SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
9 ta’ Ottubru 2008
Kawża C-16/07 P
Marguerite Chetcuti
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Appell – Servizz pubbliku – Kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni – Rifjut ta’ kandidatura – Kundizzjonijiet għall-ammissjoni”
Suġġett: Appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta’ Novembru 2006, Chetcuti vs Il-Kummissjoni (T‑357/04, li għandha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.
Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud.
Sommarju
1. Uffiċjali – Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra – Membru tal-persunal temporanju – Membru tal-persunal awżiljarju – Kriterju ta’ distinzjoni
(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 2 u 3)
2. Uffiċjali – Reklutaġġ – Kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni – Parteċipazzjoni estiża għall-membri tal-persunal awżiljarju – Obbligu – Assenza
1. Mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jirriżulta li jeżistu differenzi bejn l-istatus amministrattiv, ir-rekwiżiti ta’ reklutaġġ u l-kundizzjonijiet ta’ ingaġġ tal-membri tal-persunal awżiljarju u dawk tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju. Minn dawn id-differenzi jirriżulta li l-membri tal-persunal awżiljarju mhumiex reklutati sabiex jeżegwixxu kompitu permanenti fi ħdan l-istituzzjonijiet Komunitarji. Bil-kontra, l-element distintiv ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju jinsab fil-prekarjetà tal-ingaġġ tiegħu f’termini ta’ żmien, peress li dan il-kuntratt jista’ jintuża biss sabiex jiżgura sostituzzjoni temporanja jew sabiex ikunu jistgħu jitwettqu kompiti amministrattivi li jkunu għal żmien temporanju jew li jkunu jindirizzaw neċessità urġenti jew li ma jkunux iddefiniti b’mod preċiż. Il-membri tal-persunal awżiljarju jikkostitwixxu, minħabba f’hekk, kategorija distinta ta’ membri tal-persunal li tissodisfa bżonnijiet distinti tal-istituzzjonijiet li jimpjegawhom.
2. B’mod konformi mal-istruttura u mal-għan tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, għalkemm l-Awtorità tal-Ħatra għandha s-setgħa li tippermetti l-parteċipazzjoni tal-membri tal-persunal awżiljarju għal kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni, madankollu hija mhijiex marbuta li tiftaħ kull kompetizzjoni interna għall-persuni kollha li jinsabu fis-servizz tagħha. Tali obbligu jippreġudika s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija mogħtija lill-istituzzjonijiet Komunitarji fl-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom u, b’mod partikolari, fl-istabbiliment, fl-interess tas-servizz, tal-metodi u tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy