SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
17 ta’ Lulju 2008
Kawża C-71/07 P
Franco Campoli
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Appell – Uffiċjali – Remunerazzjoni – Pensjoni – Applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni kkalkolat skont l-għoli tal-ħajja medju fil-pajjiż ta’ residenza – Sistema tranżitorja stabbilita bir-Regolament li jemenda r-Regolamenti tal‑Persunal – Eċċezzjoni ta’ illegalità”
Suġġett: Appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tad-29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il-Kummissjoni (T‑135/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra) intiż għall-annullament ta’ din is‑sentenza. Appell inċidentali mressaq mill-Kummissjoni.
Deċiżjoni: Appell prinċipali u appell inċidentali miċħuda.
Sommarju
1. Appell – Appell inċidentali – Suġġett – Dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tal-appell prinċipali – Inammissibbiltà
(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 u Artikolu 61)
2. Uffiċjali – Pensjonijiet – Koeffiċjent ta’ korrezzjoni
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 82(1) u (3); Anness XIII, Artikoli 20(1) u 24(2); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)
3. Uffiċjali – Pensjonijiet – Koeffiċjent ta’ korrezzjoni
(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 83(1); Anness XIII, Artikolu 20; Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)
1. Mill-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull appell għandu jkun intiż għall-anullament totali jew parzjali ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fejn, fil-każ ta’ annullament, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċidiha.
Għalhekk huwa inammissibbli appell inċidentali li mhuwiex intiż sabiex jikseb l-annullament tas-sentenza appellata iżda sabiex tinkiseb dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tal-appell prinċipali mressaq mill‑appellant.
2. Koeffiċjent ta’ korrezzjoni wieħed għal kull pajjiż applikat għall‑pensjonijiet ta’ uffiċjali jista’ jikkostitwixxi indikatur adatt sabiex jirrifletti, b’mod li huwa neċessarjament approssimattiv, l-għoli tal-ħajja fi Stat Membru.
Fid-dawl tan-natura neċessarjament approssimattiva ta’ koeffiċjent ta’ korrrezzjoni wieħed għal kull pajjiż, l-għan li tiġi ggarantita ċerta ekwivalenza fil-kapaċità ta’ xiri bejn l-ex uffiċjali li joqogħdu fid-diversi Stati Membri għandu, fil-fatt, jitqies bħala li ġie osservat sa fejn dan il‑koeffiċjent ta’ korrezzjoni wieħed huwa ffissat skont kriterji li jiggarantixxu r-rappreżentattività tagħhom. Issa, il-mekkaniżmu ta’ kalkolu ta’ dawn il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni skont ir-relazzjoni bejn l-għoli tal-ħajja fl-Istat Membru ta’ residenza u dak fil-Belġju (“metodu pajjiż”) jirrifletti l-għoli tal-ħajja ġo Stat b’mod b’minn tal-inqas rappreżentattiv daqs il-kakolu ta’ dawn il-koeffiċjenti skont ir-relazzjoni bejn l-għoli tal-ħajja fil-belt kapitali tal-pajjiż ta’ residenza u dak fi Brussell (“metodu belt kapitali”).
Peress li l-“metodu pajjiż” jikkostitwixxi, għalhekk, metodu ta’ kalkolu adatt sabiex jassigura, sa fejn huwa possibbli, l-ekwivalenza tal-kapaċità ta’ xiri bejn il-pensjonanti, il-leġiżlatur Komunitarju ma kisirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r‑Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra, issostitwixxa l-“metodu belt kapitali” bil-“metodu pajjiż” għall‑għanijiet tal-iffissar tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni fil-kuntest tas‑sistema tranżitorja tal-pensjonijiet.
3. Id-deċiżjoni tal-leġiżlatur Komunitarju li jirriforma s-sistema tal‑pensjonijiet billi jneħħi l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni għad-drittijiet tal‑pensjoni miksuba b’effett mill-1 ta’ Mejju 2004, stabbilit bir-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra, mhijiex inkompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Għalkemm huwa veru li s-sistema antika ta’ pensjonijiet, ibbażata fuq sistema ta’ koeffiċjenti ta’ korrezzjoni u, għalhekk, fuq ċertu kumpens tal-kapaċità ta’ xiri skont l-Istat Membru ta’ residenza tal‑pensjonant, kienet tikkostitwixxi metodu adatt sabiex jiġi implementat dan il-prinċipju, minn dan ma jistax jiġi dedott li kull sistema oħra hija inkompatibbli ma’ dan l-istess prinċipju.
Fil-fatt, sistema ta’ pensjonijiet li hija intiża għall-ekwivalenza tal-kapiċità ta’ xiri hija biss waħda mill-metodi possibbli sabiex jiġi żgurat il‑prinċipju ta’ trattament ugwali. Dan il-prinċipju huwa rrispettat ukoll minn sistema fejn il-pensjonanti jirċievu, għal kontribuzzjoni ekwivalenti, pensjoni nominali ugwali.
L-introduzzjoni, fil-kuntest tas-sistema tranżitorja, ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni minimu ta’ 100 % sempliċement tantiċipa, għal parti mill‑pensjonanti, it-tneħħija tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni prevista mis‑sistema definittiva.
Peress li s-sistema ta’ pensjonijiet definittiva li tirriżulta mir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, sa fejn m’għadx għandha l-għan li tiggarantixxi ċerta ekwivalenza tal-kapaċità ta’ xiri bejn il-pensjonanti indipendentement mill‑post ta’ residenza tagħhom, hija għalhekk kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali, is-sistema tranżitorja, li sempliċement tantiċipa l‑prinċipju ta’ pensjoni għal ammont “wieħed” għall-benefiċċju tal‑pensjonanti li għalihom huwa favorevoli dan il-prinċipju, ma tistax tikkostitwixxi diskriminazzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy