Kawża C-143/07
AOB Reuter & Co.
vs
Hauptzollamt Hamburg-Jonas
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg)
“Agrikoltura — Regolament (KEE) Nru 3665/87 — Artikolu 11 — Sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli — Kundizzjoni għall-għoti tar-rifużjoni — Rifużjoni mħallsa lill-esportatur wara preżentazzjoni ta’ dokumenti ffalsifikati mill-kokontraent tiegħu — Merkanzija mhux esportata — Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet”
Sommarju tas-sentenza
Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni
(Regolament tal-Kummissjoni Nru 3665/87, Artikolu 11(1))
L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87, li jistipula regoli komuni ddettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għall-prodotti agrigoli, kif emendat bir-Regolament Nru 2945/94, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sanzjoni li huwa jipprovdi hija applikabbli fir-rigward ta’ esportatur li applika għal rifużjoni fuq l-esportazzjoni għal merkanzija, meta din il-merkanzija, wara l-imġiba frawdolenti tal-kokontraent tiegħu, ma kinitx ġiet esportata.
Fil-fatt, safejn jirriżulta li l-esportazzjoni tal-prodott li għalih ingħatat rifużjoni ma seħħitx, huwa evidenti li l-esportatur applika għal rifużjoni li teċċedi lil dik applikabbli, peress illi, fin-nuqqas ta’ esportazzjoni effettiva, ebda rifużjoni mhija dovuta.
Barra minn hekk, ma jistax jiġi miżjud każ ġdid ta’ eżenzjoni, ibbażat b’mod partikolari fuq in-nuqqas ta’ mġiba doluża ta’ l-esportatur, mal-lista eżawrjenti li tinstab fl-imsemmija dispożizzjoni. It-tort jew l-iżball ta’ kokontraent jaqa’ taħt riskju kummerċjali komuni u ma jistax jiġi kkunsidrat bħala imprevedibbli fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali. L-esportatur huwa liberu fl-għażla tal-kokontraenti tiegħu u huwa għandu jieħu l-prekawzjonijiet xierqa jew billi jinkorpora klawżoli f’dan ir-rigward fil-kuntratti li huwa jikkonkludi ma’ dawn ta’ l-aħħar, jew billi jagħmel assigurazzjoni speċifika.
(ara l-punti 25, 36-37 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
24 ta’ April 2008 (*)
“Agrikoltura – Regolament (KEE) Nru 3665/87 – Artikolu 11 – Sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli – Kundizzjoni għall-għoti tar-rifużjoni – Rifużjoni mħallsa lill-esportatur wara preżentazzjoni ta’ dokumenti ffalsifikati mill-kokontraent tiegħu – Merkanzija mhux esportata – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet”
Fil-kawża C‑143/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Frar 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Marzu 2007, fil-proċeduri
AOB Reuter & Co.
vs
Hauptzollamt Hamburg-Jonas,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, G. Arestis, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur) u J. Malenovský, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal AOB Reuter & Co., minn H.-J. Prieß u M. Niestedt, Rechtsanwälte,
– għall-Hauptzollamt Hamburg-Jonas, minn G. Seber, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Erlbacher u Z. Maršálková, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, li jistipula regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2945/94 tat-2 ta’ Diċembru 1994 (ĠU L 310, p. 57, iktar’il quddiem ir-“Regolament Nru 3665/87”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn AOB Reuter & Co. (iktar’il quddiem “AOB Reuter”) u l-Hauptzollamt Hamburg‑Jonas (Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Hambourg-Jonas, iktar’il quddiem il-“Hauptzollamt”) dwar l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet wara l-ħlas ta’ rifużjoni mogħtija fuq il-bażi ta’ dokumenti ffalsifikati minn terza persuna.
Il-kuntest ġuridiku
3 L-ewwel sat-tielet u l-ħames premessa tar-Regolament Nru 2945/94 jipprovdu:
“billi l-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-seħħ tipprevedi l-għotja ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni biss fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-kwantità, in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott esportat kif ukoll id-destinazzjoni ġeografika tiegħu; billi, fid-dawl ta’ l-esperjenzi miksuba, il-ġlieda kontra l-irregolaritajiet, u fuq kollox kontra l-frodi, għad-detriment tal-baġit Komunitarju għandha tiġi msaħħa; billi, għal dan il-għan, huwa neċessarju li tiġi prevista l-possibbiltà li jiġu rkuprati l-ammonti mħallsa indebitament kif ukoll sanzjonijiet b’mod li jinkoraġġixxu lill-esportaturi jirrispettaw il-leġiżlazzjoni Komunitarja;
billi, sabiex jiġi garantit il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, is-sanzjonijiet għandhom jiġu applikati irrispettivament mill-aspett suġġettiv tat-tort; billi madankollu għandha tiġi rinunzjata l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet f’ċerti każijiet, b’mod partikolari ta’ żball manifest rikonoxxut mill-awtorità kompetenti, u jiġu pprovduti sanzjonijiet aktar iebsa fil-każ ta’ att intenzjonat;
billi, meta esportatur jipprovdi informazzjoni żbaljata, din tista’ twassal għall-ħlas ta’ rifużjonijiet mhux dovuti jekk l-iżball ma jinkixifx; billi, jekk l-iżball jinkixef, huwa kompletament xieraq li tiġi imposta fuq l-esportatur sanzjoni li timplika l-ħlas ta’ ammont proporzjonali għall-ammont li jkun ġie riċevut indebitament kieku l-iżball ma nkixifx u billi, jekk l-informazzjoni żbaljata kienet ingħatat intenzjonalment, huwa wkoll xieraq li tiġi imposta sanzjoni għola;
[…]
billi l-esperjenzi miksuba, kif ukoll l-irregolaritajiet, u fuq kollox il-frodi diġà kkonstatata f’dan il-kuntest jindikaw li din il-miżura hija neċessarja u proporzjonata, suffiċjentement disswasiva u li din għandha tiġi applikata b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
4 Skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 3665/87:
“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 u 16, il-ħlas tar-rifużjoni huwa suġġett għall-produzzjoni tal-prova li l-prodotti li għalihom ġiet aċċettata d-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni, sa mhux aktar tard mit-terminu ta’ sittin jum minn din l-aċċettazzjoni, telqu mit-territorju tal-Komunità fl-istat oriġinali tagħhom.”
5 L-Artikolu 11 ta’ dan l-imsemmi regolament jipprovdi:
“1. Meta jinstab li l-esportatur bil-ħsieb li jakkwista għotja ta’ rifużjonijiet ta’ l-esportazzjoni jkun applika għal rifużjoni li teċċedi lil dawk applikabbli, ir-rifużjoni dovuta għall-esportazzjoni relevanti għandha tkun dik applikabbli għall-prodotti attwalment esportati, imnaqqsa b’
a) nofs id-differenza bejn ir-rifużjoni li għaliha tkun saret applikazzjoni u dik applikabbli għall-esportazzjoni attwali;
b) id-doppju tad-differenza bejn ir-rifużjoni li għaliha tkun saret applikazzjoni u dik applikabbli meta l-esportatur intenzjonalment jipprovdi informazzjoni falza.
L-ammont ikkalkolat mill-informazzjoni provduta skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3 jew ta’ l-Artikolu 25(2) jkun meqjus bħala rifużjoni li għaliha tkun saret applikazzjoni. Meta r-rata ta’ rifużjoni tvarja skond id-destinazzjoni, l-parti differenzjata tar-rifużjoni tiġi kkalkolata mill-informazzjoni mogħtija skond l-Artikolu 47.
Is-sanzjoni inkwistjoni fil-punt (a) m’għandhiex tkun applikabbli:
– fil-każ ta’ force majeure,
– f’ċerti każijiet eċċezzjonali kkaratterizzati minn ċirkustanzi li huma barra mill-kontroll ta’ l-esportatur li jseħħu wara l-aċċettazzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti, tad-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni jew id-dikjarazzjoni tal-ħlas, u skond il-kundizzjoni li l-esportatur immedjatament, meta jikkonstata dawn iċ-ċirkustanzi u fit-terminu previst fl-Artikolu 47(2), jinforma l-awtoritajiet kompetenti, sakemm dawn ma jkunux diġà kkonstataw l-irregolaritajiet tar-rifużjoni mitluba,
– fil-każ ta’ żball manifest, rikonoxxut mill-awtorità kompetenti, fuq ir-rifużjoni mitluba,
[…]
Meta t-tnaqqis imsemmi fil-punti (a) jew (b) jirriżulta f’ammont negattiv, dan l-ammont negattiv jiġi mħallas mill-esportatur.
