaż-żewġ trade marks inkwistjoni kkunsidrati flimkien joħolqu impressjoni viżiva globali ta’ xebh kbir, peress li t-trade mark La Española tirriproduċi bi preċiżjoni kbira l-essenzjal tal-messaġġ u l-impressjoni viżiva maħluqa mit-trade mark Carbonell: il-mara liebsa libsa tradizzjonali, bilqiegħda b’ċertu mod, viċin fergħa ta’ siġra taż-żebbuġ, bi ġnien bis-siġar taż-żebbuġ fl-isfond, li globalment jinkludu arranġament kważi identiku tal-ispazji, tal-kuluri, tal-postijiet fejn huma miktuba d-denominazzjonijiet u tal-mod kif saret din il-kitba”. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li din l-impressjoni globali li tixxiebah, b’mod inevitabbli, toħloq fil-konsumatur, probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni li mhijiex imnaqqsa mill-eżistenza tal-element verbali differenti, peress li, kif ġie deċiż qabel, l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għandu karattru distintiv dgħajjef ħafna, peress li jagħmel riferiment għall-oriġini ġeografika tal-prodott (8).
14. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-Bord tal-Appell żbalja meta kkonkluda li kwalunkwe probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kienet eskluża. Għal kuntrarju, jirriżulta mill-osservazzjonijiet kollha tal-Qorti tal-Prim’Istanza li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks (9). Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettat l-ewwel motiv li allega ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u billi kkunsidrat li ma kienx hemm bżonn li jiġi eżaminat it-tieni motiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi mibdula (10).
IV – L-appell
15. L-appellanti tqajjem żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha. L-ewwel aggravju u l-ewwel ilment taħt it-tieni aggravju għandhom jiġu eżaminati flimkien.
A – L-ewwel aggravju u l-ewwel ilment taħt it-tieni aggravju
16. Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta qieset li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-oppożizzjoni ta’ Koipe kienet fondata, il-kwistjoni ta’ liema reġistrazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati hija rrilevanti. Is-sentenza kkontestata kellha teskludi t-trade mark Komunitarja ta’ Koipe fuq il-bażi li mhijiex trade mark preċedenti fis-sens tal-Artikolu 8(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, l-uniċi trade marks rilevanti kienu għaldaqstant t-trade marks Spanjoli preċedenti. B’hekk, il-kwistjoni dwar jekk teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks Spanjoli preċedenti għandha tiġi evalwata biss b’riferiment għall-pubbliku Spanjol, li huwa l-uniku post fejn it-trade marks preċedenti ta’ Koipe huma protetti, u mhux il-pubbliku kollu tat-territorju tal-Komunità.
17. Koipe u l-UASI jsostnu, essenzjalment, li l-appellanti qegħda tagħti importanza inġustifikata lit-termini tal-punti 47 u 48 tas-sentenza appellata. Huma jsostnu essenzjalment li l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni twettqet, f’kull fażi, fil-konfront biss tat-territorju u s-suq Spanjol.
18. Permezz tal-ewwel ilment taħt it-tieni aggravju l-appellanti ssostni li, billi ma identifikatx it-trade marks preċendenti b’mod korrett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddelimitat inġustament il-pubbliku u t-territorju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.
19. Koipe u l-UASI jsostnu essenzjalment li fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza llimitat b’mod korrett l-analiżi tal-pubbliku u t-territorju rilevanti għal dak Spanjol.
1. Evalwazzjoni
20. Fl-opinjoni tiegħi, l-appellanti għandha raġun targumenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta naqset li tiddelimita preċiżament it-trade marks preċedenti li għandhom jiġu kkunsidrati fil-kawża preżenti. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma eskludietx espressament it-trade mark Komunitarja ta’ Koipe mit-trade marks li kellhom jiġu kkunsidrati fuq il-bażi li din it-trade mark ma kinitx trade mark preċedenti skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94 (11).
21. Madankollu, l-iżball inkwistjoni ma jidhirx li kellu ebda piż deċiżiv fuq il-kategorizzazzjoni tal-pubbliku rilevanti, jew, f’dak il-każ, fuq ir-riżultat tas-sentenza appellata (12). Fil-fatt, jidher mis-sentenza appellata li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma għamlet riferiment għal ebda pubbliku jew territorju barra dak Spanjol.
22. Isegwi li l-ewwel aggravju u l-ewwel ilment taħt it-tieni aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala mhux fondati.
B – It-tieni ilment taħt it-tieni aggravju
23. Permezz tat-tieni ilment taħt it-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li, minkejja l-fatt li l-ġurisprudenza tipprovdi li “l-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha […] tiġi evalwata b’mod globali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-kawża ineżami” (13), fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tikkunsidra żewġ fatturi rilevanti u importanti, li huma: (i) il-koeżistenza preċedenti tat-trade marks għal perijodu twil ta’ żmien u (ii) ir-reputazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks Spanjoli preċedenti.
24. Fit-tieni lok, l-appellanti tikkunsidra li s-sentenza appellata eżaminat it-trade marks inkwistjoni mhux fuq il-bażi ta’ kriterju ta’ “evalwazzjoni globali” jew ta’ “impressjoni globali” iżda ħadet approċċ separat, suċċessiv u analitiku lejn l-elementi li jikkostitwixxu t-trade marks komposti, u b’hekk kisret l-Artikolu 8(1)(b) u l-ġurisprudenza li tinterpretah. Għaldaqstant, billi tat piż deċiżiv lill-elementi figurattivi u nnegat kwalunkwe importanza tal-elementi verbali tat-trade mark, il-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-fatti u l-evidenza tal-atti tal-proċess.
25. Fit-tielet lok, skont l-appellanti u l-UASI, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma evalwatx korrettament il-pubbliku rilevanti billi stabbilixxiet profil tal-konsumatur medju Spanjol taż-żejt taż-żebbuġ bħala konsumatur li huwa iktar viċin il-prototip tal-konsumatur medju użat taħt il-liġi Ġermaniża, b’mod partikolari “konsumatur negliġenti u li ma jirriflettix” milli l-prototip ta’ konsumatur Ewropew magħżul mill-ġurisprudenza Komunitarja “konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u prudenti” (14). Barra minn hekk, is-sentenza appellata tassumi livell ta’ attenzjoni iktar baxx minn naħa tal-konsumaturi fir-rigward tat-trade marks taż-żejt taż-żebbuġ, minnflok ma tassumi livell ta’ attenzjoni normalment adottat fir-rigward taż-żejt taż-żebbuġ mill-konsumatur Spanjol medju li huwa konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u prudenti.
26. Madankollu, Koipe ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat kriterju ta’ evalwazzjoni globali b’mod adattat, peress li evalwat korrettament l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, billi kkunsidrat il-fatturi rilevanti tal-kawża kollha, inkluż il-fatt li filwaqt li t-trade marks kienu koeżistenti fuq is-suq Spanjol ma għamlux dan fil-paċi. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza f’dan ir-rigward, mhux l-elementi kostituttivi kollha ta’ trade mark għandhom l-istess valur jew importanza. Konsegwentement, il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tittratta l-element figurattiv bħala li huwa deċiżiv, billi kkonkludiet li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni, filwaqt li minkejja dan ikkunsidrat l-element verbali, ma kisritx il-liġi Komunitarja dwar it-trade marks. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma marritx lil hinn mill-kriterju stabbilit li jirrigwarda l-evalwazzjoni ta’ tali probabbiltà. Fir-rigward tal-argumenti tal-appellanti fir-rigward tal-kategorizzazzjoni allegatament mhux korretta tal-konsumatur Spanjol taż-żejt taż-żebbuġ, Koipe ssostni li dawn kienu sempliċiment allegazzjonijiet fattwali li huma inammissibbli fil-fażi ta’ appell.
27. Qabel kollox, l-UASI jsostni li l-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tikkunsidra l-koeżistenza tat-trade marks fit-territorju rilevanti u r-reputazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fi Spanja ma kellu ebda piż deċiżiv fuq ir-riżultat tas-sentenza appellata. Fit-tieni lok, l-UASI jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet paragun bejn is-sinjali inkwistjoni fuq il-bażi ta’ elementi figurattivi biss, minħabba n-natura mhux sinjifikattiva tal-fatturi l-oħra, iżda jħalli r-riżoluzzjoni ta’ dan il-punt f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja u sempliċement jindika żewġ riżultati possibbli tal-appell.
1. Evalwazzjoni
28. Fir-rigward tal-argument tal-appellanti dwar il-koeżistenza tat-trade marks inkwistjoni, huwa evidenti mill-atti tal-proċess ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li tali koeżistenza tat-trade marks ma kinitx “fil-paċi”. Il-proprjetarji tat-trade mark Carbonell ressqu numru ta’ kawżi kontra t-trade mark La Española għall-annullament jew ir-rifjut tar-reġistrazzjoni ta’ dik it-trade mark (15) quddiem inter alia il-qrati Spanjoli.
29. Jidher mill-atti tal-proċess u l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li essenzjalment il-qrati Spanjoli ddeċidew bi qbil mar-raġunament kostanti tal-appellanti u għaldaqstant ippermettew li teżisti sitwazzjoni fejn it-trade marks inkwistjoni ngħataw effettivament permess li jkun hemm koeżistenza bejniethom fis-suq Spanjol (16). Fl-opinjoni tiegħi, anki jekk wieħed jassumi li l-koeżistenza tat-trade marks fuq is-suq Spanjol ġiet stabbilita, l-appellanti ma stabbilixxietx li tali koeżistenza kienet ibbażata fuq in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni (17).
30. Fit-tieni lok, rigward il-kwistjoni ta’ reputazzjoni, huwa suffiċjenti li jitfakkar li bħala prinċipju hija r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti u mhux dik tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li għandha tiġi kkunsidrata sabiex jiġi ddeterminat jekk ix-xebh bejn il-prodotti jew servizzi koperti miż-żewġ trade marks hija suffiċjenti sabiex tirriżulta probabbiltà ta’ konfużjoni (18).
31. Fl-opinjoni tiegħi, fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tevalwa r-rilevanza tal-koeżistenza tat-trade marks u r-reputazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Madankollu, fid-dawl tal-punti 29 u 30 iktar ’il fuq, in-nuqqas tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma jiġġustifikax li tiġi annullata s-sentenza appellata. Peress li ma ġiex stabbilit li l-koeżistenza tat-trade marks inkwistjoni kienet ibbażata fuq in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni u li huwa bħala prinċipju r-reputazzjoni jew in-nuqqas tagħha tat-trade mark Carbonell li għandha tiġi evalwata u mhux it-trade mark La Española li għandha tiġi evalwata fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, is-sentenza appellata ma ġietx affettwata min-nuqqas tal-Qorti tal-Prim’Istanza.
32. Fl-opinjoni tiegħi l-kwistjoni ta’ veru f’dan l-appell hija l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni allegatament żbaljati tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (b’mod partikolari fir-rigward tad-differenzi viżivi bejn l-elementi verbali inkwistjoni) tal-Qorti tal-Prim’Istanza.
33. F’dan il-kuntest, nikkunsidra li huwa xieraq li niċċita l-ġurisprudenza ġenerali, li sar sunt tajjeb tagħha mill-Qorti tal-Ġustizza fil-kawża UASI vs Shaker (19), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li “għandu jitfakkar li, skond [l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94] jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma tiġix milqugħa fejn, minħabba identiċità jew xebh mat-trade mark preċedenti jew l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Tali probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti”.
34. Fl-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li “fuq dan il-punt, il-leġiżlatur Komunitarju ppreċiża fis-seba’ premessa tar-Regolament Nru 40/94, li l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni tiddependi minn numru ta’ fatturi, u b’mod partikolari mill-għarfien li l-pubbliku għandu tat-trade mark fis-suq in kwistjoni, ta’ l-assoċjazzjoni li tista’ ssir mas-sinjal użat jew irreġistrat, tal-grad ta’ xebh bejn it-trade mark u s-sinjal kif ukoll bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti” (20).
35. Hija ġurisprudenza kostanti li “tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, il-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew, skond il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament” (21).
36. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku għandha tiġi evalwata globalment, b’kunsiderazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti għaċ-ċirkustanzi tal-kawża (22).
37. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni ġenerali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni trid, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fis-smigħ jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, fejn tingħata attenzjoni partikolari għall-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li l-konsumatur medju għandu tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni tilgħab rwol determinanti fl-evalwazzjoni ġenerali ta’ din il-probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fit-totalità tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti (23).
38. Fl-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li “sabiex jiġi evalwat il-livell ta’ xebh li jeżisti bejn it-trade marks ikkonċernati, għandu jiġi stabbilit il-livell tagħhom ta’ xebh viżiv, ta’ smigħ u kunċettwali u, jekk ikun il-każ, għandha tiġi evalwata l-importanza li għandha tingħata lil dawn l-elementi differenti, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkonċernati u l-kundizzjonijiet li skondhom huma kummerċjalizzati” (24).
39. Fir-rigward tas-sentenza appellata, fil-punt 87, il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel ikkonkludiet li b’mod kuntrarju għal dak li ġie deċiż fid-deċiżjoni kkontestata, l-elementi figurattivi tat-trade marks inkwistjoni kellhom jingħataw importanza akbar u qieset li ma kellhomx karattru distintiv dgħajjef.
40. Fit-tieni lok, fil-punti 88 sa 93 tas-sentenza appellata, u wkoll, b’mod kuntrarju għal dak li tqies fid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza attribwiet grad ta’ importanza inqas lill-element verbali tat-trade mark La Española u qieset li ma kellux karattru dominanti.
41. Il-Qorti tal-Prim’Istanza pproċediet biex teżamina x-xebh bejn it-trade marks inkwistjoni u l-probabbiltà ta’ konfużjoni.
42. Fil-punt 98 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tgħid li żewġ trade marks ikunu jixxiebhu meta, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, huma jkunu għallinqas parzjalment identiċi f’dak li jikkonċerna aspett rilevanti wieħed jew iktar (25). Fil-punti 100 sa 103 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet paragun viżiv tat-trade marks inkwistjoni.
43. F’dan ir-rigward, jidher li l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat minn perspettiva viżiva ċerti aspetti tal-preżentazzjoni tat-trade marks inkwistjoni (26). Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li “d-denominazzjoni tat-trade mark tidher fi kwadru abjad, fuq sfond aħmar, imqiegħed fil-parti t’isfel tat-tikketta” u li “id-denominazzjoni tat-trade mark tidher b’ittri bojod tal-istess daqs, fuq l-isfond aħmar tal-kwardu”. Madankollu, nixtieq nenfassizza li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma eżaminatx jew għamlet paragun tal-kontenut reali tal-elementi verbali tad-denominazzjonijiet infushom.
44. Barra minn hekk, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza reġgħat għamlet riferiment għad-denominazzjonijiet iżda biss fir-rigward tal-“postijiet fejn huma miktuba d-denominazzjonijiet u tal-mod kif saret din il-kitba”. B’hekk il-Qorti tal-Prim’Istanza reġgħet naqset milli teżamina l-kontenut reali tal-elementi verbali u d-differenzi viżivi bejn ż-żewġ termini.
45. Huwa biss fil-punt 105 tas-sentenza appellata li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet riferiment, fil-fatt għall-elementi verbali differenti tad-denominazzjonijiet, imma kkonstatat effettivament, li peress li “La Española” kellha karattru distintiv dgħajjef ħafna (27) dik id-differenza ma tnaqqas il-probabbiltà ta’ konfużjoni. Madankollu l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx paragun viżiv tat-termini “La Española” u “Carbonell”.
46. Fl-aħħar punt, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza żammet li d-differenzi fonetiċi bejn it-trade marks inkwistjoni kienu irrilevanti għall-għan li ssir distinzjoni bejn il-prodotti.
47. Fid-dawl ta’ dan, jiena nikkunsidra li l-appellanti tiżbalja meta ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset fl-evalwazzjoni globali tagħha tat-trade marks inkwistjoni milli teżamina l-elementi verbali ta’ dawk it-trade marks. Huwa ċar li xi evalwazzjoni tad-denominazzjonijiet twettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza.
48. Madankollu, l-appellanti ssostni wkoll li fl-analiżi tagħha tal-probabbiltà ta’ konfużjoni l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-fatti u l-evidenza fl-atti tal-proċess mressqa quddiemha.
49. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 225(1) KE u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell huwa limitat għal punti ta’ dritt. Fil-fatt, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha l-kompetenza li tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti, u kif ukoll li tevalwa l-provi. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi mhijiex, sakemm ma jkunux ġew żnaturati, punt ta’ dritt suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (28). Tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (29).
50. Filwaqt li jidher li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni, jien naħsab li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat effettivament biss id-denominazzjoni “La Española” (30). Madankollu, minn barra li rrikonoxxiet fil-punt 105 li l-element verbali huwa differenti, is-sentenza appellata ma fiha l-ebda evalwazzjoni espressa tad-distinzjoni jew le tagħha mid-denominazzjoni “Carbonell”. Għaldaqstant, nikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tqabbel b’mod adegwat il-kontenut reali tal-elementi verbali tad-denominazzjonijiet “Carbonell” u “La Española”.
51. Isegwi minn qari tal-punti 94 sa 112 tas-sentenza appellata dwar l-analiżi tax-xebh tat-trade marks u l-probabbiltà ta’ konfużjoni li billi evalwat l-elementi verbali tat-trade marks inkwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza injorat f’din l-evalwazzjoni, il-kontenut attwali tal-element verbali tad-denominazzjoni “Carbonell” u wettqet paragun minn perspettiva waħda tad-denominazzjonijiet inkwistjoni, li għaldaqstant huwa żbaljat fil-liġi (31). Jien nikkunsidra li dan in-nuqqas wassal għal żnaturament tal-fatti u tal-evidenza tal-atti tal-proċess.
52. Fl-istess ħin, dan in-nuqqas minn naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza wassal, fl-opinjoni tiegħi, għal żball ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.
53. Nixtieq inżid f’dak ir-rigward li anki kieku l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat il-kontenut tal-elementi verbali tad-denominazzjonijiet “Carbonell” u “La Española” bħala mhux dominanti u/jew ta’ inqas importanza, kienet madankollu obbligata, sakemm ma kinitx tal-opinjoni li dawn l-elementi ma kienux kunsiderevoli (32), sabiex isir paragun tal-kontenut reali tal-elementi verbali tad-denominazzjonijiet (33). F’dan ir-rigward, f’Medion (34) pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-probabbiltà ta’ konfużjoni rriżultat minn element mhux dominanti.
54. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma pprovdiet l-ebda raġuni espressa għalfejn, fil-kuntest tal-paragun viżiv tat-trade marks inkwistjoni, ma wettqitx paragun tal-kontenut attwali tal-elementi verbali tad-denominazzjonijiet direttament (jiġifieri, id-denominazzjonijiet tat-trade marks rispettivi “Carbonell” u “La Española”).
55. Barra minn hekk, jiena naqbel mal-appellanti u mal-UASI li – minkejja li ċċitat fil-punt 107 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza korretta fir-rigward tal-livell ta’ “konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u prudenti” tal-konsumatur medju li għandu jiġi applikat fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali – il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-fatt applikat livell li iktar jixbah dak ta’ konsumatur negliġenti ħafna.
56. Fl-opinjoni tiegħi, l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-konsumatur rilevanti (35) ma taqbilx mal-ġurisprudenza li tiddikjara li l-konsumatur medju huwa “normalment informat u raġonevolment attent u prudenti”.
57. Jiena nikkunsidra li ma kienx loġiku għall-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddikjara li konsumatur medju “normalment informat u raġonevolment attent u prudenti” kien jonqos milli josserva l-kontenut reali tal-elementi verbali tad-denominazzjonijiet tat-trade marks inkwistjoni, l-iktar meta d-daqs u l-importanza tat-trade marks inkwistjoni huma kunsiderevoli.
58. Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-argument proċedurali tal-UASI li mhuwiex għall-Qorti tal-Prim’Istanza biex tiddeċiedi b’mod li huwa kuntrarju għad-deċiżjoni kkontestata ta’ korp Komunitarju u li tista’ biss tannulla tali deċiżjoni, huwa biżżejjed li jingħad li skont l-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94 u tal-Artikolu 135 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li din tal-aħħar tista’ tbiddel deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u skont l-Artikolu 63(6) tal-imsemmi regolament, l-UASI huwa obbligat li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (36).
59. Isegwi minn dak kollu li ntqal qabel li fl-opinjoni tiegħi l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-fatti u l-evidenza fl-atti tal-proċess imressqa quddiemha u kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.
60. Fil-kawża preżenti, jien nikkunsidra li, skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrinvija l-kawża lura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tkun tista’ tevalwa l-fatti (paragun ġdid tat-trade marks inkwistjoni), u twettaq evalwazzjoni globali korretta tat-trade marks inkwistjoni.
V – Konklużjoni
61. Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
(1) tannulla l-kawża T‑363/04 Koipe vs UASI – Aceites del Sur (La Española);
(2) tirrinvija l-kawża lura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej għal deċiżjoni;
(3) tirriżerva l-ispejjeż.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
22 – Sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007 (T‑363/04, Ġabra II-3355) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).
33 – Każ R 1109/2000-4 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
44 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17 Vol. 1, p. 146.
55 – Bħala evidenza tal-eżistenza tat-trade mark preċedenti, Koipe bbażat ruħha fuq sitt reġistrazzjonijiet Spanjoli, ir-reġistrazzjoni Komunitarja Nru 338681, żewġ reġistrazzjonijiet internazzjonali u reġistrazzjonijiet nazzjonali Irlandiżi, Daniżi, Żvediżi u tar-Renju Unit.
66 – Ara l-punt 48 tas-sentenza appellata.
77 – Ara l-punti 88 u 89 tas-sentenza appellata. Fil-punti 92 u 93 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat li “L-UASI stess [kien] adotta […] pożizzjoni kontra dik li [adotta] fil-kuntest ta’ dawn il-proċedimenti” peress li sabet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni l-oħra li “l-espressjoni “la española” kellha biss saħħa distintiva dgħajfa, għaliex din kienet tikkostitwixxi denominazzjoni komuni fis-settur alimentari, u kienet timplika riferiment għall-oriġini ġeografika tal-prodotti”.
88– Ara l-punti 104 u 105 tas-sentenza appellata.
99 – Ara l-punt 112 tas-sentenza appellata.
1010 – Ara l-punti 113 u 114 tas-sentenza appellata.
1111 – Safejn hija sussegwenti għall-applikazzjoni tat-23 ta’ April 1996 għat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.
1212 – Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Biret International vs Il-Kunsill (C‑94/02 P, Ġabra p. I‑10565, punt 63).
1313 – Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL (C‑251/95, Ġabra p. I‑6191, punt 22) u tat-12 ta’ Jannar 2006, Ruiz-Picasso et vs UASI (C‑361/04 P, Ġabra p. I‑643, punt 18).
1414 – Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer (C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 26).
1515 – Fuq il-bażi tax-xebh bejn ir-rappreżentazzjoni figurattiva tat-trade marks inkwistjoni.
1616 – F’numru ta’ deċiżjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza żammet li l-possibiltà li koeżistenza ta’ trade marks fuq is-suq tista’ eventwalment tnaqqas il-probabbiltà ta’ konfużjoni ma tistax tiġi nnegata kompletament. Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2005, Grupo Sada vs UASI (T‑31/03, Ġabra p. II-1667, punt 86), tal-25 ta’ Ottubru 2006, Castell del Remei vs UASI (T‑13/05, Ġabra II-85) u tal-11 ta’ Diċembru 2007, Portela & Companhia vs UASI (T‑10/06, Ġabra II-166).
1717 – Għaldaqstant, ma ġiex stabbilit li l-pubbliku rilevanti kien jaf li t-trade marks inkwistjoni kienu proprjeta ta’ impriżi differenti.
1818 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon (C‑39/97, Ġabra I-5507, punt 24).
1919 – Sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007 (C‑334/05 P, Ġabra p. I‑4539, punt 31). Ara wkoll is-sentenza Nestlé vs UASI (C‑193/06 P, Ġabra I-114*, punt 31).
2020 – UASI vs Shaker, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 32.
2121 – Ara UASI vs Shaker, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 33 u Nestlé vs UASI, iċċitata fin-nota ta’qiegħ il-paġna 19, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata.
2222 – UASI vs Shaker, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 34 u Nestlé vs UASI, iċċitata fin-nota ta’qiegħ il-paġna 19, punt 33.
2323– UASI vs Shaker, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 35 u Nestlé vs UASI, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 34.
2424– UASI vs Shaker, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 36.
2525– Referenza għas-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI (T‑6/01, Ġabra p. II-4335, punt 30) u tas-7 ta’ Settembru 2006, L & D vs UASI (T‑168/04, Ġabra II-2699, punt 91).
2626 – Ara l-punt 100 tas-sentenza appellata.
2727– Peress li tirriferi għall-oriġini ġeografika tal-prodotti.
2828– Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI (C‑104/00 P, Ġabra I-7561, punt 22), tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs UASI (C‑173/04 P, Ġabra I-551, punt 35) u tat-22 ta’ Settembru 2006, Storck vs UASI (C‑25/05 P, Ġabra I-5719, punt 40).
2929 – Ara s-sentenzi tat-28 ta’ Mejju 1998, New Holland Ford vs Il-Kummissjoni (C‑8/95 P, Ġabra I-3175, punt 72); tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni (C‑551/03 P, Ġabra I-3173, punt 54); u tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni (C‑167/04 P, Ġabra I-8935, punt 108).
3030– B’mod partikolari, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li “La Española” għandha biss karattru distintiv dgħajjef.
3131– Fl-opinjoni tiegħi l-karattru distintiv dgħajjef tal-espressjoni “La Española” mhuwiex manifestament suffiċjenti sabiex jiġġustifika nuqqas ta’ paragun, minn perspettiva viżiva, mat-trade mark preċedenti “Carbonell”.
3232– Ara, f’dan is-sens, UASI vs Shaker, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punti 41 u 42. F’dawn il-punti l-Qorti tal-Ġustizzja sabet, inter alia, li fil-kuntest tal-kunsiderazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, l-evalwazzjoni ta’ xebh bejn iż-żewġ trade marks inkwistjoni għandha ssir billi tiġi eżaminata kull trade mark kompletament. Huwa biss jekk il-komponenti l-oħra tat-trade mark mhumiex kunsiderevoli li l-evalwazzjoni tax-xebh jista’ jitwettaq fuq il-bażi biss tal-element dominanti.
3333– Ara f’dan is-sens il-punt 45 iktar ’il fuq rigward “La Española”.
3434– Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005 (C‑120/04, Ġabra I-8551, punt 32 et seq).
3535 – B’mod partikolari fil-punt 109 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza sabet li “iż-żejt taż-żebbuġ f’ħafna mill-każijiet jinxtara mis-supermarkits jew mill-istabbilimenti fejn il-prodotti ta’ trade marks differenti huma ppakjati fuq xkafef [… u għaldaqstant] il-konsumatur huwa qabel kollox immexxi minn impressjoni milli minn paragun dirett tat-trade marks differenti, u ta’ spiss ma jaqrax l-indikazzjonijiet kollha miktuba fuq kull kontenitur taż-żejt taż-żebbuġ. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-konsumatur jieħu flixkun li t-tikketta tiegħu toħloqlu l-impatt viżiv tat-trade mark li jkun qed ifittex. [Għaldaqstant] huwa l-element figurattiv tat-trade marks konfliġġenti li jakkwista iktar importanza […]”
3636– Ara pereżempju, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, AMS vs UASI (T‑425/03, Ġabra II-4265, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).
Full & Egal Universal Law Academy