KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit-12 ta’ Marzu 2009 1(1)
Kawża C‑566/07
Staatssecretaris van Financiën
vs
Stadeco BV
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)
“Sitt Direttiva tal-VAT – Taxxa mniżżla f’fattura għal provvista ta’ servizzi mhux taxxabbli fl-Istat ta’ residenza ta’ min jipprovdi s-servizz – Rimbors tat-taxxa – Aġġustament tal-fattura”
I – Introduzzjoni
1. Il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti tal-Kassazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi) qed tagħmel żewġ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tas-Sitt Direttiva tal-VAT (2). Minn naħa, hija tistaqsi jekk persuna taxxabbli għandhiex l-obbligu li tħallas il-VAT li tissemma f’fattura, anki jekk is-servizz li huwa mniżżel fiha ma kienx fil-fatt suġġett għall-VAT fl-Istat Membru fejn hija residenti jew fejn għandha s-sede tagħha. Id-domanda l-oħra hija jekk ir-rimbors tat-taxxa jistax eventwalment jiġi suġġett għall-kundizzjoni li l-fattura żbaljata tiġi ssostitwita b’fattura kkoreġuta.
2. Dan kien intalab mill-awtorità tat-taxxa Olandiża fil-kuntest tal-kawża prinċipali. Id-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali li fuqhom hija bbażata din it-talba huma intiżi sabiex jimpedixxu li d-destinatarju tal-fattura jnaqqas it-taxxa mniżżla b’mod żbaljat ukoll fil-każ fejn min ħareġ il-fattura ma jkunx ħallas it-taxxa jew din tkun ġiet irrimborsata lilu. Madankollu f’dan il-każ ma hemmx perikolu ta’ dan, peress li min irċieva s-servizz huwa servizz pubbliku li ma kienx intitolat għat-tnaqqis tat-taxxa. Għalhekk tqum il-kwistjoni jekk l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan il-għan.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
3. L-Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva, kif emendat mill-Artikolu 28g tas-Sitt Direttiva (3), igħid hekk:
“Li ġejjin iridu jħallsu t-taxxa fuq il-valur miżjud:
1. fis-sistema interna:
[…]
c) kull pers[u]na li ssemmi t-taxxa fuq il-valur miżjud fuq fattura jew xi dokument ieħor li jservi ta’ fattura;”
B – Id-dritt nazzjonali
4. L-Artikolu 37 tal-Wet op de Omzetbelasting (liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ) tal-1968 jistabbilixxi li kull persuna li timla formula tat-taxxa fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ li – għal raġunijiet differenti minn dawk elenkati fl-istess artikolu – ma tkunx taxxabbli għaliha, għandha obbligu li tħallas din it-taxxa mill-mument meta toħroġ fattura, u għandha tħallasha skont id-dikjarazzjoni tat-taxxa
III – Il-fatti, id-domandi preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
5. Stadeco BV tikri stands għall-fieri tal-kummerċ, tarmahom u tħotthom fil-post. Bejn is-snin 1993 u 1995 hija pprovdiet dawn s-servizzi lill-Economische Voorlichtingsdienst (Servizz tal-Istampa u l-Informazzjoni għall-Affarijiet Ekonomiċi, iktar ’il quddiem l-“EVD”), awtorità tal-Ministerie van Economische Zaken (il-Ministeru tal-Ekonomija) Olandiża, fil-fieri tal-kummerċ u eżibizzjonijiet fil-Ġermanja u fi Stati terzi. Hija ħarġet fatturi għal dan il-għan lill-EVD fejn irreferiet għal ammonti deskritti bħala VAT u ħallset din it-taxxa. L-EVD użat is-servizzi pprovduti minn Stadeco esklużivament għal attivitajiet li fir-rigward tagħhom, bħala korp li huwa rregolat mid-dritt pubbliku, ma hijiex intitolata għal tnaqqis tal-VAT.
6. L-awtorità tat-taxxa informaw lil Stadeco li ma kellhiex obbligu li tħallas il-VAT fil-Pajjiżi l-Baxxi fir-rigward ta’ dawn is-servizzi, billi dawn ma ġewx ipprovduti fil-Pajjiżi l-Baxxi. Għalhekk Stadeco applikat fl-1996 għar-rimbors tat-taxxa għal ammont totali ta’ NLG 230 314 (EUR 104 512). L-awtorità tat-taxxa talbitha toħroġ nota ta’ kreditu favur EVD fir-rigward ta’ ammonti li kellhom jiġu rrimborsati u biex tibgħatilha kopja. B’deċiżjoni tas-7 ta’ Frar 1997, ir-rimbors li sar applikazzjoni għalih ingħata lil Stadeco.
7. Matul spezzjoni li seħħet fl-2000, kien ġie stabbilit li Stadeco ma kinitx ħarġet noti ta’ kreditu favur EVD u lanqas ma kienet għamlet rifużjoni. Għal din ir-raġuni, l-awtorità tat-taxxa ħarġet avviż ta’ taxxa addizzjonali, li, madankollu, Stadeco ikkontestat b’suċċess quddiem il-Gerechtshof te ’s-Gravenhage (il-Qorti Reġjonali tal-Appell ta’ Gravenhage).
8. B’digriet tat-30 ta’ Novembru 2004, il-Hoge Raad (Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), li quddiemha ġie ppreżentat l-appell kontra din id-deċiżjoni, għamlet id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
1. L-Artikolu 21(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ebda VAT ma hija dovuta fl-Istat Membru li fih hija residenti jew stabbilita l-persuna li toħroġ il-fattura, meta fl-imsemmija fattura hija tindika l-ammont ta’ VAT fuq servizz li, skont is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, huwa kkunsidrat bħala li seħħ fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?
2. Fil-każ ta’ risposta negattiva, l-Istati Membri jistgħu, fl-eventwalità li fattura fis-sens tal-Artikolu 21(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva tingħata lil destinatarju li ma għandux dritt li jnaqqas il-VAT (fil-każ fejn ma jirriżulta l-ebda riskju ta’ telf mid-dħul tat-taxxa), jissuġġettaw l-aġġustament tal-VAT, li tkun ġiet fatturata indebitament u għaldaqstant dovuta skont din id-dispożizzjoni, għall-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli tkun ħarġet lill-klijent tagħha fattura aġġustata li ma tkun tindika l-ebda VAT?
9. Fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Grieg, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Taljan u l-Gvern Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għamlu osservazzjonijiet bil-miktub u orali. Stadeco għamlet trattazzjoni orali biss waqt is-seduta.
IV – Kunsiderazzjonijiet ġuridiċi
A – Fuq l-ewwel domanda preliminari
10. Fis-sustanza, bl-ewwel domanda l-qorti tar-rinviju qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 21(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat bħala li jfisser li l-persuna li toħroġ il-fattura għandha tħallas il-VAT ta’ Stat Membru mniżżla fil-fattura f’dak l-Istat anki jekk it-tranżazzjoni ma tkunx effettivament taxxabbli hemmhekk.
11. Preliminarjament għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tapplika fil-każ bħal dak ineżami, li fih is-servizzi kienu pprovduti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.
12. L-Artikolu 21(1) jiddetermina liema persuni għandhom iħallsu l-VAT taħt is-sistema interna. Għalhekk id-dispożizzjoni tkopri mhux biss tranżazzjonijiet ġewwa Stat, kif donnu tissuġġerixxi l-verżjoni lingwistika Olandiża (binnenlands verkeer (4). Mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħrajn pjuttost jidher li d-dispożizzjoni tirreferi għal tranżazzjonijiet imwettqa ġewwa l-Komunità (5). Dan jirriżulta wkoll mill-kuntest loġiku-sistematiku. Tranżazzjonijiet taħt is-sistema interna skont il-paragrafu 1 u d-dispożizzjonijiet partikolari fis-sens tal-paragrafi 2 u 3 jikkuntrastaw mal-importazzjonijiet fil-Komunità rregolati mill-paragrafu 4. Barra minn hekk, ir-referenza ambigwa għas-sistema interna ma tissemmiex iktar fil-verżjoni l-ġdida fl-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112/KE (6).
13. Minbarra dan, fis-sentenza Reemtsma (7), quddiem każ simili, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 21(1)(ċ) kien japplika. Anki dan il-każ kien jikkonċerna r-responsabbiltà ta’ persuna li kienet ħarġet fattura għat-taxxa mniżżla, iżda fejn din it-taxxa kienet fil-fatt dovuta mingħand min irċieva s-servizz fi Stat Membru ieħor. Fl-aħħar nett, din id-dispożizzjoni ma setgħetx tiġi applikata, peress li l-aġġustament tat-taxxa ma ntalabx minn min ħareġ il-fattura, iżda mid-destinatarju tagħha.
14. Madankollu, l-Artikolu 21(1)(ċ) jistabbilixxi responsabbiltà għall-ħlas tat-taxxa biss fir-rigward tal-Istat li fih il-VAT titniżżel fil-fattura. Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni espliċita, għandu jiġi aċċertat permezz tal-interpretazzjoni tal-fattura liema hija l-VAT inkwistjoni. Ir-rata ta’ taxxa, il-valuta tal-ammont fatturat, is-sede ta’ min ħariġha u min irċieva s-servizz u l-post fejn ġie pprovdut is-servizz, jekk dan il-post jirriżulta b’mod ċar mill-fattura, jistgħu jkunu indikazzjonijiet qawwija. Din l-interpretazzjoni restrittiva hija intiża li teskludi li, abbażi tal-istess fattura, ikun hemm il-possibbiltà li diversi Stati Membri jallegaw li għandhom id-dritt li jiġbru t-taxxa.
15. Skont l-Artikolu 21(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva, persuna ssir responsabbli għall-ħlas tal-VAT għas-sempliċi fatt li tniżżel l-imsemmija taxxa f’fattura (8).
16. Ma huwiex ċert jekk tali ċirkustanza formali fil-fatt hijiex biżżejjed sabiex tkun tista’ tiġi imposta t-taxxa jew jekk għandux ikun hemm, fl-istess ħin, tranżazzjoni taxxabbli għall-finijiet tal-Artikoli 5 sa 7 jew l-Artikolu 28a tas-Sitt Direttiva fl-Istat fejn il-VAT tniżżlet fil-fattura. F’dan l-aħħar każ, ir-rimbors jista’ jintalab ukoll mingħajr aġġustament minn qabel tal-fattura, jekk it-tranżazzjoni inkwistjoni ma tkunx taxxabbli fl-Istat inkwistjoni.
17. Madankollu, it-tifsira u l-għan tal-Artikolu 21(1)(ċ) jidhru li jeskludu li r-responsabbiltà ghall-ħlas tat-taxxa skont din id-dispożizzjoni għandha tiddependi minn kundizzjonijiet ulterjuri li, it-taxxa msemmija għandha tkun ibbażata wkoll fuq tranżazzjoni taxxabbli fl-Istat inkwistjoni.
18. Id-dispożizzjoni għandha l-għan li teskludi r-riskju ta’ kull telf fid-dħul tat-taxxa permezz tal-użu tal-fattura sabiex titnaqqas il-VAT (9). Fil-fatt, meta titniżżel il-VAT fil-fattura, min joħroġha juri li tkun saret tranżazzjoni taxxabbli u li ħallas il-VAT jew, tal-anqas, li għandu l-intenzjoni li jħallasha. Skont l-Artikolu 21(1)(ċ) il-persuna li toħroġ il-fattura għandha tkun responsabbli wkoll li tħallas it-taxxa: dan għaliex, skont l-Artikolu 18(1)(b), sabiex ikun jista’ jeżerċita d-dritt tat-tnaqqis tat-taxxa, huwa biżżejjed li l-persuna taxxabbli destinatarja jkollha pussess ta’ fattura li turi l-VAT konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 23(3) tad-direttiva. L-Artikolu 21(1)(ċ) jiżgura li ebda VAT ma titnaqqas mingħajr ma tkun ġiet fil-fatt imħallsa.
19. Huwa veru li, fis-sentenza Genius Holding (10), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, fi kwalunkwe każ, ma jeżisti ebda dritt għal tnaqqis mit-taxxa jekk it-taxxa mniżżla fil-fattura ma tikkorrispondix mal-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi. Madankollu, mhux dejjem ikun hemm il-garanzija li l-awtorità tat-taxxa ssir taf b’dik iċ-ċirkustanza. Barra minn hekk, it-tnaqqis tat-taxxa jista’ jkun ingħata diġà qabel ma jsir magħruf li l-provvista ta’ servizzi fatturati ma kinitx taxxabbli, jew li ma kinitx taxxabbli fl-ammont imsemmi. Għalhekk il-persuna li toħroġ il-fattura għandha tħallas it-taxxa mniżżla fiha, sa fejn il-fattura ma tkunx ġiet aġġustata u r-riskju tat-telf tad-dħul mit-taxxa ma jkunx ġie eliminat (11).
20. Ir-responsabbiltà għall-ħlas tat-taxxa msemmija fl-Artikolu 21(1)(ċ) ma huwiex eskluż biss għaliex id-destinatarju tal-fattura ma għandux dritt għat-tnaqqis tat-taxxa. Kif sostna tajjeb il-Gvern Ġermaniż, ma huwiex evidenti mill-fattura biss jekk id-destinatarju għandux dritt jew le għat-tnaqqis mit-taxxa.
21. Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 21(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li toħroġ fattura għandha l-obbligu li tħallas il-VAT ta’ Stat Membru msemmi fl-istess fattura, anki jekk, f’dan l-Istat Membru, it-tranżazzjoni ma kinitx, fir-realtà, taxxabbli.
B – Fuq it-tieni domanda preliminari
22. Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rimbors tat-taxxa msemmija bi żball f’fattura jistax ikun suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli tibdel din il-fattura b’waħda kkoreġuta.
23. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-Sitt Direttiva ma tipprovdix dispożizzjoni dwar l-aġġustament ta’ fattura li fiha titniżżel bi żball il-VAT ta’ Stat Membru minkejja li t-tranżazzjoni mwettqa ma kinitx, fir-realtà, taxxabbli f’dan l-Istat. Konsegwentement, huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw in-newtralità tal-VAT billi jipprovdu fis-sistemi legali interni tagħhom il-possibbiltà għal aġġustament tat-taxxa indebitament fatturata (12).
24. F’dan il-kuntest, fis-sentenza Schmeink & Cofreth u Strobel (13), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li f’dak ir-rigward il-miżuri li l-Istati Membri jistgħu jadottaw taħt l-Artikolu 22(8) tas-Sitt Direttiva biex jiġi żgurat il-ġbir korrett tat-taxxa u biex jiġi evitat il-frodi, ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Għaldaqstant, dawn il-miżuri ma jistgħux jintużaw b’mod li jqiegħdu f’dubju n-newtralità tal-VAT, peress li dan jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT. Meta l-persuna li tkun ħarġet il-fattura tkun neħħiet fil-ħin u għal kollox, ir-riskju ta’ telf ta’ dħul mit-taxxa, ma jkunx meħtieġ li turi l-bona fide tagħha bil-għan li jiġi żgurat il-ġbir tal-VAT u sabiex jiġi evitat il-frodi (14).
25. Dik id-dikjarazzjoni tista’ tinftiehem li tfisser li, fil-każ bħal dak ineżami, fejn ma hemmx riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali, id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jistgħux jistabbilixxu kundizzjonijiet ulterjuri għar-rimbors tat-taxxa. Fil-każ ineżami, billi EVD, li rċiviet il-fattura, ma hijiex intitolata għal tnaqqis mit-taxxa tal-imsemmija VAT Olandiża bi żball imniżżla fil-fattura, ma hemmx riskju ta’ telf ta’ dħul tat-taxxa għall-Pajjiżi l-Baxxi.
26. Madankollu, ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja xtaqet tiffissa limiti daqstant ristretti fuq l-Istati Membri. Għall-kuntrarju, il-leġiżlatur nazzjonali għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward ta’ teħid ta’ dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-aġġustament u r-rimbors tat-taxxa msemmija bi żball f’fattura, dejjem fid-dawl tal-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Madankollu għandha tosserva l-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività (15) u l-prinċipji ġenerali tad-dritt, partikolarment il-prinċipju ta’ proporzjonalità (16).
27. F’dan il-kuntest, regola ta’ dritt nazzjonali li tistabbilixxi b’mod ġenerali s-sostituzzjoni ta’ fattura żbaljata b’waħda kkoreġuta ma tidhirx li hija sproporzjonata. Dik il-kundizzjoni hija, bħala regola, mezz xieraq sabiex jiġi evitat tnaqqis mhux dovut mit-taxxa bbażat fuq l-ewwel fattura. Isservi l-iskop ta’ simplifikazzjoni amministrattiva jekk l-awtoritajiet tat-taxxa ma jkunux meħtieġa jeżaminaw f’kull każ individwali u jivverifikaw jekk, eventwalment, min jirċievi l-fattura għandux dritt għal tnaqqis fiskali, b’mod li ma jeżisti ebda riskju ta’ telf ta’ dħul mit-taxxa.
28. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll f’dan il-kuntest li l-persuna taxxabbli, meta toħroġ il-fattura żbaljata, tkun ħolqot il-bżonn tal-proċedura ta’ rimbors u li t-tibdil tal-fattura normalment ma jagħmilx l-eżerċizzju tad-dritt tar-rimbors eċċessivament diffiċli. L-iktar, imur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità li jiġi rrifjutat ir-rimbors fejn ma tkunx inbidlet il-fattura, jekk fil-każ individwali s-sostituzzjoni tal-fattura ma tkunx possibbli, pereżempju, minħabba li l-fattura tkun intilfet u għalhekk tiġi eskluża l-possibbiltà li tintuża għall-eżerċizzju tad-dritt li titnaqqas il-VAT.
29. Dan ma jmurx kontra d-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Collée (17), fejn qalet li “miżura nazzjonali li tissuġġetta, fl-essenzjal, id-dritt għal eżenzjoni ta’ provvista intrakomunitarja għall-ħarsien ta’ obbligi formali, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti essenzjali u b’mod partikolari, mingħajr ma tistaqsi jekk dawn ġewx sodisfatti, tmur lil hinn minn dak meħtieġ għal ġbir tajjeb tat-taxxa”. B’kuntrast mar-regoli fuq it-tassazzjoni ta’ xiri intrakomunitarju u fuq l-eżenzjoni ta’ provvisti intrakomunitarji, ir-responsabbiltà għall-ħlas tat-taxxa ma tiddipendix fuq kemm tranżazzjoni hija effettivament suġġetta għat-taxxa, iżda hija marbuta biss mal-kriterju formali li titniżżel f’fattura, skont l-Artikolu 21(1)(ċ).
30. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix li sistema legali nazzjonali tirrifjuta r-rifużjoni ta’ taxxi inġustament miġbura fil-każ li tali rifużjoni twassal għall-arrikkiment indebitu tal-persuna intitolata (18). Isegwi li rimbors jista’ jkun suġġett għall-kundizzjoni li tostakola arrikkiment indebitu tal-persuna li tkun ħarġet il-fattura.
31. Jekk kien hemm imniżżel ammont tal-VAT imsemmi oriġinarjament fil-fattura li ma kienx fil-fatt pagabbli jew mhux pagabbli fl-ammont speċifikat, id-destinatarju tal-fattura għandu – bla ħsara għal arranġamenti kuntrattwali speċifiċi (19) – d-dritt għar-rifużjoni tal-arrikkiment indebitu tal-ammonti mħallsa b’mod żbaljat, ħlief fil-każ ta’ ftehim kuntrattwali speċifiċi. Meta r-rimbors tat-taxxa lil min ħareġ il-fattura jkun suġġett għall-kundizzjoni li min ħariġha jibdel jew b’xi mod jikkoreġi l-fattura, ir-regoli nazzjonali jiżguraw li min jirċeviha jingħata l-informazzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rifużjoni.
32. F’dan il-każ, ma hemmx bżonn li jiġi eżaminat jekk l-Istati Membri jistgħux jinsistu wkoll li l-persuna li toħroġ il-fattura fil-fatt tkun għamlet ir-rifużjoni tal-VAT imħallsa indebitament lill-kontroparti kuntrattwali tagħha. Jidher li dan huwa meħtieġ mill-awtoritajiet fiskali Olandiżi, skont l-istess Gvern, iżda l-qorti tar-rinviju ma għamlitx domanda dwar l-ammissibbiltà ta’ kundizzjoni oħra bħal din (20).
33. Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat ukoll li lanqas id-dritt Komunitarju ma fih dispożizzjonijiet speċifiċi għall-aġġustament tat-taxxa fil-każ li l-provvista ta’ servizzi ma tkunx taxxabbli fl-Istat li l-VAT tiegħu tissemma fil-fattura iżda li hija taxxabbli fi Stati Membri oħra jew fi Stat terz.
34. Is-Sitt Direttiva, b’mod partikolari, ma tobbligax l-ewwel Stat Membru li jiżgura r-rimbors tat-taxxa bil-kundizzjoni biss li l-fattura mibdula ssemmi t-taxxa tal-Istat Membru l-ieħor, kif argumenta l-Gvern Taljan: peress li għal dan l-iskop, l-ewwel Stat Membru għandu bilfors jevalwa jekk min ħareġ il-fattura għandux iħallas it-taxxa fi Stat Membru ieħor u f’liema ammont. Madankollu din l-evalwazzjoni ma hijiex possibbli awtomatikament għall-Istat li l-VAT tiegħu irid jiġi rrimborsat. Pereżempju, fl-Istat l-ieħor jista’ jkun min irċieva s-servizz u mhux min ipprovdih li jkun responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, skont l-Artikolu 21(1)(b). Barra minn hekk, tista’ tapplika eżenzjoni mhux armonizzata jew rata mnaqqsa.
35. Irrispettivament minn dan, il-persuna li toħroġ il-fattura għandha l-obbligu li tniżżel fil-fattura aġġustata t-taxxa eventwalment dovuta fl-Istat Membru li fih il-provvista ta’ servizzi hija effettivament taxxabbli, skont l-Artikolu 22(3) tas-Sitt Direttiva flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti fl-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-istess Stat Membru.
36. Għal dawn ir-raġunijiet, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari hija għalhekk li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jissuġġettaw l-aġġustament tal-VAT, li tkun ġiet fatturata b’mod żbaljat u għaldaqstant dovuta taħt l-Artikolu 21(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva, għall-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli sussegwentement toħroġ fattura kkoreġuta fir-rigward tad-destinatarju tat-tranżazzjoni. Dan japplika wkoll meta d-destinatarju tal-fattura ma jkollux dritt għat-tnaqqis mit-taxxa.
V – Konklużjoni
37. Bħala konklużjoni nipproponi li r-risposti għad-domandi preliminari għandhom ikunu kif ġej:
1) L-Artikolu 21(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE, kif emendata bid-Direttiva 91/680/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li toħroġ fattura għandha l-obbligu li tħallas il-VAT ta’ Stat Membru msemmi fl-istess fattura, anki jekk, f’dan l-Istat Membru, it-tranżazzjoni ma kinitx, fir-realtà, taxxabbli.
2) Id-dritt Komunitarju ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jissuġġettaw l-aġġustament tal-VAT, li tkun ġiet fatturata indebitament u għaldaqstant dovuta taħt l-Artikolu 21(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva, għall-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli sussegwentement toħroġ fattura kkoreġuta fir-rigward tad-destinatarju tat-tranżazzjoni. Dan japplika wkoll meta d-destinatarju tal-fattura ma jkollux dritt għat-tnaqqis mit-taxxa.
11 – Lingwa oriġinali : il-Ġermaniż.
2 – Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) mibdula, mill-1 ta’ Jannar 2007, mid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).
3 – Kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE, tas-16 ta’ Diċembru 1991 li tissuplimenta s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u temenda d-Direttiva 77/388/KEE bil-ħsieb li tneħħi l-fruntieri fiskali (ĠU L 376, p. 1). Permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/65/KE, tas-17 ta’ Ottubru 2000 li temenda d-Direttiva 7/388/KEE dwar kif tiġi stabbilita l-persuna suġġetta li tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 338) – li għadha ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-fatti fil-kawża prinċipali – is-subparagrafu ċ) sar is-subparagrafu d) mingħajr emenda fil-kontenut tiegħu. Ir-regola korrispondenti issa tinsab fl-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112.
4 – Ara f’dan ir-rigward il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 5.2. sa 5.8. tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali W. de Wit tad-29 ta’ Ġunju 2007, parti integrali mid-digriet tar-rinviju tal-Hoge Raad.
5 – Ara, inter alia, FR: régime interne; IT regime interno; EN: internal system; ES: régimen interior.
6 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.
7 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken (C‑35/05, Ġabra 2007 p. I‑2425).
8 – Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1989, Genius Holding, (C‑342/87, Ġabra p. 4227, punt 19); tad-19 ta’ Settembre 2000, Schmeink & Cofreth u Strobel (C‑454/98, Ġabra p. I‑6973, punt 53); tas-6 ta’ Novembre 2003, Karageorgou et (Kawżi maqgħuda C‑78/02 sa C‑80/92, Ġabra p. I‑13295, punt 50); u Reemtsma Cigarettenfabriken, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 23.
9 – Ara, f’dan is-sens, il-proposta tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 1973 għas-Sitt Direttiva tal-Kunsill fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (Bullettin tal-Komunitajiet Ewropej, Suppliment 11/73, p. 22).
10 – Sentenza Genius Holding, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 15.
11 – F’dan ir-rigward, ara b’mod partikolari, il-kunsiderazzjonijiet dwar it-tieni domanda preliminari.
12 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Genius Holding, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 18; is-sentenza Schmeink & Cofreth u Strobel, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 48, 49 u 56; u s-sentenza Karageorgou et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 49 u 50.
13 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 59; hija tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 2000, Gabalfrisa et (C‑110/98 sa C‑147/98, Ġabra 2000 p. I‑1577, punt 52). Ara wkoll is-sentenza tas-27 ta’ Settembre 2007, Collée (C‑146/05, Ġabra 2007 p. I‑7861, punt 26).
14 – Sentenza Schmeink & Cofreth u Strobel, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 60; u s-sentenza Karageorgou et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 50.
15 – Ara, inter alia, is-sentenza Reemtsma Cigarettenfabriken, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk.
16 – Fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ propozjonalità għall-miżuri nazzjonali għall-finijiet tal-implementazzjoni u ż-żieda mas-Sitt Direttiva tal-VAT, ara, inter alia, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 1997, Molenheide et (Kawżi magħquda C‑286/94, C‑340/95, C‑401/95 u C‑47/96, Ġabra 1997 p. I‑7281, punt 48), u tal-10 ta’ Lulju 2008, Sosnowska (C‑25/07, Ġabra p. I-5129, punt 23).
17 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 29.
18 – Sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1988, Il-Kummissjoni vs L-Italja (184/86, Ġabra p. 1799, punt 6), tad-9 ta’ Frar 1999, Dilexport (C‑343/96, Ġabra p. I‑579, punt 47), kif ukoll tal-10 ta’ April 2008, Marks & Spencer (C‑309/06, Ġabra p. I-2283, punt 41).
19 – Fis-sentenza Reemtsma Cigarettenfabriken iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 39, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet espressament li n-newtralità tal-VAT tista’ tiġi ggarantita permezz tal-azzjoni ċivili għall-ħlas lura tas-somma rċevuta indebitament.
20 – Waqt it-trattazzjoni orali, ir-rappreżentant tal-Gvern Olandiż ammetta, wara mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja, li din il-kundizzjoni ma kinitx espressament prevista fid-dritt nazzjonali fil-perijodu ta’ żmien rilevanti għall-każ ineżami.
Full & Egal Universal Law Academy