Kawża C-78/07
Ispettorato Provinciale dell’Agricoltura di Enna et
vs
Domenico Valvo
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Giustizia amministrativa per la Regione siciliana)
“Agrikoltura ? Regolamenti (KEE) Nru 2328/91 u (KE) Nru 950/97 ? Artikoli 17 u 18 ? Kumpens għal żvantaġġi naturali permanenti ? Bdiewa li għandhom pensjoni tas-servizz ? Dritt għal kumpens ? Limiti”
Sommarju tas-sentenza
Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Riforma ta’ l-istrutturi – Titjib fl-effiċjenza ta’ l-istrutturi
(Regolament tal-Kunsill Nru 950/97, Artikoli 17 u 18)
L-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 950/97, dwar it-titjib fl-effiċjenza ta’ l-istrutturi agrikoli, jikkonferixxu fuq l-Istati Membri l-possibbiltà li jagħtu kumpens lill-operaturi agrikoli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet elenkati f’dawn iż-żewġ artikoli. Madankollu, dawn ma jipprekludux lil Stat Membru milli jiċħad li jagħti tali kumpens fil-każ fejn l-operatur jirċievi pensjoni u, b’mod partikolari, pensjoni tas-servizz.
(ara l-punt 23 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
13 ta’ Marzu 2008 (*)
“Agrikoltura – Regolamenti (KEE) Nru 2328/91 u (KE) Nru 950/97 – Artikoli 17 u 18 – Kumpens għal żvantaġġi naturali permanenti – Bdiewa li għandhom pensjoni tas-servizz – Dritt għal kumpens – Limiti”
Fil-kawża C‑78/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari, skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Consiglio di Giustizia amministrativa per la Regione siciliana (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Frar 2007, fil-proċedura
Ispettorato Provinciale dell’Agricoltura di Enna,
Assessorato all’agricoltura e foreste della Regione Sicilia,
Regione Sicilia
vs
Domenico Valvo,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn U. Lõhmus, President ta’ l-Awla, P. Lindh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Aiello, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. Cattabriga, bħala aġent,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminarti tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 950/97, ta’ l-20 ta’ Mejju 1997, dwar it-titjib fl-effiċjenza ta’ l-istrutturi agrikoli (ĠU L 142, p.1).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn D. Valvo u l-Ispettorato Provinciale dell’Agricoltura di Enna (servizz ta’ spezzjoni ta’ l-agrikoltura tal-provinċja ta’ Enna), l-Assessorato all’agricoltura e foreste della Regione Sicilia (Ministeru Reġjonali ta’ l-Agrikoltura u tal-Foresterija tar-Reġjun ta’ Sqallija) u kif ukoll ir-Regione Sicilia dwar iċ-ċaħda mill-imsemmi servizz ta’ spezzjoni tat-talbiet tiegħu sabiex jikkwalifika għal kumpens għas-snin 1996 sa 1998.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Matul is-snin 1996 sa 1998, il-ħlas ta’ kumpens fir-reġjuni agrikoli żvantaġġati kien irregolat, inizjalment, mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2328/91, tal-15 ta’ Lulju 1991, dwar it-titjib fl-effiċjenza ta’ l-istrutturi agrikoli (ĠU L 218, p.1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3669/93, tat-22 ta’ Diċembru 1993, (ĠU L 338, p. 26, iktar’il quddiem ir-“Regolament Nru 2328/91”), u mbagħad, sussegwentement, mir-Regolament Nru 950/97, li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 2328/91.
4 L-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 950/97, li jidhru taħt it-Titolu IX tiegħu, “Għajnuna għall-benefiċċju taż-żoni agrikoli żvantaġġati”, u taħt is-sub-Titolu I, “Kumpens”, jirriproduċu essenzjalment id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 2328/91. L-imsemmija artikoli jipprovdu:
“Artikolu 17
1. Sabiex jiġi assigurat l-eżerċizzju ta’ l-attività agrikola u, għaldaqstant, iż-żamma ta’ livell minimu ta’ popolazzjoni jew iż-żamma ta’ spazji naturali f’ċerti żoni żvantaġġati, li l-lista tagħhom hija ddeterminata skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 21, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sistema ta’ għajnuna intiża sabiex tiffavorixxi l-attivitajiet agrikoli u ttejjeb id-dħul tal-bdiewa f’dawn iż-żoni.
L-applikazzjoni tal-miżuri previsti minn din is-sistema għandha tieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni u l-għanijiet ta’ żvilupp partikolari għal kull reġjun.
2. Fiż-żoni previsti fl-ewwel paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jagħtu kumpens annwali għall-benefiċċju ta’ l-attivitajiet agrikoli, li huwa ddeterminat skond l-iżvantaġġi naturali permanenti.
Artikolu 18
1. L-Istati Membri jistgħu jagħtu kumpens lil operatur agrikolu li jaħdem mill-inqas tliet ettari ta’ raba’ li jista’ jinħadem u li jintrabat li jeżerċita attività agrikola skond l-għanijiet ta’ l-Artikolu 17 għal mill-inqas ħames snin wara l-ewwel ħlas tal-kumpens. L-operatur jista’ jinħeles minn dan l-obbligu meta jtemm l-attività agrikola jekk ikun assigurat it-tħaddim kontinwu tar-raba’ kkonċernat; huwa jinħeles ukoll minn dan l-obbligu fil-każ ta’ forza maġġuri, u b’mod partikolari fil-każ ta’ esproprjazzjoni jew akkwist minħabba użu pubbliku; dan jgħodd ukoll meta jingħata pensjoni taħt is-sistema ta’ rtirar jew ta’ rtirar kmieni.
Madankollu, fir-reġjun Taljan ta’ Mezzogiorno, inklużi l-gżejjer, fir-reġjuni Franċiżi tad-dipartimenti extra Ewropej u fir-reġjuni Spanjoli, Griegi u Portugiżi, iż-żona minima ta’ raba’ li jista’ jinħadem hija ta’ żewġ ettari.
2. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu kundizzjonijiet addizzjonali jew limittativi għall-għoti tal-kumpens, inklużi kundizzjonijiet li jiffavorixxu prattiċi kompatibbli ma’ l-eżiġenzi tal-protezzjoni ta’ l-ambjent u taż-żamma ta’ l-ispazju naturali.
Artikolu 19
[…]
3. L-ispejjeż relattivi għall-kumpens ma jagħtu lok għal ebda kofinanzjament mill-Fond [Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija] meta l-operatur jirċievi pensjoni taħt is-sistema ta’ rtirar jew ta’ rtirar kmieni.
Huwa pprojbit l-għoti ta’ kumpens li jaqbeż il-limiti jew li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti f’dan it-titolu.
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 Id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-kumpens ġew trasposti fil-liġi applikabbli fir-Reġjun ta’ Sqallija permezz tal-programm operattiv ffinanzjat minn diversi sorsi (POP 2) (Ġurnal Uffiċjali tar-Reġjun ta’ Sqallija tat-13 ta’ Jannar 1996, iktar il-quddiem il-“programm operattiv”).
6 Il-benefiċċjarji ta’ l-imsemmi kumpens huma ddefiniti fil-programm operattiv bħala operaturi agrikoli li jaħdmu mill-inqas żewġ ettari ta’ raba’ li jista’ jinħadem u li jintrabtu li jeżerċitaw l-attività tagħhom għal mill-inqas ħames snin mid-data tal-preżentazzjoni ta’ l-ewwel talba kif ukoll ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna u li ma jirċevux pensjoni ta’ rtirar jew ta’ rtirar kmieni.
7 Skond il-programm operattiv, jistgħu jinħelsu mill-obbligu tagħhom ta’ terminu ta’ ħames snin, imsemmi fil-punt ta’ qabel, l-operaturi li:
– itemmu l-attività agrikola, bil-kundizzjoni li jiġi assigurat li l-attività agrikola tibqa’ tiġi eżerċitata;
– itemmu l-attività agrikola minħabba raġjunijiet ta’ forza maġġuri u, b’mod partikolari, fil-każ ta’ esproprjazzjoni jew akkwist minħabba użu pubbliku;
– jirċievu, waqt il-perijodu ta’ l-obbligu tagħhom, pensjoni ta’ rtirar jew ta’ rtirar kmieni.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 D. Valvo, li qabel kien impjegat f’bank, temm l-impjieg tiegħu fl-età ta’ 44 sena sabiex jiddedika ruħu għall-attività ta’ operatur agrikolu. Wara r-riżenja tiegħu, huwa bbenifika mill-benefiċċju soċjali marbut mas-servizz mogħti mill-fondi ta’ pensjoni ta’ min kien jimpjegah qabel, fondi kkostitwiti mill-kontribuzzjonijiet ta’ l-impjegati.
9 D. Valvo talab kumpens għas-snin 1994 sa 1998. Huwa kiseb dan il-kumpens għas-snin 1994 u 1995, iżda ġie miċħud din l-għajnuna għat-tliet snin ta’ wara. Fil-fatt, permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-4 ta’ Ġunju 1999, l-Ispettorato Provinciale dell’Agricoltura di Enna ċaħad it-talba tiegħu għall-għoti ta’ kumpens għat-tliet snin mill-1996 sa l-1998, billi argumenta li D. Valvo kien jirċievi pensjoni ta’ rtirar kmieni.
10 D. Valvo ressaq rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia, li laqa’ dan ir-rikors. Din il-qorti kkunsidrat li l-pensjoni tas-servizz imħallsa lil D. Valvo ma setgħetx titqies bħala pensjoni ta’ rtirar jew pensjoni ta’ rtirar kmieni u li dan ta’ l-aħħar kien jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jibbenifika mill-kumpens. L-Ispettorato Provinciale dell’Agricoltura di Enna, l’Assessorato all’agricoltura e foreste della Regione Sicilia u r-Regione Sicilia appellaw minn din is-sentenza ta’ l-ewwel istanza quddiem il-qorti tar-rinviju.
11 Peress li kellu xi dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 950/97, il-Consiglio di Giustizia amministrativa per la Regione siciliana ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:
“Il-kumpens jista’ jiġi miċħud lil operatur meta dan jirċievi wkoll pensjoni u, b’mod partikolari, pensjoni tas-servizz?”
Fuq id-domanda preliminari
Kumment preliminari
12 Il-fatti tal-kawża prinċipali huma rregolati, għal parti tal-perijodu kkonċernat, mir-Regolament Nru 950/97 u, għall-parti l-oħra, mir-Regolament Nru 2328/91. Madankollu, peress li d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn iż-żewġ regolamenti huma essenzjalment identiċi u peress li l-qorti tar-rinviju, il-Gvern Taljan u kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jagħmlu riferiment biss għar-Regolament Nru 950/97, huwa biżżejjed li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula billi tibbaża ruħha biss fuq id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ta’ l-aħħar.
Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
13 Il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni jsostnu t-tnejn li huma li r-Regolament Nru 950/97 jikkonferixxi fuq l-Istati Membri l-possibbiltà li jħallsu kumpens lil bidwi li jirċievi, barra minn hekk, pensjoni ta’ rtirar jew xi benefiċċju soċjali ieħor.
14 Madankollu, il-Gvern Taljan isostni li, fil-każ fejn l-Istat Membru kkonċernat għażel li ma jagħtix kumpens meta l-operatur agrikolu jirċievi pensjoni ta’ rtirar jew ta’ rtirar kmieni, il-ħlas ta’ dan il-kumpens huwa eskluż jekk l-operatur agrikolu jibbenifika minn pensjoni, b’mod partikolari pensjoni tas-servizz. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-imsemmi regolament ma jipprekludix li Stat Membru jagħti kumpens lill-operatur agrikolu, li, għalkemm jeżerċita l-attività tiegħu, jirċievi fl-istess ħin pensjoni, inkluża pensjoni tas-servizz.
Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
15 Skond l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 950/97, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sistema ta’ għajnuna, taħt il-forma ta’ kumpens, intiża sabiex tiffavorixxi l-attivitajiet agrikoli u sabiex ittejjeb id-dħul tal-bdiewa f’ċerti żoni żvantaġġati.
16 L-Artikolu 18(1) ta’ l-imsemmi regolament jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jagħtu dan il-kumpens lil operaturi agrikoli sakemm jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, it-tħaddim ta’ raba’ li jista’ jinħadem ta’ daqs minimu, li huwa ta’ żewġ ettari fir-reġjun Taljan ta’ Mezzogiorno, inklużi l-gżejjer, u, min-naħa l-oħra, li jintrabtu sabiex jeżerċitaw attività agrikola għal mill-inqas ħames snin skond l-għanijiet ta’ l-Artikolu 17 ta’ l-istess regolament.
17 Mit-termini stess ta’ dawn l-Artikoli 17 u 18, b’mod partikolari mir-ripetizzjoni għal bosta drabi tal-verb “jistgħu”, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jagħtu kumpens lill-operaturi agrikoli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmija artikoli. Barra minn hekk, l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 950/97 jawtorizza b’mod espress lill-Istati Membri sabiex jadottaw kundizzjonijiet addizzjonali jew limittativi għall-għoti ta’ dan il-kumpens. Għaldaqstant, il-leġiżlatur Komunitarju kkonferixxa fuq dawn ta’ l-aħħar setgħa diskrezzjonali f’dan is-settur (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1998, Jokela u Pitkäranta, C-9/97 u C-118/97, Ġabra p. I-6267, punti 36 u 37).
