KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
TRSTENJAK
ippreżentati fit-18 ta’ Diċembru 2008 1(1)
Kawża C‑531/07
Fachverband der Buch- und Medienwirtschaft
vs
LIBRO Handelsgesellschaft mbH
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija)]
“Prezz impost għal ktieb – Artikolu 28 KE – Miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni – Deroga Keck – Miżura mhux applikabbli mingħajr distinzjoni – Artikolu 30 KE – Sammelrevers – Artikolu 81 KE – Artikolu 3(1)(g) KE – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE – Obbligu ta’ lealtà tal-Istati Membri – Sistemi purament nazzjonali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba”
Werrej
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
B – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
II – Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
A – Il-fatti
1. Is-sistema ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba fis-seħħ fl-Awstrija
2. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali
B – Proċedura fil-kawża prinċipali
C – Id-domandi preliminari
III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
IV – Risposti għad-domandi preliminari
A – Osservazzjonijiet preliminari
1. Ir-rilevanza fid-dritt Komunitarju tas-sistemi ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba
2. Suġġett tad-domandi preliminari
B – L-ewwel domanda preliminari
1. L-argumenti tal-partijiet
2. Evalwazzjoni ġuridika
a) Modalità ta’ bejgħ
b) Modalità ta’ bejgħ applikabbli għall-operaturi ekonomiċi kollha li jeżerċitaw l-attivitŕ tagħhom fit-territorju nazzjonali
c) Il-bejgħ ta’ kotba Awstrijaki u kotba Ġermaniżi mhuwiex affettwat bl-istess mod
i) Trattament ġuridiku differenti għall-kotba Ġermaniżi u l-kotba Awstrijaki
– Teħid f’kunsiderazzjoni ta’ vantaġġi kummerċjali
– Possibbiltà li jingħata skont ta’ 5 % lill-bejjiegħa bl-imnut
– Konklużjoni
ii) Attitudni li taffettwa b’mod negattiv il-bejgħ ta’ kotba Ġermaniżi
– Il-prezzijiet tal-bejgħ ta’ kotba Ġermaniżi għall-pubbliku Awstrijak huma stabbiliti skont il-kundizzjonijiet tas-suq Ġermaniż
– Konsiderazzjoni kumplementari
iii) Konklużjoni
d) Konklużjoni
C – Fuq it-tieni domanda preliminari
1. L-argumenti tal-partijiet
2. Evalwazzjoni ġuridika
D – Fuq it-tielet domanda preliminari
1. L-argumenti tal-partijiet
2. Evalwazzjoni ġuridika
a) L-Istat Membru jimponi jew jippromwovi akkordju antikompetittiv jew isaħħaħ l-effetti tiegħu
i) Ftehim antikompetittiv?
ii) Il-leġiżlatur Awstrijak impona jew ippromwova s-Sammelrevers 1993 jew saħħaħ l-effetti tiegħu?
– Teżisti konnessjoni diretta mas-Sammelvers 1993?
– Teżisti konnessjoni minħabba d-dispożizzjoni tranżitorja tal-Artikolu 10 tal-BPrBG?
– Konnessjoni fir-rigward tal-kontenut hija suffiċjenti?
iii) Konklużjoni
b) Delega lill-operaturi privati tar-responsabbiltà li jieħdu deċiżjonijiet ta’ intervent fi kwistjonijiet ekonomiċi
i) L-eżistenza ta’ natura aċċessorja mhijiex neċessarja
ii) Delega lil operaturi privati
iii) Teħid f’kunsiderazzjoni tal-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam kulturali
– Sistema purament nazzjonali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba
– M’għandux ikun hemm ksur ta’ dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat KE, b’mod partikolari ta’ dispożizzizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija
iv) Konklużjoni
V – Sinteżi
VI – Konklużjoni
1. Is-suġġett ta’ din il-proċedura preliminari hija domanda preliminari li saret mill-Oberster Gerichtshof tar-Repubblika tal-Awstrija (iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”). Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 28 u 30 KE dwar il- moviment liberu tal-merkanzija jipprojbixxux ċerti elementi ta’ sistema ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba, stabbilita fl-Awstrija mill-Buchpreisbindungsgesetz (liġi dwar il-prezzijiet stabbiliti għall-kotba, BGBl. 45/2000, iktar ’il quddiem il-“BPrBG”). Hija ssaqsi wkoll jekk il-BPrBG hijiex kompatibbli mal-obbligu li għandhom l-Istati Membri skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE moqri flimkien mar-regoli dwar il-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 3(1)(g) KE u 81 KE.
2. Din b’hekk hija kawża li tittratta dwar in-natura doppja tal-kotba, kemm bħala merkanzija kif ukoll bħala prodotti kulturali.
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
3. Skont l-Artikolu 3(1)(g) KE, l-azzjoni tal-Komunità tikkonsisti f’sistema li tiżgura li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.
4. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE jobbliga lill-Istati Membri biex ma jieħdu ebda miżura li tkun tista’ tipperikola r-realizzazzjoni tal-għanijiet tat-Trattat KE.
5. Skont l-Artikolu 28 KE, ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti, huma pprojbiti bejn l-Istati Membri.
6. Skont l-Artikolu 30 KE, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 28 KE ma għandhomx jeskludu projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet dwar l-importazzjoni, esportazzjoni jew tranżitu meta dawn ikunu ġġustifikati abbażi ta’ moralità pubblika, ordni pubbliku, sigurtà pubblika, il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni jew ta’ annimali, jew il-preżervazzjoni tal-pjanti, il-protezzjoni tal-patrimonju nazzjonali ta’ valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku jew il-protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali. Madankollu dawn il-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet la għandhom jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.
7. L-Artikolu 81(1) KE jgħid:
“Is-segwenti għandhom ikunu inkompatibbli mas-suq komuni u għandhom ikunu projbiti: l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, partikolarment dawk li jinvolvu:
a) l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju; […]”.
8. Skont l-Artikolu 81(3) KE, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 jistgħu jiġu ddikjarati inapplikabbli fil-każ ta’ akkordji jew kategoriji ta’ akkordji bejn impriżi, deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew kategoriji ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, u prattiċi miftiehma jew kategoriji ta’ prattiċi miftiehma li jikkontribwixxu biex itejbu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta’ prodotti, jew biex jippromwovu progress tekniku jew ekonomiku waqt li fl-istess ħin, jassiguraw li l-konsumaturi jkollhom sehem ġust mill-benefiċċji li joħorġu minnhom, izda li ma:
a) jimponux fuq l-impriżi interessati restrizzjonijiet li ma jkunux indispensabbli għall-kisba tal-għanijiet ta’ hawn fuq;
b) jagħtux lil dawn l-impriżi l-possibiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni f'parti sostanzjali tal-prodotti inkwistjoni.
9. Skont l-Artikolu 151(4) KE, il-Komunità għandha tagħti każ tal-aspetti kulturali fl-azzjonijiet tagħha taħt dispożizzjonijiet oħra ta’ dan it-Trattat, partikolarment sabiex tosserva u tippromwovi d-diversità tal-kulturi tagħha.
B – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
10. Il-BPrBG hija fformulata b’dan il-mod (siltiet):
“Kamp ta’ applikazzjoni
Artikolu 1
Din il-liġi federali hija applikabbli għall-pubblikazzjoni u l-importazzjoni, kif ukoll għall-kummerċ, ħlief għall-kummerċ elettroniku transkonfinali, ta’ kotba u partituri tal-mużika bil-lingwa Ġermaniża. L-għan tagħha huwa li jiġu stabbiliti prezzijiet li jikkunsidraw in-natura speċifika tal-ktieb bħala beni kulturali, l-interess tal-konsumaturi li l-kotba jkollhom prezzijiet raġonevoli, kif ukoll ir-realtajiet ekonomiċi tal-ħwienet tal-kotba.
Tifsiriet
Artikolu 2
Għall-finijiet ta’ din il-liġi, it-termini li ġejjin għandhom dawn it-tifsiriet:
1. pubblikatur: il-persuna li tiżgura, fuq bażi professjonali, il-pubblikazzjoni, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ prodott fis-sens tal-Artikolu 1;
2. importatur: il-persuna li, fuq bażi professjonali, timporta fl-Awstrija prodott fis-sens tal-Artikolu 1, għall-finijiet tal-kummerċ tiegħu […]
Iffissar tal-prezz
Artikolu 3
(1) Il-pubblikatur jew l-importatur ta’ prodott fis-sens tal-Artikolu 1 huwa obbligat li jiffissa jew li jwassal għall-għarfien tal-pubbliku, prezz tal-bejgħ għall-pubbliku għall-prodotti fis-sens tal-Artikolu 1 li huwa jippubblika jew jimporta fit-territorju federali.
(2) L-importatur ma jistax jiffissa prezz iktar irħis, wara li titnaqqas it- taxxa fuq il-valur miżjud, mill-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku ffissat jew irrakkomandat mill-pubblikatur għall-Istat tal-edizzjoni, jew il-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku rrakkomandat għat-territorju federali minn pubblikatur li ma jkollux is-sede tiegħu fit-territorju ta’ Stat firmatarju tal-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).
(3) Importatur li jixtri, fi Stat firmatarju tal-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), prodotti fis-sens tal-Artikolu 1 bi prezz orħos mill-prezzijiet tax-xiri tas-soltu jista’, b’deroga mill-paragrafu 2, jiffissa prezz orħos mill-prezz iffissat jew irrakkomandat mill-pubblikatur għall-Istat tal-pubblikazzjoni jew, fil-każ ta’ importazzjonijiet mill-ġdid, il-prezz iffissat mill-pubblikatur nazzjonali, b’mod proporzjonat mal-vantaġġ kummerċjali miksub.
(4) Il-paragrafu 3 ma japplikax f’każ ta’ importazzjoni mill-ġdid ta’ prodotti fis-sens tal-Artikolu 1 meta dawn ikunu ġew esportati biss bil-għan li jiġu importati mill-ġdid, bl-iskop li tiġi evitata din il-liġi.
(5) Il-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku ffissat skont il-paragrafi 1 sa 4 għandu jiżdied bit-taxxa fuq il-valur miżjud skont ir-rati fis-seħħ fl-Awstrija.
[…]
Prezz impost
Artikolu 5
(1) Il-prezz li bih il-bejjiegħa finali jbiegħu lill-konsumaturi finali l-prodotti fis-sens tal-Artikolu 1 ma jistax ikun inqas minn massimu ta’ 5 % mill-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku ffissat skont il-paragrafu 3.
(2) Il-bejjiegħa finali ma jistgħux jirreklamaw, f’kuntest kummerċjali u għal finijiet kompetittivi, prezz orħos mill-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku skont il-paragrafu 1.
[…]
Ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-iffissar tal-prezz u l-prezz stabbilit
Artikolu 7
(1) Il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) sa (4), tal-Artikolu 4(1) kif ukoll tal-Artikolu 5(1) sa (3), jikkostitwixxu ksur fis-sens tal-liġi federali kontra l-konkorrenza żleali, BGBl. nru. 448/1984, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ.
[…]
Dispożizzjonijiet tranżitorji
Artikolu 10
Għall-prodotti fis-sens tal-Artikolu 1 li tpoġġew fis-suq qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi federali bi prezz tal-bejgħ bl-imnut fiss ippubblikat fil-katalgu ta’ kotba disponibbli, fl-edizzjoni tal-20 ta’ Ġunju 2000, dan il-prezz jitqies li huwa l-prezz iffissat mill-pubblikatur jew mill-importatur fis-sens ta’ din il-liġi federali.”
II – Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
A – Il-fatti
1. Is-sistema ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba fis-seħħ fl-Awstrija
11. Sat-30 ta’ Ġunju 2000, sistema transkonfinali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba stabbilita minn impriżi, is-“Sammelrevers 1993”, ġiet implementata fl-Awstrija, il-Ġermanja u l-Isvizzera. Din kienet tikkonsisti f’kuntratt standard konkluż bejn il-pubblikaturi, il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-bejjiegħa bl-imnut li kien japplika b’mod partikolari għall-kotba bil-lingwa Ġermaniża. Dan il-kuntratt ma kien jipprevedi ebda akkordju fuq livell orizzontali bejn il-pubblikaturi. Għall-kuntrarju, il-konklużjoni u l-kontroll ta’ kuntratti partikolari kienu żgurati b’mod ċentralizzat permezz ta’ korpi ta’ ġestjoni u sorveljanza.
12. L-għan prinċipali tas-Sammelrevers 1993 kien jikkonsisti fl-iffissar obbligatorju ta’ prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku, jiġifieri prezzijiet li l-bejjiegħa bl-imnut setgħu jitolbu mingħand il-klijenti finali. Din is-sistema kienet tobbliga lill-bejjiegħa bl-imnut biex josservaw bħala prezz fiss il-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku ffissat mill-pubblikatur (2). Il-pubblikatur kien liberu li jiffissa skont kif jidhirlu l-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku. Madankollu, huwa kien obbligat li jiżgura li dan jiġi osservat.
13. Wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija fl-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni talbet, fit-8 ta’ Frar 2000, l-eliminazzjoni ta’ kull effett transkonfinali tas-Sammelrevers 1993 sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2000 (3). Wara li saret din it-talba, ġiet ippreżentata verżjoni emendata tas-Sammelrevers 1993 lill-Kummissjoni, liema verżjoni kienet tipprevedi b’mod partikolari t-tneħħija tal-akkordji vertikali dwar il-prezz stabbilit konklużi bejn pubblikaturi Ġermaniżi, minn naħa waħda, u bejjiegħa bl-imnut Awstrijaki min-naħa l-oħra, kif ukoll bejn pubblikaturi Awstrijaki, minn naħa waħda, u bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut Ġermaniżi min-naħa l-oħra. Il-Kummissjoni telqet mill-prinċipju li, f’dawn il-kundizzjonijiet, is-sistema inkwistjoni ma kellhiex effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fit-30 ta’ Ġunju 2000, il-pubblikaturi, il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-bejjiegħa bl-imnut Awstrijaki ħarġu mis-Sammelrevers 1993 (4).
14. Fit-30 ta’ Ġunju 2000, il-BPrBG ġiet adottata fl-Awstrija. Għalkemm din is-sistema ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba, stabbilita mil-liġi, kienet tipprevedi impożizzjoni vertikali tal-prezzijiet, din madankollu kellha d-differenza li ġejja meta mqabbla mas-Sammelrevers 1993: il-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku issa huma prezzijiet minimi u mhux iktar prezzijiet fissi. Skont l-Artikolu 3(3) tal-BPrBG, il-vantaġġi kummerċjali jistgħu jiġu kkunsidrati biex jiġi ffissat il-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku. L-Artikolu 5 tal-liġi joffri lill-bejjiegħa bl-imnut il-possibbiltà li jnaqqsu l-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku b’5 %.
2. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali
15. Il-Fachverband für die Buch- und Medienwirtschaft (assoċjazzjoni professjonali għall-ħwienet tal-kotba u tal-mezzi tax-xandir, iktar ’il quddiem il-“Fachverband”) tippubblika, b’mod konformi mal-Artikolu 4(2) tal-BPrBG, il-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku li l-bejjiegħa tal-kotba għandhom japplikaw skont l-Artikolu 3(1) tal-BPrBG meta jbiegħu kotba fl-Awstrija (minn hawn ’il quddiem ser tintuża l-espressjoni “prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak” għall-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku applikabbli skont il-BPrBG Awstrijaka, u l-espressjoni “prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Ġermaniż” għall-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku ffissati b’mod konformi mal-liġi Ġermaniża dwar il-prezzijiet stabbiliti għall-kotba). Il-Fachverband tiżgura li l-bejjiegħa bl-imnut josservaw il-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku fil-pubbliċità relatata mal-bejgħ ta’ kotba suġġetti għal-leġiżlazzjoni dwar il-prezz stabbilit skont l-Artikolu 1 tal-BPrBG.
16. Libro Handelsgesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “Libro”) twettaq l-attivitajiet tagħha fl-Awstrija u hemmhekk tbiegħ fuq skala kbira kotba ppubblikati fil-Ġermanja (minn hawn ’il quddiem ser jintuża t-terminu “kotba Ġermaniżi” għall-kotba ppubblikati fil-Ġermanja u t-terminu “kotba Awstrijaki” għall-kotba ppubblikati fl-Awstrija; għandha ssir distinzjoni bejn it-termini inkwistjoni u ż-żewġ kunċetti ta’ kotba bil-lingwa Ġermaniża u kotba b’lingwi oħra, li huwa rilevanti għall-finijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-BPrBG).
B – Proċedura fil-kawża prinċipali
17. Sa mix-xahar ta' Awwissu 2006, Libro rriklamat għall-bejgħ kotba Ġermaniżi fl-Awstrija bi prezzijiet li kienu jikkorrispondu għall- prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Ġermaniż (19,90 euro), u li b’hekk kienu orħos mill-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak (20,50 euro). Il- Fachverband b’hekk talab, permezz ta’ proċedura sommarja, li Libro tiġi ordnata biex tastjeni milli tirriklama prezzijiet orħos mill-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak.
18. Il-qorti nazzjonali tal-prim’istanza laqgħet din it-talba. Il-qorti tal-appell ikkonfermat din id-deċiżjoni. Libro kkontestat is-sentenza tal-qorti tal-appell permezz ta’ rikors li għandu jiġi deċiż mill-qorti tar-rinviju bħala l-aħħar appell. Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ ċerti elementi tal-BPrBG mad-dritt Komunitarju.
C – Id-domandi preliminari
19. Il-qorti tar-rinviju għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:
“1. L-Artikolu 28 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fih innifsu, jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jimponu fuq l-importaturi ta’ kotba bil-lingwa Ġermaniża biss l-obbligu li, għall-kotba importati fit-territorju nazzjonali, jistabbilixxu u jpoġġu għall-informazzjoni tal-pubbliku, prezz ta’ bejgħ lill-pubbliku ta’ natura obbligatorja għall-bejjiegħ finali, fejn dan il-prezz ma jistax ikun inqas, wara t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud, mill-prezz ta’ bejgħ lill-pubbliku stabbilit jew propost mill-pubblikatur għall-Istat tal-pubblikazzjoni, jew mill-prezz ta’ bejgħ lill-pubbliku propost għat-territorju nazzjonali minn pubblikatur li m’għandux l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fit-territorju ta’ Stat firmatarju tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), iżda fejn, b’deroga għal din ir-regola, l-importatur li jixtri, fi Stat li huwa parti miż-ŻEE, bi prezz inqas mill-prezz ta’ bejgħ tas-soltu, jista’ jistabbilixxi prezz inqas minn dak stabbilit jew propost mill-pubblikatur għall-Istat tal-pubblikazzjoni - fil-każ ta’ importazzjonijiet mill-ġdid, il-prezz stabbilit mill-pubblikatur nazzjonali - proporzjonalment mal-vantaġġ kummerċjali miksub?
2. Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda:
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prezz stabbilit tal-ktieb imsemmija fl-ewwel domanda, fiha nnifisha inkompatibbli mal-Artikolu 28 KE - eventwalment, kif ukoll, bħala modalità ta’ bejgħ li tippreġudika l-moviment liberu ta’ merkanzija - li l-obbjettiv tagħha huwa ddefinit b’mod ġenerali ħafna minħabba l-ħtieġa li jiġu kkunsidrati “l-ispeċifiċità tal-ktieb bħala prodott kulturali, l-interess tal-konsumatur li l-prezzijiet tal-ktieb ikunu raġjonevoli u r-realitajiet ekonomiċi tal-ħwienet tal-kotba”, hija ġġustifikata skont l-Artikolu 30 KE jew l-Artikolu 15 KE, pereżempju minħabba interess ġenerali insostenn tal-produzzjoni tal-kotba, tad-diversità tal-kotba bi prezzijiet regolamentati u tad-diversità tan-negozjanti li jbiegħu bl-imnut - minkejja n-nuqqas ta’ informazzjoni empirika li tista’ tipprova li sistema legali ta’ prezz stabbilit tal-ktieb hija mod xieraq sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa?
3. F'każ ta' risposta negattiva għall-ewwel domanda:
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prezz stabbilit tal-ktieb, imsemmija fl-ewwel domanda, hija kompatibbli mal-Artikoli 3(1)(g) KE, 10 KE u 81 KE, minkejja li hija segwiet u ssostitwiet, mingħajr interruzzjoni kronoloġika jew fil-mertu, is-sistema preċedenti ta’ prezz stabbilit tal-ktieb, ibbażata fuq impenn kuntrattwali tal-ħwienet tal-kotba li jużaw il-prezzijiet stabbiliti mill-pubblikaturi għall-prodotti tal-pubblikazzjoni (sistema ta’ Sammelrevers tal-1993)”.
III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
20. It-talba għal deċiżjoni preliminari tat-13 ta’ Novembru 2007 waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Novembru 2007. Libro, il-Fachverband, il-gvernijiet tal-Awstrija, il-Ġermanja, Franza u Spanja, il-Kummissjoni u l-Awtorità ta’ sorveljanza EFTA ppreżentaw osservazzjonijiet matul il-proċedura bil-miktub. Libro, il-Fachverband, il-gvernijiet tal-Awstrija, il-Ġermanja, u Spanja, il-Kummissjoni u l-Awtorità ta’ sorveljanza EFTA pparteċipaw fis-seduta li saret fis-16 ta’ Ottubru 2008.
IV – Risposti għad-domandi preliminari
A – Osservazzjonijiet preliminari
1. Ir-rilevanza fid-dritt Komunitarju tas-sistemi ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba
21. Din mhijiex l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ sistema ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba mad-dritt Komunitarju (5). Dan mhuwiex sorprendenti. Bejn is-sistemi ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba, li l-eżistenza tagħhom hija ġġustifikata b’mod partikolari, minn dawk li jaqblu magħhom, minħabba n-natura speċifika tal-ktieb bħala beni kulturali, id-diversità tat-titoli u l-provvista lill-pubbliku ta' kotba bi prezzijiet raġonevoli (6), il-prezzijiet tal-bejgħ ta’ kotba għall-pubbliku fil-kummerċ bl-imnut huma ffissati skont id-direttivi tal-pubblikaturi jew l-importaturi. Minn dan isegwi li dawn is-sistemi jinvolvu prezzijiet stabbiliti (vertikali).
22. Il-prezzijiet stabbiliti vertikali huma miżuri li, b’mod karatteristiku, iqajmu kwistjonijiet dwar il-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt Komunitarju. F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn is-sistemi ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba li huma bbażati fuq akkordji bejn impriżi u dawk li huma imposti mill-Istati Membri. Jekk ikun jikkonsisti f’sistema ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba bbażata fuq akkordju bejn impriżi, l-iffissar vertikali tal-prezzijiet iqajjem qabel kollox il-kwistjoni tal-kompatibbiltà mal-Artikolu 81 KE. Jekk, min-naħa l-oħra, tali sistema tkun imposta minn Stat Membru, il-kwistjoni li tqum essenzjalment tkun dik tal-kompatibbiltà tagħha mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija previst fl-Artikoli 28 et sequitur KE.
23. Din il-kawża tirrigwarda sistema ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba bbażata fuq miżura statali, il-BPrBG. Peress li dik il-liġi kienet preċeduta minn sistema ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba li ġiet stabbilita minn impriżi, tqum il-kwistjoni mhux biss jekk din hijiex kompatibbli mal-Artikoli 28 et sequitur KE, iżda wkoll jekk, meta adotta dik il-liġi, il-leġiżlatur Awstrijak naqasx mill-obbligu ta’ lealtà li għandhom l-Istati Membri skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE, moqri flimkien mal-Artikoli 3(1)(g) u 81 KE.
24. Il-Parlament u l-Kunsill esprimew il-pożizzjoni favorevoli tagħhom fil-prinċipju fir-rigward tas-sistemi nazzjonali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba (7).
2. Suġġett tad-domandi preliminari
25. Fil-kuntest tal-proċedura preliminari, ir-irwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat biex tirrispondi għad-domandi li jsirulha. Huwa fil-kompetenza tal-qrati nazzjonali biex jidentifikaw id-domandi determinanti għall-finijiet tal-proċedura fil-kawża prinċipali u li jirrinvjawhom lill-Qorti tal-Ġustizzja. Din hija r-raġuni għalfejn l-allegazzjonijiet tal-partijiet ma jistgħux fil-prinċipju jiġu kkunsidrati ħlief jekk ikunu rilevanti biex tingħata risposta għad-domandi preliminari (8). Għaldaqstant mhux ser nezaminaw l-allegazzjonijiet tal-partijiet li jmorru lil hinn mid-domandi preliminari.
26. Din il-kawża essenzjalment tirrigwarda dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 3 tal-BPrBG, li minn naħa waħda tirrigwarda kotba Awstrijaki, u min-naħa l-oħra kotba ppubblikati fi Stati oħrajn li huma partijiet għall-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”). Peress li l-proċedura fil-kawża prinċipali tirrigwarda kotba Ġermaniżi, aħna ser nillimitaw ruħna li neżaminaw ir-reġim li għalih huma soġġetti l-kotba Awstrijaki u Ġermaniżi skont l-Artikolu 3 tal-BPrBG (9).
B – L-ewwel domanda preliminari
27. Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment issaqsi jekk l-Artikolu 28 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 3 tal-BPrBG tikkostitwixxi miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni fuq l-importazzjoni.
1. L-argumenti tal-partijiet
28. Essenzjalment, l-argumenti tal-partijiet jistgħu jiġu sinteżizzati skont kif ġej.
29. Skont Libros, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u l-Kummissjoni, l-Artikolu 28 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 3 tal-BPrBG tikkostitwixxi miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni fuq l-importazzjoni.
30. Dawn il-partijiet jikkunsidraw li l-Artikolu 3 tal-BPrBG jipprevedi kundizzjonijiet għall-iffissar tal-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak applikabbli b’mod differenzjat. Il-kumpanija tal-pubblikazzjoni Awstrijaka tkun libera li tiffissa kif jidhrilha l-prezz tal-bejgħ ta’ kotba għall-pubbliku Awstrijak. L-importatur ta’ kotba Ġermaniżi min-naħa l-oħra ma jkollux id-dritt fil-prinċipju li jiffissa prezz tal-bejgħ orħos mill-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Ġermaniż.
31. Huma jargumentaw li d-dispożizzjonijiet derogatorji previsti fl-Artikolu 3(3) tal-BPrBG, li jgħidu li l-vantaġġi kummerċjali jistgħu jiġu kkunsidrati, u fl-Artikolu 5 tal-BPrBG, li jgħidu li l-bejjiegħa tal-kotba jkunu jistgħu jagħtu skont sa 5 %, mhumiex ta’ tali natura li jikkumpensaw dan in-nuqqas ta’ trattament ugwali.
32. L-applikazzjoni tal-Artikolu 3(3) tal-BPrBG toħloq diffikultajiet sinjifikattivi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kunċetti ta’ “prezz ta’ xiri tas-soltu” u “vantaġġi kummerċjali miksuba”. L-informazzjoni dwar il-prezzijiet tax-xiri tas-soltu u l-vantaġġi kummerċjali miksuba mix-xiri mhijiex aċċessibbli għall-pubbliku, iżda tikkostitwixxi sigriet kummerċjali u b’hekk ma tkunx tista’ tinstab fil-prattika.
33. L-iskont ta’ 5 % bħala massimu tal-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak li l-bejjiegħa tal-kotba jistgħu jagħtu taħt l-Artikolu 5 tal-BPrBG ma jkunx biżżejjed biex jikkumpensa għall-preġudizzju mġarrab mill-kotba Ġermaniżi. Dan l-iskont ma jistax jiġi rriklamat.
34. Skont il-Kummissjoni u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, l-Artikolu 3 tal-BPrBG jikkostitwixxi modalità ta’ bejgħ li mhijiex applikabbli mingħajr distinzjoni. Għal Libros, l-eżistenza ta’ modalità ta’ bejgħ hija dubjuża. Il-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku ta’ kotba Ġermaniżi ġeneralment ikun stampat jew imwaħħal fuq il-qoxra. Minħabba d-differenza bejn ir-rati tal-VAT fil-Ġermanja (7 %) u l-Awstrija (10 %), ikun meħtieġ li tinbidel it-tikketta. Din b’hekk tikkonsisti f’regolamentazzjoni dwar il-prodott.
35. Finalment, Libro tikkunsidra li hemm diskriminazzjoni ulterjuri fil-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-BPrBG għall-kotba bil-lingwa Ġermaniża, waqt li l-Kummissjoni min-naħa l-oħra hija ta’ fehma kuntrarja.
36. Il-Fachverband u l-Gvernijiet tal-Istati Membri li huma partijiet fil-proċedura huma tal-fehma li miżura bħall-Artikolu 3 tal-BPrBG ma tikkostitwixxix miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni fuq l-importazzjoni.
37. Skont huma, l-iffissar tal-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak jikkostitwixxi modalità ta’ bejgħ li tittratta b’mod ugwali, fid-dritt u fil-fatt, il-prodotti nazzjonali u dawk barranin.
38. Leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 3 tal-BPrBG hija applikabbli kemm għall-kotba Awstrijaki kif ukoll għall-kotba Ġermaniżi. Il-fatt li l-prezz tal-bejgħ ta’ kotba Awstrijaki għall-pubbliku Awstrijak irid jiġi ffissat mill-kumpannija ta’ pubblikazzjoni Awstrijaka u, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ kotba Ġermaniżi, mill-importatur ta’ dawk il-kotba, ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni.
39. Barra minn hekk, is-suq Awstrijak u dak Ġermaniż huma kważi omoġenji. Minbarra dan, pubblikatur Ġermaniż jista’ jeżerċita politika ta’ prezz tiegħu għall-Awstrija billi jagħti vantaġġi kummerċjali lill-importatur, li dan tal-aħħar ikun jista’ jikkunsidra meta jiffissa l-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(3) tal-BPrBG.
40. Għalkemm il-prezz tal-bejgħ ta’ kotba Ġermaniżi għall-pubbliku Awstrijak huwa iktar għali mill-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Ġermaniż minħabba d-differenza fir-rati tal-VAT, il-bejjiegħa tal-kotba jistgħu jikkumpensaw għal din id-differenza b’applikazzjoni tal-Artikolu 5 tal-BPrBG billi jagħtu skont li jista’ jilħaq il-5 % tal-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat il-fatt li l-impożizzjoni ta’ rati ta’ VAT differenti taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.
41. Il-fatt li l-BPrBG tapplika biss għal kotba bil-lingwa Ġermaniża ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni. L-estensjoni tal-prezz stabbilit għal kotba ppubblikati b’lingwi oħra minbarra l-Ġermaniż twassal għal restrizzjoni iktar estiża tal-moviment tal-merkanzija. Il-limitazzjoni inkwistjoni hija ġġustifikata wkoll għal raġunijiet oġġettivi.
42. Il-Gvern Awstrijak jirrileva li l-Artikolu 3 tal-BPrBG jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza fis-sentenza Leclerc vs Au blé vert (10). Din tippermetti lill-importaturi li jikkunsidraw il-vantaġġi kummerċjali miksuba biex jiffissaw il-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak.
43. Skont il-Gvern Ġermaniż, wieħed jista’ jara fl-osservanza reċiproka tas-sistemi ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba Ġermaniżi u Awstrijaki f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet iffissati għat-territorji tal-Istat Membru l-ieħor, organizzazzjoni komuni tas-swieq armonizzata li teskludi kwalunkwe diskriminazzjoni.
2. Evalwazzjoni ġuridika
44. Nixtiequ nirrilevaw fl-ewwel lok li l-kotba jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni rationae materiae tal-moviment liberu tal-merkanzija. Għalkemm huwa minnu li l-kotba jistgħu jkunu kemm prodotti ekonomiċi kif ukoll prodotti kulturali (11), din in-natura doppja madankollu ma tfissirx li dawn ma jaqgħux taħt l-ambitu tal-moviment liberu tal-merkanzija.
45. Il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk l-Artikolu 28 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 3 tal-BPrBG tikkostitwixxix miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni fuq l-importazzjoni.
46. Skont l-Artikolu 28 KE, ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, kif ukoll kull miżura b’effett ekwivalenti, huma pprojbiti bejn l-Istati Membri. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi għandha tinftiehem bħala kwalunkwe leġiżlazzjoni kummerċjali tal-Istati Membri li tista’ tfixkel, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intrakomunitarju (formola tas-sentenza Dassonville) (12). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu ċerti modalitajiet ta’ bejgħ, kemm-il darba dawn japplikaw għall-operaturi kollha kkonċernati li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali, u kemm-il darba dawn jaffettwaw bl-istess mod, fid-dritt u fil-fatt, il-bejgħ ta’ prodotti nazzjonali u dawk li joriġinaw minn Stati Membri oħra, ma tikkostitwixxix xkiel għall-kummerċ bejn l-Istati Membri (deroga tas-sentenza Keck) (13).
47. Għaldaqstant, jirriżulta mill-formola tas-sentenza Dassonville u mid-deroga Keck li modalitajiet ta’ bejgħ a) applikabbli għall-operaturi kollha fit-territorju nazzjonali b) ukoll jikkostitwixxu miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni fuq l-importazzjoni meta dawn ma jaffettwawx bl-istess mod, fid-dritt u fil-fatt, il-bejgħ ta’ prodotti nazzjonali u prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra ċ).
a) Modalità ta’ bejgħ
48. B’mod ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ir-regolamentazzjoni tal-prezzijiet, b’mod partikolari dawk relatati mal-bejgħ lill-klijenti finali, bħala modalitajiet ta’ bejgħ (14). Dispożizzjoni bħall-Artikolu 3 tal-BPrBG tirrigwarda l-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak, jiġifieri l-prezz minimu li l-bejjiegħa tal-kotba għandhom jitolbu lill-klijenti finali fl-Awstrija. Minn dan isegwi li tali dispożizzjoni tikkostitwixxi modalità ta’ bejgħ, kemm minħabba l-kontenut tagħha kif ukoll minħabba l-ġurisprudenza.
49. Libro tikkontesta dan il-punt.
50. L-argument ta’ Libro li jgħid li d-deroga Keck tirrigwarda biss ċerti modalitajiet ta’ bejgħ, iżda li l-Artikolu 3 tal-BPrBG ma jistax jiġi kkwalifikat b’dan il-mod fis-sens tad-deroga msemmija hawn fuq minħabba d-dimensjoni transkonfinali tagħha, mhuwiex konvinċenti. Fl-ewwel lok, il-limitazzjoni tad-deroga Keck għal ċerti modalitajiet ta’ bejgħ ma kellha ebda rwol essenzjali fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sal-preżent (15). Fit-tieni lok, ma jidhrilniex li l-kwalifikazzjoni “ċerti” tista’ tinftiehem fis-sens li d-deroga Keck mhijiex applikabbli għal fatti li jkollhom element transkonfinali. Peress li l-eżistenza ta’ element transkonfinali hija kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE, tali approċċ iġib kważi fix-xejn il-kontenut tad-deroga Keck.
51. Libro sussegwentement issemmi li l-Artikolu 3 tal-BPrBG jikkostitwixxi miżura dwar prodott, u li dan b’hekk ma jikkostitwixxix modalità ta’ bejgħ. Skont Libro, il-prezz tal-bejgħ ta’ kotba Ġermaniżi għall-pubbliku Awstrijak ma jistax ikun inqas, fil-prinċipju, mill-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Ġermaniż. Biex jiġi kkalkolat il-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak, jeħtieġ li titnaqqas il-VAT Ġermaniża ta’ 7 % skont l-Artikolu 3(2) tal-BPrBG waqt li tiżdied il-VAT Awstrijaka ta’ 10 % skont l-Artikolu 3(5) tal-istess liġi. Dan ikollu l-konsegwenza li l-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak ikun ġeneralment ogħla mill-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Ġermaniż. Dan tal-aħħar ġeneralment ikun stampat jew imwaħħal fuq il-qoxra tal-kotba Ġermaniżi. L-Artikolu 3 tal-BPrBG b’hekk iwassal għall-obbligu li titpoġġa tikketta ġdida fuq il-kotba inkwistjoni għall-finijiet tad-distribuzzjoni tagħhom fl-Awstrija.
52. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-regoli relatati mal-prodotti jistgħu wkoll ikunu modalitajiet ta’ bejgħ. Fil-fehma tagħna, ma jirriżultax mill-ġurisprudenza li din topponi l-modalitajiet ta’ bejgħ, minn naħa, għar-regoli relatati mal-prodotti, min-naħa l-oħra. Għall-kuntrarju, il-ġurisprudenza hija bbażata fuq il-fatt li r-regoli relatati mal-prodotti b’mod ġenerali għandhom effett diskriminatorju de facto, b’mod li dawn huma ta’ tali natura, b’differenza mill-modalitajiet ta’ bejgħ, li jaffettwaw b’mod differenti l-bejgħ ta’ merkanzija nazzjonali u merkanzija li toriġina minn pajjiżi oħrajn (16). Għaldaqstant, il-fatt li leġiżlazzjoni statali tista’ tirrigwarda prodott ma jfissirx li ma teżistix modalità ta’ bejgħ, iżda tista’ twassal għall-eżistenza ta’ modalità ta’ bejgħ li, fil-fatt, ma taffettwax bl-istess mod il-bejgħ ta’ prodotti barranin u dawk li joriġinaw minn Stati Membri (17).
53. Minn dan isegwi li tabilħaqq teżisti modalità ta’ bejgħ. Madankollu, dan ma jfissirx li l-kundizzjonijiet tad-deroga Keck huma sodisfatti.
b) Modalità ta’ bejgħ applikabbli għall-operaturi ekonomiċi kollha li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali
54. Din il-modalità ta’ bejgħ hija applikabbli wkoll għall-operaturi ekonomiċi kollha li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali. Ċertament, dispożizzjoni bħall-Artikolu 3 tal-BPrBG hija indirizzata minn naħa waħda lill-pubblikaturi Awstrijaki, u min-naħa l-oħra, lill-importaturi ta’ kotba Ġermaniżi. L-importaturi ta’ kotba Ġermaniżi b’hekk huma ttrattati b’mod differenti mill-bejjiegħa bl-ingrossa u l-bejjiegħa bl-imnut ta’ kotba Awstrijaki, li ma għandhomx għalfejn jiffissaw il-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku. Madankollu, dan in-nuqqas ta’ trattament ugwali huwa ġġustifikat mill-perspettiva funzjonali. L-importaturi huma l-operaturi ekonomiċi li jikkumerċjalizzaw il-kotba Ġermaniżi fl-Awstrija. F’dan ir-rigward (it-tqegħid fis-suq) huma għandhom jiġu mqabbla mal-pubblikaturi ta’ kotba Awstrijaki (18).
c) Il-bejgħ ta’ kotba Awstrijaki u kotba Ġermaniżi mhuwiex affettwat bl-istess mod
55. Il-kwistjoni deċiżiva b’hekk hi jekk dispożizzjoni bħall-Artikolu 3 tal-BPrBG taffettwax bl-istess mod, fil-fatt u fid-dritt, il-bejgħ ta’ kotba Awstrijaki u kotba Ġermaniżi. Fil-fehma tagħna, huwa għal kollox ċar li l-Artikolu 3 tal-BPrBG ma jittrattax bl-istess mod il-kotba Awstrijaki u l-kotba Ġermaniżi (i) u li dan jista’ jkollu effett negattiv fuq il-bejgħ ta’ kotba Ġermaniżi fl-Awstrija (ii).
i) Trattament ġuridiku differenti għall-kotba Ġermaniżi u l-kotba Awstrijaki
56. L-Artikolu 3 tal-BPrBG jipprevedi modalitajiet distinti għall-iffissar tal-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak. Pubblikatur Awstrijak jista’ jiffissa kif jidhirlu l-prezz tal-bejgħ tal-kotba tiegħu għall-pubbliku Awstrijak (Artikolu 3(1) tal-BPrBG). Importatur ta’ kotba Ġermaniżi, min-naħa l-oħra, biex jistabbilixxi l-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak, ma jistax fil-prinċipju jiffissa prezz orħos mill-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Ġermaniż li l-pubblikatur Ġermaniż ta’ dak il-ktieb ikun iffissa għall-finijiet tal-bejgħ fil-Ġermanja (Artikolu 3(2) tal-BPrBG).
57. Skont il-formola Dassonville u d-deroga Keck, il-kriterju deċiżiv jinsab fil-kwistjoni jekk huwiex jingħata trattament ugwali bejn merkanzija nazzjonali u merkanzija barranija fi ħdan kull Stat Membru. F’din il-kawża, id-differenza tinsab fil-fatt li l-prezz tal-bejgħ ta’ kotba Ġermaniżi għall-pubbliku Awstrijak – għall-kuntrarju tal-prezz ta’ kotba Awstrijaki – ma jistax jiġi ffissat liberament, u bħala konsegwenza ma jistax jiġi ffissat billi jiġu kkunsidrati biss il-kundizzjonijiet tas-suq fl-Awstrija. Minn dan isegwi li l-Artikolu 3(1) u (2) tal-BPrBG jinvolvi n-nuqqas ta’ trattament ugwali ġuridiku marbut mal-provenjenza tal-kotba.
58. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni jekk il-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku Ġermaniż u dak Awstrijak jistgħux jiġu ffissati fl-istess livell, fil-fehma tagħna mhijiex rilevanti fid-dawl tal-formola Dassonville u d-deroga Keck.
59. Madankollu, il-Fachverband u l-Gvernijiet tal-Istati li huma partijiet fil-proċedura jargumentaw li n-nuqqas ta’ trattament ugwali jista’ jiġi eskluż fuq il-bażi tar-regoli derogatorji li jinsabu fl-Artikoli 3(3) u 5 tal-BPrBG.
– Teħid f’kunsiderazzjoni ta’ vantaġġi kummerċjali
60. Skont l-Artikolu 3(3) tal-BPrBG, importatur li jixtri kotba Ġermaniżi bi prezz orħos mill-prezzijiet tax-xiri normali jista’ jiffissa prezz orħos mill-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Ġermaniż meta huwa jistabbilixxi l-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak, proporzjonalment mal-vantaġġ kummerċjali miksub. Din ir-regola hija maħsuba biex tippermetti lil pubblikatur Ġermaniż biex jeżerċita politika ta’ prezzijiet speċifika għall-Awstrija.
61. Fil-fehma tagħna dan l-argument mhuwiex konvinċenti.
62. Fl-ewwel lok, b’differenza minn pubblikatur Awstrijak, pubblikatur Ġermaniż ma jistax jeżerċita politika ta’ prezzijiet speċifika għall-Awstrija ħlief jekk huwa jagħti lill-importatur prezz tax-xiri li jkun orħos mill-prezzijiet tax-xiri tas-soltu. Għaldaqstant, pubblikatur Ġermaniż għandu, jekk ikun il-każ, jaċċetta vantaġġi kummerċjali li jnaqqsu d-dħul tiegħu biex ikun jista’ jimplementa l-politika tiegħu ta’ prezzijiet fl-Awstrija, waqt li l-pubblikatur Awstrijak jista’ jevita din ir-restrizzjoni.
63. Fit-tieni lok, l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(3) tal-BPrBG tidher li tqajjem diffikultajiet importanti fil-prattika. Ġie osservat ġustament li l-prezzijiet tax-xiri li bihom il-bejjiegħa bl-ingrossa jew il-bejjiegħa bl-imnut jixtru l-kotba mingħand il-pubblikaturi Ġermaniżi ġeneralment huma sigrieti kummerċjali, b’tali mod li huwa kważi impossibbli biex jiġi stabbilit xi jfisser prezz ta’ xiri tas-soltu fis-sens tal-Artikolu 3(3) tal-BPrBG.
64. Fit-tielet lok, pubblikatur Ġermaniż jiddependi mill-kooperazzjoni tal-importatur biex ikun jista’ jimplementa l-politika tal-prezz tiegħu. Effettivament, l-Artikolu 3(3) tal-BPrBG ma jobbligax lill-importatur li jiffissa prezz orħos mill-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Ġermaniż skont il-vantaġġi kummerċjali miksuba. Għall-kuntrarju, pubblikatur Awstrijak ma jiddependix mill-kooperazzjoni tal-klijenti tiegħu.
65. Fir-raba’ lok, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li pubblikatur Ġermaniż mhux dejjem ikun liberu li jagħti vantaġġi kummerċjali lill-importatur. Jekk isir magħruf li pubblikatur Ġermaniż ta vantaġġi kummerċjali lil importatur partikolari, dan jista’ jkun ta’ preġudizzju għalih matul in-negozjati ma’ xerrejja oħrajn. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-għoti ta’ vantaġġi kummerċjali jsir pubbliku jekk l-importatur jiffissa l-prezz tal-bejgħ ta’ ktieb Ġermaniż għall-pubbliku Awstrijak f’livell iktar baxx minn dak li normalment jipprevedi l-Artikolu 3(2) tal-BPrBG.
66. Meta jitqiesu r-raġunijiet mogħtija hawn fuq, wieħed ma jistax jikkonkludi li t-teħid f’kunsiderazzjoni ta’ vantaġġi kummerċjali miksuba skont l-Artikolu 3(3) tal-BPrBG jikkumpensa n-nuqqas ta’ trattament ugwali ġuridiku, bejn kotba Ġermaniżi u kotba Awstrijaki matul l-iffissar ta’ prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak, li jeżisti minħabba l-Artikolu 3(1) u (2) tal-BPrBG.
67. F’dan il-punt, nixtieq nosserva li l-Artikolu 3(3) tal-BPrBG lanqas ma jista’ jitqies li jimplementa r-rekwiżiti tal-ġurisprudenza li jirriżultaw mis-sentenza Leclerc vs Au blé vert (19). Għall-kuntrarju, kif uriet b’mod ferm ċar il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza (20), il-kundizzjoni li tgħid li l-vantaġġi kummerċjali għandhom jiġu kkunsidrati tirrigwarda l-każ ta’ importazzjoni mill-ġdid ta’ kotba, li mhuwiex rilevanti għal din il-kawża (21).
– Possibbiltà li jingħata skont ta’ 5 % lill-bejjiegħa bl-imnut
68. Il-Fachverband u l-Gvernijiet tal-Istati Membri li huma parti fil-proċedura jargumentaw ukoll li skont l-Artikolu 5(1) tal-BPrBG, il-bejjiegħa tal-kotba għandhom il-possibbiltà li jnaqqsu l-prezz għall-pubbliku Awstrijak b’massimu ta’ 5 % għall-bejgħ ta’ kotba lill-konsumaturi finali.
69. Dan l-argument lanqas ma jikkonvinċina.
70. Fl-ewwel lok, l-Artikolu 5(1) tal-BPrBG huwa applikabbli kemm għall-kotba Awstrijaki kif ukoll għal dawk Ġermaniżi. Ma nistgħux nifhmu kif in-nuqqas ta’ trattament ugwali li jeżisti minħabba l-Artikolu 3(1) u (2) tal-BPrBG jista’ jiġi kkumpensat minn regola li tippermetti li jingħata skont kemm għall-kotba Awstrijaki kif ukoll għall-kotba Ġermaniżi.
71. Fit-tieni lok, dan l-argument jidher li qed jipprova juri b’mod partikolari li l-prezzijiet tal-bejgħ ta’ kotba għall-pubbliku Awstrijak u Ġermaniż jistgħu jiġu ffissati fl-istess livell minkejja d-differenza fir-rati tal-VAT fl-Awstrija u fil-Ġermanja. Madankollu, dan l-argument mhuwiex rilevanti f’din il-kawża (22).
72. Fit-tielet lok, skont l-Artikolu 5(1) tal-BPrBG, il-prezz tal-bejgħ bl-imnut tal-ktieb għall-konsumaturi finali biss jista’ jiġi mnaqqas, u mhux il-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak. Ċertament, din id-distinzjoni tista’ tidher mingħajr importanza prima facie jekk l-importatur ta’ kotba u l-bejjiegħ bl-imnut (bħal Libro) ikunu l-istess impriża. Madankollu, l-Artikolu 5(2) tal-BPrBG jawtorizza lill- bejjiegħa bl-imnut biex iħabbru lill-klijenti finali biss il-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak, ħlief għall-prezz imnaqqas b’massimu ta’ 5 %.
73. Għaldaqstant, l-Artikolu 5 tal-BPrBG lanqas mhu ta’ tali natura li jikkumpensa n-nuqqas ta’ trattament ugwali bejn kotba Awstrijaki u kotba Ġermaniżi li teżisti minħabba l-Artikolu 3(1) u (2) tal-BPrBG.
– Konklużjoni
74. Bħala konklużjoni, għandu jiġi kkonstatat li regoli distinti jirregolaw il-kotba Ġermaniżi u l-kotba Awstrijaki b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) u (2) tal-BPrBG, u li din id-distinzjoni ġuridika mhix ikkumpensata la mill-Artikolu 3(3) tal-BPrBG, u lanqas mill-Artikolu 5 ta’ din l-istess liġi.
ii) Attitudni li taffettwa b’mod negattiv il-bejgħ ta’ kotba Ġermaniżi
75. Fil-fehma tagħna, din id-distinzjoni ġuridika hija wkoll ta’ tali natura li taffettwa b’mod negattiv il-bejgħ ta’ kotba Ġermaniżi meta mqabbel mal-bejgħ ta’ kotba Awstrijaki.
– Il-prezzijiet tal-bejgħ ta’ kotba Ġermaniżi għall-pubbliku Awstrijak huma stabbiliti skont il-kundizzjonijiet tas-suq Ġermaniż
76. Il-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak huma prezzijiet minimi li fil-prinċipju l-bejjiegħa tal-kotba ma jistgħux jinżlu taħthom meta jbiegħu ktieb. Għalkemm il-kotba jista’ jkollhom funzjoni doppja bħala beni kulturali u merkanzija, u l-awtur u t-tema ta’ ktieb jista’ jkollhom rwol importanti, il-prezz minimu ta’ ktieb, l-istess bħal fil-każ ta’ merkanzija oħra, jibqa’ f’għajnejn il-klijent element kompetittiv determinanti.
77. Kif semmejna iktar ’il fuq, il-prezz tal-bejgħ ta’ kotba Awstrijaki għall-pubbliku Awstrijak jista’ jiġi ddeterminat skont kundizzjonijiet tas-suq Awstrijak; għall-kotba Ġermaniżi, min-naħa l-oħra, il-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak huwa ffissat skont il-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Ġermaniż inkwantu wieħed ma jistax fil-prinċipju jinżel taħt dak il-prezz. Konsegwentement, element kompetittiv determinanti għall-ikkummerċjalizzar ta’ kotba Ġermaniżi huwa ffissat essenzjalment mhux skont kundizzjonijiet tas-suq Awstrijak, iżda skont kundizzjonijiet tas-suq Ġermaniż (23). Ma jistax jitqies li l-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku ffissat fir-rigward tal-Ġermanja jkun ugwalment adattat għall-Awstrija f’kull każ immaġinabbli. Fir-realtà, differenżi inerenti fis-sistema ġuridika u ekonomika ta’ Stati Membri differenti, kif ukoll differenzi kulturali u soċjali jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq l-aġir tal-klijenti finali, li jiġġustifikaw politika ta’ prezz differenti (24).
78. Pubblikatur Ġermaniż li jkun jixtieq jadatta iktar bis-saħħa l-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak għall-kundizzjonijiet tas-suq Awstrijak irid jassumi parti mill-inkonvenjenzi msemmija hawn fuq (25) inkwantu jkollu jiffissa f’dan ir-rigward prezz orħos għall-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Ġermaniż (nett mill-VAT Ġermaniża u miżjud bil-VAT Awstrijaka). L-elementi msemmija hawn fuq huma suffiċjenti biex jiġi stabbilit, fil-fehma tagħna, li l-Artikolu 3 tal-BPrBG jista’ jaffettwa b’mod negattiv il-bejgħ ta’ kotba Ġermaniżi, b’mod illi jista’ jintemm l-eżami ta’ din il-kwistjoni.
– Konsiderazzjoni kumplementari
79. Huwa biss fuq bażi sussidjarja li nixtiequ nosservaw li minħabba d-differenza fir-rati tal-VAT fil-Ġermanja (7 %) u fl-Awstrija (10 %) il-prezzijiet tal-bejgħ ta’ kotba Ġermaniżi għall-pubbliku Awstrijak huma fil-prinċipju ogħla mill-prezzijiet tal-bejgħ Ġermaniżi (26). Għaldaqstant, jekk il-prezz tal-bejgħ ta’ kotba Ġermaniżi għall-pubbliku Ġermaniż ikun ġie ffissat skont limiti psikoloġiċi preżunti tal-prezzijiet (27), il-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak huwa fil-prinċipju ogħla minn dak il-limitu.
80. Għalkemm il-prezz tal-bejgħ bl-imnut lill-klijenti finali jista’ jitnaqqas b’5 % skont l-Artikolu 5(1) tal-BPrBG u b’hekk, bħala konsegwenza, id-diskrepanza bejn il-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku Ġermaniż u dak Awstrijak tista’ tiġi kkumpensata, dan il-prezz iktar baxx b’ebda mod ma jista’ jiġi rreklamat.
81. Pubblikatur Awstrijak min-naħa l-oħra jista’ jikkunsidra l-limiti psikoloġiċi preżunti tal-prezzijiet biex jiffissa l-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak u, barra minn hekk, jirriklama l-prezzijiet inkwistjoni.
82. Fil-fehma tagħna, dan l-eżempju juri b’mod ferm ċar l-impatt negattiv fuq il-bejgħ ta’ kotba Ġermaniżi li jista’ jkollu l-obbligu fundamentali li l-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak jiġi allinjat mal-prezz minimu tal-bejgħ għall-pubbliku Ġermaniż (nett mill-VAT Ġermaniża u miżjud bil-VAT Awstrijaka).
83. L-oġġezzjoni li tgħid li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali biex jiffissaw ir-rata tal-VAT u li din is-setgħa diskrezzjonali għandha tiġi osservata, fil-fehma tagħna mhijiex konvinċenti.
84. Il-limitazzjoni li għandu l-importatur biex jiffissa l-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak mhijiex imputabbli għar-rati ta’ VAT differenti prevalenti fil-Ġermanja u fl-Awstrija iżda għall-fatt li importatur ma jistax fil-prinċipju jiffissa prezz orħos mill-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Ġermaniż (28). Fin-nuqqas ta’ tali obbligu, il-prezz tal-bejgħ ta’ kotba Ġermaniżi għall-pubbliku Awstrijak ikun jista’ jiġi ffissat f’livell orħos mill-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Ġermaniż (29), waqt li tiġi kkunsidrata r-rata tal-VAT Awstrijaka li hija iktar għolja. F’dan il-każ, is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri fil-qasam tar-rati tal-VAT tkun issalvagwardjata, iżda l-importatur ikun liberu li jiffissa prezz tal-bejgħ ta’ kotba Ġermaniżi għall-pubbliku Awstrijak li jkun adattat.
iii) Konklużjoni
85. Bħala konklużjoni, il-kotba Ġermaniżi huma suġġetti għal trattament ġuridiku differenti mill-kotba Awstrijaki. Dan in-nuqqas ta’ trattament ugwali huwa ta’ tali natura li jostakola l-bejgħ ta’ kotba Ġermaniżi fl-Awstrija.
86. Għaldaqstant, il-kwistjoni jekk dispożizzjoni bħall-Artikolu 3 tal-BPrBG twassalx barra minn hekk għal diskriminazzjoni de facto mhijiex rilevanti (30).
87. Finalment, aħna tal-fehma li l-limitazzjoni tal-BPrBG għall-kotba bil-lingwa Ġermaniża ma tistax, anki għal raġunijiet loġiċi, tikkostitwixxi ostakolu awtonomu għall-kummerċ. Effettivament, l-estensjoni ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 3 tal-BPrBG għal kotba ppubblikati f’lingwi oħrajn minbarra l-lingwa Ġermaniża jkollha l-effett li tirrestrinġi saħansitra iktar il-moviment tal-merkanzija (31).
d) Konklużjoni
88. Peress li dispożizzjoni bħall-Artikolu 3 tal-BPrBG ma taffettwax ġuridikament bl-istess mod il-bejgħ ta’ kotba Awstrijaki u ta’ kotba Ġermaniżi, din ma taqax taħt id-deroga Keck. Għaldaqstant, tali dispożizzjoni tikkostitwixxi miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni fuq l-importazzjoni skont l-Artikolu 28 KE.
C – Fuq it-tieni domanda preliminari
89. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, f’każ li dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 3 tal-BPrBG tikkostitwixxi miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni fuq l-importazzjoni, tali regolamentazzjoni tistax tkun iġġustifikata għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali skont l-Artikolu 30 KE jew l-Artikolu 151 KE.
1. L-argumenti tal-partijiet
90. L-argumenti tal-partijiet fir-rigward ta’ din il-kwistjoni jistgħu jiġu sinteżizzati skont kif ġej.
91. Libro, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u l-Kummissjoni jikkunsidraw li n-nuqqas ta’ trattament ugwali bejn il-kotba Ġermaniżi u l-kotba Awstrijaki ma jistax ikun iġġustifikat.
92. Dawn il-partijiet jaqblu li tali miżura diskriminatorja tista’ tkun iġġustifikata biss skont l-Artikolu 30 KE. Madankollu, l-Artikolu 30 KE ma jsemmix l-għan ta’ ħarsien tad-diversità tal-kotba li huwa segwit mill-BPrBG. B’mod partikolari, din mhijiex miżura bil-għan li jiġi mħares patrimonju nazzjonali ta’ valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku.
93. Barra minn hekk, huma jargumentaw li l-miżura inkwistjoni mhijiex proporzjonata. F’dan ir-rigward, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tosserva li l-għanijiet allegati bħala ġustifikazzjoni jistgħu jintlaħqu wkoll billi l-importatur ta’ kotba Ġermaniżi jiġi awtorizzat li jiffissa l-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak mingħajr ma jkun obbligat li jirrispetta l-prezzijiet tal-bejgħ minimi għall-pubbliku Ġermaniż ffissati mill-pubblikatur Ġermaniż. Possibbiltà oħra tikkonsisti f’li l-pubblikaturi Ġermaniżi jitħallew jiffissaw il-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak. Il-pubblikaturi tal-Istati mhux membri taż-ŻEE għandhom din il-fakultà.
94. Skont Libro, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u l-Kummissjoni, l-Artikolu 151 KE lanqas ma jista’ jiġġustifika l-miżura inkwistjoni. Huma jargumentaw li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi bażi ġuridika li tippermetti lill-Komunità li taġixxi u mhux deroga mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ trattament ugwali bejn kotba Ġermaniżi u kotba Awstrijaki mhuwiex neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 151 KE.
95. Barra dan, Libro tikkunsidra li s-sistema Awstrijaka ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba bħala tali ma tistax tiġi ġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Fil-fehma tagħha, mhuwiex suffiċjenti f’dan ir-rigward li jiġu allegati interessi kulturali ġenerali, u s-sistema ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba ma tikkostitwixxix mezz proporzjonat biex jinkisbu l-għanijiet li trid tilħaq. Il‑Kummissjoni u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA min-naħa l-oħra jirrimarkaw li din il-kawża ma tittrattax dwar ġustifikazzjoni tas-sistema ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba bħala tali. Fir-realtà, tittratta biss dwar il-ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ trattament ugwali bejn kotba Ġermaniżi u kotba Awstrijaki.
96. Il-Fachverband u l-gvernijiet tal-Istati Membri li huma partijiet fil-proċedura jsostnu li s-sistema ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba mhijiex diskriminatorja, inkwantu hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.
97. Skont huma, jikkostitwixxu b’mod partikolari raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali l-protezzjoni tal-kotba bħala prodotti kulturali, l-interessi tal-konsumaturi fi prezzijiet ta’ kotba raġonevoli kif ukoll il-provvista adegwata ta’ kotba għall-popolazzjoni permezz ta’ firxa vasta u diversifikata ta’ ħwienet tal-kotba. Huma b’hekk tal-fehma li dispożizzjoni bħall-Artikolu 3 tal-BPrBG tikkostitwixxi strument proporzjonat għall-finijiet tal-kisba ta’ dawn l-għanijiet.
98. Il-Fachverband u l-Gvern Franċiż jikkonċedu li l-protezzjoni tal-kreattività u tad-diversità kulturali tas-settur tal-kotba ma taqax taħt l-Artikolu 30 KE.
99. Barra minn hekk, il-Fachverband u l-Gvernijiet tal-Istati Membri li huma partijiet fil-proċedura jargumentaw li miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni fuq l-importazzjoni tista’ tkun iġġustifikata abbażi tal-Artikolu 151 KE, li jgħid li l-Istati Membri huma kompetenti fil-qasam tal-politika kulturali. Huma jsostnu li skont l-Artikolu 151(4) KE, il-Komunità għandha tikkunsidra l-aspetti kulturali fl-azzjoni tagħha abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat KE. Din hija r-raġuni għalfejn il-Komunità hija obbligata li tirrispetta s-setgħat diskrezzjonali tal-Istati Membri wkoll fil-kuntest tal-moviment tal-merkanzija.
2. Evalwazzjoni ġuridika
100. Fuq bażi preliminari, nixtiequ nfakkru wkoll li, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari bbażata fuq l-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi biss għad-domandi li jsirulha mill-qorti nazzjonali (32). Fil-fehma tagħna, din id-domanda tirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas ta’ trattament ugwali bejn kotba Awstrijaki u kotba Ġermaniżi kkonstatat fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari jistax jiġi ġġustifikat għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali skont l-Artikolu 30 KE jew l-Artikolu 151 KE. Għaldaqstant, hija determinanti biss il-ġustifikazzjoni ta’ dan in-nuqqas ta’ trattament ugwali, u mhux il-ġustifikazzjoni tas-sistema ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba bħala tali.
101. Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ta’ dan in-nuqqas ta’ trattament ugwali, nikkonstataw fl-ewwel lok li l-argument tal-Fachverband u tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li huma partijiet fil-proċedura huwa limitat essenzjalment għal ġustifikazzjoni tas-sistema Awstrijaka ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba bħala tali. Min-naħa l-oħra, l-allegazzjonijiet tal-partijiet inkwistjoni fil-fehma tagħna ma jagħtu ebda ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta’ trattament ugwali bejn kotba Awstrijaki u kotba Ġermaniżi.
102. Fil-fehma tagħna huwa għaldaqstant diffiċli biex tiġi ġġustifikata tali miżura.
103. Fl-ewwel lok, nikkunsidraw li ma jeżistix motiv ġustifikattiv leċitu.
104. Ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali fis-sens tas-sentenza Cassis de Dijon (33) jistgħu jiġġustifikaw biss miżuri li huma applikabbli mingħajr distinzjoni (34). Għaldaqstant, dawn għandhom jiġu eliminati f’din il-kawża bħala motiv ġustifikattiv.
105. Ġustifikazzjoni abbażi tal-Artikolu 30 KE ma tistax tiġi aċċettata f’din il-kawża. Fis-sentenza Leclerc vs Au blé vert, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat espressament li l-Artikolu 30 KE għandu jiġi interpretat b’mod strett u ma jistax jiġi estiż għal għanijiet li mhumiex imsemmija espressament. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet espressament estensjoni tal-imsemmi Artikolu għall-protezzjoni tal-kreattività u tad-diversità kulturali fis-settur tal-kotba (35).
106. Barra minn hekk, ma jidhrilniex li hemm motiv ġustifikattiv fl-Artikolu 151(4) KE li jmur lil hinn mir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali diġà msemmija. L-Artikolu 151 KE huwa dispożizzjoni dwar il-kompetenza tal-Istati Membri u tal-Komunità. Għalkemm huwa minnu li jirriżulta mill-Artikolu 151(4) KE, li l-Komunità tikkunsidra l-aspetti kulturali, b’mod partikolari bil-għan li tissalvagwardja u tippromwovi d-diversità tal-kulturi, din id-dispożizzjoni madankollu ma tinkludi ebda “riżerva kulturali” fil-konfront ta’ dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat (36). Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux jiddeduċu setgħa diskrezzjonali li tippermettilhom li jadottaw miżuri b’effett diskriminatorju fuq il-bejgħ ta’ merkanzija bi provenjenza minn Stati Membri oħrajn. Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ trattament ugwali bejn kotba Ġermaniżi u kotba Awstrijaki ma jistax jiġi ġġustifikat abbażi tal-Artikolu 151(4) KE.
107. Fit-tieni lok, tali nuqqas ta’ trattament ugwali għandu jitqies bħala sproporzjonat anki jekk jiġi aċċettat li jeżisti motiv ġustifikattiv leċitu. Biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija hawn fuq, b’mod partikolari l-protezzjoni tal-kotba bħala prodotti kulturali u l-interess tal-konsumaturi finali fi prezzijiet raġonevoli għall-kotba, jeżistu mingħajr dubju soluzzjonijiet inqas rigorużi. B’hekk, wieħed jista’ jħalli b’mod partikolari setgħa diskrezzjonali akbar lill-importatur fl-iffissar tal-prezz tal-bejgħ ta’ kotba Ġermaniżi għall-pubbliku Awstrijak (37).
108. Bħala konklużjoni, in-nuqqas ta’ trattament ugwali bejn kotba Ġermaniżi u kotba Awstrijaki la jista’, fil-fehma tagħna, jiġi ġġustifikat għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, u lanqas taħt l-Artikoli 30 KE jew 151 KE (38).
D – Fuq it-tielet domanda preliminari
109. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-obbligu ta’ lealtà li għandhom l-Istati Membri skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE, moqri flimkien mar-regoli li jirregolaw d-dritt tal-kompetizzjoni stipulati fl-Artikoli 3(1)(g) u 81 KE, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-adozzjoni tal-BPrBG hija kompatibbli miegħu, minkejja li, skont il-qorti tar-rinviju, il-BPrBG segwiet u ssostitwiet, mingħajr interruzzjoni kronoloġika jew fil-mertu, is-Sammelrevers 1993, jiġifieri s-sistema ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba li ġiet stabbilita bejn l-impriżi li kienet fis-seħħ qabel l-adozzjoni tal-istess BPrBG.
1. L-argumenti tal-partijiet
110. L-argumenti tal-partijiet dwar it-tielet domanda preliminari huma essenzjalment dawn li ġejjin.
111. Libro hija tal-fehma li r-regoli leġiżlattivi li jirregolaw il-prezzijiet stabbiliti għall-kotba fil-BPrBG imorru kontra l-prinċipju ta’ lealtà Komunitarja, inkwantu dawn imorru kontra l-effettività tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni.
112. Skont Libro, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 81 KE mhuwiex direttament applikabbli għall-miżuri meħuda mill-Istati Membri, dawn tal-aħħar madankollu ma jistgħux jiffavorixxu jew jinkoraġġixxu l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni minn operaturi ekonomiċi privati u lanqas isaħħu l-effetti tiegħu. Il-kundizzjoni ta’ tali ksur tinsab fl-eżistenza ta’ konnessjoni bejn miżura statali u akkordju illeċitu bejn impriżi privati. Libro tikkunsidra li din il-konnessjoni teżisti fil-fatt li meta adotta l-BPrBG il-leġiżlatur Awstrijak żamm id-dispożizzjonijiet essenzjali tal-akkordju antikompetittiv li jikkostitwixxi s-Sammelrevers 1993. Iċ-ċirkostanzi li fihom ġiet adottata l-liġi u x-xogħol preparatorju huma prova suffiċjenti ta’ din il-konnessjoni.
113. Sabiex akkordju eżistenti jitqies imsaħħaħ, mhuwiex neċessarju li l-leġiżlazzjoni u l-akkordju inkwistjoni jkunu jikkorrispondu perfettament. Huwa biżżejjed li dik il-leġiżlazzjoni tadotta l-elementi tal-akkordju li jippreżentaw riskju ta’ illegalità fir-rigward tal-liġi dwar l-akkordji. Il-leġiżlatur Awstrijak, tkompli tgħid Libro, mhux biss wettaq permezz tal-BPrBG estensjoni kronoloġika u fil-mertu ta’ sistema illeċita ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba fir-rigward tal-liġi dwar l-akkordji, iżda adotta wkoll elementi essenzjali bħall-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku mill-pubblikaturi. Din il-konnessjoni tirriżulta wkoll mid-dispożizzjoni tranżitorja li tinsab fl-Artikolu 10 tal-BPrBG kif ukoll mill-fatt li din il-liġi, bl-istess mod bħas-Sammelrevers 1993, tikkonċerna esklużivament il-kotba bil-lingwa Ġermaniża.
114. Il-Fachverband, il-gvernijiet tal-Istati li huma partijiet fil-proċedura, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u l-Kummissjoni jikkunsidraw li f’din il-kawża m’hemmx ksur tal-obbligu ta’ lealtà li għandhom l-Istati Membri.
115. Skont huma, l-Istati Membri fil-prinċipju huma liberi li jadottaw miżuri ta’ politika ekonomika, minkejja li dawn il-miżuri għandhom l-istess effett antikompetittiv bħall-akkordji bejn impriżi. Ċertament, din il-libertà hija limitata mill-fatt li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE jipprojbixxi lill-Istati Membri li jieħdu miżuri li jeliminaw l-effettività tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi. Madankollu, tali miżura titqies li teżisti biss meta Stat Membru jew jimponi jew jiffavorixxi, jew isaħħaħ l-effetti tal-konklużjoni ta’ akkordju li jmur kontra l-Artikolu 81 KE, jew inkella jneħħi n-natura statali tar-regolamentazzjoni tiegħu billi jiddelega lil operaturi privati r-responsabbiltà biex jittieħdu deċiżjonijiet ta’ intervent fil-qasam ekonomiku.
116. Madankollu, il-BPrBG m’għandhiex l-iskop li timponi jew tiffavorixxi l-konklużjoni ta’ akkordji li jmorru kontra d-dritt tal-kompetizzjoni. Il-liġi diġà kienet tordna l-impożizzjoni vertikali tal-prezzijiet, b’mod illi l-iffissar tal-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku ma jikkostitwixxix akkordju.
117. Il-partijiet inkwistjoni jgħidu wkoll li lanqas ma jeżisti tisħiħ ta’ akkordju antikompetittiv. Dan jista’ jiġi konkluż biss jekk Stat Membru sempliċement jadotta akkordju antikompetittiv, waqt li jobbliga jew iħeġġeġ lill-operaturi ekonomiċi biex jirrispettaw tali regolamentazzjoni. Kemm-il darba l-Istat jaġixxi b’mod indipendenti u fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ interess ġenerali, ma jkunx hemm ksur tal-obbligu ta’ lealtà.
118. Skont dawn l-istess partijiet, għalkemm huwa minnu li, meta jitqies il-kontenut tagħha, il-BPrBG tadotta l-element ċentrali tas-Sammelrevers 1993, jiġifieri l-obbligu fundamentali li għandu l-ħanut tal-kotba li japplika l-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku li jkun ġie ffissat, id-dispożizzjonijiet nazzjonali madankollu mhumiex limitati għal adozzjoni tal-elementi tas-Sammelrevers 1993. Għall-kuntrarju, hawnhekk huma involuti modifika fundamentali u introduzzjoni ta’ sistema ġdida ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba. Dan jirriżulta b’mod partikolari mit-trasformazzjoni tal-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku minn prezz fiss għal prezz minimu, il-possibbiltà li jiġu kkunsidrati l-vantaġġi kummerċjali u li jingħata skont sa massimu ta’ 5 %. Il-Fachverband josserva li l-Artikolu 10 tal-BPrBG kien biss dispożizzjoni tranżitorja adottata mil-leġiżlatur Awstrijak bil-għan li l-pubblikaturi u l-importaturi jiġu meħlusa mill-obbligu li jiffissaw il-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku għat-titoli kollha immedjatament wara d-dħul fis-seħħ tal-BPrBG.
119. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, anki jekk wieħed jassumi li jeżisti tisħiħ ta’ akkordju eżistenti fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 81(1) KE, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk tali tisħiħ jistax jibbenefika minn eżenzjoni abbażi tal-Artikolu 81(3) KE. Madankollu, l-ordni ta’ rinviju ma tagħtix bażi suffiċjenti biex tingħata risposta għal din id-domanda.
120. L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tirrileva li jekk wieħed jikkonkludi li jeżisti ksur tal-obbligu ta’ lealtà tirriżulta sitwazzjoni paradossali. Miżura meħuda minn Stat Membru fejn qabel ma ġiet adottata ma kien jeżisti ebda akkordju korrispondenti bejn impriżi hija kompatibbli mal-Artikolu 81 KE, waqt li miżura meħuda minn Stat Membru ieħor fejn kien jeżisti akkordju simili meta ġiet adottata hija illeċita.
121. Barra minn hekk, il-Fachverband, il-gvernijiet tal-Istati Membri li huma partijiet fil-proċedura, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u l-Kummissjoni jsemmu li l-leġiżlatur Awstrijak lanqas ma neħħa n-natura statali tal-BPrBG meta ddelega lill-operaturi privati r-responsabbiltà li jieħdu deċiżjonijiet ta’ intervent fil-qasam ekonomiku.
122. Effettivament huma jikkunsidraw li din il-kawża tikkonsisti f’azzjoni unilaterali mill-pubblikaturi u mhux f’akkordju. L-obbligu li jiġu rrispettati l-prezzijiet minimi jirriżulta minn dispożizzjoni tal-liġi. L-iffissar tal-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku mill-pubblikatur għandu impatt fuq il-kompetizzjoni biss inkwantu dan huwa ordnat mil-liġi. Fin-nuqqas ta’ dan, tispjega l-Kummissjoni, tkun involuta biss rakkomandazzjoni ta’ prezz għall-bejjiegħ finali, li hija fondamentalment leċita mill-perspettiva tad-dritt dwar il-kompetizzjoni.
123. Finalment, il-gvernijiet tal-Istati Membri li huma partijiet fil-proċedura jargumentaw li ma teżistix politika ta’ kompetizzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-sistemi purament nazzjonali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba. Il-Gvern Awstrijak josserva li jkunu jeżistu tali sistemi meta liġi ta’ Stat Membru tkun tissoġġetta għal prezz stabbilit il-kotba kkummerċjalizzati fit-territorju ta’ dak l-Istat. Fil-fehma tiegħu, anki jekk tali sistema tkun tapplika ugwalment għall-kotba importati jew importati mill-ġdid, għandu jiġi kkunsidrat li tkun teżisti sistema purament nazzjonali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba.
124. Il-Gvern Ġermaniż jiddubita mill-applikabbiltà tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE, moqri flimkien mal-Artikoli 3(1)(g) u 81 KE. Skont huwa, għalkemm miżura ma tkunx taqa’ taħt il-formola Dassonville jew ma tkunx tissodisfa l-kundizzjonijiet tad-deroga Keck, l-Artikoli 28 u 30 KE għandhom jitqiesu bħala regoli speċjali li jipprevalu fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE moqri flimkien mal-Artikoli 3(1)(g) u 81 KE.
2. Evalwazzjoni ġuridika
125. Il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk l-obbligu ta’ lealtà li għandhom l-Istati Membri skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE moqri flimkien mar-regoli li jirregolaw il-kompetizzjoni stipulati fl-Artikoli 3(1)(g) u 81 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-adozzjoni tal-BPrBG hija inkompatibbli miegħu.
126. Din id-domanda qed issir biss fl-ipoteżi fejn regolamentazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 3 tal-BPrBG ma tikkostitwixxix miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 28 KE, b’mod illi, fil-fehma tagħna, il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex teżaminaha. Madankollu, ser nirrispondu din id-domanda fuq bażi sussidjarja fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-proposti tagħna dwar l-ewwel u t-tieni domanda.
127. L-Artikolu 81 KE huwa regola indirizzata lill-impriżi, li l-applikazzjoni tagħha tippreżupponi akkordju jew prattika miftiehma bejn impriżi. Għaldaqstant, mhuwiex applikabbli, fil-prinċipju, għall-atti ta’ poter pubbliku mwettqa mill-Istati Membri. Madankollu, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE jeħtieġ li l-Istati Membri jastjenu minn kwalunkwe miżura li tista’ tpoġġi f’periklu t-twettiq tal-għanijiet tat-Trattat KE. Skont l-Artikolu 3(1)(g) KE, l-attivitajiet tal-Komunità għandhom jinkludu sistema li tiggarantixxi li ma jkunx hemm distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq intern. Il-politika Komunitarja dwar il-kompetizzjoni hija kkonkretizzata b’mod partikolari fl-Artikolu 81 KE. Isegwi li b’applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE moqri flimkien mal-Artikoli 3(1)(g) u 81 KE, l-Istati Membri huma obbligati li jastjenu minn kwalunkwe miżura li tista’ tikkomprometti l-effettività tal-Artikolu 81 KE (39). Dan jgħodd ukoll għall-atti ta’ natura leġiżlattiva jew regolatorja tal-Istati Membri (40).
128. Min-naħa l-oħra, huwa rikonoxxut li l-miżuri kollha meħuda minn Stat Membru li għandhom effett fuq il-kompetizzjoni ma jikkostitwixxux ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE moqri flimkien mal-Artikoli 3(1)(g) u 81(1) KE (41). Applikazzjoni daqstant wiesgħa tal-obbligu ta’ lealtà twassal biex l-Istati Membri jkunu soġġetti għal kontroll Komunitarju anki fl-oqsma fejn ikunu huma, u mhux il-Komunità, li jkollhom kompetenza, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi (42).
129. Din id-delimitazzjoni mhijiex faċli: dan jirriżulta pereżempju mill-fatt li l-miżuri meħuda mill-Istati Membri fl-oqsma tal-politika ekonomika jew tal-politika kulturali, li għalihom huma kompetenti skont l-Artikoli 98 et sequitur KE u 151 KE, jista’ jkollhom effett fuq il-kompetizzjoni. Kieku l-miżuri meħuda fl-Istati Membri f’dawn l-oqsma jkunu soġġetti għal kontroll abbażi tal-obbligu ta’ lealtà biex jiġi stabbilit jekk għandhomx effett fuq il-kompetizzjoni, l-Istati Membri jkunu ristretti fi ħdan “kurpett tad-dritt tal-kompetizzjoni” ukoll fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ miżuri relatati ma’ dawk l-istess oqsma. Dan ma jkunx kompatibbli mal-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi.
130. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (43) f’dan il-qasam hija kkaratterizzata minn naħa waħda mill-ħtieġa li jiġu ssalvagwardati l-kompetenzi tal-Istati Membri, u min-naħa l-oħra mill-projbizzjoni li għandhom l-Istati Membri li jevitaw il-politika ta’ kompetizzjoni tal-Komunità permezz tal-miżuri li huma jadottaw.
131. Jirriżulta minn ġurisprudenza li issa saret kostanti li wieħed ma jistax jikkonkludi li jeżisti ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE moqri flimkien mal-Artikoli 3(1)(g) u 81 KE ħlief meta Stat Membru jimponi (l-ewwel każ ipotetiku) jew jiffavorixxi (it-tieni każ ipotetiku) il-konklużjoni ta’ akkordji li jmorru kontra l-Artikolu 81 KE jew isaħħaħ l-effetti tagħhom (it-tielet każ ipotetiku), jew ineħħi n-natura statali tar-regolamentazzjoni tiegħu billi jiddelega lil operaturi privati r-responsabbiltà biex jieħdu deċiżjonijiet ta’ intervent fi kwistjonijiet ekonomiċi (ir-raba’ każ ipotetiku) (44).
a) L-Istat Membru jimponi jew jippromwovi akkordju antikompetittiv jew isaħħaħ l-effetti tiegħu
132. Il-kundizzjoni essenzjali tal-ewwel tliet każijiet ipotetiċi hija li l-miżura adottata mill-Istat Membru tkun marbuta ma’ akkordju antikompetittiv. F’dan ir-rigward, wieħed jista’ jitkellem dwar aġir aċċessorju tal-Istati Membri (45). Is-Sammelrevers 1993 b’mod partikolari għandu jiġi kkunsidrat f’din il-kawża bħala akkordju antikompetittiv li miegħu setgħet ġiet marbuta miżura statali (46).
i) Ftehim antikompetittiv?
133. Fil-kuntest tas-Sammelrevers 1993, il-bejjiegħa tal-kotba Awstrijaki kienu marbuta bi prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku ffissati mill-pubblikaturi Ġermaniżi. Dawn il-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku kienu jikkostitwixxu prezzijiet fissi. Peress li l-istabbiliment vertikali ta’ prezzijiet fissi jissodisfa r-regola stipulata fl-Artikolu 81(1)(a) KE, m’għandna ebda dubju li din il-kawża tirrigwarda akkordju li jirrestrinġi l-kompetizzjoni (47). Għandu jingħad ukoll, fil-fehma tagħna, li din is-sistema kellha effett sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni (48). Peress li mhuwiex ikkontestat f’din il-kawża li l-biċċa l-kbira tal-kotba mibjugħa fl-Awstrija huma kotba Ġermaniżi, wieħed għandu jitlaq ukoll mill-prinċipju li s-Sammelrevers 1993 kienet kapaċi tostakola l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għaldaqstant jidher li din is-sistema tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE (49).
134. Madankollu, għandu jitqies il-fatt li l-Artikolu 81 KE jikkonsisti f’żewġ stadji. Akkordju jista’ jitqies li jmur kontra l-Artikolu 81 KE biss jekk ma jkunx eżentat taħt l-Artikolu 81(3) KE (50). Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax jiġi akkużat li impona jew iffavorixxa akkordju li huwa eżentat taħt l-Artikolu 81(3) KE jew li saħħaħ l-effetti tiegħu. Din hija r-raġuni għalfejn huwa fil-kompetenza tal-qorti tar-rinviju biex tivverifika jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE humiex sodisfatti (51), jiġifieri jekk is-sistema tas-Sammelrevers 1993 ikkontribwietx biex ittejjeb il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-prodotti jew biex tippromwovi l-progress tekniku jew ekonomiku, waqt li tiġi rriżervata għall-utenti parti ġusta mill-gwadann riżultanti, u mingħajr ma jiġu imposti fuq l-impriżi kkonċernati restrizzjonijiet li ma jkunux indispensabbli biex jintlaħqu dawk l-għanijiet, u mingħajr ma jingħataw il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni għal parti sostanzjali tal-prodotti inkwistjoni.
135. Tali eżami jippreżupponi analiżi profonda tal-fatti (52). Din hija r-raġuni għalfejn fil-fehma tagħna għandu jiġi stabbilit fl-ewwel lok jekk il-leġiżlatur Awstrijak imponiex jew iffavorixxiex is-Sammelrevers 1993 jew jekk saħħaħx l-effetti tiegħu.
ii) Il-leġiżlatur Awstrijak impona jew ippromwova s-Sammelrevers 1993 jew saħħaħ l-effetti tiegħu?
136. Il-ġurisprudenza tikkunsidra li jkun hemm tisħiħ tal-effetti ta’ akkordju antikompetittiv meta Stat Membru sempliċement jadotta l-elementi kollha jew parti minnhom ta’ akkordju antikompetittiv li jkun sar bejn impriżi (53). Il-Qorti tal-Ġustizzja tgħaqqad taħt il-kwalifika ta’ għajnuna jew appoġġ għal akkordju antikompetittiv il-miżuri li jħeġġu lill-impriżi biex jadottaw tali komportament (54).
137. Peress li s-sistema ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba li ġiet stabbilita mill-Istat permezz tal-BPrBG issostitwiet is-Sammelrevers 1993, jista’ jitqies li f’din il-kawża teżisti miżura statali li ssaħħaħ l-effetti tas-Sammelrevers 1993.
138. Kif diġà ġie indikat iktar ’il fuq (55), il-karatteristika essenzjali ta’ dan il-każ tinsab fin-natura aċċessorja tal-miżura statali f’relazzjoni ma’ akkordju antikompetittiv bejn impriżi. Għaldaqstant, f’din il-kawża wieħed għandu jeżamina, fl-ewwel lok, jekk il-BPrBG tirrappreżentax konnessjoni diretta mas-Sammelrevers 1993, fit-tieni lok, jekk id-dispożizzjoni tranżitorja tal-Artikolu 10 tal-BPrBG tistax toħloq konnessjoni u, fit-tielet lok, jekk konnessjoni fir-rigward tal-kontenut hijiex suffiċjenti.
– Teżisti konnessjoni diretta mas-Sammelvers 1993?
139. Wieħed ma jistax jikkonkludi f’din il-kawża li hemm konnessjoni diretta bejn il-BPrBG u s-Sammelrevers 1993, u dan għaliex il-pubblikaturi, il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-bejjiegħa bl-imnut Awstrijaki ma kinux għadhom partijiet għas-Sammelrevers 1993 meta l-BPrBG daħlet fis-seħħ.
– Teżisti konnessjoni minħabba d-dispożizzjoni tranżitorja tal-Artikolu 10 tal-BPrBG?
140. Madankollu, il-fatt li l-Artikolu 10 tal-BPrBG ippreskriva applikazzjoni tranżitorja tal-prezzijiet li jinsabu fir-reġistru ta’ kotba disponibbli fl-edizzjoni tal-20 ta’ Ġunju 2000 jista’ joħloq konnessjoni. Jidher li dan ir-reġistru jinkludi prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku li ġew iffissati fil-qafas tas-sistema tas-Sammelrevers 1993.
141. Madankollu, għandu jitqies il-fatt li għalkemm l-Artikolu 10 tal-BPrBG jirreferi għall-prezzijiet miftiehma fil-qafas tas-Sammelrevers 1993, dan mhuwiex relatat, min-naħa l-oħra, mad-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta’ din is-sistema. Ir-regoli tas-Sammelrevers 1993 u dawk tal-BPrBG huma partikolarment distinti inkwantu, fil-BPrBG, il-prezzijiet fissi huma ssostitwiti bi prezzijiet minimi, waqt li l-vantaġġi kummerċjali miksuba jistgħu jiġu kkunsidrati u l-bejjiegħa tal-kotba għandhom il-possibbiltà li jnaqqsu l-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak b’massimu ta’ 5 % (56).
142. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 10 tal-BPrBG lanqas ma joħloq konnessjoni aċċessorja bejn il-BPrBG u s-Sammelrevers 1993.
– Konnessjoni fir-rigward tal-kontenut hija suffiċjenti?
143. Konsegwentement, wieħed għandu jsaqsi jekk jistax jiġi konkluż li kien hemm tisħiħ tal-effetti tas-Sammelrevers 1993 minħabba li l- BPrBG adotta l-kontenut tas-Sammelrevers 1993.
144. Din id-domanda hija partikolarment importanti f’din il-kawża peress li l-leġiżlatur Awstrijak ma ħalla ebda dubju dwar ir-rieda tiegħu li essenzjalment iżomm il-prezzijiet stabbiliti mis-Sammelrevers 1993, u li d-dħul fis-seħħ tal-BPrBG kważi kkoinċida mal-mument meta l-pubblikaturi, il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-bejjiegħa tal-kotba ħarġu mis-sistema tas-Sammelrevers 1993.
145. Minkejja ċ-ċirkostanzi msemmija mill-qorti nazzjonali, fil-fehma tagħna l-fatt li l-BPrBG essenzjalment tadotta l-elementi tas-Sammelrevers 1993 ma jistax jitqies li jikkostitwixxi tisħiħ tal-effetti tas-Sammelrevers 1993.
146. Dan huwa kkonfermat fl-ewwel lok mill-kontenut tal-ġurisprudenza. Skont din tal-aħħar, regolamentazzjoni ma tistax titqies li ssaħħaħ l-effetti ta’ akkordju antikompetittiv ħlief jekk l-Istat Membru sempliċement adotta totalment jew parzjalment l-elementi tal-akkordji li jkunu saru bejn operaturi ekonomiċi (57).
147. Il-leġiżlatur Awstrijak ma adottax totalment is-Sammelrevers 1993. Fil-fehma tagħna lanqas ma jista’ jitqies li kien hemm adozzjoni parzjali fis-sens tal-ġurisprudenza. Aħna nifhmu l-kunċett ta’ “adozzjoni parzjali” fis-sens li tali adozzjoni tkun teżisti biss jekk is-suġġett tal-akkordju antikompetittiv ikun separabbli u l-Istat Membru jkun adotta parti biss tas-suġġett tal-akkordju mingħajr ma mmodifika l-kontenut tiegħu. Biex nerġgħu mmorru lura għall-idea ta’ natura aċċessorja, fil-fehma tagħna l-ġurisprudenza tirrigwarda biss miżuri tal-Istati Membri li huma strettament aċċessorji għal parti ta’ akkordju eżistenti bejn impriżi (58). Jimmilita wkoll f’dan is-sens il-fatt li, skont il-ġurisprudenza, l-Istat Membru għandu jillimita ruħu li jadotta l-elementi tal-akkordju inkwistjoni.
148. Għalkemm huwa minnu li f’din il-kawża l-leġiżlatur Awstrijak stabbilixxa konnessjoni mas-Sammelrevers 1993 fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva, huwa mmodifika l-kontenut ta’ din is-sistema, kif ġie deskritt iktar ’il fuq (59). Għaldaqstant, fil-fehma tagħna ma jistax jitqies li huwa llimita ruħu għal adozzjoni parzjali tas-Sammelrevers 1993.
149. Barra minn hekk, aħna tal-fehma li din l-interpretazzjoni restrittiva tal-ġurisprudenza biss hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi. Kif diġà semmejna iktar ’il fuq (60), għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li, fil-limiti tal-obbligu ta’ lealtà stabbilit fl-Artikolu 10 KE, Stat Membru fil-prinċipju huwa liberu, fl-oqsma tal-kompetenzi tiegħu, li jadotta miżuri li jkollhom l-iskop jew l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Għaldaqstant, il-kwistjoni jekk u sa liema punt miżura statali tostakola l-kompetizzjoni ma tistax tkun kriterju determinanti (61).
150. Fil-fehma tagħna dan il-prinċipju jopponi l-argument li jgħid li miżura leġiżlattiva ssaħħaħ l-effetti ta’ akkordju antikompetittiv biss għaliex issegwi għan simili ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni jew għandha effett simili ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni. F’dawn il-każijiet – kif turi ferm ċar din il-kawża ‑ huwa ferm diffiċli, anki impossibbli, li ssir distinzjoni bejn miżura awtonoma leċita meħuda minn Stat Membru u l-adozzjoni ta’ kontenut illeċitu f’każ partikolari.
151. Approċċ restrittiv, strettament aċċessorju, jippermetti wkoll li tiġi evitata s-sitwazzjoni paradossali fejn miżura statali tikkostitwixxi fi Stat Membru ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE moqri flimkien mal-Artikoli 3(1)(g) u 81 KE, unikament għaliex xi impriżi jkunu kkonkludew qabel akkordju b’effett simili, iżda fejn l-adozzjoni ta’ dik il-miżura tkun permessa fi Stat Membru ieħor għaliex ebda akkordju bejn impriżi bl-istess kontenut ma jkun ġie konkluż qabel.
152. Fil-fehma tagħna lanqas m’hemm kontradizzjoni fil-fatt li Stat Membru jista’ jadotta fuq l-inizjattiva tiegħu stess liġi li jkollha l-iskop jew l-effett li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, iżda li jkun ipprojbit minħabba l-obbligu ta’ lealtà li jsaħħaħ l-effetti ta’ akkordju simili li jkun sar bejn impriżi. Ikun hemm kontradizzjoni f’tali każ biss jekk, għall-finijiet tal-obbligu ta’ lealtà, ikun pertinenti li liġi jkollha skop jew effett li tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Madankollu, tali interpretazzjoni ma tistax tittieħed bħala bażi fid-dawl tal-prinċipju tal-attribuzzjoni tal-kompetenzi (62). Għall-kuntrarju, Stat Membru ma jistax jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jadotta miżura leġiżlattiva li jkollha kontenut simili għal akkordju bejn impriżi, kemm-il darba jaġixxi fuq l-inizjattiva tiegħu.
153. Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ lealtà huwa limitat għall-projbizzjoni għall-Istati Membri li jsaħħu l-effetti ta’ akkordju bejn impriżi li jmur kontra l-Artikolu 81 KE billi jirriproduċu l-akkordju inkwistjoni totalment jew parzjalment – fis-sens li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija strettament aċċessorja għall-akkordju – mingħajr ma jimmodifikaw jew jeżaminaw il-kontenut tiegħu. Il-Kummissjoni osservat ġustament li tali komportament mill-Istati Membri jikkostitwixxi sinjal b’saħħtu li jista’ jxejjen l-effettività tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Komunità.
154. Bħala konsegwenza, il-fatt li l-BPrBG tadotta l-kontenut tas- Sammelrevers 1993 ma jikkostitwixxix fil-fehma tagħna tisħiħ tal-effetti ta’ dik is-sistema.
iii) Konklużjoni
155. Bħala konklużjoni, u indipendentement mill-evalwazzjoni li tista’ ssir dwar is-Sammelrevers 1993 mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni, ma jistax jitqies li l-adozzjoni tal-BPrBG imponiet jew iffavorixxiet akkordju antikompetittiv jew li saħħet l-effetti tiegħu.
b) Delega lill-operaturi privati tar-responsabbiltà li jieħdu deċiżjonijiet ta’ intervent fi kwistjonijiet ekonomiċi
156. Skont ir-raba’ każ ipotetiku msemmi hawn fuq (63), ksur tal-obbligu ta’ lealtà jista’ jinsab ukoll fil-fatt li Stat Membru jirtira n-natura statali ta’ miżura billi jiddelega lil operaturi privati r-responsabbiltà li jieħdu deċiżjonijiet ta’ intervent fi kwistjonijiet ekonomiċi. Analiżi ta’ dan ir-raba’ każ ipotetiku, li huwa meqjus minn ġurisprudenza stabbilita, turi li huwa b’mod partikolari fil-kawża Leclerc vs Au blé vert (64) li għandha tinstab l-oriġini (65).
157. Delega tas-setgħat statali lil operaturi privati fil-prinċipju hija prevedibbli biss jekk dawn tal-aħħar ikunu awtorizzati mil-liġijiet tal-Istat biex jimponu lil terzi prezzijiet kostrinġenti mingħajr ma jkunu soġġetti għal kontroll tal-Istat (66).
158. Biex tiġi eliminata l-applikabbiltà ta’ dan il-każ ipotetiku għal din il-kawża, ġie argumentat b’mod partikolari li ma jeżistix akkordju bejn impriżi i), li ma ngħatat ebda delega tad-deċiżjoni lil operaturi privati ii) u li ma teżistix politika ta’ kompetizzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-sistemi nazzjonali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba iii).
i) L-eżistenza ta’ natura aċċessorja mhijiex neċessarja
159. Ċerti awturi jinsistu wkoll għal dan il-każ ipotetiku li għandu jkun hemm natura aċċessorja stretta f’relazzjoni ma’ akkordju bejn impriżi konkluż bi ksur tal-Artikolu 81 KE (67).
160. Din l-interpretazzjoni ma tikkonvinċiniex.
161. Fl-ewwel lok, fil-ġurisprudenza ma nsibu ebda indikazzjoni f’dan is-sens, anki f’dan ir-raba’ każ ipotetiku, li hija meħtieġa natura aċċessorja stretta f’relazzjoni ma’ akkordju antikompetittiv.
162. Fir-realtà, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Leclerc vs Au blé vert li tali leġiżlazzjonijiet nazzjonali, li jagħmlu superfluwu l-aġir ta’ impriżi pprojbit mill-Artikolu 81(1) KE, billi jiddelegaw lill-pubblikaturi jew importaturi ta’ kotba r-responsabbiltà li jiffissaw liberament il-prezzijiet obbligatorji fl-istadju tal-kummerċ bl-imnut, jippreġudikaw l-effettività tal-Artikolu 81 KE u, għaldaqstant, imorru kontra t-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE (68). Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddikjaratx espressament f’dik is-sentenza li sistema nazzjonali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-raba’ każ ipotetiku (69). Madankollu, hija kompliet teżamina jekk kienx hemm ksur tal-obbligu ta’ lealtà f’dik il-kawża, fejn kien inkontestabbli li ma kien jeżisti ebda akkordju preċedenti bejn impriżi, u ammettiet il-possibbiltà ta’ tali ksur b’ċerti kundizzjonijiet (70). Fil-fehma tagħna wieħed jista’ jikkonkludi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma teżiġix, fir-raba’ każ ipotetiku, li l-miżura statali tkun strettament aċċessorja għal akkordju antikompetittiv bejn impriżi (71). M’hemm xejn fis-sentenzi sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li jippermettielna naħsbu li l-Qorti tal-Ġustizzja abbanduntat dan l-approċċ (72).
163. Fit-tieni lok, aħna tal-fehma li lanqas mhu propizju li dan il-każ ipotetiku jiġi ristrett għall-miżuri aċċessorji għal akkordju antikompetittivi bejn impriżi. Ċertament, kif semmejna iktar ’il fuq (73), wieħed ma jistax jibbaża biss fuq il-kwistjoni jekk miżura statali għandhiex effetti fuq il-kompetizzjoni u, fl-affermattiv, li jiġi eżaminat x’inhuma dawk l-effetti. Madankollu, dan mhuwiex l-iskop ta’ dan il-każ ipotetiku. Fir-realtà, l-aġir kundannabbli tal-Istati Membri kkonċernati fir-raba’ każ ipotetiku jinsab fil-fatt li Stat Membru jissorvola l-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 81 KE ta’ akkordju bejn impriżi. Dan jikkonsisti f’miżuri leġiżlattivi li ma jikkostitwixxu xejn iktar għajr “qoxra” leġiżlattiva mingħajr sustanza li tipproteġi lill-operaturi privati mill-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE. F’tali każijiet, l-effettività ta’ dak l-Artikolu tista’ tiġi ppreġudikata (74).
164. Fit-tielet lok, jimmilita wkoll kontra l-kundizzjoni ta’ natura aċċessorja stretta f’dan il-każ ipotetiku l-fatt li, kieku kien mod ieħor, din il-kundizzjoni tkun prattikament inapplikabbli, peress li l-miżura statali li tiddelega lil operaturi privati r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ta’ intervent fi kwistjonijiet ekonomiċi twassal preċiżament biex tirrendi ineffettiv akkordju li jmur kontra l-Artikolu 81 KE.
165. Bħala konklużjoni, nikkunsidraw li f’dan il-każ ipotetiku, wieħed ma jistax jeżiġi natura aċċessorja stretta għal akkordju bejn impriżi li jmur kontra l-Artikolu 81 KE.
ii) Delega lil operaturi privati
166. Għaldaqstant, il-kwistjoni deċiżiva hija jekk il-BPrBG tiddelegax lil operaturi privati r-responsabbiltà li jiffissaw il-prezzijiet. Biex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-kotba Awstrijaki u l-kotba Ġermaniżi.
167. Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk is-setgħa li jiġu ffissati l-prezzijiet tibqax irriżervata fl-aħħar lok għall-awtoritajiet pubbliċi. F’tali ipoteżi, ma jistax jitqies li kien hemm delegazzjoni tar-responsabbiltà lil operaturi privati (75). F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż jinvoka l-istħarriġ ġudizzjarju sostantiv tal-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku previst mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7 u 1 tal-BPrBG, meħuda flimkien. Matul is-seduta, il-Gvern Awstrijak ma pprovdiex indikazzjonijiet issostanzjati dwar l-eżistenza ta’ tali stħarriġ ġudizzjarju. Madankollu, jidher li dawn id-dispożizzjonijiet ma jippermettux lil qorti li taġixxi ex ufficio jekk il-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku ma jkunux adattati għall-għanijiet segwiti mill-BPrBG (76). F’dawn iċ-ċirkostanzi, fil-fehma tagħna ma jistax jitqies li s-setgħa li jiġu ffissati l-prezzijiet tibqa’ rriżervata fl-aħħar lok għall-awtoritajiet pubbliċi.
168. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li mhuwiex wisq rilevanti, għall-finijiet biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm ksur tal-obbligu ta’ lealtà, li l-operaturi privati jkunu obbligati li jiffissaw il-prezzijiet, jew li jkunu biss awtorizzati biex jagħmlu dan (77).
169. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat f’din il-kawża jekk il-BPrBG tiddelegax ir-responsabbiltà tal-iffissar tal-prezzijiet lil operaturi privati.
170. Fil-każ tal-kotba Awstrijaki, il-pubblikaturi huma liberi li jiffissaw kif jidhrilhom il-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak. Għal dawn il-kotba, b’hekk teżisti delega tar-responsabbiltà tal-iffissar tal-prezzijiet lil operaturi privati.
171. Madankollu, fil-każ ta’ kotba Ġermaniżi, id-deċiżjoni sostantiva fir-rigward tal-livell fil-prinċipju tal-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak, minn naħa waħda, u l-iffissar ta’ dak il-prezz min-naħa l-oħra, huwa ddelegat lil żewġ impriżi distinti li jinsabu f’livelli differenti tal-katina tad-distribuzzjoni. Huwa minnu li huwa l-importatur li jiffissa l-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak ta’ ktieb Ġermaniż għall-finijiet tal-bejgħ tiegħu fl-Awstrija. Iżda peress li dak l-importatur huwa fil-prinċipju marbut bil-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Ġermaniż, id-deċiżjoni sostantiva fir-rigward tal-livell tal-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak tittieħed mill-pubblikatur Ġermaniż. B’hekk isegwi li l-operatur privat li lilu jista’ tkun ġiet iddelegata din is-setgħa huwa l-pubblikatur Ġermaniż (78).
172. Kontra r-responsabbiltà ta’ pubblikatur Ġermaniż, wieħed jista’ jeċċepixxi li dan sempliċement jiffissa l-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku Ġermaniż u li l-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak huma relatati ma’ dawn tal-aħħar. Wieħed jista’ jikkonkludi li l-iffissar ta’ prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak mhijiex ir-responsabbiltà tal-pubblikatur Ġermaniż, iżda li l-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Ġermaniż huwa biss element li minnu jirriżulta l-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak, b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-BPrBG (79).
173. Madankollu, fl-ewwel lok għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li pubblikatur Ġermaniż jista’ jintegra wkoll fir-riflessjonijiet tiegħu l-bejgħ fl-Awstrija ta’ ktieb ikkumerċjalizzat fil-Ġermanja u fl-Awstrija, peress li l-importanza tal-bejgħ fl-Awstrija tista’ tvarja skont il-pubblikatur u l-ktieb. Barra minn hekk, pubblikatur Ġermaniż jista’ jinfluwenza l-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku għall-Awstrija billi jagħti vantaġġi kummerċjali, anki jekk ikun għad-detriment tiegħu (80).
174. Barra minn hekk, jidher li l-kwistjoni deċiżiva f’dan il-kuntest mhijiex il-grad ta’ libertà li għandu l-pubblikatur Ġermaniż biex jieħu d-deċiżjoni tiegħu, iżda pjuttost jekk l-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak jibqax b’mod definittiv f’idejn korpi statali jew operaturi privati. Peress li l-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ ta’ kotba Ġermaniżi għall-pubbliku Awstrijak f’din il-kawża jibqa’, fl-aħħar mill-aħħar, f’idejn il-pubblikatur Ġermaniż, aħna nikkunsidraw li l-BPrBG tiddelega għall-inqas parzjalment ir-responsabbiltà tal-iffissar tal-prezzijiet ukoll lill-pubblikaturi Ġermaniżi.
175. Bħala konklużjoni, aħna b’hekk tal-fehma li regolamentazzjoni bħall-BPrBG tiddelega lill-operaturi privati r-responsabbiltà li jieħdu miżuri ta’ intervent fi kwistjonijiet ekonomiċi. Dan huwa kkonfermat mill-pożizzjoni li adottat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Leclerc vs Au blé vert, liema pożizzjoni diġà spjegajna iktar ’il fuq (81).
iii) Teħid f’kunsiderazzjoni tal-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam kulturali
176. Wara li ammettiet impliċitament fis-sentenza Leclerc vs Au blé vert li Stat Membru jista’ jikkommetti ksur minħabba li jkun għamel superfluwu akkordju antikompetittiv, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ma teżistix politika Komunitarja tal-kompetizzjoni li tirrigwarda sistemi purament nazzjonali tal-prezzijiet stabbiliti għall-kotba. Hija kkonkludiet li skont l-istat attwali tad-dritt Komunitarju l-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE moqri flimkien mal-Artikoli 3(1)(g) u 81 KE ma kinux determinati b’mod suffiċjenti biex jipprojbulhom li jdaħħlu leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni fir-rigward tal-prezzijiet tal-bejgħ ta’ kotba għall-pubbliku, bil-kundizzjoni iżda li tali leġiżlazzjoni tirrispetta d-dispożizzjonijiet speċifiċi l-oħrajn tat-Trattat KE, u b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-merkanzija (82).
177. Fil-fehma tagħna din il-formolazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà fiha l-elementi essenzjali kollha biex tkun tista’ tingħata deċiżjoni f’din il-kawża, iżda li s-sentenza teħtieġ ċerti spjegazzjonijiet.
178. Fl-ewwel lok, ir-referenza għan-nuqqas ta’ politika dwar il-kompetizzjoni fil-qasam tas-sistemi nazzjonali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba tista’ tinftiehem fis-sens li għandhom jiġu rrispettati r-regoli speċjali tad-dritt Komunitarju li jirregolaw dan il-qasam, kemm-il darba jkunu jeżistu. Fil-fatt, ebda regolamentazzjoni Komunitarja ma ġiet adottata f’dan il-qasam s’issa.
179. Fit-tieni lok, din ir-referenza madankollu ma tistax tinftiehem fis-sens li ma teżistix politika Komunitarja f’dan il-qasam fin-nuqqas ta’ regoli speċjali. Għall-kuntrarju, il-projbizzjoni ġenerali tal-prezzijiet stabbiliti li tinsab fl-Artikolu 81 KE tikkostitwixxi element tal-politika intersettorjali tal-Komunità, li minnha l-kotba mhumiex esklużi a priori (83). Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk teżamina r-raba’ każ ipotetiku f’oqsma oħrajn anki meta ma jkunux jeżistu regoli speċjali applikabbli għal settur (84).
180. Huwa minnu, fit-tielet lok, li r-referenza għal sistemi purament nazzjonali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba tista’ tinftiehem fis-sens li, fil-kawża Leclerc vs Au blé vert, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE ma kienx affettwat peress li l-miżura inkwistjoni ma kinitx kapaċi tostakola l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Din l-interpretazzjoni lanqas mhi konvinċenti peress li s-sentenza Leclerc vs Au blé vert kienet tirrigwarda importazzjonijiet lejn Franza ta’ kotba ppubblikati fi Stati Membri oħrajn u importazzjonijiet mill-ġdid ta’ kotba ppubblikati fi Franza. L-importanza tal-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Ġermanja teskludi wkoll il-possibbiltà li wieħed jikkunsidra li f’din il-kawża teżisti sitwazzjoni li m’għandha ebda element transkonfinali (85).
181. F’dan il-kuntest, ir-referenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għan-nuqqas ta’ politika ta’ kompetizzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-sistemi purament nazzjonali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba tista’, fil-fehma tagħna, tinftiehem unikament fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE moqri flimkien mal-Artikoli 3(1)(g) u 81 KE, tirrispetta s-sistemi nazzjonali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba bħala espressjoni tal-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam kulturali (86).
182. Din il-konsiderazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata fit-teorija skont kif ġej. Din il-kawża ma tirrigwardax applikazzjoni diretta tal-Artikolu 81 KE. Inkwantu l-Artikolu 81 KE joħloq indirettament obbligi għall-Istati Membri permezz tal-obbligu ta’ lealtà tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE, għandhom jiġu kkunsidrati mhux biss l-għanijiet ta’ dak l-Artikolu, iżda wkoll il-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-kultura (87).
183. F’dan l-istadju nistgħu nikkonkludu li meta tiġi applikata l-ġurisprudenza u meta tiġi kkunsidrata kif meħtieġ is-sovranità kulturali tal-Istati Membri, li għadna kif semmejna, ir-raba’ każ ipotetiku mhuwiex applikabbli fil-prinċipju għas-sistemi ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba.
184. Madankollu għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza ssoġġettat dan it-teħid f’kunsiderazzjoni għal żewġ kundizzjonijiet. Għandu jkun hemm sistema purament nazzjonali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba, u l-leġiżlazzjoni nazzjonali m’għandhiex tmur kontra dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat KE, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il- moviment liberu tal-merkanzija.
– Sistema purament nazzjonali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba
185. Fl-ewwel lok, għandu jkun hemm sistema purament nazzjonali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba. Jirriżulta mis-sentenza Leclerc vs Au blé vert (88) li jkun hemm sistema nazzjonali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza anki meta dik is-sistema tkun tapplika għall-kotba importati minn Stati Membri oħrajn. Barra minn hekk, fil-fehma tagħna mhuwiex wisq rilevanti fir-rigward tal-ksur tal- obbligu ta’ lealtà minn Stat Membru jekk ikunx l-importatur fit-territorju nazzjonali jew il-pubblikatur fi Stat Membru ieħor li essenzjalment jiffissa prezz tal-bejgħ għall-pubbliku ta’ ktieb importat .
186. F’din il-kawża, madankollu, iċ-ċirkostanza li l-prezzijiet tal-bejgħ ta’ kotba Ġermaniżi għall-pubbliku Awstrijak huma fil-prinċipju ffissati skont il-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku Ġermaniż twassalna biex niddubitaw jekk il-BPrBG tistax tiġi kkwalifikata bħala sistema purament nazzjonali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba. Dan ifisser li l-prezzijiet tal-bejgħ ta’ dawn il-kotba għall-pubbliku Awstrijak mhumiex stabbiliti b’mod obbligatorju skont kriterji li huma ġġustifikati fir-rigward tas-suq Awstrijak (89). Għandna dubji serji jekk il-BPrBG tistax tiġi kkwalifikata f’dan ir-rigward bħala sistema purament nazzjonali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba fis-sens tas-sentenza Leclerc vs Au blé vert.
– M’għandux ikun hemm ksur ta’ dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat KE, b’mod partikolari ta’ dispożizzizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija
187. Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Leclerc vs Au blé vert li ma jistax jiġi kkonstatat li kien hemm ksur tal-obbligu ta’ lealtà, kemm-il darba l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun stabbilixxiet is-sistema ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba tirrispetta d-dispożizzjonijiet speċifiċi l-oħrajn tat-Trattat, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-merkanzija (90). Jekk din il-kundizzjoni negattiva tiġi fformulata mill-ġdid b’mod pożittiv, dan ifisser li ksur tal-obbligu ta’ lealtà jseħħ meta s-sistema nazzjonali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba tmur kontra d-dispożizzjonijiet dwar il- moviment liberu tal-merkanzija jew regoli oħrajn tat-Trattat KE (91).
188. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Leclerc vs Au blé vert ma eżaminatx l-ewwel jekk kienx hemm ksur tal-obbligu ta’ lealtà, innegat tali ksur u mbagħad eżaminat ir-regoli li jirregolaw il- moviment liberu tal-merkanzija. Għall-kuntrarju, hija ma eskludietx ksur tal-obbligu ta’ lealtà fir-raba’ każ ipotetiku ħlief bil-kundizzjoni li s-sistema nazzjonali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba tkun ukoll kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE.
189. Fil-fehma tagħna, din il-kundizzjoni hija spjegata mill-konsiderazzjoni segwenti. Kif semmejna iktar ’il fuq, sistema ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba ppromulgata mill-Istat tiddelega lill-operaturi privati r-responsabbiltà li jieħdu deċiżjonijiet ta’ intervent fi kwistjonijiet ekonomiċi. Għaldaqstant, ma jistax jiġi fondamentalment eskluż li r-raba’ każ ipotetiku jikser l-obbligu ta’ lealtà. Madankollu, is-sistemi nazzjonali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba jittieħdu f’kunsiderazzjoni bħala espressjoni tal-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam kulturali. Iżda tali teħid f’kunsiderazzjoni huwa ġġustifikat biss jekk l-Istati Membri jaġixxu b’mod leali fir-rigward tal-Komunità meta huma jistabbilixxu sistema ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba.
190. Peress li regola bħall-Artikolu 3 tal-BPrBG tmur kontra l-Artikolu 28 KE, m’hemmx lok, skont il-ġurisprudenza, li s-sistema Awstrijaka ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba titqies bħala espressjoni tal-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam kulturali.
iv) Konklużjoni
191. Bħala konklużjoni, nikkonstataw li l-fatt li sistemi statali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba jagħtu lill-pubblikaturi u l-importaturi s-setgħa li jiffissaw il-prezzijiet tal-bejgħ ta’ kotba għall-pubbliku ma jmurx kontra, fil-prinċipju, l-obbligu li għandhom l-Istati Membri skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE, moqri flimkien mal-Artikoli 3(1)(g) u 81 KE, iżda li f’din il-kawża jeżistu ċirkostanzi partikolari li minħabba fihom għandu jiġi rikonoxxut tali ksur (92).
192. Il-ksur f’din il-kawża jikkorripondi fi grad għoli ma’ dak tal-Artikolu 28 KE. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, ma jistax jitqies li teżisti relazzjoni speċjali bejn l-Artikolu 28 KE minn naħa waħda u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE moqri flimkien mal-Artikoli 3(1)(g) u 81 KE min-naħa l-oħra, peress li dawn ir-regoli għandhom għanijiet differenti.
V – Sinteżi
193. Bħala sinteżi, naslu għall-konklużjoni li regolamentazzjoni bħall- BPrBG hija inkompatibbli mar-regoli li jirregolaw il-moviment liberu tal-merkanzija. Għaldaqstant, nipproponu li għandha tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari u fin-negattiv għat-tieni domanda.
194. Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ sistema ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba ppromulgata mill-Istat fil-prinċipju ma tikkostitwixxix ksur tal-obbligu ta’ lealtà previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE, moqri flimkien mal-Artikoli 3(1)(g) u 81 KE fil-każ ipotetiku fejn akkordju antikompetittiv isir ineffettiv. Madankollu, tali nuqqas ta’ ksur jippreżupponi li jkun hemm sistema purament nazzjonali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba u li r-regoli li jirregolaw tali sistema ma jmorrux kontra d-dritt Komunitarju, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija. F’din il-kawża, it-tieni kundizzjoni, tal-inqas, hija nieqsa.
195. Madankollu, peress li t-tielet domanda preliminari saret biss fl-ipoteżi li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda, nipproponu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrispondix għal din id-domanda.
196. Jekk jirriżulta li jkun meħtieġ li tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi, b’mod konformi mal-ġurisprudenza preċedenti tagħha, li fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju t-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE moqri flimkien mal-Artikoli 3(1)(g) u 81 KE ma jipprojbixxix lill-Istati Membri li jadottaw leġiżlazzjoni li tgħid li l-prezz tal-bejgħ ta’ kotba għall-pubbliku għandu jiġi ffissat mill-pubblikatur jew l-importatur, iżda bil-kundizzjoni li din tkun tikkonsisti f’sistema purament nazzjonali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba u li tali leġiżlazzjoni tirrispetta d-dispożizzjonijiet speċifiċi l-oħrajn tat-Trattat, b’mod partikolari dawk dwar il-moviment liberu tal-merkanzija.
VI – Konklużjoni
Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi skont kif ġej għad-domandi li sarulha mill-qorti nazzjonali:
1. Il-kunċett ta’ miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 28 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għar-regolamentazzjoni ta’ Stat Membru li tgħid li l-pubblikaturi u l-importaturi nazzjonali huma obbligati li jiffissaw u jippubblikaw prezz tal-bejgħ minimu obbligatorju għall-bejjiegħ finali jekk l-importatur ta’ kotba ppubblikati fi Stat Membru ieħor ma jkunx jista’ jiffissa prezz orħos mill-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku ffissat jew irrakkomandat mill-pubblikatur għal dak l-Istat Membru l-ieħor (nett mill-VAT fis-seħħ fl-Istat Membru l-ieħor, u miżjud bil-VAT fis-seħħ fit-territorju nazzjonali).
L-istess jgħodd meta l-importatur ta’ tali ktieb ikun jista’ jiffissa prezz orħos mill-prezz iffissat jew irrakkomandat mill-pubblikatur għal dak l-Istat Membru l-ieħor, proporzjonalment mal-vantaġġ kummerċjali li huwa jikseb meta jakkwista l-ktieb bi prezz orħos mill-prezzijiet tax-xiri tas-soltu.
2. L-Artikoli 28, 30 u 151 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li tali regolamentazzjoni la hi ġġustifikata min-natura speċifika tal-ktieb bħala prodotti kulturali, la mill-interess tal-konsumaturi fi prezzijiet tal-kotba raġonevoli, u lanqas mir-realtajiet ekonomiċi tal-ħwienet tal-kotba.
1 – Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.
2 – Il-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku imposti fil-kuntest ta’ relazzjonijiet vertikali bejn ħwienet tal-kotba u pubblikaturi għandhom jippermettu lil dawn tal-aħħar li jipproċedu għal kumpens tal-prezzijiet netti. L-għan kien li kull pubblikatur ikun jista’ juża d-dħul żejjed li jkun għamel permezz tal-bejgħ bi prezz iktar għali ta’ kotba li jinbiegħu ħafna biex jikkofinanzja kotba li jinbiegħu inqas, sabiex b’hekk tiġi promossa n-natura speċifika tal-ktieb bħala beni kulturali u d-diversità tal-letteratura offruta, b’mod partikolari l-kotba li ma jinbigħux ħafna li huma indirizzati lil ċirku żgħir ta’ qarrejja. Fezer, K.-H., “Die Buchpreisbindung im Europäischen Binnenmarkt”, Recht der Internationalen Wirtschaft, 1991, p 141, isemmi għanijiet oħrajn tas-sistema. Dwar il-prezz stabbilit għal ktieb, ara wkoll Heker, H., “Buchpreisbindung”, fi: Schwarze, J., Becker, J., Geistiges Eigentum und Kultur im Spannungsfeld nationaler Regelungskompetenz und europäischem Wirtschafts- und Wettbewerbsrecht, Nomos, 1998, p. 116 u 117.
3 – Qabel dan, il-pubblikaturi kienu ressqu talba quddiem il-Kummissjoni biex din tal-aħħar tikkonstata li s-Sammelrevers 1993 ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE (attestazzjoni negattiva) jew, fuq bażi sussidjarja, talba biex tingħata eżenzjoni għall-akkordju abbażi tal-Artikolu 81(3) KE (eżenzjoni). Fit-22 ta’ Jannar 1998, il-Kummissjoni kkomunikat l-ilmenti tagħha. Fit-teżi ta’ M. Engelmann, Die Zukunft der Buchpreisbindung im Europäischen Binnenmarkt, 2001, p. 125 sa 165, wieħed isib preżentazzjoni tal-iżviluppi ta’ dan il-każ sal-promulgazzjoni tal-BPrBG.
4 – Dwar is-Sammelrevers 1993 u l-proċedura quddiem il-Kummissjoni, ara b’mod partikolari H.-J. Bunte “Die grenzüberschreitende Buchpreisbindung zwischen Deutschland und Österreich”, f’: Beiträge zum Unternehmensrecht, Festschrift für Hans-Georg Koppensteiner, Edizzjoni Orac, 2001, p. 307 sa 310.
5 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1984, VBVB u VBBB vs Il-Kummissjoni (43/82 u 63/82, Ġabra p. 19); tal-10 ta’ Jannar 1985, Leclerc vs Au blé vert (229/83, Ġabra p. 1); tat-23 ta’ Ottubru 1986, Cognet (355/85, Ġabra p. 3231); tal-14 ta’ Lulju 1988, Syndicat des libraires de Normandie (254/87, Ġabra p. 4457); tas-17 ta’ Jannar 1995, Publishers Association vs Il-Kummissjoni (C‑360/92 P, Ġabra p. I‑23), u tat-3 ta’ Ottubru 2000, Échirolles Distribution (C‑9/99, Ġabra p. I‑8207).
6 – H. Heker (nota ta’ qiegħ il-paġna 2), p. 116.
7 – Ara r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 1999 (ĠU 2000, C 296, p. 210) u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2001 (ĠU C 173, p. 5).
8 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu bħala pretest l-allegazzjonijiet tal-partijiet biex tissolleva domandi ġodda li ma jkunux ġew irrinvjati lilha mill-qorti nazzjonali; ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1988, Alsatel (247/86, Ġabra p. 5987, punt 8); tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani (C‑261/95, Ġabra p. I‑4025, punt 31); tas-6 ta’ Lulju 2000, ATB et (C‑402/98, Ġabra p. I‑5501, punt 29); tat-12 ta’ Frar 2004, Slob (C‑236/02, Ġabra p. I‑1861, punti 29 u 30). Ara f’dan ir-rigward K. Lenaerts, D. Arts, I. Maselis, Procedural Law of the European Union, Sweet & Maxwell, it-2 edizzjoni, punt 2-020.
9 – Madankollu, dawn il-konsiderazzjonijiet jgħoddu wkoll għal kotba bil-lingwa Ġermaniża ppubblikati fi Stati Membri oħrajn.
10 – Iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 5).
11 – U. Everling, jaqbel ma’ din l-opinjoni: “Buchpreisbindung im deutschsprachigen Raum und europäisches Gemeinschaftsrecht”, f’:Die Buchpreisbindung aus europarechtlicher, ökonomischer und kulturhistorischer Sicht, pubblikazzjoni tal-Unjoni tal-Ħwienet tal-Kotba, 1997, p. 7.
12 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville (8/74, Ġabra p. 837, punt 5).
13 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C‑267/91 u C-268/91, Ġabra p. I‑6097, punt 16). Aħna nikkunsidraw li d-deroga Keck m’għandhiex tiġi applikata b’mod skematiku. Għall-kuntrarju, meta wieħed japplika d-deroga Keck, għandha tiġi kkunsidrata l-motivazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 17 ta’ dik is-sentenza, li skontha l-applikazzjoni ta’ regolamentazzjonijiet ta’ dak it-tip għall-prodotti li joriġinaw minn Stat Membru ieħor mhijiex ta’ tali natura li timpedixxi l-aċċess tagħhom għas-suq jew li tostakolahom iktar milli tostakola prodotti nazzjonali. Fil-fehma tagħna l-kriterju deċiżiv huwa l-kapaċità ta’ miżura meħuda minn Stat Membru li timpedixxi jew tostakola l-aċċess għas-suq.
14 – Sentenzi Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 13), punti 16 sa 18, u tal-11 ta’ Awwissu 1995, Belgapom (C‑63/94, Ġabra p. I‑2467, punt 13).
15 – P.-C. Müller‑Graf, josserva f’von der Groeben/Schwarze, Vertrag über die Europäische Union und Vertrag zur Gründung der Europäischen Gemeinschaft, volum 1, is-6 edizzjoni, 2003, artikolu 28, punti 252 u 247, li dan il-kriterju ta’ distinzjoni ma jinkludi ebda idea sostanzjali ta’ evalwazzjoni jew delimitazzjoni.
16 – Sentenzi tas-6 ta’ Lulju 1995, Mars (C‑470/93, Ġabra p. I‑1923, punti 12 et seq); tat-12 ta’ Ottubru 2000, Ruwet (C‑3/99, Ġabra p. I‑8749, punti 46 et seq); tat-13 ta’ Settembru 2001, Schwarzkopf (C‑169/99, Ġabra p. I‑5901, punt 39), u tal-14 ta’ Diċembru 2004, Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz (C‑309/02, Ġabra p. I‑11763, punti 72 et seq). Dan huwa dovut għall-fatt li regolamentazzjoni dwar prodott li tippreskrivi jew tipprojbixxi ċertu tikkettjar ta’ merkanzija tobbliga b’mod ġenerali lill-operatur ikkonċernat biex jippakkja b’mod differenti l-merkanzija inkwistjoni skont il-post fejn titpoġġa fiċ-ċirkolazzjoni, li jwassal għal spejjeż tal-ippakkjar żejda. Din iċ-ċirkostanza hija ta’ tali natura li tagħmel iktar diffiċli l-aċċess għas-suq.
17 – Dwar id-diskriminazzjoni fattwali, ara infra n-nota ta’ qiegħ il-paġna 30.
18 – Jekk l-Istat Awstrijak għandu l-intenzjoni li jiggarantixxi l-applikabbiltà tal-prezz stabbilit ta’ ktieb għall-kotba kollha bil-lingwa Ġermaniża mqiegħda fis-suq fit-territorju tiegħu, huwa ċar li għandu jpoġġi l-obbligu fuq l-ewwel ħolqa tal-katina ta’ distribuzzjoni fl-Awstrija, jiġifieri l-pubblikaturi u l-importaturi Awstrijaki.
19 – Iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 5).
20 – Ara l-punti 25 u 26 tas-sentenza: “Inkwantu leġiżlazzjoni […] tapplika għall-kotba ppubblikati fi Stat Membru ieħor […] Min-naħa l-oħra, inkwantu tali leġiżlazzjoni tapplika għall-kotba […] importati mill-ġdid.”
21 – F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-importazzjoni fi Franza ta’ kotba ppubblikati fi Stati Membri oħrajn u l-importazzjoni mill-ġdid ta’ kotba ppubblikati fi Franza. Fir-rigward tal-importazzjoni ta’ kotba ppubblikati fi Stati Membri oħrajn, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat, fil-punt 25 ta’ dik l-istess sentenza, fuq il-punt jekk importatur huwiex fi grad li jimponi l-prezz ta’ bejgħ, li fil-fehma tiegħu jkun adegwat f’relazzjoni ma’ kemm ikun jiswa fl-Istat tal-pubblikazzjoni, għall-kummerċ tal-ktieb fl-Istat tal-importazzjoni. Din is-sitwazzjoni għandha tiġi distinta mill-konsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 26 u 27 dwar l-importazzjoni mill-ġdid fil-veru sens tal-kelma, li skonthom importatur għandu jkun fi grad li jirrifletti fil-prezz tal-bejgħ bl-imnut vantaġġ akkwistat minn prezz iktar favorevoli miksub fl-Istat Membru tal-esportazzjoni. Din l-analiżi tas-sentenza diġà turi li r-regola li tinsab fl-Artikolu 3(3) tal-BPrBG ma tistax titqies bħala implementazzjoni ta’ dik is-sentenza inkwantu tikkonsisti fl-importazzjoni ta’ kotba li joriġinaw minn Stati Membri oħrajn.
Dan jirriżulta mill-konsiderazzjoni segwenti: fil-każ ta’ importazzjoni mill-ġdid, il-pubblikatur nazzjonali diġà jkun poġġa l-ktieb fis-suq f’pajjiżu. Jekk, f’dan il-każ, importatur ikun jista’ jakkwista l-ktieb fi Stat Membru ieħor bi prezz orħos mill-prezz imħallas fis-suq nazzjonali, il-vantaġġi kummerċjali miksuba meta l-ktieb jinxtara fi Stat Membru ieħor jirriflettu preċiżament il-vantaġġi tas-suq intern Ewropew. Sabiex dawn il-vantaġġi jkunu ta’ benefiċċju wkoll għall-konsumaturi, l-importatur għandu jkun jista’ jirrifletti l-vantaġġ kummerċjali miksub. Peress li f’din il-kawża diġà jeżisti prezz ta’ bejgħ għall-pubbliku għall-ktieb fl-Istat tal-pubblikazzjoni, huwa biżżejjed li l-importatur ikun jista’ jieħu f’kunsiderazzjoni l-vantaġġi kummerċjali miksuba fl-iffissar tal-prezz tal-bejgħ għall-pubbliku. Min-naħa l-oħra, din il-konsiderazzjoni ma tistax tiġi trasposta purament u sempliċement għall-każ ta’ importazzjoni ta’ ktieb bi provenjenza mill-Istat tal-pubblikazzjoni lejn Stat Membru ieħor. F’dan il-każ, huma pjuttost ir-regoli ċċitati iktar ’il fuq li japplikaw, jiġifieri li l-importatur għandu jkun f’pożizzjoni li jiffissa prezz adegwat għall-pajjiż tiegħu.
22 – Ara l-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
23 – Dan lanqas mhu nnegat mill-fatt li pubblikatur Ġermaniż jista’ jikkunsidra wkoll il-kundizzjonijiet fis-suq Awstrijak meta jiffissa l-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku Ġermaniż. Anki kieku dan kien il-każ, li jidher dubjuż meta jitqies id-daqs nettament iżgħar tas-suq Awstrijak meta mqabbel ma’ dak tas-suq Ġermaniż, il-prezzijiet ta’ bejgħ lill-pubbliku Ġermaniż ma jkunux iffissati esklużivament skont is-suq Awstrijak.
24 – Il-kotba li l-awturi tagħhom għandhom ċertu grad ta’ fama fi Stat Membru huma eżempju ta’ dan. B’hekk, fil-każ ta’ ktieb tat-tisjir ta’ kok li huwa preżenti l-iktar fuq il-mezzi tax-xandir Ġermaniżi, prezz ta’ bejgħ iktar għali fil-Ġermanja milli fl-Awstrija jista’ jkun adattat. F’dan il-kuntest, l-argument li jsostni li l-Ġermanja u l-Awstrija, meta adottaw il-BPrBG u l-liġi Ġermaniża korrispondenti dwar il-prezzijiet stabbiliti għall-kotba, ħolqu organizzazzjoni komuni tas-suq li teskludi minnha nfisha kull nuqqas ta’ trattament ugwali mhuwiex konvinċenti fil-fehma tagħna.
25 – Ara l-punti 62 sa 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
26 – Skont ir-regoli tal-prinċipju, hemm lok li titnaqqas ir-rata tal-VAT Ġermaniża ta’ 7 % tal-prezz tal-bejgħ lill-pubbliku ffissata mill-pubblikatur Ġermaniż għall-Ġermanja u li sussegwentement tiżdied ir-rata tal-VAT Awstrijaka ta’ 10 %.
27 – Prezzijiet psikoloġiċi jfissru l-prezzijiet li l-konsumaturi finali jikkunsidraw bħala l-prezzijiet massimi, li meta jinqabżu jwasslu biex id-domanda għall-prodott inkwistjoni tonqos b’mod sostanzjali. Il-prezzijiet psikoloġiċi jkunu jinsabu eżattament taħt dan il-limitu, pereżempju EUR 9.99, EUR 14.99 jew EUR 19.99.
28 – Nett mill-VAT Ġermaniża u miżjud bil-VAT Awstrijaka.
29 – Nett mill-VAT Ġermaniża u miżjud bil-VAT Awstrijaka.
30 – Minn dan isegwi li huwa inutli li wieħed jeżamina jekk teżistix diskriminazzjoni de facto marbuta man-neċessità li jsir tikkettjar mill-ġdid. Fi kwalunkwe każ, niddubitaw li n-neċessità ekonomika ta’ tikkettjar mill-ġdid dovuta għall-modifika tal-prezz tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni fattwali awtonoma li tmur lil hinn mid-diskriminazzjoni ġuridika diġà kkonstatata. Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li t-tikkettjar mill-ġdid mhuwiex preskritt direttament minn dispożizzjoni nazzjonali. Għaldaqstant, l-eżistenza f’din il-kawża ta’ miżura statali fis-sens tal-Artikolu 28 KE tidher li hija dubjuża. Fit-tieni lok, anki f’dan il-każ, ninsabu xettiċi dwar l-ipoteżi ta’ diskriminazzjoni de facto. Waqt li huwa minnu li r-regoli dwar it-tikkettjar jistgħu fil-fatt ikollhom effett diskriminatorju, nixtiequ nosservaw madankollu li l-preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni fattwali hija strettament marbuta mal-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini. Ma naħsbux li dan il-prinċipju jagħti d-dritt li merkanzija tinbiegħ bl-istess prezz fl-Istati Membri kollha. Effettivament, kieku d-dritt ta’ aċċess għas-suq stabbilit fl-Artikolu 28 KE kellu jiġi interpretat b’mod daqshekk wiesa’, jirriżulta li d-differenzi kollha bejn is-sistemi ġuridiċi u ekonomiċi tal-Istati Membri li jistgħu jiġġustifikaw differenzi fil-prezzijiet ikollhom jitqiesu indirettament bħala miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni tal-importazzjoni.
31 – Dan ma jfissirx li l-limitazzjoni tal-BPrBG għall-kotba bil-lingwa Ġermaniża m’għandha ebda importanza fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija. Jista’ jkun li din għandha tiġi kkunsidrata fuq il-livell ta’ ġustifikazzjoni. Skont il-ġurisprudenza, restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali jistgħu jiġu ġġustifikati biss jekk dawn ikunu koerenti u sistematiċi (ara s-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et, C‑243/01, Ġabra p. I‑13031, punt 67). Għaldaqstant, id-differenza fit-trattament bejn kotba bil-lingwa Ġermaniża u kotba ppubblikati b’lingwi oħrajn tista’, jekk ikun il-każ, tiġi kkunsidrata f’dan il-kuntest.
32 – Ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
33 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Frar 1979, Rewe-Zentral (“Cassis de Dijon ”, 120/78, Ġabra p. 649, punt 8).
34 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 1991, Aragonesa de Publicidad Exterior u Publivía (C‑1/90 u C-176/90, Ġabra p. I‑4151, punt 13), u tal-11 ta’ Mejju 1989, Proċedura Penali vs Wurmser (25/88, Ġabra p. 1105, punt 10). H.-J. Fezer, iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 2), p. 144, japprova din il-ġurisprudenza.
35 – Nota 5, punt 30.
36 – Fuq dan il-punt, ara U. Everling, Buchpreisbindung im deutschen Sprachraum und Europäisches Gemeinschaftsrecht, Nomos, 1997, p. 34.
37 – Il-partijiet ma ressqu ebda argument li jopponi dan il-mod kif wieħed għandu jipproċedi. Fil-fehma tagħna, wieħed ma jistax jargumenta f’dan ir-rigward li, b’differenza mill-pubblikaturi nazzjonali, importatur ma jikkunsidrax b’mod suffiċjenti l-għanijiet segwiti mill-BPrBG meta jiffissa l-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak. Biex jiġi rrimedjat dan it-tħassib, huwa biżżejjed li l-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ għall-pubbliku Awstrijak mill-pubblikaturi u l-importaturi jiġi ssoġġettat għal kontroll xieraq.
38 – Bl-istess mod, ir-referenza għall-ħarsien tad-dritt fondamentali għal-libertà ta’ opinjoni mhijiex konvinċenti. Fl-ewwel lok, mhuwiex ċar kif id-dritt fundamentali għal-libertà ta’ espressjoni jista’ jiġi affettwat f’din il-kawża. Sussegwentement, ma nistgħux nifhmu kif in-nuqqas ta’ trattament ugwali bejn kotba Awstrijaċi u kotba Ġermaniżi għandu jkun neċessarju sabiex jiġi mħares il-prinċipju tal-libertà ta’ espressjoni.
39 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 1977, GB-Inno-BM (13/77, Ġabra p. 2115, punt 31); tal-21 ta’ Settembru 1988, Van Eycke (267/86, Ġabra p. 4769, punt 14); tad-9 ta’ Ġunju 1994, Delta Schiffahrts- und Speditionsgesellschaft (C‑153/93, Ġabra p. I‑2517, punt 14); tat-18 ta’ Ġunju 1998, Corsica Ferries France (C‑266/96, Ġabra p. I‑3949, punt 35); tal-5 ta’ Ottubru 1995, Centro Servizi Spediporto (C‑96/94, Ġabra p. I‑2883, punt 20), u tas-17 ta’ Novembru 1993, Reiff (C‑185/91, Ġabra p. I‑5801, punt 14); dwar din il-ġurisprudenza, ara W. Emmerich, f’M. Dauses, Handbuch des EU-Wirtschaftsrechts, H. I. § 1, id-9 faxxikolu kumplementari, punt 11. H. Wollmann,, f’: H. Mayer, Kommentar zu EU- und EG-Vertrag, Manz, 2006, Artikolu 81 KE, it-72 faxxikolu, punt 3, jirreferi għall-problema tal-BPrBG Awstrijaka f’dan ir-rigward.
40 – Sentenzi Van Eycke, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 39), punt 16, u Delta Schiffahrts- und Speditionsgesellschaft, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 39), punt 14.
41 – Ara l-konklużjonijiet ippreżentati fl-14 ta’ Lulju 1993 mill-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża Reiff (nota ta’ qiegħ il-paġna 39), punt 32.
42 – W. Emmerich (nota ta’ qiegħ il-paġna 39), punt 12.
43 – Għal analiżi dettaljata ta’ din il-ġurisprudenza, ara b’mod partikolari U. B. Henriksen, Anti-Competitive State Measures in the European Community, Handelshøjskolens Forlag, 1994; J. Schwarze, “Der Staat als Adressat des europäischen Wettbewerbsrecht”, Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht, 2000, p. 613 et seq, 616 sa 622.
44 – Ġurisprudenza kostanti wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 1988, Van Eycke, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 39), punt 16. Ara wkoll is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1993, Meng (C‑2/91, Ġabra p. I‑5751, punt 14); Reiff, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 39), punt 14, u Ohra Schadeverzekeringen (C‑245/91, Ġabra p. I‑5851, punt 10).
45 – J. Schwarze (nota ta’ qiegħ il-paġna 43), p. 621, juża dan il-kunċett.
46 – Il-verżjoni emendata tas-Sammelrevers 1993, li daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Ġunju 2000, ma tipprevedi ebda parteċipazzjoni mill-pubblikaturi, bejjiegħa bl-imnut u bejjiegħa tal-kotba Awstrijaċi. Din hija r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni ddikjarat fir-rigward ta’ dan l-akkordju li l-verżjoni emendata mhijiex ta’ tali natura li timpedixxi l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Minn din il-perspettiva, diġà jidher li ma jeżistix akkordju antikompetittiv.
Possibbiltà (pjuttost teoretika) hija li l-BPrBG fiha nfisha tikkostitwixxi akkordju antikompetittiv. Skont il-ġurisprudenza, xi miżuri jista’ jkollhom natura doppja, jiġifieri jkunu imputabbli kemm għall-Istat kif ukoll għal impriżi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Jannar 1985, Clair, 123/83, Ġabra p. 391, punti 19 u 20). Madankollu, dan jippreżupponi li minkejja n-natura leġiżlattiva tagħha, il- BPrBG tkun tikkostitwixxi akkordju bejn l-impriżi kkonċernati, ipoteżi li fil-fehma tagħna ma tistax tiġi aċċettata f’din il-kawża. Il-fatt li, jekk huwa l-każ, il-proċedura leġiżlattiva tkun ġiet imnedija fuq l-inizjattiva tal-partijiet u li dawn tal-aħħar ikunu nstemgħu fil-kuntest ta’ din il-proċedura mhuwiex biżżejjed biex iwassal għall-konklużjoni li jeżisti akkordju bejn persuni privati li jieħu l-forma ta’ liġi.
47 – Aħna tal-fehma li l-interpretazzjoni li skontha s-Sammelrevers 1993 ma wasslet għal ebda restrizzjoni tal-kompetizzjoni (f’dan is-sens ara E. Vranes, Buchpreisbindung und rule of reason, Manz, 1999, p. 38 sa 41) mhijiex konvinċenti. Kif diġà semmejna fil-konklużjonijiet tagħna tal-4 ta’ Settembru 2008 fil-kawża Beef Industry Development Society u Barry Brothers (C‑209/07, sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 51 sa 58), il-vantaġġi kollha li jista’ jagħti akkordju għall-benesseri tal-konsumaturi ma jeliminawx neċessarjament restrizzjoni għall-kompetizzjoni. Għal evalwazzjoni fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni tas-sistemi transkonfinali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba stabbiliti minn impriżi, ara b’mod partikolari s-sentenza VBVB u VVVB vs Il‑Kummissjoni (nota ta’ qiegħ il-paġna 5), punti 44 sa 46.
48 – F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li, għalkemm is-sistema tas-Sammelrevers 1993 ma kinitx tipprovdi għal akkordju orizzontali bejn il-pubblikaturi, il-kuntratti, li kienu bbażati fuq kuntratt standard u li kienu amministrati minn istituzzjoni fiduċjarja, għandhom jittieħdu fit-totalità tagħhom, u għaldaqstant, bħala ħaġa sħiħa (ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 1991, Delimitis, C‑234/89, Ġabra p. I‑935, punti 19 et seq).
49 – F’dan is-sens, ara T. Hofmann, “Buchpreisbindungen auf dem Prüfstand des Europarechts”, Gewerblicher Rechtsschutz und Urheberrecht, 2000, p. 561 u 562.
50 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Diċembru 1987, BNIC vs Aubert (136/86, Ġabra p. 4789, punt 21), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat l-Artikolu 81(3) KE.
51 – Qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, p. 1), dispożizzjoni ta’ awto-evalwazzjoni (l-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003) issostitwiet is-sistema ta’ projbizzjoni b’riżerva ta’ eżenzjoni. Wara li ġiet stabbilita din is-sistema, huwa fil-kompetenza tal-qrati tal-Istati Membri biex jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE humiex sodisfatti (ara f’dan ir-rigward il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali għall-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE, ĠU 2004, C 101, p. 54).
Nikkonstataw li l-qorti tar-rinviju ċertament tat x’tifhem fit-tieni domanda preliminari li l-informazzjoni empirika li tista’ tipprova li sistema legali ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba hija mezz adattat biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ appoġġ għall-produzzjoni ta’ kotba, tad-diversità tat-titoli bi prezzijiet regolamentati u tal-multipliċità tal-bejjiegħa bl-imnut, hija nieqsa. Madankollu, ma jidhrilniex li l-qorti tar-rinviju riedet tgħid b’dan li hija kienet ġabret provi bl-intenzjoni li jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE kienu sodisfatti u li, fil-fehma tagħha, dawn il-kundizzjonijiet ma kinux sodisfatti .
52 – F’T. Hofmann (nota ta’ qiegħ il-paġna 49), p. 562 sa 567, u M. Engelmann (nota ta’ qiegħ il-paġna 3), p. 125 sa 165, wieħed isib analiżi tal-evalwazzjonijiet mogħtija dwar il-kompatibbiltà tas-Sammelrevers 1993 mal-Artikolu 81(3) KE.
53 – Sentenzi van Eycke, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 39), punt 18, u Meng, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 44), punt 19.
54 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ April 1989, Ahmed Saeed (66/86, Ġabra p. 803, punti 49 u 52), u tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑35/96, Ġabra p. I‑3851, punt 54). Ara f’dan ir-rigward, Schwarze, J. (nota ta’ qiegħ il-paġna 43), p. 621.
55 – Ara l-punt 132 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
56 – Barra minn hekk, il-kotba li huma s-suġġett tal-proċedura fil-kawża prinċipali ma jidhrux li huma kotba li jinsabu fir-reġistru tal-kotba disponibbli fl-edizzjoni tal-20 ta’ Ġunju 2000. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 10 tal-BPrBG jidher li huwa irrilevanti għall-finijiet ta’ din il-proċedura.
57 – Sentenza van Eycke (nota ta’ qiegħ il-paġna 39), punt 18, u Meng, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 44), punt 19.
58 – F’dan is-sens, ara pereżempju s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ottubru 1987, VVR (311/85, Ġabra p. 3801, punt 23). A. Weuster, Die Neuregelung der Buchpreisbindung in Deutschland, Boorberg, 2007, p. 216 et seq, jaqbel ma’ din l-opinjoni.
59 – Ara l-punt 141 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
60 – Ara l-punti 128 u 129 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
61 – F’dan is-sens ara wkoll R. Joliet, National anti-competitive Legislation and Community Law, Fordham International Law Journal, 1989, p. 174; U. B. Henriksen (nota ta’ qiegħ il-paġna 43), p. 69. Il-ġurisprudenza tiċħad l-approċċ ibbażat fuq il-kontenut ta’ miżura statali jew fuq l-effett tagħha fuq il-kompetizzjoni; ara b’mod partikolari s-sentenzi van Eycke, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 39), punt 18, kif ukoll Meng, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 44), punti 14 sa 22. Dwar is-sentenza van Eycke, ara U. B. Henriksen (nota ta’ qiegħ il-paġna 43), p. 114. Għall-kuntrarju, W. Emmerich (nota ta’ qiegħ il-paġna 39), punt 15, jipproponi approċċ ibbażat fuq il-kontenut ta’ miżura statali jew fuq l-effett tagħha fuq il-kompetizzjoni.
62 – Ara l-punti 128 u 129 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
63 – Ara l-punt 131 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
64 – Iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 5), punt 15.
65 – Ara l-analiżi ta’ U. B. Henriksen (nota ta’ qiegħ il-paġna 43), p. 114 u 115.
66 – F’dan is-sens ara J. Niemeyer, “Die Anwendbarkeit von Art. 85 und 86 EG-Vertrag auf staatliche Maßnahmen”, Wirtschaft und Wettbewerb, 1994, p. 721 et seq, 723.
67 – F’dan is-sens ara A. Weuster (nota ta’ qiegħ il-paġna 59), p. 219; J. Niemeyer (nota ta’ qiegħ il-paġna 67), p. 730, 731, u J. Schwarze (nota ta’ qiegħ il-paġna 43), p. 620 sa 622.
68 – Ara s-sentenza Leclerc vs Au blé vert, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 5), punt 15.
69 – F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-erba’ każijiet ipotetiċi ġew “ikkonsolidati” biss fis-sentenza van Eycke, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 39), punt 16, jiġifieri wara li li ngħatat is-sentenza Leclerc vs Au blé vert.
70 – Ara l-punt 20 u l-parti operattiva tas-sentenza Leclerc vs Au blé vert, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 5).
71 – A. B. Hoffman, “Anti-competitive State Legislation Condemned under Article 5, 85 and 86 of the EEC Treaty: How Far Should the Court Go after Van Eycke?”, European Court Law Review, 1990, p. 17, jippreżupponi li abbozz ta’ sentenza preċedenti kien eżamina din id-domanda u rrisponda fl-affermattiv. Skont Joliet, R. (nota ta’ qiegħ il-paġna 61), p. 172, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-miżura statali kienet fundamentalment inkompatibbli mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 10, l-Artikolu 3(1)(g) u l-Artikolu 81 KE. Henriksen, U.B. (nota ta’ qiegħ il-paġna 43), p. 59 u 140, isostni li huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma rrispondietx espressament għad-domanda, iżda li jirriżulta mis-sentenza li hija kellha l-intenzjoni li tirrispondi fl-affermattiv. Skont Schwarze, J. (nota ta’ qiegħ il-paġna 43), p. 618, il-Qorti tal-Ġustizzja ssollevat id-domanda, iżda ma tatx risposta.
72 – Fil-fehma tagħna mhuwiex possibbli li wieħed jikkonkludi li dan l-approċċ ġie abbandunat fis-sentenzi Meng (nota ta’ qiegħ il-paġna 44), Ohra Schadeverzekeringen (nota ta’ qiegħ il-paġna 44) u Reiff (nota ta’ qiegħ il-paġna 39), iċċitati iktar ’il fuq. F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kwistjoni jekk l-applikazzjoni tal-obbligu ta’ lealtà għandux jiġi estiż għal każijiet ġodda li jmorru lil hinn minn dawk previsti s’issa (għal analiżi ta’ din il-kwistjoni, ara Niemeyer, J., nota ta’ qiegħ il-paġna 67, p. 725). Il-kwistjoni f’din il-kawża hija jekk il-miżuri adottati mill-Istati Membri jmorrux kontra t-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE, moqri flimkien mal-Artikoli 3(1)(g) u 81 KE għas-sempliċi fatt li dawn għandhom skop jew effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni kumparabbli ma’ akkordju antikompetittiv bejn impriżi. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat fil-kawża Reiff, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 39), punti 22 et seq, il-kriterju ta’ kontroll eżaminat hawn fuq billi eliminat madankollu l-eżistenza ta’ ksur fuq il-bażi li ebda delegazzjoni tad-deċiżjoni ma kienet ingħatat lil operaturi privati.
73 – Fil-punti 128 u 129 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
74 – Fil-fehma tagħna huwa konvinċenti (iżda biss għal dak li jirrigwarda r-raba’ każ ipotetiku) l-approċċ tal-Avukat Ġenerali C. O. Lenz fil-konklużjonijiet tiegħu tas- 16 ta’ Diċembru 1986 dwar is-sentenza VVR, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 58), punt 42; l-Avukat Ġenerali josserva li r-regola nazzjonali tissostitwixxi l-elementi “akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma” tal-Artikolu 81 KE u b’hekk tagħmilhom superfluwi. F’dan ir-rigward huwa neċessarju li Stat Membru jagħti lil operaturi privati poter statali ta’ intervent fir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni, u li dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà li jiddeċiedu dwar tali intervent. Dan huwa l-kriterju ta’ distinzjoni fir-rigward ta’ intervent awtonomu tal-Istati Membri fir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni, li huwa leċitu skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE. J. Schwarze (nota ta’ qiegħ il-paġna 43), p. 621, jikkritika dan l-approċċ.
75 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi Delta Schiffahrts- und Speditionsgesellschaft, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 39), punti 21 u 22; Centro Servizi Spediporto, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 39), punt 27; Reiff, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 39), punti 20 sa 23, u tad-29 ta’ Jannar 1985, Cullet (231/83, Ġabra p. 305, punt 17).
76 – Fil-fehma tiegħi huwa hawnhekk li tinsab id-differenza fir-rigward tas-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 75.
77 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 54), punt 55; A. Weuster (nota ta’ qiegħ il-paġna 58), p. 218, jaqbel ma’ din l-opinjoni.
78 – Bħala regola ġenerali, fil-każijiet ta’ importazzjoni, huwa wkoll il-pubblikatur li jiddeċiedi jekk l-importatur jagħtix jew le prezz ta’ xiri orħos mill-prezzijiet ta’ xiri tas-soltu.
79 – Ara s-sentenza Cullet, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 75), punt 17.
80 – Ara l-punti 62 sa 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
81 – Ara l-punt 162 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
82 – Sentenza Leclerc vs Au blé vert, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 5), punt 20.
83 – Tali deroga għandha tkun prevista espressament fit-Trattat KE; ara s-sentenza tat-30 ta’ April 1986, Asjes et (209/84 sa 213/84, Ġabra p 1425, punt 40).
84 _ Ara pereżempju l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 75.
85 – Min-naħa l-oħra, inkwantu tkun tikkonsisti biss fl-iffissar tal-prezzijiet ta’ kotba Awstrijaċi, mingħajr dubju għandu jiġi eżaminat b’mod iktar preċiż jekk hijiex ta’ tali natura li tostakola b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Anki jekk relazzjoni transkonfinali ma tistax tiġi eskluża għal kollox f’dan il-każ (xiri minn ħaddiema li jaħdmu fuq il-fruntiera), huwa madankollu dubjuż li dan l-ostakolu huwa sinjifikattiv.
86 – F’dan is-sens ara wkoll Weuster (nota ta’ qiegħ il-paġna 58), p. 211 sa 224.
87 – Ara f’dan ir-rigward ukoll il-punti 19 u 22 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon tat-3 ta’ Ottubru 1984 fil-kawża Leclerc (nota ta’ qiegħ il-paġna 5); l-Avukat Ġenerali jenfasizza f’diversi okkażjonijiet in-neċessità li tiġi kkunsidrata l-kompetenza fil-qasam kulturali. Ara wkoll f’dan ir-rigward H. J. Fezer (nota ta’ qiegħ il-paġna 2), p. 143, u T. Hofmann (nota ta’ qiegħ il-paġna 49), p. 559.
88 – Iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 5).
89 – Ara l-punt 173 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
90 – Sentenza iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 5), punt 20.
91 – Ibidem.
92 – Huwa minnu li wieħed jista’ jeżamina wkoll fuq bażi kumplementari l-possibbiltà ta’ applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 81(3) KE. F’dan il-każ ipotetiku, dan l-eżami għandu jsir, fil-fehma tagħna, b’mod li jiġi vverifikat jekk id-deċiżjonijiet kollha konċepibbli li ġew iddelegati lill-operaturi privati jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE. L-estensjoni għad-deċiżjonijiet kollha konċepibbli hija indikata inkwantu l-Istat Membru jiddelega f’dan il-każ ipotetiku r-responsabbiltà lil operaturi privati. Għandna dubji jekk regolamentazzjoni diskriminatorja fir-rigward tal-kotba bil-lingwa Ġermaniża bi provenjenza minn Stati Membri oħrajn hijiex indispensabbli biex jinkisbu l-għanijiet segwiti mis-sistema ta’ prezzijiet stabbiliti għall-kotba.
Full & Egal Universal Law Academy