Jekk l-awtoritajiet kompetenti stabbilixxew li l-ammont ta’ rifużjoni mitlub kien jindika li l-esportazzjoni ma seħħitx, u li bħala konsegwenza t-tnaqqis fir-rifużjoni huwa impossibbli, l-esportatur għandu jħallas l-ammont ekwivalenti għas-sanzjoni msemmija fil punti (a) jew (b). […]
[…]
Is-sanzjonijiet japplikaw bla ħsara għal sanzjonijiet supplimentari previsti fil-livell nazzjonali.
[…]
3. Bla ħsara għall-obbligu li jitħallas l-ammont negattiv skond ir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 1, f’każ ta’ ħlas indebitu ta’ rifużjoni, il-benefiċjarju għandu jħallas lura l-ammonti riċevuti indebitament - li jinkludu kull sanzjoni applikabbli skond l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 - u l-imgħax ikkalkolat fuq iż-żmien li jkun għadda bejn il-pagament u l-ħlas lura. […]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
6 Bejn it-18 ta’ Ottubru u t-12 ta’ Diċembru 1995, AOB Reuter iddikjarat quddiem il-Hauptzollamt Landshut numru totali ta’ 24 esportazzjoni ta’ żokkor abjad lejn Malta u applikat għall-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni korrispondenti. Dawn ir-rifużjonijiet ingħataw lilha, għal ammont ta’ EUR 230 102,37 fuq preżentazzjoni taċ-ċertifikati ta’ esportazzjoni tal-merkanzija.
7 AOB Reuter ma wettqitx hija stess l-operazzjoni ta’ esportazzjoni, iżda din twettqet permezz tas-soċji kummerċjali Taljani tagħha li użaw impriżi intermedjarji. Din l-imsemmija kumpannija żgurat l-eżekuzzjoni ta’ l-obbligu kuntrattwali prinċipali, jiġifieri l-ħruġ taz-zokkor mit-territorju doganali tal-Komunità, permezz ta’ garanzija bankarja. AOB Reuter irrilaxxat dawn il-garanziji fis-27 ta’ Ġunju 1996, wara li kisbet il-provi ta’ l-iżvolġiment korrett ta’ l-esportazzjoni fil-forma ta’ dokumenti doganali debitament ittimbrati u wara li dawn ġew aċċettati mill-Hauptzollamt.
8 Fil-5 ta’ Novembru 1996, iż-Zollkriminalamt Köln (Puliżija Kriminali tad-Dwana ta’ Cologne) ikkonstatat il-falsifikazzjoni taċ-ċertifikati ta’ esportazzjoni tal-merkanzija fuq id-dokumenti doganali. Konsegwentement, il-Hauptzollamt talab, permezz ta’ avviżi rettifikattivi tas-7 ta’ Lulju 1997, il-ħlas lura tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni miġbura minn AOB Reuter, li ħalset lura l-ammont ta’ dawn ir-rifużjonijiet.
9 Fid-19 ta’ Jannar 1998, il-Hauptzollamt adotta 24 deċiżjoni li jissanzjonaw lil AOB Reuter li, fil-5 ta’ Frar 1998, ressqet ilment kontra dawn id-deċiżjonijiet. Peress li dan l-ilment ġie miċħud, AOB Reuter, fl-10 ta’ April 2003, ressqet rikors quddiem il-Finanzgericht Hamburg sabiex tikseb l-annullament ta’ l-imsemmija deċiżjonijiet ta’ sanżjoni.
10 Din il-qorti tikkunsidra li AOB Reuter ma pprovdiet ebda data żbaljata fid-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni tagħha peress illi din il-kumpannija llimitat ruħha li tiddikjara l-intenzjoni tagħha li tesporta lejn Malta l-merkanzija li tat lok għar-rifużjoni. Fil-fatt, l-esportazzjoni ma rnexxietx minħabba l-imġiba frawdolenti tal-kokontraent ta’ AOB Reuter. Din ta’ l-aħħar ma tistax għaldaqstant, skond il-qorti tar-rinviju, tiġi applikata s-sanzjoni prevista fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 jekk in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni dwar il-ħruġ tal-merkanzija mit-territorju doganali tal-Komunità huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din is-sanzjoni.
11 Peress illi kienet tikkunsidra li l-applikazzjoni ta’ tali sanzjoni tiddependi fuq l-interpretazzjoni ta’ dan l-imsemmi Artikolu 11(1), il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Skond l-Artikolu 11(1) tar-Regolament […] Nru 3665/87, hija sanzjonata biss l-informazzjoni żbaljata pprovduta mill-esportatur fid-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni jew is-sanżjoni għandha bħala suġġett unikament in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet materjali tar-rifużjoni?”
Fuq id-domanda preliminari
12 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 għandhux jiġi interpretat fis-sens li s-sanzjoni li huwa jipprovdi hija applikabbli fir-rigward ta’ esportatur li applika għal rifużjoni fuq l-esportazzjoni għal merkanzija, meta din il-merkanzija, wara l-imġiba frawdolenti tal-kokontraent tiegħu, ma kinitx ġiet esportata.
13 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li s-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni hija kkaratterizzata mill-fatt li, minn naħa, l-għajnuna Komunitarja tingħata biss jekk l-esportatur jagħmel it-talba u, min-naħa l-oħra, is-sistema hija ffinanzjata mill-baġit Komunitarju (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2005, Fleisch-Winter, C‑309/04, Ġabra p. I-10349, punt 31).
14 Fir-rigward ta’ dan l-esportatur, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tar-Regolament Nru 3665/87 u tas-sistema ta’ sanzjonijiet tiegħu, diġà ddeċidiet li, f’dak li jirrigwarda sistema ta’ għajnuna Komunitarja, l-għoti tal-għajnuna huwa neċessarjament subordinat għall-kundizzjoni li l-benefiċjarju jirrappreżenta l-garanziji kollha ta’ integrità u ta’ affidabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister, C-210/00, Ġabra p. I‑6453, punt 41, u Fleisch-Winter, iċċitata iktar’il fuq, punt 31).
15 Fir-rigward tal-baġit Komunitarju, l-ewwel premessa tar-Regolament Nru 2945/94 tipprovdi li, “[…]fid-dawl ta’ l-esperjenzi miksuba, il-ġlieda kontra l-irregolaritajiet, u fuq kollox kontra l-frodi, għad-detriment ta-baġit Komunitarju għanhd tiġi msaħħa [u] billi, għal dan il-għan, huwa neċessarju li tiġi prevista [...] sanzjonijiet b’mod li jinkoraġġixxu lill-esportaturi jirrispettaw il-leġiżlazzjoni Komunitarja”.
16 In-natura tas-sanzjoni prevista fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 tirriżulta b’mod ċar kemm mill-kliem tiegħu kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rilevanti għal din id-dispożizzjoni.
17 Skond it-tieni premessa tar-Regolament Nru 2945/94, “is-sanzjonijiet għandhom jiġu applikati bla rigward irrispettivament mill-aspett suġġettiv tat-tort”. Fil-fatt, huwa biss il-livell tas-sanzjoni li jiżdied jekk ikun hemm att intenzjonat, skond il-punt (b) ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87, iżda s-sanzjoni prevista fil-punt (a) ta’ dan is-subparagrafu, hija applikabbli wkoll meta l-esportatur ma kkommettiex tort. F’din l-aħħar ipoteżi, huwa biss fl-każijiet elenkati b’mod eżawrjenti fit-tielet subparagrafu ta’ dan l-imsemmiji Artikolu 11(1), li s-sanzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu mhijiex applikabbli
18 Fis-sentenza Käserei Champignon Hofmeister, iċċitata iktar’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punt 41 tagħha, li s-sanzjoni tikkostitwixxi strument amministrattiv speċifiku li jagħmel parti integrali mis-sistema ta’ għanjuna u intiż sabiex jassigura l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi pubbliċi Komunitarji u, fil-punt 44 ta’ l-imsemmija sentenza, li ma tistax tiġi rikonoxxuta lilha natura penali.
19 Miż-żewġ punti preċedenti jirriżulta li r-responsabbiltà li fuqha hija fondata s-sanzjoni prevista fil-punt (a) ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 hija ta’ natura essenzjalment oġġettiva.
20 Sabiex jiġu determinati l-kundizzjonijiet dwar l-applikabbiltà ta’ din is-sanzjoni, għandhom jiġi eżaminati d-dispożizzjonijiet kollha ta’ l-imsemmi Artikolu 11.
21 L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(1) jipprovdi l-applikazzjoni ta’ sanzjoni lil esportatur li applika għal rifużjoni li teċċedi r-rifużjoni applikabbli għall-prodott effettivament esportat.
22 Il-Qorti tal-Ġustizzjoni kkonstatat, fil-kuntest tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, tal-15 ta’ April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli (ĠU L 102, p. 11, u rettifika ĠU 1999, L 180, p. 53), li ssostitwixxa u ħassar ir-Regolament Nru 3665/87, iżda ma emendax il-kontenut tiegħu f’dan ir-rigward, li l-kliem “esportatur [...] jkun applika għal rifużjonijiet li jeċċedu lil dawk applikabbli” għandhom jiġu interpretati fis-sens li dan l-esportatur huwa kkunsidrat bħala li applika għal rifużjoni li teċċedi dik applikabbli mhux biss fejn tirrizulta differenza mhux dovuta meta tittieħed inkunsiderazzjoni d-data li jkun ta, iżda ukoll fil-każ fejn jirrużlta li d-dritt tiegħu ta’ rifużjoni ma jeżistix, jiġifieri l-ammont tar-rifużjoni huwa ta’ żero (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Elfering Export, C‑27/05, Ġabra p. I‑3681, punt 27).
23 Jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li, sabiex jiġi ddeterminat jekk esportatur applikax għal rifużjoni li teċċedi r-rifużjoni applikabbli għall-prodott effettivament esportat, mhuwiex biżżejjed li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti magħrufa mill-awtoritajiet kompetenti fil-mument ta’ l-eżami ta’ l-applikazzjoni għal rifużjoni, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatti sussegwenti għal din l-applikazzjoni, b’mod partikolari, dawk skoperti matul il-kontrolli mwettqa minn dawn l-awtoritajiet.
24 Fuq kollox, jekk dan ma kienx hekk, ir-raġuni u l-effikaċja tal-kontrolli ta’ l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitpoġġew f’dubju.
25 Safejn jirriżulta li l-esportazzjoni tal-prodott li għalih ġiet mogħtija rifużjoni ma seħħitx, huwa evidenti li l-esportatur applika għal rifużjoni li teċċedi lil dik applikabbli, peress illi, fin-nuqqas ta’ esportazzjoni effettiva, ebda rifużjoni mhija dovuta.
26 F’każ bħal dan, is-sanzjoni applikabbli tista’ għaldaqstant tkun ibbażata fuq l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 biss.
27 Madankollu, dispożizzjonijiet espliċiti oħrajn ta’ dan l-Artikolu jeżiġu wkoll li sanzjoni tiġi imposta fuq l-esportatur fuq il-bażi ta’ konstazzjonijiet sussegwenti għall-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni.
28 Għaldaqstant, skond il-ħames subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87, jekk l-awtoritajiet kompetenti stabbilixxew li l-rifużjoni ma seħħitx, u li tnaqqis fir-rifużjoni huwa impossibbli, l-esportatur għandu jħallas l-ammont ekwivalenti għas-sanzjoni prevista fil-punti (a) jew (b) ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(1). Il-paragrafu 3 ta’ dan l-istess Artikolu jipprovdi li, fil-każ ta’ ħlas indebitu ta’ rifużjoni, il-benefiċjarju għandu jħallas lura l-ammonti indebitament riċevuti, li jinkludu kull sanzjoni applikabbli skond dan l-imsemmi l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(1).
29 Jirriżulta mill-proċess mgħoddi lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju li l-operazzjoni ta’ esportazzjoni li fir-rigward tagħha AOB Reuter ibbenefikat minn rifużjoni ma seħħitx u, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħlas tagħha ġie mwettaq b’mod indebitu; wara kollox din il-kumpannija ma tikkontestax li hija rċeviet tali rifużjoni indebitament.
30 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni tas-sanzjoni prevista fil-punt (a) ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 hija imposta, ħlief jekk waħda mill-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni, kif definiti b’mod eżawrjenti fit-tielet subparagrafu ta’ l-istess paragrafu hija sodisfatta.
31 Għaldaqstant, ma tistax tiġi milqugħa t-teżi li l-informazzjoni żbaljata biss provduta mill-esportatur fid-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni tiegħu tkun ta’ natura li tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ l-imsemmija sanzjoni.
32 F’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni previsti fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87, mill-proċess ma jirriżultax li, fil-kawża prinċipali, waħda minn dawn il-kundizzjonijiet kienet ġiet sodisfatta.
33 Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq l-applikabbiltà ta’ sanzjoni f’sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-prinċipji ta’ legalità, ta’ ċertezza legali u ta’ proporżjonalità. F’dak li jikkonċerna lil AOB Reuter, li tinvoka dawn l-istess prinċipji, hija tikkunsidra li, f’dan il-każ, permezz tal-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja, hija pproteġiet ruħha b’mod diliġenti kontra n-nuqqasijiet eventwali tal-kokontraenti tagħha.
34 L-ewwel nett, fir-rigward tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 jikkostitwixxi bażi legali ċara u suffiċjenti għall-applikazzjoni tas-sanzjoni.
35 It-tieni nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporżjonalità, għandu jiġi osservat li, fil-ħames premessa tar-Regolament Nru 2945/94, il-leġiżlatur jinvoka l-esperjenza miksuba u, b’mod partikolari, l-irregolaritajiet u l-frodi diġà kkonstatati fil-kuntest tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat in-natura proporżjonata tas-sanzjoni prevista fil-punt (a) ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 billi ddeċidiet li din ma tiksirx il-prinċipju ta’ proporżjonalità, peress illi din ma tistax tiġi kkunsidrata bħala inadatta sabiex jintlaħaq l-għan li l-leġiżlazzjoni Komunitarju trid tilħaq, jiġifieri l-ġlieda kontra l-irregolarijiet u l-frodi, u lanqas bħala li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb dan l-għan (sentenzi Käserei Champignon Hofmeister, iċċitata iktar’il fuq, punt 68, u tal-14 ta’ April 2005, Käserei Champignon Hofmeister, C‑385/03, Ġabra p. I‑2997, punt 31).
36 It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-ġustifikazzjoni invokata minn AOB Reuter, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, minn naħa, ma jistax jiġi miżjud każ ġdid ta’ eżenzjoni, ibbażat b’mod partikolari fuq in-nuqqas ta’ mġiba doluża ta’ l-esportatur, mal-lista eżawrjenti li tinstab fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 u li, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-tort jew l-iżball ta’ kokontraent jaqa’ taħt riskju kummerċjali komuni u ma jistax jiġi kkunsidrat bħala imprevedibbli fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali. L-esportatur huwa liberu fl-għażla tal-kokontraenti tiegħu u huwa għandu jieħu l-prekawzjonijiet xierqa jew billi jinkorpora klawżoli f’dan ir-rigward fil-kuntratti li huwa jikkonkludi ma’ dawn ta’ l-aħħar, jew billi jagħmel assigurazzjoni speċifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister, iċċitata iktar’il fuq, punt 80 u ġurisprudenża ċċitata).
37 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sanzjoni li huwa jipprovdi hija applikabbli fir-rigward ta’ esportatur li applika għal rifużjoni fuq l-esportazzjoni għal merkanzija, meta din il-merkanzija, wara l-imġiba frawdolenti tal-kokontraent tiegħu, ma ġietx esportata.
Fuq l-ispejjeż
38 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
L-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, li jistipula regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2945/94, tat-2 ta’ Diċembru 1994, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sanzjoni li huwa jipprovdi hija applikabbli fir-rigward ta’ esportatur li applika għal rifużjoni fuq l-esportazzjoni għal merkanzija, meta din il-merkanzija, wara l-imġiba frawdolenti tal-kokontraent tiegħu, ma ġietx esportata.
Firem
** Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy