KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fl-10 ta’ Marzu 2009 1(1)
Kawża C‑558/07
The Queen, fuq talba ta’
S.P.C.M. SA
C.H. Erbslöh KG
Lake Chemicals and Minerals Ltd
Hercules Inc
vs
The Secretary of State for the Environment, Food and Rural Affairs
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court, ir-Renju Unit)]
“Regolament (KE) Nru 1907/2006 – Sustanzi kimiċi – Reġistrazzjoni, valutazzjoni, awtorizzazzjoni u restrizzjoni (REACH) – Kunċett ta’ ‘sustanza monomerika’ – Validità – Proporzjonalità – Trattament ugwali”
I – Introduzzjoni
1. Il-High Court ta’ Londra tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “sustanza monomerika”.
2. Prima facie, din it-talba għal deċiżjoni preliminari tidher li hija waħda mhux tas-soltu. Iktar kien jiġi mistenni li din id-domanda ssir lil kimiku. Madankollu, wara analiżi iktar bir-reqqa, jirriżulta li din id-domanda tista’ u għandha tiġi riżolta bl-istrumenti tad-dritt Komunitarju.
3. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta, għall-ewwel darba, ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (2) (iktar ’il quddiem: ir-“Regolament REACH”).
II – Il-kuntest ġuridiku
4. Id-dispożizzjoni fundamentali għal din il-kawża hija l-Artikolu 5 tar‑Regolament REACH, li jistabbilixxi l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tas-sustanzi:
“Suġġett għall-Artikoli 6, 7, 21 u 23, is-sustanzi waħedhom, fi preparati jew f’oġġetti ma għandhomx jiġu manifatturati fil-Komunità jew imqegħdin fis-suq sakemm ma jkunux ġew reġistrati skond id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ dan it‑Titolu fejn dan ikun meħtieġ”.
5. L-Artikolu 3(1) tar-Regolament REACH jiddefinixxi l-kunċett fundamentali ta’ sustanza:
“element kimiku u l-komposti tiegħu fl-istat naturali jew miksub bi kwalunkwe proċess ta’ manifattura, inkluż kwalunkwe addittiv meħtieġ sabiex jippriżerva l‑istabbiltà tiegħu u kwalunkwe impurità li tiġi mill-proċess użat, iżda eskluż kwalunkwe solvent li jista’ jiġi separat mingħajr ma tkun milquta l-istabbiltà tas‑sustanza jew tinbidel il-kompożizzjoni tagħha”.
6. L-Artikolu 3(5) tar-Regolament REACH jiddefinixxi l-kunċett ta’ polimeru:
“sustanza li tikkonsisti minn molekoli karatterizzati minn sekwenza ta’ tip wieħed jew iktar ta’ unitajiet monomeriċi. Tali molekoli għandhom ikollhom firxa ta’ piżijiet molekolari fejn id-differenzi fil-piż molekolari jkun attribwibbli primarjament għad-differenzi fin-numru ta’ unitajiet monomeriċi. Polimeru jkun fih dan li ġej:
a) maġġoranza ta’ piż sempliċi ta’ molekoli li jkun fih ta’ l-anqas tliet unitajiet monomeriċi li jkunu marbuta b’mod kovalenti ma’ ta’ l-anqas unità monomerika oħra jew sustanza reattiva oħra;
b) anqas minn maġġoranza sempliċi ta’ piż ta’ molekoli ta’ l-istess piż molekolari.
Fil-kuntest ta’ din id-definizzjoni ‘unità monomerika’ tfisser il-forma li ġiet suġġetta għal reazzjoni ta’ sustanza monomerika f’polimeru”.
7. Il-kunċett ta’ monomeru jinsab fl-Artikolu 3(6):
“sustanza li kapaċi tifforma rabtiet kovalenti ma’ sekwenza ta’ molekoli simili jew dissimili taħt il-kondizzjonijiet tar-reazzjoni relevanti tal-formazzjoni tal-polimeri użati għall-proċess partikolari”.
8. Skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament REACH, id-dispożizzjonijiet tat‑Titoli II u VI tar-Regolament, u b’hekk l-obbligu ta’ reġistrazzjoni previst fl‑Artikolu 5, b’mod partikolari, ma għandhomx japplikaw għall-polimeri.
9. Din id-dispożizzjoni hija kkjarifikata fil-wieħed u erbgħin premessa:
“[…] Il-polimeri għandhom ikunu eżentati mir-reġistrazzjoni u l-valutazzjoni sakemm dawk li jeħtieġu r-reġistrazzjoni minħabba r-riskji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent jistgħu jintgħażlu b’mod prattiku u kost-effettiv fuq il-bażi ta’ kriterji tekniċi sodi u kriterji xjentifiċi validi”.
10. Konsegwentement, l-Artikolu 138(2) jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall‑possibbiltà fil-futur ta’ obbligu ta’ reġistrazzjoni għal ċerti polimeri:
“Il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposti leġiżlattivi hekk kif jista’ jiġi stabbilit mod prattikabbli u effettiv, għall-ispejjeż magħmula, sabiex jintgħażlu polimeri għar-reġistrazzjoni abbażi ta’ kriterji teknikament u xjentifikament validi, u wara li jiġi pubblikat rapport dwar dan li ġej:
a) ir-riskji kawżati mill-polimeri b’paragun ma’ sustanzi oħra;
b) il-ħtieġa, jekk ikun hemm, tar-reġistrazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ polimeri, filwaqt li jittieħed kont tal-kompet[it]tività u ta’ l-innovazzjoni, fuq naħa waħda, u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent, fuq in-naħa l-oħra”.
11. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH jistipula l‑kundizzjonijiet li fihom għandhom jiġu rreġistrati s-sustanzi monomeriċi li jkunu jinsabu fil-polimeri:
“Kull manifattur jew importatur ta’ polimeru għandu jippreżenta reġistrazzjoni lill-Aġenzija għas-sustanza jew sustanzi monomeriċi jew kwalunkwe sustanza oħra, li ma jkunux diġà ġew reġistrati minn attur ’il fuq fil-katina tal-provvista, jekk ikunu sodisfatti iż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:
a) il-polimeru fih 2 % piż b’piż (w/w) jew aktar ta’ tali sustanza jew sustanzi monomeriċi jew sustanzi oħra fil-forma ta’ unitajiet monomeriċi u sustanza jew sustanzi kimikament marbuta;
b) il-kwantità totali ta’ tali sustanza jew sustanzi monomeriċi jew sustanzi oħra tikkostitwixxi tunnellata metrika jew aktar kull sena”.
III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12. Il-kawża nazzjonali tressqet minn impriżi li, inter alia, jimmanifatturaw polimeri jew jimpurtawhom fis-suq Ewropew. Il-konvenut huwa d-Department for Environment, Food and Rural Affairs, li huwa l-awtorità governattiva tar-Renju Unit responsabbli għall-applikazzjoni tar-Regolament REACH.
13. Il-kawża hija intiża sabiex tneħħi d-dubji dwar l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH u, eventwalment, sabiex tikkjarifika jekk tali dispożizzjoni għandhiex tiġi ddikjarata invalida.
14. B’hekk, il-High Court resqet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
1. Fid-dawl tal-fatt li r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni fit-Titolu II tar‑Regolament REACH ma japplikawx għal polimeri skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament, ir-referenza għal “sustanzi monomeriċi” fl-Artikolu 6(3) għandha tfisser:
a) monomeri reaġiti, jiġifieri dawk il-monomeri li rreaġixxew flimkien b’tali mod li ma jistgħux jiġu sseparati mill-polimeri li jiffurmaw parti minnu;
b) monomeri mhux reaġiti, jiġifieri dawk il-monomeri li jifdal mill‑proċess tal-polimerizzazzjoni u li jżommu separati l-identitajiet u l-proprjetajiet kimiċi tagħhom mill-polimera wara li dan il-proċess jitlesta; jew
ċ) kemm monomeri reaġiti kif ukoll mhux reaġiti?
2. Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija jew (a) jew (b), għandu jiġi kkunsidrat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) għall-manifatturi jew għall‑importaturi tal-polimeri hija illegali peress li r-rekwiżiti huma irraġonevoli, diskriminatorji u sproporzjonati
15. Fil-proċedura bil-miktub intervjenew C. H. Erbslöh KG u Lake Chemicals and Minerals Ltd. (iktar ’il quddiem imsejħa flimkien bħala “Erbslöh”) u S.P.C.M. SA u Hercules Incorporated (iktar ’il quddiem imsejħa flimkien bħala “S.P.C.M.”) bħala rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif ukoll ir-Repubblika tal-Polonja, il‑Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Ħlief il-Polonja, il-partijiet intervenjenti kollha ħadu sehem fis-seduta tas-27 ta’ Jannar 2009.
IV – Evalwazzjoni ġuridika
A – It-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest ġenerali tar-Regolament REACH
16. Ir-Regolament REACH jirregola r-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l‑awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni tas-sustanzi kimiċi. L-ewwel fażi hija r‑reġistrazzjoni.
17. Bħala prinċipju, kull importatur u manifattur għandu jirreġistra s-sustanzi kimiċi kollha importati jew immanifatturati, filwaqt li jippreżenta informazzjoni speċifika f’dan ir-rigward. Il-volum tal-informazzjoni neċessarja jiddependi mill‑kwantitajiet tas-sustanza rispettiva li jiġu importati jew immanifatturati. Kemm-il darba din l-informazzjoni tkun għadha mhux disponibbli, dawn għandhom jiksbuha qabel ir-reġistrazzjoni, jekk ikun il-każ permezz tat-twettiq ta’ studji.
18. Qabel kollox, din l-informazzjoni tippermetti lill-manifatturi, lill‑importaturi u lill-utenti li jinsabu ’l isfel fil-katina tal-provvista li jiżguaw, fis‑sens tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament REACH, li ma jagħmlux ħsara lis-saħħa tal-bniedem jew lill-ambjent meta jipproduċu, ipoġġu fis-suq jew jużaw sustanzi.
19. Barra minn hekk, is-sustanzi kimiċi jistgħu jiġu vvalutati abbażi tar‑reġistrazzjoni u tal-informazzjoni supplimentari. Din il-valutazzjoni tista’ tinvolvi restrizzjoni tas-sustanzi min-naħa tal-Kummissjoni, jiġifieri l-projbizzjoni min-naħa tagħha ta’ ċerti forom ta’ użu. F’ċerti ċirkustanzi, il-Kummissjoni tista’ tipprojbixxi wkoll kull użu ta’ sustanza. F’dawk il-każijiet l-użu jkun jeħtieġ awtorizzazzjoni.
20. Din il-kawża tirrigwarda r-reġistrazzjoni ta’ monomeri. Il-monomeri huma, f’ċertu sens, l-unitajiet li jiffurmaw il-molekoli kimiċi iktar kumplessi, l-hekk imsejħa polimeri. Il-polyethylene, pereżempju, li minnu jsiru ħafna folji tal‑plastik, huwa polimeru. Kif jindika l-isem, il-materja prima hija l-ethylene jew l-ethene (C2H4), monomeru li normalment ikun jinsab fil-forma ta’ gass. Il‑molekoli tal-ethene, li huma relattivament żgħar, jiġu kkombinati fi ktajjen twal ta’ molekoli ta’ polyethylene fil-proċess ta’ polimerizzazzjoni.
21. Skont l-informazzjoni tal-Kummissjoni, jeżistu mijiet ta’ monomeri, li jistgħu jiġu kkombinati f’numru ta’ bejn 70 000 sa 400 000 polimeru differenti.
22. Skont l-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament REACH, il-monomeri mhux reaġiti għandhom jiġu rreġistrati, peress li huma sustanzi awtonomi. Min-naħa l‑oħra, il-polimeri huma esklużi mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni fis-sens tal‑Artikolu 2(9).
23. Il-punt inkwistjoni huwa jekk il-monomeri reaġiti f’polimeri għandhomx jiġu rreġistrati abbażi ta’ dispożizzjoni speċjali (l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH), minkejja li mhumiex sustanzi awtonomi. B’mod speċjali, dan jirrigwarda l-importazzjoni ta’ polimeri, fil-każ fejn il-monomeri użati barra mill‑Komunità għall-manifattura ta’ polimeri jkunu għadhom ma ġewx irreġistrati.
B – Fuq l-ewwel domanda – Interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH
24. Skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH, il-manifattur jew l‑importatur ta’ polimeru għandu jippreżenta r-reġistrazzjoni tas-sustanzi monomeriċi li ma jkunux diġà ġew irreġistrati minn attur ’il fuq fil-katina tal‑provvista, jekk il-polimeru fih 2 % piż, b’piż (w/w) jew iktar ta’ tali sustanza fil-forma ta’ unitajiet monomeriċi u l-kwantità totali tal-monomeru tikkostitwixxi tunnellata metrika jew iktar kull sena.
25. L-ewwel domanda preliminari hija intiża li tikkjarifika kif għandu jinftiehem il-kunċett ta’ sustanza monomerika f’din id-dispożizzjoni. Is-soluzzjoni hija essenzjalment deduċibbli mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti. Madankollu ser nindirizza wkoll xi argumenti mqajma minn S.P.C.M. u minn Erbslöh dwar il-kuntest sistematiku tar-Regolament REACH u l-għanijiet tiegħu.
1. Fuq il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti
26. It-test tal-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament REACH jissuġġerixxi li dan jirreferi għal monomeri reaġiti f’polimeri. Il-monomeri fil-fatt huma suġġetti, bħala prinċipju, għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni jekk xi polimeru jkun jikkonsisti minn dawn il-monomeri.
27. Essenzjalment, polimeru jikkonsisti, skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament REACH, minn sekwenza ta’ monomeri reaġiti magħquda flimkien, l-unitajiet monomeriċi. Għaldaqstant, fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 3(5), unità monomerika hija ddefinita bħala l-forma li ġiet suġġetta għal reazzjoni ta’ monomeru f’polimeru.
28. Din id-definizzjoni tinkludi wkoll il-frażi addizzjonali li tinsab fl‑Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament REACH, “fil-forma ta’ unitajiet monomeriċi u sustanza jew sustanzi kimikament marbuta”. Din il-frażi addizzjonali tikkjarifika li fir-rigward ta’ dik id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur Komunitarju kien ikkonċernat bil-forma li ġiet issuġġettata għal reazzjoni tal-monomeru.
29. Min-naħa l-oħra, l-indikazzjoni espliċita ta’ unitajiet monomeriċi fl‑Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament REACH teskludi li jiġu inklużi monomeri mhux reaġiti fis-sens tal-varjanti (b) tal-ewwel domanda preliminari. Kemm-il darba dawn ikunu preżenti fil-polimeru bħala residwi tal-proċess ta’ polimerizzazzjoni, dawn huma effettivament parti mill-polimeru fis-sens tad‑definizzjoni ġenerali tas-sustanzi skont l-Artikolu 3(1); madankollu, l‑Artikolu 6(3) jirrigwarda biss il-monomeri reaġiti f’forma ta’ unitajiet monomeriċi.
30. Madankollu, Erbslöh u S.P.C.M. iqisu li, abbażi ta’ eżami iktar dettaljat, huwa kontradittorju li l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH jitqies li jirreferi għal monomeri reaġiti. Skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3(6), il‑monomeri għadhom ma fformawx polimeri, iżda għandhom biss potenzjal li jifformaw tali komposti.
31. Għandu jiġi ammess li jekk titqies biss id-definizzjoni ġenerali tas-sustanzi li tinsab fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament REACH, huma biss il-monomeri mhux reaġiti li jistgħu jikkostitwixxu sustanzi.
32. Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament REACH jiddefinixxi sustanza bħala element kimiku u l-komponenti tiegħu. Is-sustanzi kimiċi huma kkaratterizzati, inter alia, minn proprjetajiet partikolari, pereżempju l-punt tal-fużjoni tagħhom. B’hekk, il-monomeri u l-polimeri huma sustanzi, inkwantu huma komposti mill‑elementi kimiċi kostituttivi tagħhom.
33. Bil-kontra, sottogruppi partikolari taۥ polimeri, jiġifieri l-monomeri reaġiti, mhumiex komposti awtonomi. Kif jenfasizzaw Erbslöh u S.P.C.M., dawn ma għandhomx proprjetajiet kimiċi partikolari għalihom, iżda l-proprjetajiet tal-polimeri li jappartjenu għalihom. B’hekk, dawn is-sottogruppi mhumiex, bħala prinċipju, sustanzi fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament REACH.
34. Madankollu, Erbslöh u S.P.C.M. jinsew illi r-Regolament REACH jadotta regola speċjali, fir-rigward tas-sustanzi monomeriċi, li tikkostitwixxi deroga mid‑definizzjoni ġenerali ta’ sustanzi. Il-kunċett ta’ unità monomerika huwa ddefinit fl-Artikolu 3(5) bħala l-forma li ġiet issuġġettata għal reazzjoni ta’ monomeru f’polimeru. Minn dan għandu jiġi mifhum li r-Regolament REACH jirrikonoxxi żewġ forom ta’ sustanzi monomeriċi, li huma forma ssuġġettata għal reazzjoni – l-unità monomerika bħala komponent taۥ polimeri – u forma mhux issuġġettata għal reazzjoni – il-monomeru ddefinit fl-Artikolu 3(6).
35. S.P.C.M. tilmenta li l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH jirreferi għal sustanzi monomeriċi u mhux unitajiet monomeriċi. Madankollu, il-paragrafu (a) ta’ din id-dispożizzjoni jagħmilha ċara li s-sustanzi monomeriċi għandhom jinftiehmu fil-forma ta’ unitajiet monomeriċi. Barra minn hekk, din id‑dispożizzjoni tinkludi wkoll, għar-reġistrazzjoni, sustanzi differenti mill‑komponenti taۥ polimeri, mhux fil-forma tipika tagħhom, jiġifieri mhux suġġetti għal reazzjoni, iżda espressament fil-forma suġġetta għal reazzjoni.
36. Lanqas ma tista’ tintlaħaq konklużjoni differenti mill-fatt li fl‑Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament REACH, xi verżjonijiet lingwistiċi oħra, b’mod partikolari l-verżjoni Ingliża u dik Franċiża, ma jużawx eżattament l-istess definizzjoni użata fl-Artikolu 3(5) għall-unitajiet monomeriċi. Bl-Ingliż jintużaw il-kliem “monomer unit” minn naħa, u “monomeric units” min-naħa l-oħra, filwaqt li bil-Franċiż jintużaw il-kliem “unité monomère” u “unités monomériques”.
37. Madankollu, dawn id-differenzi minimi probabbilment jistgħu jkunu dovuti għal traduzzjoni mhux preċiża matul id-diskussjonijiet fi ħdan il-Kunsill. Id‑definizzjoni ta’ polimeri li tinsab fl-Artikolu 3(5), li tistabbilixxi wkoll il‑kunċett ta’ unità monomerika, ittieħdet mingħajr ebda modifika mill-proposta tal-Kummissjoni. Bil-kontra, kien il-Kunsill li, fuq proposta tad-delegazzjoni svediża, żied fl-Artikolu 6(3)(a) il-parti tal-frażi “fil-forma ta’ unitajiet monomeriċi u sustanza jew sustanzi kimikament marbuta” (3). Bl-Isvediż u bil‑Ġermaniż, iż-żewġ dispożizzjonijiet jużaw l-istess kelma għal unità monomerika (4). B’mod partikolari, il-verżjoni oriġinali Svediża tikkostitwixxi prova tal-fatt li d-differenzi bl-Ingliż u bil-Franċiż mhumiex diretti lejn tifsira oħra.
38. B’hekk, mit-test tad-dispożizzjonijiet rilevanti, evalwati fid-dawl tal-oriġini leġiżlattiva tagħhom, jirriżulta li l-kunċett ta’ “sustanzi monomeriċi”, imsemmi fl‑Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH, jirreferi biss għal monomeri reaġiti, jiġifieri monomeri li jkunu rreaġixxew flimkien b’tali mod li ma jkunux jistgħu jinfirdu mill-polimeru li jiffurmaw parti minnhu.
2. Fuq il-kuntest sistematiku
39. Madankollu, ġew issollevati diversi oġġezzjonijiet fil-konfront ta’ din il‑konklużjoni parzjali, li huma bbażati fuq il-kuntest sistematiku tar-Regolament REACH. F’dan ir-rigward isir riferiment b’mod speċjali għad-deroga mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-polimeri stabbilita fl-Artikolu 2(9).
40. F’dan ir-rigward, Erbslöh tinvoka l-prinċipju ta’ interpretazzjoni ġenerali tad-dritt Komunitarju, li jgħid li l-eċċezzjonijiet għar-regoli ġenerali għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv. L-obbligu ta’ reġistrazzjoni għas-sustanzi monomeriċi huwa eċċezzjoni għall-eżenzjoni prevista għall-polimeri, u b’hekk għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv.
41. Madankollu, f’dan ir-rigward, Erbslöh ma tikkunsidrax il-fatt li l-prinċipju li fuqu huwa bbażat ir-Regolament REACH huwa kkostitwit mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni. B’hekk, l-eżenzjoni tal-polimeri hija diġà eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. B’hekk, jekk l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall‑monomeri li jinsabu fil-polimeri jikkostitwixxi eċċezzjoni mill-eċċezzjoni, bħala riverżjoni għar-regola, dan għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa (5).
42. Fil-fatt, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għas-sustanzi monomeriċi fil-forma ta’ unitajiet monomeriċi ma jikkostitwix deroga għall-eżenzjoni prevista għall‑polimeri, iżda komponent awtonomu tas-sistema ta’ obbligi tar-Regolament REACH. B’hekk dan ma jistax jitqies li huwa eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv.
43. Barra minn hekk, Erbslöh u S.P.C.M. isostnu li obbligu ta’ reġistrazzjoni għas-sustanzi monomeriċi magħquda f’polimeri jġib fix-xejn id-deroga għall‑obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-polimeri.
44. Effettivament jista’ jingħad li, meta jiġu rreġistrati sustanzi monomeriċi fil‑forma ta’ unitajiet monomeriċi, jiġiferi komponenti magħquda ta’ polimeru, trid tiġi ppreżentata informazzjoni dwar il-polimeru. Fil-fatt għandu jitfakkar li s‑sustanzi monomeriċi fil-forma ta’ unitajiet monomeriċi għandhom biss il‑proprjetajiet tal-polimeru li jkunu magħquda fih.
45. Meta jinftiehem f’dan is-sens, l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH effettivament imur kontra l-Artikolu 2(9), kif sostnew Erbslöh u S.P.C.M. Prattikament kull polimeru kkumerċjalizzat fl-Ewropa jkollu jiġi rreġistrat indirettament permezz tas-sustanzi monomeriċi tiegħu.
46. Madankollu, l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH jindika b’mod ċar li għandhom jiġu rreġistrati mhux il-proprjetajiet tal-polimeri iżda – skont l‑interpretazzjoni tal-Kummissjoni – il-proprjetajiet tal-monomeri. Skont din id‑dispożizzjoni, huwa fil-fatt suffiċjenti li attur, li jkun jinsab ’il fuq fil-katina tal‑provvista, jirreġistra s-sustanza monomerika. Madankollu, tali attur jista’ ma jkunx jaf liema polimeri jiġu mmanifatturati mill-monomeri tiegħu. Huwa saħansitra possibbli li tali monomeru jintuża fil-manifattura taۥ polimeri li jkunu ferm differenti bejniethom.
47. Madankollu, mill-argument tal-Kummissjoni jirriżulta, almenu, ħjiel tar‑reġistrazzjoni tal-proprjetajiet tal-polimeri: jekk is-sustanzi monomeriċi jiġu mmanifatturati jew importati fi kwantitajiet ta’ 10 tunnellati fis-sena jew iktar, fis‑sens tal-Artikolu 14(1) u tal-Anness I tar-Regolament REACH, trid tiġi ppreżentata, meta ssir ir-reġistrazzjoni, evalwazzjoni tas-sigurtà kimika. Din trid tinkludi, skont il-Kummissjoni, iċ-ċiklu tal-ħajja tal-polimeru manifatturat.
48. Din il-pożizzjoni ġġib fix-xejn l-eżenzjoni għall-polimeri. Madankollu, din mhijiex konvinċenti, peress li ċ-ċiklu tal-ħajja tal-monomeru jintemm fil-mument tar-reazzjoni tiegħu f’polimeru. Skont l-Anness I, punt 0.3, tar-Regolament REACH, iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ sustanza jinkludi l-manifattura tiegħu u l-użi identifikati. Madankollu polimeru ma jikkostitwix użu, iżda sustanza awtonoma fis-sens tad-definizzjoni ta’ sustanza skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament REACH. Dan b’hekk għandu ċiklu ta’ ħajja indipendenti.
49. L-informazzjoni dwar l-użu tal-monomeru b’hekk testendi għaċ‑ċirkustanza li dan jintuża għall-manifattura ta’ xi polimeri, iżda mhux għall‑proprjetajiet ta’ tali polimeri. Meta l-monomeru jkun diġà ġie rreġistrat minn attur li jkun jinsab ’il fuq fil-katina tal-provvista, li ma jkunx jaf bil-fatt li dak il‑monomeru jkun jintuża fil-manifattura ta’ tali polimeru, tali użu jrid jiġi nnotifikat fis-sens tal-Artikoli 37 u 38 tar-Regolament REACH mill-manifattur li jinsab ’l isfel fil-katina tal-provvista.
50. B’dan il-mod, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tas-sustanzi monomeriċi magħquda f’polimeri ma jeliminax is-sinjifikat tal-eżenzjoni tal-polimeri. L‑obbligu ta’ reġistrazzjoni għas-sustanzi monomeriċi ma jikkorrispondix għal obbligu indirett ta’ reġistrazzjoni għall-polimeri.
51. Għal din ir-raġuni biss, anki l-argument ta’ Erbslöh u ta’ S.P.C.M. li jgħid li mill-polimeri jirriżultaw riskji minimi, ma jmurx kontra l-interpretazzjoni mogħtija iktar ’il fuq tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH. Ir-riskji tal‑polimeri ma għandhomx importanza diretta għar-reġistrazzjoni ta’ sustanzi monomeriċi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza, ġustament, li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni ma jippresupponi ebda riskju partikolari, iżda huwa intiż sabiex jidentifika r-riskji.
52. B’hekk, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għas-sustanzi monomeriċi li jinsabu fil‑polimeri ma jmurx kontra dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament REACH.
3. Fuq l-għanijiet tar-Regolament REACH
53. Fl-aħħar nett, l-għanijiet tar-Regolament REACH huma invokati bħala argument kontra l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-monomeri li jinsabu fil‑polimeri.
54. F’dan ir-rigward, hemm żewġ argumenti. Min-naħa waħda, issir enfasi għal darb’oħra fuq l-eżenzjoni tal-polimeri, li hija ppreġudikata mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-monomeri. Madankollu diġà ġie pprovat li dan mhuwiex il‑każ f’din il-kawża.
55. Min-naħa l-oħra, huwa kkontestat li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall‑monomeri jsegwi l-għanijiet generali tar-Regolament REACH. Skont l‑Artikolu 1(1) tar-Regolament REACH, dan għandu l-iskop li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluż il-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-evalwazzjoni ta’ perikli tas-sustanzi, kif ukoll il‑moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li jittejbu l-kompetittività u l‑innovazzjoni.
56. Ma jistax jiġi kkonstatat kunflitt ma’ dawn l-għanijiet. Lanqas ma jeżistu indikazzjonijiet li tali għanijiet jeħtieġu interpretazzjoni differenti tal‑Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH.
57. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal‑monomeri huwiex kompatibbli ma’ dawk l-għanijiet hija ta’ interess b’mod partikolari għat-tieni domanda preliminari, u b’mod partikolari sa fejn dik id‑domanda tirrigwarda l-kompatibbiltà tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’hekk, din il-problema għandha tiġi indirizzata fil-kuntest tal-eżami tat-tieni domanda.
4. Konklużjoni parzjali
58. B’hekk, l-ewwel domanda għandha tiġi riżolta fis-sens li l-kunċett ta’ “sustanzi monomeriċi” taħt l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH jirreferi biss għall-monomeri reaġiti, jiġifieri l-monomeri li jkunu rreaġixxew bejniethom b’tali mod li ma jkunux jistgħu jinfirdu mill-polimeru li jiffurmaw parti minnu.
Ċ – Fuq it-tieni domanda – Validità tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH
59. Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH għall-manifatturi jew għall-importaturi taۥ polimeri hijiex illeġittima inkwantu d-dispożizzjoni, tirriżulta li hija irraġonevoli, diskriminatorja jew sproporzjonata. Għaldaqstant jeħtieġ li tiġi vverifikata l-validità ta’ din id-dispożizzjoni.
1. Osservazzjoni preliminari dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni
60. Erbslöh u S.P.C.M. jikkontestaw l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal‑Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH.
61. Huwa minnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tissollevax il-kwistjoni tal-motivazzjoni; madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kemm-il darba, fir‑rigward ta’ rikorsi kontra deċiżjonijiet individwali, li motivazzjoni insuffiċjenti, li tikser l-Artikolu 253 KE, tirrappreżenta ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali fis-sens tal-Artikolu 230 KE (6) u barra minn hekk tikkostitwixxi aspett li l-Qorti Komunitarja tista’ u għandha teżamina ex ufficio (7). In-nuqqas ta’ motivazzjoni jew l-insuffiċjenza ċara tagħha ma jistgħux jiġu rregolarizzati (bħala prinċipju) mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf bil-motivi tal-att matul proċediment quddiem il-Qorti Komunitarja (8). Fil-fatt, il‑motivazzjonijiet ta’ deċiżjoni li toħloq preġudizzju għandha l-iskop li tippermetti lill-Qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-leġittimità tad-deċiżjoni u li tipprovdi lill-persuna kkonċernata l-indikazzjonijiet meħtieġa sabiex tkun tista’ tistabbilixxi jekk dik id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk għandux jitressaq appell (9). B’hekk, din tikkostitwixxi kundizzjoni sine qua non tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dispożizzjoni.
62. Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha, skont ġurisprudenza kostanti, tkun adegwata għan-natura tal-att inkwistjoni. Din għandha turi b’mod ċar u inekwivoku l-iter loġiku tal-istituzzjoni Komunitarja li tkun awtriċi tal-att, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu r‑raġunijiet għad-dispożizzjoni adottata. Din hija kundizzjoni sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ twettaq l‑isħarriġ tagħha. Madankollu, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li wieħed ma jistax jippretendi li l-motivazzjoni ta’ att tispeċifika l-elementi rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ dritt. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax il‑kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi eżaminata mhux biss fid-dawl tal-formolazzjoni tagħha, iżda wkoll fil-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett inkwistjoni. B’mod partikolari, jekk l-att ikkontestat ikun juri, fl-essenza tiegħu, l-iskop segwit mill-istituzzjoni Komunitarja, ikun eċċessiv li wieħed jippretendi motivazzjoni speċifika għad‑diversi għażliet ta’ natura teknika li jkunu saru (10).
63. Għalkemm huwa minnu li ma ngħatat ebda motivazzjoni speċifika għall‑obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-monomeri li jinsabu f’polimeri, tali dispożizzjoni tikkostitwixxi għażla ta’ natura teknika, li ma teħtieġ ebda motivazzjoni speċjali. Kif ser jiġi spjegat iktar ’il quddiem, b’mod partikolari fil‑kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità, tali dispożizzjoni tista’ tiġi attribwita għall-motivi ġenerali tar-Regolament REACH. Tali attribuzzjoni ta’ regola speċifika ta’ natura teknika għall-motivi ġenerali ma għandhiex għalfejn tiġi spjegata espressament fil-motivi ta’ dispożizzjoni ġenerali. Din tista’ tiġi spjegata permezz ta’ kjarifiki suċċessivi.
64. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkonstatat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
2. Fuq l-ilment dwar l-irraġonevolezza
65. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH huwiex invalidu minħabba li huwa irraġonevoli. Għalkemm mhuwiex soltu li d‑dritt Komunitarju jiġi eżaminat mill-perspettiva tar-raġonevolezza tiegħu, l‑argument tal-partijiet juri li dan jirrigwarda l-iktar il-prinċipju ta’ ċertezza legali, ikkunsidrat mill-perspettiva partikolari ta’ prinċipju ta’ legalità.
66. Fil-fatt, Erbslöh u S.P.C.M. isostnu li l-irraġonevolezza tirriżulta mill‑kontradizzjoni fir-rigward tal-eżenzjoni tal-polimeri. Kunflitt reali bejn dispożizzjonijiet fuq l-istess livell jista’ effettivament ipoġġi indiskussjoni l‑validità tagħhom, meta dan ma jiġix solvut permezz ta’ interpretazzjoni jew b’applikazzjoni tal-prinċipji ta’ kunflitt bejn dispożizzjonijiet, pereżempju lex posterior jew lex specialis. Fil-fatt, ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit liema dispożizzjoni għandha tiġi applikata. Tali kunflitt imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Dan il-prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju jeżiġi li dispożizzjoni tkun ċara u preċiża, sabiex id-destinatarji jkunu jistgħu jsiru jafu, mingħajr ambigwità, id-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jirregolaw ruħhom kif ikun xieraq (11). Madankollu, diġà ntwera li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-monomeri reaġiti f’polimeri u l-eżenzjoni tal-polimeri ma jikkontradixxux lil xulxin (12).
67. Konsegwentement, l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH mhuwiex irraġonevoli fis-sens li huwa dispożizzjoni kontradittorja.
3. Fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità
68. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-leġiżlatur Komunitarju huwa marbut li josserva (13). Għaldaqstant, l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jistgħux jaqbżu l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija mil‑leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li huwa mifhum li, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża, u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet intiżi (14).
a) Fuq l-oneru tal-prova u fuq il-kriterju ta’ evalwazzjoni
69. Skont Erbslöh, il-leġiżlatur Komunitarju jrid juri li d-dispożizzjonijiet għall-ħarsien tas-saħħa u tal-ambjent li jirrestrinġu l-kompetizzjoni huma proporzjonati. Din l-opinjoni hija bbażata fuq il-ġurisprudenza stabbilita fir‑rigward tal-Artikoli 28 u 30 KE, li madankollu – fir-rigward tal-oneru tal-prova – ma tistax tiġi trasposta għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.
70. Jekk Stat Membru jinvoka deroga mill-prinċipju ġenerali stabbilit fl‑Artikolu 28 KE – il-moviment liberu tal-merkanzija –, effettivament huwa jrid jipprova li l-kundizzjonijiet għal dik id-deroga huma sodisfatti (15). Min-naħa l‑oħra, bħala prinċipju, teżisti preżunzjoni ta’ leġittimità tad-dritt Komunitarju (16). Din il-preżunzjoni timplika li l-illeġittimità trid tiġi pprovata minn min jikkontesta l-validità ta’ att Komunitarju (17).
71. Barra minn hekk, bħal f’ħafna oqsma leġiżlattivi oħra, l-osservanza tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità mhijiex suġġetta, lanqas fil-każ tar-Regolament REACH, għal stħarriġ ġudizzjarju rigoruż. Pjuttost, huwa rikonoxxut li l-leġiżlatur Komunitarju għandu setgħa ta’ evalwazzjoni u determinazzjoni wiesgħa (“setgħa diskrezzjonali”) meta jadotta deċiżjonijiet kumplessi ta’ natura teknika u/jew politika (18). Fil-każ tar-Regolament REACH, kellu jintlaħaq bilanċ diffiċli bejn l‑għanijiet tal-politika tal-ambjent u tas-saħħa, minn naħa, u l-interessi ekonomiċi min-naħa l-oħra.
72. Meta tistħarreġ l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, il-qorti ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-leġiżlatur Komunitarju, iżda trid sempliċement teżamina jekk din hijiex milquta minn żball manifest jew abbuż ta’ poter jew jekk il-leġiżlatur marx manifestament ultra vires mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu (19).
73. Kif dan japplika għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità mhux dejjem jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza. Xi sentenzi jsostnu li hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata mil-leġiżlatur meta mqabbla mal‑għan li l-istituzzjoni kompetenti għandha l-intenzjoni li ssegwi, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (20). F’xi każijiet, jingħad ukoll espressament li din mhijiex kwistjoni dwar jekk il-miżura adottata mil-leġiżlatur kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli, iżda jekk din kinitx manifestament inadegwata (21).
74. Madankollu, dawn il-konstatazzjonijiet huma ambigwi. Jekk jeżistu miżuri li huma bla dubju, inqas restrittivi u li għandhom l-istess effettività jew jekk il‑miżuri adottati huma manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija, il-persuni kkonċernati għandhom jingħataw garanzija ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Fil-każ kuntrarju, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa stabbilit fid‑dritt primarju, jitlef l-effettività prattika tiegħu.
75. Konsegwentement, f’ħafna sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika wkoll, b’mod partikolari, jekk jeżistux miżuri li huma b’mod ċar inqas restrittivi (22), jew saħansitra jekk ir-restrizzjonijiet humiex proporzjonati mal‑għanijiet imfittxija (23).
76. Il-Qorti tal-Ġustizzja s’issa għadha ma tatx definizzjoni espressa tal‑kundizzjonijiet li taħthom miżura titqies li hija manifestament inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-kriterju deċiżiv għandu b’mod definittiv jikkonsisti fil-kunsiderazzjoni li l-qrati Komunitarji ma għandhomx, bħala prinċipju, jissostitwixxu l-evalwazzjoni tagħhom dwar il-kwistjonijiet kumplessi għal dik tal-leġiżlatur.
77. Tali evalwazzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju tista’, bħala regola, titqiegħed indiskussjoni biss jekk din ma tkun imsejsa fuq ebda bażi raġonevoli (24). F’tali kuntest, l-isħarriġ tal-qorti Komunitarja jestendi wkoll sal-punt li jiġi vverifikat jekk fid-deċiżjoni ġietx ikkunsidrata l-informazzjoni rilevanti kollha li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni kumplessa u jekk dik l‑informazzjoni hijiex ta’ tali natura li tikkonferma l-konklużjonijiet li ġew derivati minnha (25).
78. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-monomeri jikkostitwixxix mezz proporzjonat sabiex jintlaħaq skop leġittimu.
b) Fuq l-għanijiet tal-miżura u fuq jekk hijiex xierqa
79. Skont l-istituzzjonijiet, il-miżura ssegwi żewġ għanijiet. Min-naħa waħda, hija intiża li tħares l-ambjent u s-saħħa, peress li r-reġistrazzjoni tal-monomeri tippermetti li jiġu kkonfrontati ċerti riskji marbuta mal-polimeri. Min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-monomeri huwa intiż li tinkiseb l‑ugwaljanza fil-kompetizzjoni fis-suq Ewropew tal-polimeri.
Fuq ir-risjki għall-ambjent u għas-saħħa
80. Inter alia, skont l-Artikolu 1 u l-ewwel premessa tiegħu, ir-Regolament REACH għandu l-iskop li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Dan huwa skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 95(3), 152(1) kif ukoll fl-Artikoli 174(1) u (2) KE.
81. Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 174(3) KE, fil-preparazzjoni tal-politika tagħha dwar l-ambjent, il-Komunità għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli. Jekk, minkejja tali informazzjoni, jkunu jeżistu inċertezzi fir-rigward tal-eżistenza jew tal-portata ta’ riskji għas-saħħa tal-persuni, l-istituzzjonijiet, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni stabbilit fl-Artikolu 174(2) KE, jistgħu jieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jistennew li r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jiġu pprovati b’mod eżawrjenti (26).
82. Kif ġie enfasizzat b’mod partikolari mill-Parlament u mill-Kunsill, ir‑reġistrazzjoni tas-sustanzi hija preċiżament intiża li ttejjeb l-informazzjoni dwar ir-riskji assoċjati magħhom. Din hija b’hekk, min-natura tagħha stess, strument intiż li titwettaq politika effettiva ta’ ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa.
83. Il-partijiet ma jaqblux dwar il-kwistjoni jekk u sa fejn il-polimeri huma konnessi ma’ riskji għas-saħħa u l-ambjent (27). Madankollu, billi mhumiex il‑polimeri, iżda huma biss il-monomeri użati għall-manifattura tal-polimeri li huma suġġetti għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni, l-uniċi riskji li jistgħu jiġu identifikati huma biss dawk li jistgħu jiġu evalwati aħjar minħabba tali reġistrazzjoni.
84. Mill-istudji xjentifiċi ppreżentati minn S.P.C.M. u minn Erbslöh, li bħala prinċipju mhumiex ikkontestati mill-istituzzjonijiet, jirriżulta f’dan ir-rigward li l‑informazzjoni dwar il-monomeri użati ma tippermettix awtomatikament li jintlaħqu konklużjonijiet dwar il-proprjetajiet u r-riskji tal-polimeri manifatturati. Huwa paċifiku li s-sustanzi monomeriċi huma normalment magħquda b’mod stabbli fil-polimeri, u bħala prinċipju, ma jirrappreżentawx riskji awtonomi.
85. L-argument ċentrali tal-istituzzjonijiet insostenn ta’ rabta bejn ir‑reġistrazzjoni tal-monomeri u r-riskji tal-polimeri jikkonsisti fl-Artikolu 138(2) u fil-wieħed u erbgħin premessa tar-Regolament REACH. Skont dawn id‑dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposti leġiżlattivi malli jkun jista’ jiġi stabbilit mod prattiku u effiċjenti f’termini ta’ spejjeż sabiex jintgħażlu l-polimeri għall-finijiet tar-reġistrazzjoni abbażi ta’ kriterji tekniċi u xjentifiċi validi. Il-Kummissjoni u l-Kunsill isostnu li r-reġistrazzjoni tal‑monomeri hija neċessarja sabiex ikun jista’ jitwettaq tali kompitu.
86. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tippreċiża dan l-argument billi ssostni li, fil-kuntest tar-reġistrazzjoni, rapport dwar is-sigurtà għandu jikkunsidra wkoll iċ‑ċiklu tal-ħajja tal-polimeru li jkun ġie ttrasformat fih il-monomeru. Madankollu, din l-affermazzjoni mhijiex konvinċenti.
87. Fil-fatt, diġà ntwera li r-rapport dwar is-sigurtà għas-sustanzi monomeriċi ma jindirizzax ir-riskji li jirriżultaw minn polimeru manifatturat mill‑monomeru (28). Kieku dan kien il-każ, l-eżenzjoni tal-polimeri tiġi fil-fatt żvalutata u l-kunċett ta’ ċiklu tal-ħajja ta’ sustanza kimika jiġi estiż b’mod eċċessiv. B’hekk, ir-rapport dwar is-sigurtà jirrigwarda biss l-identifikazzjoni tal‑polimeru manifatturat mill-monomeru.
88. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tindika, b’riferiment għal rapport tal‑espert ippreżentat lill-High Court (29), żewġ riskji speċifiċi tal-polimeri, riskji li jirrappreżentaw rabta mal-monomeri użati għall-manifattura.
89. Fl-ewwel lok, mhux il-karatteristiċi kollha ta’ monomeru neċessarjament jintilfu fil-proċess ta’ polimerizzazzjoni. It-telf tal-proprjetajiet pjuttost jiddependi minn liema gruppi funzjonali tal-molekola monomerika jkunu pparteċipaw f’dik ir-reazzjoni kimika. Gruppi funzjonali persistenti jistgħu jikkonferixxu lill‑polimeru proprjetajiet tal-monomeru.
90. Il-persistenza tal-proprjetajiet tal-monomeru tiddependi b’mod ċar mir‑reazzjoni kimika rispettiva, jiġifieri mill-polimeru manifatturat. Meta r‑reġistrazzjoni ta’ monomeri tkun tinkludi identifikazzjoni tal-polimeru manifatturat (30) u n-nomenklatura kimika tkun tipprovdi informazzjoni dwar l‑istruttura tal-molekola polimerika rispettiva (31), din tippermetti li jintlaħqu konklużjonijiet dwar il-proprjetajiet persistenti tal-monomeru. F’dan is-sens, ir‑reġistrazzjoni tal-monomeri użati tkun xierqa sabiex tikkonfronta dan ir-riskju inerenti ta’ polimeru.
91. L-obbligu ta’ reġistrazzjoni għas-sustanzi monomeriċi magħquda li l‑importatur jimporta fi kwantitajiet ta’ 10 tunnellati jew iktar huwa madankollu mingħajr ebda utilità b’rabta ma’ tali skop. Identifikazzjoni ċara tal-polimeru manifatturat hija fil-fatt neċessarja – sa fejn jista’ jidher – biss jekk ikun meħtieġ li jiġi ppreżentat rapport ta’ sigurtà skont l-Artikolu 14 tar-Regolament REACH. Madankollu, dan jippreżupponi l-importazzjoni ta’ iktar minn 10 tunnellati fis‑sena tas-sustanza inkwistjoni, filwaqt li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għas‑sustanzi monomeriċi magħquda japplika anki minn kwantità ta’ iktar minn tunnellata fis-sena. Mingħajr l-identifikazzjoni kimika ċara tal-polimeru, mhuwiex possibbli li jsiru affermazzjonijiet validi dwar il-persistenza tal-proprjetajiet tal‑monomeru.
92. Fit-tieni lok, il-polimeri jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiddegradaw. Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi espressament li huwa ferm rari li l‑polimeri, meta jiddegradaw, jirrilaxxaw il-monomeri li jkun hemm fihom. Jekk u taħt liema kundizzjonijiet polimeru jiddegrada ovvjament jiddependi, b’mod speċjali, mill-polimeru rispettiv. Mhuwiex ċar sa liema grad il-monomeri li jinsabu f’polimeru huma rilevanti b’rabta ma’ dan it-tip ta’ degradazzjoni. Għaldaqstant ma ġietx ipprovata rabta suffiċjenti bejn ir-reġistrazzjoni tal‑monomeri u r-riskju ta’ degradazzjoni tal-polimeri fil-monomeri użati.
93. Barra minn hekk, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-monomeri reaġiti f’polimeri jista’ jservi sabiex jiġu affrontati r-riskji li jirriżultaw mill-monomeri mhux reaġiti. Huwa paċifiku li l-monomeri mhux reaġiti huma marbuta ma’ riskji għas-saħħa u għall-ambjent. Il-monomeri huma molekoli reattivi relattivament żgħar, li b’hekk jista’ jkollhom effetti dannużi.
94. Fil-każ tal-manifattura taۥ polimeri fil-Komunità, l-utilità tar-reġistrazzjoni tal-monomeri li jkunu jinsabu fihom hija evidenti: is-sustanzi monomeriċi jintużaw bħala monomeri mhux reaġiti fi ħdan il-Komunità u l-informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni b’hekk għandha tkun magħrufa, sabiex ikunu jistgħu jiġu kkontrollati r-riskji eventwali. Madankollu, l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH huwa biss ta’ importanza sekondarja għal dawn il-monomeri, inkwantu dawn, anki meta jintużaw għall-manifattura ta’ polimeri, iridu jiġu rreġistrati fil‑mument tal-manifattura jew importazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 6(1) u (2). Huwa għalhekk li Erbslöh u S.P.C.M. ma jqajmu l-ebda eċċezzjonijiet speċifiċi f’dan ir-rigward.
95. Madankollu, dawn iż-żewġ partijiet jenfasizzaw li s-sitwazzjoni li tikkaratterizza l-importazzjoni tal-polimeri hija għal kollox differenti: f’dan il-każ, il-monomeri jintużaw biss barra mill-Komunità. Bħala prinċipju, il-Komunità tidħol biss f’kuntatt mas-sustanzi monomeriċi fil-forma ta’ unitajiet monomeriċi magħquda f’polimeri.
96. Ir-reġistrazzjoni ta’ sustanzi monomeriċi magħquda f’polimeri importati, tikkontribwixxi biss sal-grad imsemmi iktar ’il fuq għall-ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa fil-Komunità.
97. Madankollu, jeżistu wkoll riskji li jirriżultaw mir-residwi ta’ monomeri mhux reaġiti. Huwa paċifiku li l-polimeri jistgħu jiġu mniġġsa minn dawk ir‑residwi u li dawn il-monomeri jistgħu jiġu f’kuntatt mal-ambjent meta jintuża l‑polimeru.
98. Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza tali riskju, u indikatu lill-kumitat tal-WTO dwar ostakoli tekniċi għall-kummerċ bħala raġuni favur ir-reġistrazzjoni tal-monomeri reaġiti (32).
99. Ir-reġistrazzjoni tal-monomeri reaġiti f’polimeri tista’ effettivament tipprovdi indikazzjonijiet dwar ir-riskju ta’ residwi tal-monomeri. It-tipi ta’ monomeri użati għall-manifattura tal-polimeru jistgħu fil-fatt ikunu dawk li jidhru wkoll bħala residwi. It-tipi ta’ monomeri użati jistgħu jippermettu wkoll li jintlaħqu konklużjonijiet dwar il-probabbiltà ta’ residwi.
100. B’dan il-mod, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni jkun xieraq sabiex jikkontribwixxi għall-kontroll tar-riskju li jirriżulta mill-impurità tal-monomeri.
Fuq l-ugwaljanza tal-kompetizzjoni
101. Il-Kunsill, kif ukoll il-Polonja, jenfasizzaw li r-reġistrazzjoni ta’ sustanzi monomeriċi magħquda tippromwovi kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi Komunitarji u l-importaturi ta’ polimeri.
102. Bħala regola, fil-prezzijiet tal-polimeri Komunitarji jkunu inklużi, b’mod proporzjonat, l-ispejjeż għar-reġistrazzjoni tal-monomeri pproċessati. Fil-fatt, wieħed għandu jitlaq mill-premessa li dawn il-monomeri jkunu diġà ġew irreġistrati bħala sustanzi awtonomi fil-mument tal-manifattura jew tal‑importazzjoni tagħhom. Bil-kontra, barra mill-Komunità jistgħu jiġu mmanifatturati polimeri mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu rreġistrati l-materji primi. Tali distorsjoni tal-kompetizzjoni titwaqqaf fis-suq Komunitarju tal‑polimeri jekk mill-inqas l-importaturi jkunu marbuta li jirreġistraw il-materji primi.
103. L-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-importaturi jwassal fl-istess ħin għat‑tqassim iktar ġust tal-ispejjeż taۥ reġistrazzjoni bejn id-diversi impriżi li jimmanifatturaw jew jimportaw il-polimeru rispettiv fil-Komunità. Fil-fatt, ir‑Regolament REACH jinkludi dispożizzjonijiet intiżi sabiex l-ispejjeż tar-riċerki meħtieġa għal reġistrazzjoni jitqassmu bejn in-notifikanti. Tali tqassim tal-ispejjeż tar-riċerki jikkorrispondi għar-responsabbiltà u għall-vantaġġi marbuta mal‑kummerċjalizzazzjoni ta’ polimeru. B’hekk, din hija applikazzjoni konkreta tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, li, min-naħa tiegħu, jirrappreżenta aspett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (33).
104. Il-kisba ta’ kompetizzjoni ġusta tista’ tiġi attribwita għall-għan, imsemmi fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament REACH, tat-tisħiħ tal-kompetittività (34). Barra minn hekk, it-trattament ugwali tal-importaturi u tal-manifatturi jikkostitwixxi, fis-sens tat-tielet premessa, għan espress tar-Regolament REACH:
“Għandu jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent fl-approssimazzjoni tal-leġislazzjoni dwar is-sustanzi, bil-għan li jinkiseb żvilupp sostenibbli. Dik il-leġislazzjoni għandha tkun applikata b’mod non-diskriminatorju kemm jekk is-sustanzi jkunu kummerċjalizzati fis-suq intern kif ukoll jekk internazzjonalment skond l-impenji internazzjonali tal-Komunità”.
105. Il-protezzjoni tal-produtturi Komunitarji minn żvantaġġi kompetittivi eventwali hija, bħala prinċipju, għan leġittimu tal-leġiżlatur Komunitarju (35). Il‑kwistjoni jekk dan il-għan joħloqx diffikultajiet fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ tista’ tibqa’ miftuħa. Huwa minnu li r-regolazzjoni eżaminata hawnhekk diġà ġiet diskussa kemm-il darba fi ħdan il-kumitat dwar l‑ostakoli tekniċi għall-kummerċ (36). Madankollu, il-kompatibbiltà mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ mhijiex is-suġġett ta’ din il-kawża. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tevalwax il-leġittimità tad-dritt Komunitarju fid-dawl ta’ tali parametru (37).
106. B’hekk, l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH mhuwiex manifestament inadegwat sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu ta’ kompetizzjoni ġusta.
Konklużjoni parzjali
107. L-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-monomeri reaġiti f’polimeri huwa adatt sabiex jintlaħqu tliet għanijiet leġittimi: dan huwa adatt sabiex jiġu kkonfrontati r‑riskji marbuta mal-ambjent u mas-saħħa li jirriżultaw mit-tniġġis tal-polimeri minħabba r-residwi tal-monomeri. Barra minn hekk, f’xi każijiet, dan jista’ jservi wkoll sabiex jiġu evalwati r-riskji kkawżati mill-persistenza ta’ proprjetajiet tal‑monomeri fil-polimeri. Ir-reġistrazzjoni tikkontribwixxi wkoll għall‑kompetizzjoni ġusta bejn il-manifatturi Komunitarji u l-importaturi taۥ polimeri.
ċ) Fuq in-neċessità tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni
108. Għandu jiġi vverifikat jekk l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-monomeri reaġiti f’polimeri huwiex neċessarju sabiex jinkisbu l-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq.
109. Fir-rigward tal-għanijiet ta’ ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa, ċertament jeżistu dubji dwar in-neċessità tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni.
110. L-utilità ta’ informazzjoni sħiħa dwar il-monomeri sabiex jiġu evalwati r‑riskji marbuta mal-persistenza tal-proprjetajiet tal-monomeri fil-polimeri tidher li hija ferm limitata. Bosta elementi jwasslu sabiex jitqies li l-obbligu ta’ informazzjoni dwar il-polimeru, limitat fil-portata iżda mmirat, ikun inqas oneruż u mill-inqas daqstant effettiv.
111. Min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-riskju ta’ residwi tal‑monomeri, l-informazzjoni dwar il-monomeru hija mingħajr dubju determinanti. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, b’rabta ma’ tali riskju, ikun biżżejjed obbligu ta’ reġistrazzjoni dwar l-impuritajiet tal-monomeri biss bħala tali.
112. Barra minn hekk, f’din id-direzzjoni, Erbslöh u S.P.C.M. jissuġġerixxu li l‑Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH għandu jiġi interpretat fis-sens li għandhom jiġu rreġistrati biss ir-residwi ta’ monomeri mhux reaġiti. Madankollu, jekk l-obbligu jiġi ristrett għall-monomeri mhux reaġiti jew għar-residwi ta’ monomeri, probabbilment dan iċaħħad ħafna mill-effettività prattika tal‑Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH. Ma jidhirx probabbli li ħafna polimeri fihom 2 % jew iktar piż, b’piż ta’ residwi ta’ monomeri. Huwa diffiċli li prodott daqstant imniġġes ikun jista’ jkun konformi mal-ħtiġijiet tal-utent tal-polimeru.
113. Bil-kontra, tali obbligu ta’ reġistrazzjoni għandu jkun marbut mal‑impuritajiet li jidhru b’mod konkret. Waqt is-seduta, Erbslöh sostniet, mingħajr ma ġiet ikkontestata, li tali impuritajiet huma identifikabbli mingħajr diffikultajiet kbar permezz tad-distillazzjoni f’vakum u kromatografija tal-gass.
114. Madankollu, fl-aħħar, tista’ titħalla mingħajr soluzzjoni l-kwistjoni dwar jekk id-dubji msemmija iktar ’il fuq humiex fondati jew jekk jistgħux jiġu kontradetti permezz ta’ argumenti ulterjuri tal-istituzzjonijiet u b’kunsiderazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-leġiżlatur b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.
115. Fil-fatt, m’hemmx dubju li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ ugwaljanza fil-kompetizzjoni.
116. Huwa minnu li jista’ jiġi kkunsidrat li l-miżuri għall-protezzjoni tal‑pożizzjoni kompetittiva tal-manifatturi Komunitarji jiġu limitati għas-swieq li attwalment joperaw fihom. F’dan il-każ, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall‑monomeri użati jkun japplika biss fil-każ ta’ polimeri li jiġu mmanifatturati anki fil-Komunità (38). Madankollu, jekk isir hekk, il-kompetitur potenzjali ma jiġix protett b’mod daqstant effettiv. Fil-fatt, produzzjoni Komunitarja ġdida ta’ polimeri tista’ tibda biss wara li jkunu ġew irreġistrati l-monomeri użati. B’hekk, il-produttur Komunitarju l-ġdid ikollu jinvesti f’mezzi għar-reġistrazzjoni ta’ monomeri mingħajr ma jkun għad għandu dħul mill-produzzjoni tiegħu, filwaqt li l-kompetituri esterni jkunu jistgħu (inizjalment) jipprovdu polimeri fil-Komunità mingħajr ma jbatu dawk l-ispejjeż.
117. Bl-istess mod, taxxa fuq il-polimeri importati, intiża li tikkumpensa b’rata fissa l-ispejjeż iffrankati minħabba n-nuqqas ta’ reġistrazzjoni tal-monomeri użati, ma tidhirx li hija metodu inqas oneruż li għandu l-istess livell ta’ effettività.
118. Għaldaqstant, id-dispożizzjoni inkwistjoni, meta jitqies l-għan ta’ ugwaljanza fil-kompetizzjoni bejn il-manifatturi fil-Komunità u fl-Istati terzi, hija f’kull każ neċessarja.
d) Fuq l-adegwatezza tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni
119. Fl-aħħar nett, tqum il-kwistjoni jekk l-inkonvenjenzi kkawżati mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni fuq l-importazzjoni tal-polimeri humiex proporzjonati fir‑rigward tal-iskopijiet imfittxija.
120. Skont id-dikjarazzjoni ta’ Erbslöh u ta’ S.P.C.M., l-importaturi jinsabu quddiem diffikultajiet prattiċi kbar. Mhuwiex probabbli li l-monomeri jkunu diġà ġew irreġistrati mill-impriżi li jinsabu ’l fuq fil-katina tal-provvista li jimmanifatturaw il-monomeri jew il-polimeri. Bħala regola, tali manifatturi ma jkunux suġġetti għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni bħala produtturi Komunitarji u forsi lanqas ma jkunu interessati li jirreġistraw is-sustanzi monomeriċi permezz ta’ rappreżentant esklużiv.
121. Bil-kontra, spiss l-importaturi ma jkunux jafu liema sustanzi monomeriċi jkunu jinsabu fil-polimeri importati minnhom. Bħala regola, il-fornituri tagħhom jittrattaw din l-informazzjoni bħala sigriet kummerċjali. Ma jeżistux metodi effettivi ta’ analiżi sabiex jiġu identifikati s-sustanzi monomeriċi magħquda.
122. Il-Kummissjoni ma tikkontestax dan l-argument. Madankollu, hija ssostni ġustament li din il-problema tiġi solvuta mis-suq. Jekk il-fornituri tal-polimeri jridu jikkummerċjalizzawhom fis-suq Ewropew, dawn għandhom jagħmlu possibbli r-reġistrazzjoni tas-sustanzi monomeriċi jew inkella – filwaqt li jżommu s-sigrieti kummerċjali tagħhom – jirreġistrawhom huma stess permezz ta’ rappreżentant esklużiv. Fil-każ kuntrarju, ikollhom jirrinunzjaw għal tali suq. L‑importaturi u l-utenti eventwali tal-polimeri jistgħu eventwalment jinfluwenzaw din id-deċiżjoni permezz tal-prezzijiet li jkunu disposti li jħallsu.
123. Huwa minnu li Erbslöh tibża’ li jista’ jkun hemm kumplikazzjoni ulterjuri peress li tiddubita li r-reġistrazzjoni ta’ monomeri min-naħa ta’ manifatturi esterni effettivament teżenta lill-importatur mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni; madankollu, dawn id-dubji mhumiex konvinċenti.
124. L-istituzzjonijiet isostnu li l-fornituri ta’ polimeri mhux stabbiliti fil‑Komunità jistgħu, fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament REACH, jinnominaw rappreżentant esklużiv, li jinnotifika l-monomeri f’isem l-importatur. Erbslöh tiddubita li tali reġistrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 6(3) tista’ ssir minn attur li jinsab ’il fuq fil-katina tal-provvista, peress li r-rappreżentant esklużiv ma jkunx attur li jinsab ’il fuq fil-katina tal-provvista u l-attur stabbilit barra mill-Komunità ma jkunx obbligat jirreġistra.
125. Madankollu, il-ħatra tar-rappreżentant esklużiv tippreżupponi li r‑reġistrazzjoni tiegħu teżenta lill-operaturi li jinsabu ’l isfel fil-katina tal‑provvista mill-obbligi ta’ reġistrazzjoni. Fil-każ kuntrarju, din ma tkunx tagħmel sens. B’mod konformi ma’ dan, l-Artikolu 8 tar-Regolament REACH jistabbilixxi espressament li r-rappreżentant esklużiv għandu jwettaq l-obbligi imposti fuq l-importatur. Għaldaqstant, ir-reġistrazzjoni tiegħu jrid ikollha l-effett li tillibera lill-importatur mill-obbligi tiegħu anki fil-kuntest tal-Artikolu 6(3) tar‑Regolament REACH.
126. Wara kollox, il-fatt li wieħed juża operaturi oħra fil-katina tal-provvista jikkostitwixxi karatteristika essenzjali tar-Regolament REACH. Anki għal sustanzi kimiċi oħra, ir-reġistrazzjoni teżiġi li tinkiseb informazzjoni minn impriżi oħra. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni għandha tindirizza r-riskji li huma marbuta mal‑forom ta’ użu identifikati tas-sustanza. Informazzjoni dwar tali forom ta’ użu u riskji spiss tista’ tiġi pprovduta mix-xerrejja tas-sustanzi biss. Meta dawn ma jipparteċipawx fir-reġistrazzjoni, huma għandhom, jekk ikun il-każ, jiksbu huma stess l-informazzjoni relatata mar-riskji marbuta mal-użu tagħhom tas-sustanza (ara l-Artikoli 37 et seq tar-Regolament REACH).
127. Anki kieku r-reġistrazzjoni ta’ monomeri kienet, f’xi każijiet, prattikament impossibbli, il-“Guidance for monomers and polymers” tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (39) tindika mod sabiex il-polimeru xorta jiġi kkumerċjalizzat: it-trattament bħala sustanza ta’ kompożizzjoni mhux magħrufa jew varjabbli, magħmula minn reazzjoni kumplessa jew materjal bijoloġiku. F’dan il-każ il‑polimeru jista’, bħala eċċezzjoni, jiġi rreġistrat huwa stess bħala rimedju provviżorju (40).
128. Oġġezzjoni oħra hija bbażata fuq l-ispejjeż tar-reġistrazzjoni. Skont S.P.C.M. u Erbslöh, dawn huma manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal‑profitti, b’mod partikolari tal-impriża kkonċernata Lake, u mal-kwantitajiet tas-sustanza inkwistjoni.
129. Madankollu, dawn l-ispejjeż jirrigwardaw, bħala prinċipju, lill-utenti kollha ta’ sustanzi kimiċi. Element strutturali fundamentali tar-Regolament REACH huwa proprju li dawn l-ispejjeż jiġu assorbiti. Bħala prinċipju, għandu jiġi aċċettat li sustanza ma tibqax tirrispondi għad-domanda tas-suq minħabba l-ispejjeż tar‑reġistrazzjoni.
130. Ma’ dan għandu jingħad ukoll li, skont ir-Regolament REACH, l-ispejjeż tal-istudji meħtieġa jistgħu, almenu parzjalment, jitqassmu bejn id-diversi notifikanti tal-istess sustanza. Peress li numru limitat ta’ sustanzi monomeriċi jista’ jiġi kkombinat f’numru ferm kbir ta’ polimeri (41), wieħed jista’ jistenna li l‑istess sustanzi monomeriċi jiġu nnotifikati minn diversi manifatturi u importaturi. Permezz tal-mekkaniżmu ta’ koordinament tar-Regolament REACH, dawn jistgħu jaqsmu l-ispejjeż bejniethom.
131. B’hekk, il-piż ikkawżat mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni tas-sustanzi monomeriċi magħquda f’polimeri jikkorrispondi, fil-biċċa l-kbira, mal-piżijiet ġenerali marbuta mar-REACH. B’mod partikolari, dan huwa marbut mal-għan li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn il-manifatturi Komunitarji ta’ polimeri u l‑manifatturi li jinsabu fi Stati terzi. Din ir-rabta mhijiex manifestament żbilanċjata.
132. Għaldaqstant, ma hemm ebda ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
4. Fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali jew ta’ nondiskriminazzjoni
133. Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH jagħtix lok għal diskriminazzjoni inammissibbli. Din il-parti tat-tieni domanda preliminari hija intiża li tiġi vverifikata l-kumpatibbiltà mal‑prinċipju ta’ trattament ugwali jew ta’ nondiskriminazzjoni. Dan jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (42).
134. Differenza fit-trattament hija ġġustifikata meta din tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun marbuta ma’ skop leġittimu mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun proporzjonata mal-iskop imfittex mit-trattament inkwistjoni (43). B’hekk, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni trid tkun proporzjonata mad-differenzi u max-xebh tas-sitwazzjoni rispettiva (44).
135. Madankollu, bħal fil-każ tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, anki għall-finijiet tal-eżami tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, għandu jiġi osservat li l-leġiżlatur Komunitarju għandu setgħa ta’ evalwazzjoni u ta’ determinazzjoni kunsiderevoli (“setgħa diskrezzjonali”) (45). Madankollu, huwa marbut li jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi u xierqa fid-dawl tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, billi jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ fatti kollha kif ukoll l‑informazzjoni teknika u xjentifika disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-att inkwistjoni (46). Huwa jrid jikkunsidra bis-sħiħ, minbarra l-għan prinċipali tal‑leġiżlazzjoni inkwistjoni, anki l-interessi inkwistjoni (47).
136. Erbslöh u S.P.C.M. joġġezzjonaw li l-importaturi u l-manifatturi Komunitarji tal-polimeri huma effettivament suġġetti għall-istess obbligu, iżda dan huwa ta’ piż ferm ikbar għall-importaturi.
137. Il-manifatturi Komunitarji ta’ polimeri jistgħu jinnotifikaw is-sustanzi monomeriċi użati b’mod iktar sempliċi mill-importaturi tal-polimeri. Il‑manifatturi jafu x’inhuma l-monomeri użati u b’hekk jistgħu jirreġistrawhom.
138. L-importaturi, min-naħa l-oħra, iridu jiddependu fuq l-appoġġ taۥ fornituri esterni qabel ma jkunu jistgħu jipproċedu għar-reġistrazzjoni. Erbslöh u S.P.C.M. jibżgħu li l-fornituri ma jpoġġux għad-dispożizzjoni tal-importaturi l‑informazzjoni meħtieġa dwar is-sustanzi monomeriċi użati u lanqas ma jirreġistraw huma stess dawk is-sustanzi monomeriċi permezz ta’ rappreżentant esklużiv.
139. Madankollu, din id-dipendenza tal-importaturi hija l-konsegwenza neċessarja tan-nuqqas ta’ kompetenza Komunitarja sabiex jiġu imposti l-obbligi imperattivi fuq l-impriżi stabbiliti fi Stati terzi.
140. L-obbligu ta’ reġistrazzjoni, għalkemm huwa kkonkretizzat fil-persuna tal‑importatur, huwa indirizzat lill-fornituri tiegħu. Dawn huma fundamentalment paragunabbli mal-manifatturi Komunitarji. Barra minn hekk, il-polimeri importati mhumiex differenti, bħala prinċipju, mill-polimeri manifatturati fil-Komunità. B’hekk, sitwazzjonijiet analogi huma ttrattati bl-istess mod.
141. Fid-dawl tal-għan imsemmi iktar ’il fuq tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni, u preċiżament tal-kisba tal-ugwaljanza fil-kompetizzjoni, huwa ġġustifikat li jiġu imposti rekwiżiti analogi għal dawn is-sitwazzjonijiet analogi. Il-manifatturi tal‑Istati terzi huma liberi li jissuġġettaw ruħhom għal tali piżijiet jew li jirrinunzjaw għas-suq Komunitarju.
142. Huwa minnu li paragun bejn l-importaturi u l-manifatturi Komunitarji juri li dawn mhumiex ittrattati b’mod analogu; madankollu, dawn l-anqas ma jinsabu f’sitwazzjoni analoga. L-importaturi jitqiesu biss li huma l-uniċi rappreżentanti tal‑manifatturi esterni li jkollhom kuntatt magħhom, f’kull każ sakemm dawn ma jirrikorrux għal rappreżentant esklużiv fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament REACH. L-effett differenti fuqhom tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni jikkorrispondi għal din id-differenza fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ manifattur.
143. Għaldaqstant, ma hemm ebda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza.
V – Konklużjoni
144. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari kif ġej:
1. Il-kunċett ta’ “sustanzi monomeriċi” skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l‑awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni taۥ sustanzi kimiċi, jirreferi biss għall‑monomeri reaġiti, jiġifieri għall-monomeri li jkunu rreaġixxew bejniethom b’tali mod li ma jkunux jistgħu jinfirdu mill-polimeru li jiffurmaw parti minnu.
2. L-evalwazzjoni tat-tieni domanda ma rrilevat ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 fir‑rigward tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni.
1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 – Titolu sħiħ: Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d‑Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 u r‑Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (ĠU 2006 L 396, p. 1 et seq). L-emendi għar-Regolament li saru s’issa mhumiex rilevanti għal din il‑kawża.
3 – Ara d-dokument tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2004, Nru 13788/04, p. 5, nota ta’ qiegħ il-paġna 25.
4 – Bl-Isvediż: monomerenhet.
5 – Ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 1998, Kawża C-346/95, Blasi (Ġabra p. I-481, punt 19) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi tal-14 ta’ Ottubru 2004, fil-Kawża C‑428/02, Fonden marzoelisborg Lystbådehavn (Ġabra 2005, p. I‑1527, punt 16); min-naħa l-oħra, f’sens kuntrarju, ara l‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber tad-29 ta’ Ġunju 2000 fil-Kawża C‑446/98, Fazenda Pública (Ġabra 2000, p. I‑11435, punt 71).
6 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1981, Rewe-Handelsgesellschaft Nord u Rewe‑Markt Steffen (158/80, Ġabra p. 1805, punti 25 sa 27); tas-26 ta’ Marzu 1987, Il‑Kummissjoni vs Il-Kunsill (45/86, Ġabra p. 1493, punt 9) kif ukoll tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast (C‑390/06, Ġabra p. I-2577, punti 79 sa 86).
7 – Sentenzi tal-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix (C‑166/95 P, Ġabra p. I‑983, punt 24) kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, Ġabra p. I-4951, punt 174).
8 – Sentenzi tas-26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament (195/80, Ġabra p. 2861, punt 22); tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑351/98, Ġabra p. I‑8031, punt 84); tat‑22 ta’ Jannar 2004, Mattila vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑353/01 P, Ġabra p. I‑1073, punt 32); tad-29 ta’ April 2004, IPK-München vs Il-Kummissjoni (Kawżi Magħquda C‑199/01 P u C‑200/01 P, Ġabra p. I‑4627, punt 66) kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (Kawżi Magħquda C‑189/02 P, C‑202/02 P, minn C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 463) kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill (T‑228/02, Ġabra p. II‑4665, punt 139) kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill (Kawża T‑256/07, Ġabra p. II-3019, punt 182).
9 – Sentenza Daffix (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 23).
10 – Sentenza tat-12 ta’ Marzu 2002, Omega Air et (Kawżi Magħquda C‑27/00 u C‑122/00, Ġabra p. I‑2569, punti 46 et seq).
11 – Sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1981, Gondrand u Garancini (169/80, Ġabra p. 1931, punt 17); tat-13 ta’ Frar 1996, Van Es Douane Agenten (C‑143/93, Ġabra p. I‑431, punt 27); tal-14 ta’ April 2005, Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑110/03, Ġabra p. I‑2801, punt 30) kif ukoll tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, Ġabra p. I-403, punt 68); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi tat-3 ta’ Mejju 2007 fil-Kawża C‑299/05, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (Ġabra 2007, p. I‑8695, punt 55).
12 – Ara iktar ’il fuq, punti 43 et seq.
13 – Sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1970, Köster, Berodt & Co. (25/70, Ġabra p. 1161, punti 21 et seq); tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena et (137/85, Ġabra p. 4587, punt 15); tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et (C‑331/88, Ġabra p. I‑4023, punt 13); IATA u ELFAA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 79); tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill (C‑310/04, Ġabra p. I‑7285, punt 97) kif ukoll tas-17 ta’ Jannar 2008, Viamex Agrar Handel (Kawżi Magħquda C‑37/06 u C‑58/06, Ġabra p. I‑69, punt 33).
14 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Köster, Berodt & Co., punti 28 u 32, Fedesa et, punt 13, u Viamex Agrar Handel, punt 35, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 kif ukoll is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter (265/87, Ġabra p. 2237, punt 21) u tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C‑189/01, Ġabra p. I‑5689, punt 81).
15 – Sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1979, Denkavit (251/78, Ġabra p. 3369, punt 24) kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 1990, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑128/89, Ġabra p. I‑3239, punt 23).
16 – Sentenzi tat-13 ta’ Frar 1979, Granaria (101/78, Ġabra p. 623, punt 4); tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et (C‑137/92 P, Ġabra p. I‑2555, punt 48); tal-5 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑475/01, Ġabra p. I‑8923, punt 18) kif ukoll tat-12 ta’ Frar 2008, Centre d’exportation du livre français (C‑199/06, Ġabra p. I‑469, punt 59).
17 – Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il-Kunsill (Kawżi Magħquda T‑110/03, T‑150/03 u T‑405/03, Ġabra p. II‑1429, punt 98); ara wkoll J. Kokott, “Die Durchsetzung der Normenhierarchie im Gemeinschaftsrecht”, f’: G. Müller et: Festschrift für Günter Hirsch zum 65. Geburtstag, C. H. Beck, 2008, p. 122 et seq.
18 – Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑380/03, Ġabra p. I‑11573, punt 145). Dwar il-politika ambjentali ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1998, Safety Hi-Tech (C‑284/95, Ġabra p. I‑4301, punt 37) kif ukoll tal-15 ta’ Diċembru 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C‑86/03, Ġabra p. I‑10979, punt 88). Ara wkoll J. Kokott (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, p. 124 et seq).
19 – Sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, SAM Schiffahrt u Stapf (Kawżi Magħquda C‑248/95 u C‑249/95, Ġabra p. I‑4475, punt 24) kif ukoll Omega Air et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 64).
20 – Ara, dwar il-politika agrikola, is-sentenzi Schräder HS Kraftfutter (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 22); Fedesa et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 14); Jippes et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 82) u Viamex Agrar Handel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 36) kif ukoll, dwar l‑armonizzazzjoni tas-suq intern, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2004, Arnold André (C‑434/02, Ġabra p. I‑11825, punt 46) u Swedish Match (C‑210/03, Ġabra p. I‑11893, punt 48) kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et (Kawżi Magħquda C‑154/04 u C‑155/04, Ġabra p. I‑6451, punt 52).
21 – Sentenzi Jippes et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 83) kif ukoll Viamex Agrar Handel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 36).
22 – Sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑280/93, Ġabra p. I‑4973, punti 94 et seq); tat-12 ta’ Novembru 1996, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑84/94, Ġabra p. I‑5755, punti 58 et seq); tat-13 ta’ Mejju 1997, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑233/94, Ġabra p. I‑2405, punti 54 et seq); tat-8 ta’ Frar 2000, Emesa Sugar (C‑17/98, Ġabra p. I‑675, punti 53 et seq); tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, Ġabra p. I‑11453, punti 123, 126, 128 et seq, 132 u 139 et seq); tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et (Kawżi Magħquda C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, Ġabra p. I‑10423, punti 69 u 83) u IATA u ELFAA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il‑paġna 11, punt 87). Ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, Ġabra p. I-9895, punt 59), dwar il-verifika tal-prinċipju ta’ proporzjonalità biex jiġi ġġustifikat trattament diżugwali.
23 – Sentenza IATA u ELFAA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punti 88 et seq).
24 – Ara s-sentenza Omega Air et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 72) u l‑konklużjonijiet tiegħi tal-1 ta’ Frar 2007 fil-kawża C‑525/04 P, Spanja vs Lenzing (Ġabra 2007, p. I‑9947, punt 71).
25 – Ara fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni u l-ambjent is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval (C‑12/03 P, Ġabra p. I‑987, punt 39); tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni (C‑326/05 P, Ġabra p. I‑6557, punt 77); tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing (C‑525/04 P, Ġabra p. I‑9947, punt 57); Bertelsmann (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 145) kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2008, L-Olanda vs Il-Kummissjoni (C‑405/07 P, Ġabra p. I-8301, punt 55).
26 – Sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1998, National Farmers’ Union et (C‑157/96, Ġabra p. I‑2211, punt 63); tat-12 ta’ Jannar 2006, Agrarproduktion Staebelow (C‑504/04, Ġabra p. I‑679, punt 39) kif ukoll tad-19 ta’ Ġunju 2008, Nationale Raad van Dierenkwekers en Liefhebbers u Andibel (C‑219/07, Ġabra p. I-4475, punt 38).
27 – Il-fatt li ċerti polimeri jistgħu jkunu perikolużi mhuwiex ikkontestat. Il-Kummissjoni tirreferi għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 tal-4 ta’ Diċembru 2007 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali (ĠU L 325, p. 3), fejn diversi polimeri huma rikonoxxuti bħala bijoċidi attivi. Anki fl-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1967, rigward l-approssimazzjoni tal‑liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l‑imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi (ĠU 196, p. 1), li ddaħħal mid-Direttiva tal‑Kunsill 92/32/KEE, tat-30 ta’ April 1992, li temenda għas-seba’ darba d-Direttiva 67/548/KEE (ĠU L 154, p. 1) kif ukoll mid-Direttiva tal-Kummissjoni 93/105/KE, tal-25 ta’ Novembru 1993, li tistabbilixxi l-Anness VII D, li għandu l-informazzjoni meħtieġa għad‑dossier tekniku msemmi fl-Artikolu 12 tas-seba’ emenda tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (ĠU L 294, S. 21), jirriżulta li l-leġiżlatur, fl-imgħoddi, ikkunsidra l-polimeri bħala perikolużi biżżejjed sabiex jeħtieġu notifika.
28 – Ara iktar ’il fuq, punti 47 et seq.
29 – Perizja ta’ Gary Dougherty, anness 4 mat-talba għal deċiżjoni preliminari.
30 – Ara iktar ’il fuq, punti 47 et seq.
31 – Ara G. J. Leigh et, “Principles of Chemical Nomenclature, A Guide to IUPAC Recommendations”, Blackwell Science, 1998, p. 104 et seq Madankollu, proprju fil-każ tal-polimeri, jidher li identifikazzjoni preċiża toħloq diffikultajiet notevoli.
32 – Ara l-protokoll G/TBT/M/41 tat-12 ta’ Ġunju 2008 dwar is-seduta tal-kumitat tal-WTO dwar l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ tal-21 ta’ Marzu 2007, Nru 40.
33 – Ara f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi tat-13 ta’ Marzu 2008 fil-Kawża C‑188/07, Commune de Mesquer (Ġabra p. I-4501, punt 120).
34 – Barra minn hekk, il-konformità tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni mal-ugwaljanza fil-kompetizzjoni mhijiex kunċett estranju għar-Regolament REACH. Minkejja li għall-ħarsien tal-ambjent u tas‑saħħa hija biżżejjed reġistrazzjoni waħda, kull manifattur u kull importatur għandu jirreġistra s-sustanza.
35 – Ara pereżempju s-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1987, Nicolet Instrument (232/86, Ġabra p. 5025); tal-14 ta’ Lulju 1994, Il-Greċja vs Il-Kunsill (C‑353/92, Ġabra p. I‑3411, punt 50); Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 92) kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Il-Kunsill (C‑342/03, Ġabra p. I‑1975, punt 18).
36 – Ara b’mod partikolari l-protokolli G/TBT/M/44 tal-10 ta’ Ġunju 2008 dwar is-seduta tal-20 ta’ Marzu 2008, punti 119 et seq (L-Istati Uniti) u 140 (Il-Ġappun) kif ukoll G/TBT/M/45 tad-9 ta’ Settembru 2008 dwar is-seduta tal-1 u tat-2 ta’ Lulju 2008, punt 36 (Il-Brażil).
37 – Sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1999, Il-Portugall vs Il-Kunsill (C‑149/96, Ġabra p. I‑8395, punt 47); tal-1 ta’ Marzu 2005, Van Parys (C‑377/02, Ġabra p. I‑1465, punt 39) kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM u FIAMM Technologies vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (Kawżi Magħquda C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I-6513, punt 111).
38 – Ara s-sentenza Nicolet Instrument (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35) dwar eżenzjoni mid-dazji li tidħol fis-seħħ biss meta ma tkun ikkonċernata ebda produzzjoni Komunitarja.
39 – L-aħħar aġġornament: Mejju 2008, .
40 – Guidance, p. 9.
41 – Ara iktar ’il fuq, punt 21.
42 – Sentenzi IATA u ELFAA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 95); tat-12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger (C‑300/04, Ġabra p. I‑8055, punt 57) kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il-Kunsill (C‑227/04 P, Ġabra p. I‑6767, punt 63).
43 – Sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 47).
44 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro tat-3 ta’ April 2008 fil-Kawża C‑524/06, Huber (Ġabra p. I-9705, punt 7) u l-konklużjonijiet tiegħi tat-8 ta’ Settembru 2005 fil-Kawża C‑540/03, Il-Parlament vs Il-Kunsill (Ġabra 2006, p. I‑5769, punt 107, u l‑ġurisprudenza ċċitata).
45 – Ara iktar ’il fuq, punt 69. Ara, dwar is-setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-projbizzjoni tad‑diskriminazzjoni, is-sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Karlsson et (C‑292/97, Ġabra p. I‑2737, punti 35 u 49); Lindorfer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 78) kif ukoll Arcelor Atlantique u Lorraine et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 57).
46 – Sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 58).
47 – Sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 59).
Full & Egal Universal Law Academy