KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
Trstenjak
ippreżentati fid-19 ta’ Frar 2009 1(1)
Kawża C‑520/07 P
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
MTU Friedrichshafen
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli – It-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 – Deċiżjoni abbażi tal-informazzjoni disponibbli – Ipoteżi – Muturi għall-vapuri”
1. Dan l-appell tal-Kummissjoni jikkonċerna s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Settembru 2007, MTU Friedrichshafen GmbH vs Il‑Kummissjoni (T-196/02, Ġabra p. II-2889; iktar ’il quddiem: is-“sentenza appellata”). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/898/KE tad-9 ta’ April 2002 dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Ġermanja lil SKL Motoren- und Systembautechnik GmbH (iktar ’il quddiem: “SKL-M”).
2. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni l-ewwel nett ordnat il-ħlas lura tal-għajnuna mogħtija lil SKL-M, jiġifieri EUR 34.26 miljuni. L-annullament parzjali jikkonċerna l-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni ordnat il-ħlas lura flimkien u in solidum ta’ parti mill-għajnuna, jiġifieri EUR 2.71 miljuni, mogħtija lil SKL-M mingħand MTU Friedrichshafen GmbH (iktar ’il quddiem: l-“appellata”).
3. Dan l-appell jikkonċerna prinċipalment l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni [tal]-Artikolu 93 tat-Trattat KE [li sar l-Artikolu 86 KE] (2). Skont dan l-Artikolu, fil-kuntest ta’ proċedura dwar għajnuna mill-Istat, fil-każ li Stat Membru ma josservax inġunzjoni ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni abbażi tal-informazzjoni disponibbli.
I – Il-kuntest ġuridiku
4. Skont l-Artikolu 87(1) KE, bħala prinċipju, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.
5. Ir-Regolament Nru 659/1999 jiddefinixxi l-proċedura dwar għajnuna mill-Istat. L-Artikoli 10 sa 15 ta’ dan ir-regolament jirregolaw il-proċedura dwar għajnuna illegali. Skont l-Artikolu 10 tar-regolament, il-Kummissjoni għandha teżamina mingħajr dewmien l-informazzjoni dwar l-allegata għajnuna illegali (3) u għandha titlob, jekk ikun meħtieġ, informazzjoni mingħand l-Istat Membru kkonċernat (4). Jekk l-Istat Membru kkonċernat, minkejja ittra ta’ tfakkira, ma jipprovdix l-informazzjoni mitluba fit-terminu ffissat mill-Kummissjoni jew jipprovdi informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li permezz tagħha titlob din l-informazzjoni (5), u fejn tispeċifika l-informazzjoni mitluba u tistabbilixxi terminu adegwat li fih din għandha tiġi pprovduta (6).
6. Skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 4(4) meħuda flimkien tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni, wara li tkun għamlet eżami preliminari biex tara jekk hemmx dubji rigward il-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-miżura nnotifikata, għandha tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 13(1) flimkien mal-Artikolu 7(5) ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni negattiva jekk issib, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, li l-għajnuna ma tkunx kompatibbli mas-suq komuni. It-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-Regolament tipprovdi li fil-każ li ma tiġix osservata inġunzjoni ta’ informazzjoni, id-deċiżjoni għandha tiġi adottata abbażi tal-informazzjoni disponibbli.
7. Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, fil-każ ta’ deċiżjonijiet negattivi rigward għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li permezz tagħha tobbliga lill-Istat Membru kkonċernat jadotta l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju. Il-Kummissjoni ma timponix l-irkupru tal-għajnuna jekk dan imur kontra prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju.
II – Il-fatti li wasslu għall-kawża, id-deċiżjoni u s-sentenza appellata
8. SKL-M hija impriża li tiżviluppa u tipproduċi muturi għall-vapuri u għas-settur tal-enerġija. Hija kienet tagħmel parti minn grupp ta’ impriżi tal-Ġermanja tal-Lvant li ġew ipprivatizzati fl-1994. Wara li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni inizjali falla, il-Bundesanstalt für vereinigungsbedingte Sonderaufgaben (iktar ’il quddiem: il-“BvS”), iddeċidiet li tkompli bir-ristrutturazzjoni ta’ SKL-M bil-ħsieb li din eventwalment tinbiegħ.
9. L-appellata hija impriża li fost l-oħrajn, tipproduċi muturi Dijżil ta’ ċertu saħħa. Fil-5 ta’ Novembru 1997, permezz tal-BvS, ġew konklużi l-akkordji kuntrattwali li ġejjin bejn SKL-M u l-appellata, fil-prospettiva li din tal-aħħar tixtri lil SKL-M.
10. L-ewwel kuntratt kien jagħti lill-appellata l-possibbiltà li takkwista l-ishma kollha ta’ SKL-M, bil-fakultà li tixtrihom għas-somma simbolika ta’ DEM 1 sal-1 ta’ Diċembru 1999, u wara għal “prezz raġonevoli” sal-31 ta’ Diċembru 2001.
11. It-tieni ftehim bejn SKL-M u l-appellata kien kuntratt ta’ liċenzja u ta’ kooperazzjoni bilaterali (wechselseitiger Lizenz- und Kooperationsvertrag; iktar ’il quddiem: il-“WLKV”), li jikkonċerna l-ħolqien ta’ impriża komuni. Dan kien jistabbilixxi l-metodi tal-użu komuni tal-kapaċità (know-how) eżistenti taż-żewġ impriżi, kif ukoll tal-iżvilupp, tal-manifattura u tal-bejgħ ta’ żewġ tipi ġodda ta’ muturi.
12. Fil-5 ta’ Novembru 1997 ġie konkluż ukoll ftehim bejn il-BvS, il-Land ta’ Sachsen-Anhalt u SKL-M li kien jirregola l-ħlas lil din tal-aħħar tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni.
13. B’ittra tad-9 ta’ April 1998, l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni l-miżuri ta’ sostenn tal-BvS għal SKL-M. Peress li diġà kienet ingħatat parti minn din l-għajnuna, il-fajl ġie rreġistrat bħala għajnuna mhux innotifikata, bin-numru ta’ referenza NN 56/98. Minħabba l-inċertezza ġuridika rigward l-evalwazzjoni tal-għajnuna lil SKL-M, l-appellata rrinunzjat għall-akkwist tagħha (buyout). Iż-żewġ impriżi, madankollu, komplew jikkooperaw fil-kuntest tal-WLKV.
14. Fil-15 ta’ Ġunju 2000, abbażi tal-Artikolu 5 tal-WLKV, l-appellata eżerċitat id-dritt tagħha li tagħmel użu esklużiv fil-konfront ta’ terzi mill-kapaċità msemmija fil-WLKV. SLK-M kisbet kumpens f’forma ta’ ħlas wieħed, li kellu jkopri l-ispejjeż tal-iżvilupp li kellha. L-ammont ta’ dan il-ħlas kien marbut ma’ dak tal-baġit miftiehem fl-Anness I għall-WLKV, jiġifieri total ta’ EUR 3.43 miljuni. F’Lulju 2000, il-kapaċità msemmija fl-Artikolu 5 tal-WLKV ġiet ivverifikata u tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-appellata, li min-naħa tagħha ħalset l-ammont previst lil SKL-M.
15. Wara eżami preliminari tal-informazzjoni trażmessa mill-awtoritajiet Ġermaniżi, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri kkontestati joħolqu dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni. B’ittra tat-8 ta’ Awwissu 2000, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Ġermaniżi bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (7) u l-Kummissjoni sejjħet lill-partijiet interessati jissottomettulha l-kummenti tagħhom. Dakinhar, il-Kummissjoni talbet ukoll lill-awtoritajiet Ġermaniżi jekk l-appellata kinitx ibbenefikat mill-għajnuna mogħtija lil SKL-M jew setgħetx tibbenefika minnha (8).
16. Fl-1 ta’ Settembru 2000, inbdiet proċedura ta’ falliment kontra SKL-M.
17. Fis-16 ta’ Ottubru 2000, fis-6 ta’ April u fis-17 ta’ Ottubru 2001, ir-Repubblika Federali Ġermaniża ssottomettiet il-kummenti tagħha fuq id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Ebda terz interessat ma ssottometta direttament kummenti lill-Kummissjoni.
18. B’ittra tad-19 ta’ Settembru 2001, il-Kummissjoni ordnat lill-awtoritajiet Ġermaniżi li jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mogħtija lil SKL-M, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 659/1999. F’din l-ittra, il-Kummissjoni reġgħet staqsiet jekk parti mill-għajnuna mogħtija lil SKL-M kinitx ġiet użata fl-interess tal-appellata iktar milli f’dak ta’ SKL-M. Bl-informazzjoni li kellha ma setgħetx tiċċara dan il-punt. B’mod partikolari, hija staqsiet jekk il-prezz li ħallset l-appellata biex takkwista l-kapaċità żviluppata kienx jirrifletti l-valur tas-suq attwali jew previst. Il-Kummissjoni fakkret li, fin-nuqqas ta’ din l-informazzjoni, hija kienet se tadotta deċiżjoni finali abbażi tal-informazzjoni fil-pussess tagħha. Hija stiednet lill-awtoritajiet Ġermaniżi li jibagħtu l-ittra ta’ inġunzjoni ta’ informazzjoni lill-appellata wkoll.
19. Fid-9 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni fakkret lill-awtoritajiet Ġermaniżi li, jekk huma ma jikkonformawx ruħhom mal-inġunzjoni ta’ informazzjoni, id-deċiżjoni kienet se tittieħed abbażi tal-informazzjoni disponibbli, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/99.
20. B’ittri tat-23 ta’ Jannar, tas-26 ta’ Frar u tal-11 ta’ Marzu 2002, l-awtoritajiet Ġermaniżi rrispondew għall-inġunzjoni ta’ informazzjoni. B’ittra tal-5 ta’ Marzu 2002, huma wkoll bagħtu lill-Kummissjoni l-kummenti tal-appellata dwar is-suġġett tad-deċiżjoni ta’ ftuh tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-użu tal-kapaċità u l-prezz imħallas mill-appellata lil SKL-M.
A – Id-deċiżjoni sentenza appellata
21. Fid-9 ta’ April 2002, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, fejn qalet li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minkejja l-inġunzjoni ta’ informazzjoni, ma bagħtitx informazzjoni suffiċjenti biex hija setgħet teskludi li l-appellata kienet ibbenefikat indirettament, permezz tal-WLKV, mill-għajnuna mogħtija lil SKL-M. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha tadotta deċiżjoni abbażi tal-informazzjoni disponibbli (9).
22. Il-prezz taċ-ċessjoni tal-kapaċità, li l-appellata ħalset lil SKL-M kien ta’ EUR 2.71 miljuni inqas mill-ispejjeż effettivi tal-iżvilupp imġarrab minn SKL‑M (10).
23. Fil-premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-għajnuna lil SLK-M, li kellha l-għan li tpatti għat-telf minħabba l-iżvilupp tal-kapaċità, setgħet intużat fl-interess tal-appellata pjuttost milli għall-benefiċċju ta’ SKL-M.
24. Fil-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li l-attribuzzjoni tar-riskju finanzjarju lill-impriża SKL-M, ikkontrollata mill-Istat, ma kinitx konformi mal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq u li l-parteċipazzjoni tal-appellata ma kinitx ibbażata fuq proċedura konformi ma’ sejħa pubblika għall-offerti. Għaldaqstant, it-trasferiment tal-kapaċità seta’ jiġi mqabbel ma’ trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi lill-appellata ta’ mhux iktar minn EUR 2.71 miljuni.
25. Fil-punti 87 u 88 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Kummissjoni sostniet l-ewwel nett li l-Ġermanja kienet tat għajnuna bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE (11). Għalhekk, kellhom jiġu rkuprati EUR 34.26 miljuni mingħand SKL-M. Peress li, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, ma setax jiġi eskluż li l-appellata bbenefikat mit-trasferiment tal-kapaċità, kellu jintalab l-irkupru ta’ EUR 2.71 miljuni mingħand SKL-M u mingħand l-appellata bħala responsabbiltà in solidum. Abbażi ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni, fl-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni kkontestata, ordnat li l-awtoritajiet Ġermaniżi kellhom jirkupraw l-ammont totali ta’ EUR 34.26 miljuni mingħand SKL-M, li minnhom EUR 2.71 miljuni mingħand SKL-M u mingħand l-appellata in solidum.
B – Is-sentenza appellata
26. Fit-28 ta’ Ġunju 2002, l-appellata ressqet rikors għal annullament skont l-Artikolu 230 KE kontra d-deċiżjoni kkontestata. Fir-rikors tagħha, hija talbet l-annullament tal-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu dan l-Artikolu jordna l-ħlas lura in solidum akkarigu tagħha ta’ EUR 2.71 miljuni mill-għajnuna mogħtija lil SKL-M, jiġi annullat. Insostenn tar-rikors tagħha, semmiet b’mod partikolari li l-Kummissjoni kienet wetqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999.
27. Fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet ir-rikors. Fil-motivazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet essenzjalment li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 ma ppermettix lill-Kummissjoni li timponi fir-rigward ta’ impriża partikolari obbligu ta’ ħlas lura, meta t-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat lil dik impriża benefiċjarja kien ibbażat fuq ipoteżi (12).
III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
28. L-appell tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Novembru 2007 ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Novembru 2007. Matul il-proċedura bil-miktub, l-appellata u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Ma kien hemm ebda proċedura orali.
29. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla l-appell fl-intier tiegħu;
– tiddeċiedi definittivament fuq il-mertu u tiċħad ir-rikors bħala infondat;
– tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż tal-appell u kif ukoll tal-ewwel istanza fil-Kawża T-196/02.
30. L-appellata titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell fl-intier tiegħu mressaq mill-Kummissjoni kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Settembru 2007 fil-Kawża T-196/02;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Barra minn hekk, hija tikkonferma l-integralità tat-talbiet ifformulati fl-ewwel istanza.
IV – L-argumenti tal-partijiet
31. L-appell tal-Kummissjoni jikkonċerna l-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kif ġiet spjegata fil-punti 46 et seq. tas-sentenza appellata. Fil-punt 46 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel nett stabbiliet li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 ma jippermettix lill-Kummissjoni li timponi, anki in solidum, fir-rigward ta’ impriża msemmija obbligu ta’ ħlas lura ta’ parti speċifika tal-ammont ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli, meta t-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat lil dik l-impriża benefiċjarja jirriżulta minn ipoteżi.
32. Min-naħa l-waħda, il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tikkonstata li l-informazzjoni disponibbli ma tippermettix li jiġi eskluż li l-appellata bbenefikat minn trasferiment ta’ riżorsi min-naħa tal-impriża mgħejjuna SKL-M, fl-okkażjoni tal-akkwist ta’ kapaċità b’kundizzjonijiet meqjusa vantaġġjużi. Minn dan isegwi li l-obbligu ta’ ħlas lura in solidum, ikkontenut fid-deċiżjoni kkontestata, huwa stabbilit abbażi ta’ ipoteżijiet li l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni ma setgħetx la tikkonferma u lanqas tinvalida dan (punti 47 et seq. tas-sentenza appellata).
33. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati, skont id-deċiżjoni kkontestata, li jirkupraw mingħand l-appellata l-parti mill-għajnuna li SKL-M ma tistax tirrimborża. F'dan ir-rigward, huma ma jistgħux jevalwaw il-fondatezza tal-obbligu in solidum. Sitwazzjoni tali mhija bl-ebda mod il-konsegwenza inevitabbli tal-implimentazzjoni tal-proċedura stabbilita mit-Trattat KE dwar l-għajnuna mill-Istat. Kull Stat Membru li jagħti għajnuna li r-rimborż tagħha jiġi ordnat huwa, fi kwalunkwe każ, obbligat li jeżiġi l-ħlas lura tagħha mingħand il-benefiċjarji effettivi taħt il-kontroll tal-Kummissjoni, mingħajr ma jkun indispensabbli li jissemmew espressament dawn tal-aħħar fid-deċiżjoni ta’ rkupru u, a fortiori, li jkun ippreċiżat l-ammont tas-somom li l-ħlas lura tagħhom huwa impost fuq kull benefiċjarju (punti 49 et seq tas-sentenza appellata).
A – Fuq l-ewwel aggravju
34. Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika essenzjalment lill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 49 et seq. tas-sentenza appellata, li wetqet żball ta’ liġi meta ppreżumiet li l-benefiċjarju ta’ għajnuna ma jistax jiġi identifikat, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999, abbażi tal-informazzjoni disponibbli. Applikazzjoni daqshekk restrittiva ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi dedotta mid-diċitura tagħha. Barra minn hekk, għall-finijiet tal-kontroll effettiv tal-għajnuna Komunitarja, jeħtieġ li jiġu identifikati l-benefiċjarji tal-imsemmija għajnuna abbażi tal-informazzjoni disponibbli. Il-fatt li l-Kummissjoni mhijiex obbligata li tidentifika l-benefiċjarju tal-għajnuna f'deċiżjoni negattiva ma jfissirx li hija prekluża milli tagħmel dan fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ Stat Membru.
35. L-appellata tikkunsidra li l-ewwel aggravju huwa irrilevanti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx ifformulat il-konklużjoni kkontestata mill-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċiment iddikjarat, fis-sentenza appellata, li l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha relatata mal-vantaġġ li ngħata lill-appellata fuq sempliċi ipoteżi biss. Il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li l-benefiċjarju effettiv tal-għajnuna ma għandhux neċessarjament jissemma fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni biss għal raġunijiet ta’ ċarezza.
36. Barra minn hekk, l-ewwel aggravju huwa irrilevanti. Il-fatt li l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni ta’ rkupru fil-konfront tal-appellata fuq ipoteżi kien biżżejjed sabiex id-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata.
37. Barra minn hekk, dan l-aggravju huwa wkoll infondat. Il-Kummissjoni ma tistax tibbaża d-deċiżjonijiet ta’ rkupru fuq ipoteżijiet. Hija għandha tkompli billi tistabbilixxi l-fatti fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jew tidentifika l-benefiċjarju f’kooperazzjoni mal-Istati Membri fil-kuntest tal-proċedura ta’ ħlas lura.
B – Fuq it-tieni aggravju
38. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika l-ewwel nett il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat ħażin, fil-punti 46 et seq. tas-sentenza appellata, il-kundizzjonijiet li għalihom l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jissuġġetta deċiżjoni abbażi tal-informazzjoni disponibbli. Fejn talba għal informazzjoni ma twassal għall-ebda riżultat il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni abbażi tal-informazzjoni disponibbli. F’dan ir-rigward, ma tista’ tkun pretiża l-ebda ċertezza assoluta. Fil-każ kuntrarju, it-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 ma tagħmilx sens.
39. It-tieni nett, il-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li skontha l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ipoteżi, hija inkorretta. Din l-oġġezzjoni hija ammissibbli inkwantu tikkonċerna kwalifika ġuridika tal-fatti li jistgħu jiġu vverifikati fil-kuntest tal-appell. Hija wkoll fondata billi l-Kummissjoni ppreżentat u evalwat b’mod eżawrenti l-informazzjoni disponibbli, b’mod partikolari dik trażmessa mil-likwidatur ta’ SKL-M. L-inċertezza baqgħet teżisti biss fir-rigward tal-valur tas-suq tal-kapaċità akkwistata mill-appellata.
40. L-appellata tikkunsidra li t-tieni aggravju huwa inammissibbli, għax il-Kummissjoni qed tikkontesta essenzjalment kwistjoni ta’ fatt. Ir-rimarki l-oħra tal-Kummissjoni huma ta’ natura ġenerali u huma irrilevanti għall-każ inkwistjoni. Barra minn hekk, dan l-aggravju huwa infondat ukoll, peress li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża deċiżjoni leżiva fuq ipoteżi. Madankollu, huwa dan li l-Kummissjoni għamlet, kemm fir-rigward jekk tal-eżistenza ta’ benefiċċju għall-appellata u kif ukoll rigward l-ammont ta’ dan il-benefiċċju.
V – Evalwazzjoni ġuridika
41. Biħsiebni neżamina l-ewwel it-tieni aggravju (A) u mbagħad l-ewwel wieħed (B). Dan l-approċċ jikkorrispondi għall-istruttura tas-sentenza, peress li t-tieni aggravju jirreferi għall-punti 46-48 tas-sentenza appellata, filwaqt li l-ewwel aggravju jirreferi għall-punti 49 et seq. tagħha. Barra minn hekk, naħseb li dan il-metodu huwa xieraq għaliex, fil-fehma tiegħi, il-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 49 et seq. tinkludi kunsiderazzjonijiet addizzjonali biss.
A – Fuq it-tieni aggravju
42. It-tieni aggravju jinkludi żewġ ilmenti: l-ewwel wieħed jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 (1), it-tieni wieħed jikkonċerna l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jiġifieri li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq sempliċi ipoteżi (2). Fil-fehma tiegħi, iż-żewġ ilmenti għandhom jiġu miċħuda.
1. Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999
43. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wetqitx żbalji ta’ liġi meta interpretat l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999. Il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet korrettament li deċiżjoni ta’ rkupru kontra impriża partikolari, anki meta jiġi kkunsidrat l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u fiċ-ċirkustanzi msemmija hemmhekk, ma tistax tkun ibbażata biss fuq l-ipoteżi li l-impriża kkonċernata ġiet iffavorita.
44. L-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li t-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 għandha tiġi interpretata billi jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti li d-dritt primarju jipprevedi għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-proċeduri dwar l-għajnuna mill-Istat. Skont l-Artikolu 87(1) KE, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rkupru kontra impriża partikolari hija suġġetta għall-kundizzjoni li din l-impriża tkun ibbenefikat minn għajnuna mogħtija mill-Istati jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni għall-kompetizzjoni u li taffettwa l-iskambji bejn l-Istati Membri billi tibbenefika l-impriża kkonċernata. Jekk wieħed jeżamina l-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 87(1) KE, jidher li l-vantaġġ mogħti lill-impriża kkonċernata għandu jiġi stabbilit konkretament, filwaqt li l-konstatazzjoni ta’ theddida hija biżżejjed fir-rigward ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.
45. Jidhirli għalhekk li d-dritt primarju jobbliga lill-Kummissjoni li tifformula konstatazzjoni pożittiva, għallinqas fil-konklużjonijiet tagħha, fuq l-eżistenza tal-vantaġġ mogħti lilha, jekk tkun biħsiebha tadotta deċiżjoni ta’ rkupru kontra din l-impriża. It-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 ma tqajjimx dubji dwar dan l-obbligu li jirriżulta mid-dritt primarju, u dan nistgħu niddeduċuh, fil-fehma tiegħi, diġà mill-fatt li dan ir-regolament jikkostitwixxi regolament ta’ implimentazzjoni fis-sens tal-Artikolu 89 KE.
46. Barra minn hekk, mit-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 ma jirriżulta l-ebda element li jippermetti li l-Kummissjoni, fil-każ li ma jkunx hemm kooperazzjoni min-naħa ta’ Stat Membru, tkun tista’ tibbaża deċiżjoni ta’ rkupru fuq l-ipoteżi li l-impriża kkonċernata tkun ġiet iffavorita.
47. Permezz tat-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999, il-leġiżlatur Komunitarju ta effett lill-ġurisprudenza kkonsolidata, jiġifieri li l-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni abbażi tal-informazzjoni disponibbli meta Stat Membru ma jirrispettax inġunzjoni ta’ informazzjoni (13). B’din id-dispożizzjoni l-Kummissjoni qed tiġi offruta strument ieħor biex tikseb l-informazzjoni meħtieġa anki fejn għandhom x’jaqsmu d-deċiżjonijiet dwar għajnuna illegali, jekk Stat Membru jirrifjuta li jikkollabora, sabiex jimpedixxi jew jostakola deċiżjoni (14).
48. Fil-fehma tiegħi, din id-dispożizzjoni tirregola l-ewwel nett il-kuntest li fih il-Kummissjoni għandha teżamina l-fatti. Hija tibbilanċja l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u l-interess tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni kemm jista’ jkun malajr kontra l-għajnuna Komunitarja illegali. Bħala prinċipju, il-Kummissjoni, fil-proċedura ta’ għajnuna, minħabba l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandha ġġiegħel lill-Istat Membru kkonċernat jipprovdilha l-informazzjoni kollha meħtieġa (15). Meta inġunzjoni tal-Kummissjoni f’dan is-sens madankollu ma jwassal għall-ebda riżultat, hija tista’ tadotta deċiżjoni abbażi tal-informazzjoni disponibbli.
49. Din id-dispożizzjoni għandha impatt fuq l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jikkontestax l-elementi msemmija mill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna, minkejja inġunzjoni ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli tkun ibbażat ruħha fuq dawk l-elementi, anki jekk dawn ikollhom natura frammentarja jew inkompluta (16). It-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 tirregola b’dan il-mod il-kundizzjonijiet biex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkunsidra li ċirkustanza ġiet ipprovata abbażi tal-informazzjoni disponibbli, anki jekk din tkun inkompluta (17).
50. Min-naħa l-oħra, ma nistgħux niddeduċu la mid-diċitura ta’ dan l-Artikolu (“id-deċiżjoni għandha tittieħed abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli”) u lanqas mill-ġurisprudenza li ġiet adottata abbażi tagħha (18), li l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq l-ipoteżi li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 87(1) KE huma ssodisfatti jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma ruħu ma’ inġunzjoni ta’ informazzjoni. Għalhekk, it-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 ma teżentax lill-Kummissjoni mill-obbligu li taċċerta ruħha konkretament mill-eżistenza ta’ vantaġġ, li tibbaża din l-evalwazzjoni ġuridika fuq fatti preċiżi u li tikkonstata jekk ikunx hemm ċirkustanzi fattwali rilevanti. Din ir-regola tnaqqas sempliċiment il-grad tal-prova, li minnha l-Kummissjoni tista’ validament tikkunsidra li ċ-ċirkustanzi li hija ppreżumiet ikunu twettqu (19). Inqis li din l-interpretazzjoni tat-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 hija valida anki meta nqisu d-drittijiet tad-difiża tal-Istati Membri, u b’mod partikolari dawk tal-persuni interessati mid-deċiżjoni, li għandhom ikunu jafu bil-kundizzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni qed tibbaża d-deċiżjoni tagħha.
51. Kuntrarjament għal dak allegat mill-Kummissjoni, interpretazzjoni tali tat-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 lanqas ma għandha bħala effett li tirrestrinġi indebitament l-implimentazzjoni tal-projbizzjoni tal-għajnuna. Kif dan ġie indikat iktar ’il fuq, minhix nippretendi li l-Kummissjoni tagħmel evalwazzjoni tal-fatti bi grad ta’ prova fuq il-livell ta’ “ċertezza assoluta”. Fil-każ ta’ deċiżjoni abbażi tal-informazzjoni disponibbli pjuttost jitqies li l-Kummissjoni ma jkolliex l-informazzjoni kollha li tista’ tkun rilevanti għall-evalwazzjoni tal-miżuri tal-Istat inkwistjoni.
52. Madankollu, jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li ma tistax tiddetermina jekk kienx hemm vantaġġ għall-impriża jew le abbażi tal-informazzjoni disponibbli, hija ma tistax tibbaża deċiżjoni ta’ rkupru kontra din l-impriża fuq sempliċi ipoteżi. Kif spjegat ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 49 tas-sentenza appellata, l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma implikati fid-deċiżjoni ta’ rkupru. Għalhekk, għandhom ikunu huma li jirkupraw l-ammont li kien is-suġġett tad-deċiżjoni ta’ SKL-M (falluta), in solidum mal-appellata, irrispettivament mill-fatt li l-Kummissjoni kienet biss ippreżumiet l-eżistenza ta’ vantaġġ favur din tal-aħħar (20).
53. Kif enfasizzat ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni, almenu fil-każi bħal dawk in quo, tista’ minflok tidentifika l-veru benefiċjarju u l-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rrimborżat fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru, f’kollaborazzjoni mal-Istat Membru li, f’dan il-każ, huwa obbligat li jikkoopera (21).
54. Għaldaqstant nikkonkludi li l-Kummissjoni, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma tistax tibbaża deċiżjoni ta’ rkupru, anki meta jkun hemm il-kundizzjonijiet imsemmija fit-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 fuq sempliċi ipoteżi. Fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk interpretat korrettement it-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999.
2. Fuq il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jiġifieri li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq sempliċi ipoteżi
55. Il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli din tal-aħħar kienet ikkunsidrat ħażin li hija bbażat ruħha fuq ipoteżi fid-deċiżjoni kkontestata. Għall-kuntrarju, hija kkonstatat li t-trasferiment tal-kapaċità f’kundizzjonijiet mhux konformi mas-suq irrappreżenta vantaġġ għall-appellata.
56. Fil-fehma tiegħi, dan l-ilment huwa ammissibbli. Huwa veru li l- aċċertament tal-fatti mill-Qorti tal-Prim’Istanza ma jistax, bħala prinċipju, jiġi mistħarreġ fil-proċedura ta’ appell. Madankollu, l-iżbalji tad-dritt jinkludu kemm l-iżbalji ta’ interpretazzjoni ta’ norma kif ukoll l-iżbalji ta’ evalwazzjoni ġuridika tal-fatti fid-dawl ta’ norma (22). Għaldaqstant, inkwantu l-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza li wetqet żball ta’ liġi meta assimilat il-kontenut (mhux ikkontestat) għall-ipoteżi tad-deċiżjoni kkontestata, l-ilment jidhirli li huwa ammissibbli.
57. Madankollu, dan l-ilment huwa infondat. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat ġustament li kulma għamlet il-Kummissjoni kienet li ppreżumiet imma ma aċċertatx ruħha konkretement mit-trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi lill-appellata.
58. Fil-punt 85 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li l-għajnuna inkwistjoni, li serva sabiex jikkumpensa t-telf ikkawżat mill-iżvilupp tal-kapaċità, setgħet tintuża fl-interess tal-appellata iktar milli f’dak ta’ SKL-M. Fil-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ssostni li t-trasferiment tal-kapaċità jista’ jekwivali għat-trasferiment lill-appellata ta’ riżorsi tal-Istat sa ammont massimu ta’ EUR 2.71 miljuni. Lanqas mill-fatt li l-Kummissjoni, fil-punt 87, ikkonkludiet li l-Ġermanja, bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat KE, tat illegalment l-għajnuna inkwistjoni, ma nistgħux niddeduċu impliċitament li kien hemm xi vantaġġ għall-appellata. Fil-punt 88, il-Kummissjoni fil-fatt saħqet li ma setax jiġi eskluż it-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Għaldaqstant, hija speċifikat li l-għoti tal-vantaġġ lill-appellata kien ibbażat fuq ipoteżi biss.
59. L-argument tal-Kummissjoni fl-appell, jiġifieri li ma bbażatx ruħha fuq ipoteżi jew għamlet dan biss fil-klassifikazzjoni tal-vantaġġ, ma jsib l-ebda sostenn fid-deċiżjoni kkontestata. Anzi, il-Kummissjoni sempliċement ipotezzat it-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat biex konsegwentement ħalliet miftuħa l-kwistjoni jekk kienx hemm vantaġġ jew le.
60. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet ġustament li, rigward il-vantaġġ tal-appellata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq sempliċi ipoteżi.
61. L-argumenti mressqa mill-Kummissjoni li huma ntiżi sabiex jispjegaw għaliex f’dan il-każ hija setgħet tistabbilixxi pożittivament li l-appellata kienet ibbenefikat minn vantaġġ, jew ir-raġunijiet invokati mill-appellata sabiex jintwera li l-Kummissjoni ma setgħet tagħmel ebda konstatazzjoni tali, huma irrilevanti għall-finijiet ta’ din il-proċedura ta’ appell. Peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni (23), hija biss rilevanti l-motivazzjoni li l-Kummissjoni adottat tabilħaqq fid-deċiżjoni tagħha u mhux dik li l-Kummissjoni setgħet invokat.
3. Konklużjoni intermedjarja
62. Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.
B – Fuq l-ewwel aggravju
63. Bl-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni qed issostni li l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 49 et seq tas-sentenza appellata, jiġifieri li benefiċjarju ta’ għajnuna ma jistax jiġi identifikat, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, hija ġuridikament żbaljata.
64. Dan l-aggravju huwa irrilevanti. Is-sentenza appellata għandha tiġi kkonfermata minħabba li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata għar-raġunijiet preċedentement imsemmija. Il-Kummissjoni ma kellhiex tibbaża d-deċiżjoni tagħha kontra l-appellata fuq ipoteżi (24).
65. Barra minn hekk, jiena naħseb li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud minħabba li jqiegħed inkwistjoni konklużjoni li mhijiex tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Kuntrarjament għal dak allegat mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 49 u 50 tas-sentenza appellata, ma affermatx li l-identifikazzjoni tal-benefiċjarju ta’ għajnuna abbażi tal-informazzjoni disponibbli ġiet bħala prinċipju eskluża.
66. Fil-punt 46 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 ma jippermettix li l-Kummissjoni tibbaża deċiżjoni ta’ rkupru kontra impriża partikolari fuq l-ipoteżi ta’ trasferiment ta’ riżorsi statali lil din tal-aħħar. Fil-kunsiderazzjoni addizzjonali tagħha, inkluża fil-punti 49 et seq., il-Qorti tal-Prim’Istanza affermat li l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux iqajmu dubji dwar deċiżjoni ta’ rkupru, anki jekk din tkun ibbażata fuq sempliċi ipoteżi u li, b’hekk, dawn l-awtoritajiet fil-każ li SKL-M tfalli, kellhom jirkupraw mingħand l-appellata l-parti tal-ammont stabbilit. Hija spjegat ukoll li l-prinċipji tad-dritt primarju tar-regolamentazzjoni tal-għajnuna ma jimponux l-obbligu li f’kull każ jiġi identifikat il-benefiċjarju jew l-ammont tal-għajnuna diġà fid-deċiżjoni ta’ rkupru.
67. Għaldaqstant mill-ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma nista’ niddeduċi l-konklużjoni, ikkontestata mill-Kummissjoni, li bħala prinċipju ma hemmx il-possibbiltà li tiġi adottata deċiżjoni abbażi tal-informazzjoni disponibbli, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 fuq l-identifikazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna jew tad-debitur tal-obbligu ta’ rkupru.
68. F’dan il-kuntest, tqum il-kwistjoni dwar kif għandna nittrattaw, mil-lat proċesswali, aggravju li jqajjem l-iżball ta’ liġi ta’ konklużjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma għamlitx.
69. L-appellata titlob li l-ewwel aggravju jiġi miċħud bħala irrilevanti. F’dan il-każ, b’sostenn tat-talba tagħha nistgħu nosservaw, f’dan il-każ, li t-tieni aggravju jikkonċerna motivazzjoni li fuqha mhux tassew kienet ibbażata s-sentenza appellata. Madankollu, inqis li aggravju jista’ jiġi miċħud bħala irrilevanti biss jekk ma jkun hemm l-ebda interess leġittimu li jiġi eżaminat peress li anki jekk jintlaqa’ ma jwassalx għall-annullament tas-sentenza appellata. Il-fatt li rikorrent jibbaża ruħu fuq premessa żbaljata ma jikkompromettix per se l-interess li jkollu li jiġi eżaminat l-aggravju. Anzi, jeħtieġ li tiġi ċċarata l-kwistjoni jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza appellata, waslitx jew le għall-konklużjoni msemmija mir-rikorrenti, kwistjoni li tikkonċerna l-fondatezza tal-aggravju (25).
70. Għaldaqstant, fid-dawl tal-argumenti msemmija fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-ewwel aggravju għandu jitqies bħala irrilevanti, u barra minn hekk għandu jiġi miċħud għaliex infondat, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 65-69 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.
C – Konklużjoni intermedjarja
71. L-appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandu għalhekk jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
VI – Fuq l-ispejjeż
72. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 118 tal-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-appellata.
VII – Konklużjoni
73. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:
– tiċħad l-appell;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell.
1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339.
3 – Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 659/1999.
4 – L-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 659/1999.
5 – L-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999.
6 – It-tieni sentenza tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999.
7 – ĠU 2001, C 27, p. 5.
8 – Punt 103 tad-deċiżjoni li tiftah il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
9 – Punti 77 u 78 tad-deċiżjoni kkontestata.
10 – Punt 81 tad-deċiżjoni kkontestata.
11 – Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-għajnuna mogħtija lil SKL-M kienet inkompatibbli mal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar tal-impriżi f’diffikultà (ĠU 1994, C 368, p. 12).
12 – Punt 46 tas-sentenza appellata.
13 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punt 22); tal-21 ta’ Marzu 1991, L-Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑303/88, Ġabra p. I‑1433, punt 47); tat-13 ta’ April 1994, Il-Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni (C‑324/90 u C‑342/90, Ġabra p. I‑1173, punt 29).
14 – A. Sinnaeve, f’M. Heidenhain, Handbuch des Europäischen Beihilfenrechts, Beck, 2003, paragrafu 34, punt 6.
15 – Sentenza Il-Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 29).
16 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Settembru 1996, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑241/94, Ġabra p. I‑4551, punti 36 u 37); u tat-13 ta’ Ġunju 2002, L-Olanda vs Il-Kummissjoni (C‑382/99, Ġabra p. I‑5163, punt 76); sentenza ta-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Ottubru 2005, Freistaat Thüringen vs Il-Kummissjoni (T‑318/00, Ġabra p. II‑4179, punt 88).
17 – Għaldaqstant, in-norma għandha impatt fuq il-grad tal-prova. Skont A. Sinnaeve (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, paragrafu 34, punt 6) din hija ġestjoni simplifikata tal-prova. Madankollu, ara J.-P. Keppenne, “Une vue d’ensemble des règles de procédure de l’article 88 CE et commentaires sur leur application depuis l’entrée en vigueur du règlement 659/1999”, European competition law, 2001, p. 205 et seq, 234, li jqis li din hija leġiżlazzjoni dwar l-inverżjoni tal-oneru tal-prova.
18 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi Franza vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 22); L-Italja vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 47); u Il‑Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 29).
19 – F’dan is-sens anki A. Sinnaeve (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 34, u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 6) li jgħid li l-Kummissjoni għandha wkoll timmotiva d-deċiżjoni tagħha f’dan il-każ, anki jekk ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni huma ssimplifikati.
20 – Punt 49 tas-sentenza appellata.
21 – Punt 50 tas-sentenza appellata.
22 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (C‑136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punt 49). F’dan ir-rigward ara wkoll il-punt 3 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Van Gerven ippreżentati fis-26 ta’ Ġunju 1991 fil-kawża Costacurta vs Il‑Kummissjoni (C‑145/90 P, Ġabra p. I‑5449).
23 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 2000, DIR International Film et vs Il‑Kummissjoni (C‑164/98 P, Ġabra p. I‑447, punti 44-48).
24 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2001, Il-Kummissjoni u Franza vs TF1 (C‑302/99 P u C‑308/99 P, Ġabra p. I‑5603, punti 26-29).
25 – F’dan is-sens, anki d-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 1997, Galtieri vs Il‑Parlament (C‑150/96 P, Ġabra p. I‑1229, punti 15 et seq).
Full & Egal Universal Law Academy