18 Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 18(1) u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 19(3) tar-Regolament Nru 950/97 fihom dispożizzjonijiet speċifiċi dwar is-sitwazzjoni fejn l-operatur agrikolu jirċievi pensjoni ta’ rtirar jew ta’ rtirar kmieni. Meta jirċievi tali pensjoni, l-operatur agrikolu huwa meħlus mill-obbligu tiegħu li jibqa’ jaħdem l-art għal ħames snin. Barra minn hekk, f’dan il-każ, ebda kofinanzjament Komunitarju tal-kumpens ma jkun possibbli.
19 L-imsemmija dispożizzjonijiet ma jikkonċernawx il-possibbiltà ta’ l-Istati Membri li jagħtu kumpens meta l-operatur agrikolu jirċievi pensjoni ta’ rtirar jew ta’ rtirar kmieni, iżda jikkonċernaw biss il-konsegwenzi tal-fatt li l-operatur jirċievi pensjoni, kemm għall-operatur agrikolu u kif ukoll għall-Komunità Ewropea.
20 Minn dan isegwi li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jagħtu jew ma jagħtux kumpens fil-każ fejn l-operatur agrikolu jirċievi pensjoni taħt is-sistema ta’ rtirar jew ta’ rtirar kmieni. Din il-kunsiderazzjoni tapplika wkoll meta dan l-operatur jirċievi benefiċċji soċjali oħra, bħal pensjoni tas-servizz, li mhumiex suġġetti għal sistema partikolari fir-Regolament Nru 950/97 u huma għaldaqstant suġġetti għas-sistema prevista fl-Artikoli 17 u 18 ta’ dan ir-regolament. Konsegwentement, fil-każ fejn l-operatur agrikolu jirċievi tip ieħor ta’ benefiċċju, bħal pensjoni tas-servizz, l-Istati Membri għandhom l-għażla jekk jikkumpensawhx jew le.
21 Mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ippreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kumpens ma jingħatax jekk l-operatur agrikolu jirċievi pensjoni ta’ rtirar jew ta’ rtirar kmieni. Għall-kuntrarju, ma jidhirx li din l-esklużjoni tapplika fil-każ fejn l-operatur jirċievi pensjoni tas-servizz, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali.
22 Madankollu, mhuwiex għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar il-portata tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, peress li dan huwa r-rwol tal-qorti tar-rinviju. Għaldaqstant din ta’ l-aħħar għandha tivverifika jekk il-leġiżlatur nazzjonali, li eżerċita l-possibbiltà li jingħata kumpens lill-operaturi agrikoli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 16 ta’ din is-sentenza u l-possibbiltà li jiġu inklużi kundizzjonijiet addizzjonali għall-ħlas ta’ kumpens bħal dan, eskludiex l-għoti ta’ dan il-kumpens mhux biss fil-każ li l-operatur jirċievi pensjoni ta’ rtirar jew ta’ rtirar kmieni, iżda wkoll fil-każ li jirċievi pensjoni tas-servizz.
23 Fid-dawl ta’ l-osservazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 950/97 jikkonferixxu fuq l-Istati Membri l-possibbiltà li jagħtu kumpens lill-operaturi agrikoli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet elenkati f’dawn iż-żewġ artikoli. Madankollu, dawn ma jipprekludux lil Stat Membru milli jiċħad li jagħti tali kumpens fil-każ fejn l-operatur jirċievi pensjoni u, b’mod partikolari, pensjoni tas-servizz.
Fuq l-ispejjeż
24 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 950/97, ta’ l-20 ta’ Mejju 1997, dwar it-titjib fl-effiċjenza ta’ l-istrutturi agrikoli, jikkonferixxu fuq l-Istati Membri l-possibbiltà li jagħtu kumpens lill-operaturi agrikoli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet elenkati f’dawn iż-żewġ artikoli. Madankollu, dawn ma jipprekludux lil Stat Membru milli jiċħad li jagħti tali kumpens fil-każ fejn l-operatur jirċievi pensjoni u, b’mod partikolari, pensjoni tas-servizz.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy