Kawża C-144/07 P
K-Swiss Inc.
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)
“Appell — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 2868/95 — Terminu għall-preżentata ta’ rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza — Deċiżjoni tal-UASI — Notifika permezz ta’ posta espress — Kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors”
Sommarju tas-sentenza
1. Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Notifika
(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regoli 61(2) u 62(1))
2. Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Notifika
(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1 u Regola 68)
1. Notifika bil-posta espress ma tikkostitwixxix notifika permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ riċevuta fis-sens tar-Regola 62(1) tar-Regolament Nru 2868/95 li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark.
(ara l-punti 20-22)
2. Meta l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) ma jistax jipprova li dokument ġie debitament innotifikat jew meta d-dispożizzjonijiet applikabbli għan-notifika tiegħu ma ġewx osservati, iżda l-imsemmi dokument wasal għand id-destinatarju, mir-Regola 68 tar-Regolament Nru 2868/95, li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark, jirriżulta li l-Uffiċċju għandu l-possibbiltà li jipproduċi l-prova tad-data tal-imsemmija riċevuta u li d-dokument għandu jitqies bħala nnotifikat f’din id-data.
(ara l-punt 23)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
2 ta’ Ottubru 2008 (*)
“Appell – Trade mark Komunitarja – Regolament (KE) Nru 2868/95 – Terminu għall-preżentata ta’ rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza – Deċiżjoni tal-UASI – Notifika permezz ta’ posta espress – Kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors”
Fil-kawża C‑144/07 P,
li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fil-11 ta’ Marzu 2007
K-Swiss Inc., stabbilita f’West Lake Village (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn H. E. Hübner, avukat,
rikorrenti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn O. Mondéjar Ortuño, bħala aġent,
konvenut fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, L. Bay Larsen, K.Schiemann, J. Makarczyk (Relatur) u P. Kūris, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ April 2008,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Mejju 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tal-appell tagħha, il-kumpannija K‑Swiss Inc. (iktar’il quddiem “K-Swiss”), qegħda titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-14 ta’ Diċembru 2006, K-Swiss vs UASI (Strixxi paralleli fuq żarbun) (T-14/06, iktar’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tiegħu dik il-Qorti ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tagħha biex tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (L-UASI) tas-26 ta’ Settembru 2005 (Każ R 1109/2004 1, iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) dwar ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark li għandha l-forma ta’ ħames strixxi paralleli li qegħdin fuq il-ġenb ta’ stampa ta’ żarbuna bħala trade mark Komunitarja.
Il-kuntest ġuridiku
2 Skont l-Artikolu 63(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark (ĠU 1994, L 11, p. 1), ir-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI għandhom jitressqu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza f’terminu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.
3 Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, it-termini tal-proċedura għandhom jiżdiedu darba b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.
4 Skont l-Artikolu 61(1) u (2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU L 303, p.1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1041/2005, tad-29 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 172, p.4, iktar’il quddiem ir-“Regolament Nru 2868/95”):
“1. Fi proċedimenti quddiem l-[UASI], in-notifiki magħmula mill-[UASI] għandhom jieħdu l-forma li jittrasmettu d-dokument oriġinali, kopja mhix ċertifikata tiegħu jew kopja pprintjata bil-komputer skond Regola 55, jew fir-rigward ta’ dokumenti li joħorġu mill-partijiet infushom, kopji dupplikati jew kopji mhux iċċertifikati.
2. Avviżi [notifiki] għandhom jingħataw
(a) bil-posta skond ir-Regola 62;
(b) permezz ta’ kunsinna bl-idejn skond ir-Regola 63;
(ċ) permezz ta’ depożitu f’kaxxa postali fl-Uffiċċju skond ir-Regola 64;
(d) permezz ta’ telecopier [faks] jew mezzi tekniċi oħra skond ir-Regola 65;
(e) b’avviż pubbliku skond ir-Regola 66.”
5 Ir-Regola 62(1) u (3) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprevedi:
“1. Deċiżjonijiet soġġetti għal limitu taż-żmien għall-appell, ċitazzjonijiet jew dokumenti oħra kif iddeterminat mill-President tal-Uffiċċju għandhom jiġu nnotifikati b’ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta. Notifikazzjonijiet oħra għandhom isiru kollha bil-posta normali.
[…]
3. Meta avviż [notifika] isir b’ittra reġistrata, b’avviż ta’ kunsinna [b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta] jew mingħajru [mingħajrha], dan għandu jitqies li jkun ġie kkonsenjat lid-destinatarju fl-għaxar ġurnata wara dik meta kien impustat, sakemm l-ittra ma naqsitx milli tasal għand il-persuna li għaliha kienet destinata jew waslitilha iktar tard. F’każ ta’ xi kontestazzjoni, għandu jkun l-Uffiċċju li jiddetermina li l-ittra waslet fid-destinazzjoni jew li jiddetermina d-data li fiha ġiet ikkunsinnjata lid-destinatarju, skond il-każ.”
6 Ir-Regola 68 ta’ dan l-istess regolament tiddisponi fl-aħħar:
“Meta dokument jasal għand id-destinatarju, jekk l-[UASI] ma jkunx jista’ jagħti prova li kien ġiet notifikat kif imiss, jew jekk dispożizzjonijiet dwar in-notifika tiegħu ma jkunux osservati, id-dokument għandu jitqies li kien ġie notifikat fid-data stabbilita mill-[UASI] bħala d-data ta’ meta ġie rċevut.”
Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u d-digriet ikkontestat
7 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Jannar, K-Swiss ressqet rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata.
8 Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-3 ta’ April 2006, l-UASI qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.
9 Peress li kkunsidrat li kellha informazzjoni biżżejjed mid-dokumenti tal-proċess, il-Qorti tal-Prim’Istanza, permezz tad-digriet appellat iddeċidiet dwar l-imsemmija talba mingħajr ma kompliet il-proċedura u ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors imressaq minn K‑Swiss.
10 Fil-punti 22 sa 30 tal-imsemmi digriet, il-Qorti tal-Prim’Istanza mmotivat id-deċiżjoni tagħha kif ġej:
“22 Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li, kif sostniet ir-rikorrenti, il-kunsinna tad-deċiżjoni [kkontestata] permezz ta’ kumpannija ta’ posta espress, bħalma hija l-kumpannija DHL, ma tissemmiex fost il-metodi ta’ notifika previsti fir-Regola 61(2) tar-Regolament Nru 2868/95. Barra minn dan, għandu jiġi kkonstatat li la l-UASI u lanqas ir-rikorrenti, li ssostni anki b’mod espress li l-kunsinna permezz tal-kumpannija DHL ma tikkostitwixxix notifika bil-posta, ma jallegaw li l-posta DHL ikkunsinnata lir-rikorrenti fit-28 ta’ Ottubru 2005 ntbagħtet fil-forma ta’ ittra rreġistrata, lanqas, barra minn dan, li l-kumpannija DHL tista’ twassal ittri rreġistrati fil-Ġermanja, u lanqas, fl-aħħar nett, li d-deċiżjoni [kkontestata], barra minn dan, ġiet innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ wieħed mill-metodi l-oħra previsti fir-Regola 61(2) tar-Regolament Nru 2868/95, u fir-Regoli 62 sa 66 ta’ dan l-istess regolament. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-ittra ta’ kopertura tal-posta DHL ikkunsinnata lir-rikorrenti ma tindika bl-ebda mod li hija ittra rreġistrata, iżda tenfasizza li l-imsemmija posta hija ‘nnotifikata minn DHL biss’.
23 Minn dak kollu li ngħad qabel jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma ġietx innotifikata lir-rikorrenti skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-Regoli 61 u 62 tar-Regolament Nru 2868/95.
24 Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, din iċ-ċirkustanza ma tistax madankollu twassal għall-konklużjoni li l-preżenti rikors ġie ppreżentat fit-termini previsti.
25 Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, skont ir-Regola 68 tar-Regolament Nru 2868/95, intitolat ‘Irregolaritajiet fl-avviż’, ‘meta dokument jasal għand id-destinatarju, jekk l-[UASI] ma jkunx jista’ jagħti prova li kien ġie notifikat kif imiss, jew jekk dispożizzjonijiet dwar in-Notifika tiegħu ma jkunux osservati, id-dokument għandu jitqies li kien ġie notifikat fid-data stabbilita mill-[UASI] ta’ meta ġie rċevut’.
26 Din id-dispożizzjoni, meħuda globalment, għandha tinftiehem fis-sens li hija tagħti lill-UASI l-possibbiltà li jistabbilixxi d-data li fiha dokument jasal għand id-destinatarju tiegħu, meta huwa ma jkunx jista’ jipprova li dan id-dokument kien ġie nnotifikat kif imiss jew meta d-dispożizzjonijiet applikabbli għan-notifika tiegħu ma jkunux ġew osservati, fis-sens li din id-dispożizzjoni tagħti lil tali prova l-effetti ġuridiċi ta’ notifika legali [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ April 2005, Success‑Marketing vs UASI – Chipita (PAN & amp; CO), T‑380/02 u T‑128/03, Ġabra p. II‑1233, punt 64].
27 Issa, f’din il-kawża, huwa paċifiku bejn il-partijiet li r-rikorrenti rċeviet il-posta DHL fit-28 ta’ Ottubru 2005, kif tiċċertifika, barra minn hekk, in-nota bid-dettalji tal-posta miżmuma mir-Reġistru tal-Bordijiet tal-Appell.
28 Skont ir-Regola 68 tar-Regolament Nru 2868/95, id-deċiżjoni [kkontestata] għandha għalhekk titqies li ġiet innotifikata lir-rikorrenti fit-28 ta’ Ottubru 2005, hekk li l-preżunzjoni prevista fir-Regola 62(3) tar-Regolament Nru 2868/95 ma tistax tapplika f’din il-kawża. Dan huwa, barra minn hekk, konformi mar-Regola 70(2) tar-Regolament Nru 2868/95, li tgħid li ‘[f]ejn il-pass proċedurali huwa Notifika, l-okkorrenza kunsidrata għandha tkun ir-riċeviment tad-dokument notifikat, sakemm ma jkunx provdut b’mod ieħor’. Bl-istess mod, skont ġurisprudenza kostanti dwar il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, fl-ipoteżi fejn l-att ikkontestat ġie nnotifikat lid-destinatarju tiegħu, it-terminu sabiex jitressaq rikors jibda jiddekorri mill-ġurnata tal-wasla tiegħu għand l-imsemmi destinatarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Mejju 1991, Bayer vs Il-Kummissjoni, T-12/90, Ġabra p. II-219, punt 19, ikkonfermata fl-appell permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1994, Bayer vs Il-Kummissjoni, C-195/91 P, Ġabra p. I-5619).
29 F’dawn il-kundizzjonijiet, ikkunsidrat li, skont l-Artikolu 63(5) tar-Regolament Nru 40/94, ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jsir fi żmien xahrejn li jibdew jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, terminu miżjud darba b’għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza, skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi kkonstatat li t-terminu sabiex jitressaq rikors kontra d-deċiżjoni [kkontestata] skada fid-9 ta’ Jannar 2006.
30 Il-preżenti rikors, ippreżentat fis-16 ta’ Jannar 2006, huwa għalhekk tardiv u għandu jiġi miċħud bħal inammissibbli.”
It-talbiet tal-partijiet
11 Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tannulla d-digriet ikkontestat;
– tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.
12 L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tiċħad l-appell bħala mhux fondat;
– tikkundanna lil K‑Swiss għall-ispejjeż.
Fuq l-appell
13 Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka aggravju wieħed ibbażat fuq ksur tar-Regoli 61, 62 u 68 tar-Regolament Nru 2868/95.
L-argumenti tal-partijiet
14 Għalkemm K‑Swiss aċċettat li d-deċiżjoni kkontestata ngħatat lilha permezz ta’ posta espress li tqassmet mill-kumpannija DHL fit-28 ta’ Ottubru 2005, hija tqis, madankollu, li għandu jiġi ddeterminat jekk il-kunsinna tad-deċiżjoni għandhiex tiġi kkunsidrata li saret permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ riċevuta fis-sens tar-Regola 62(1) tar-Regolament Nru 2868/95.
15 F’dan ir-rigward, l-appellanti jenfasizzaw li, mil-lat tal-funzjoni li taqdi, il-prova tal-kunsinna tad-dokument mogħtiija mill-operatur tal-posta espress, bħal DHL, hija identika għall-prova marbuta ma’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta, bl-unika diffferenza tkun li s-servizz tad-DHL ma jipprevedix dikjarazzjoni ta’ rċevuta li tiġi rritornata lill-mittent.
16 K‑Swiss indikat ukoll li l-UASI emenda l-prattika tiegħu dwar in-notifika ta’ deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell u li jirriżulta minn istruzzjoni tal-presidju tal-imsemmija bordijiet, tal-10 ta’ Mejju 2006, mogħtija lir-reġistratur tal-UASI, li, fil-każ ta’ notifika ta’ dawn id-deċiżjonijiet permezz tal-posta, din tista’ ssir kemm permezz ta’ ittra rreġistrata, kif ukoll permezz tas-servizz ta’ messaġġier. Issa, ma jistax jitqies li l-UASI kien deliberatament adotta prattika ta’ notifika ddestinata sabiex toħloq irregolaritajiet ta’ notifika fis-sens tar-regola 68 tar-Regolament Nru 2868/95.
17 Għalkemm talab li l-appell jiġi miċħud, l-UASI jippreċiża li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx tapplika r-Regola 68 tar-Regolament Nru 2868/95 għaliex notifika permezz ta’ posta espress ma tikkostittwixxix irregolarità ta’ notifika. Fil-fatt skont hu, in-notifika tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell b’dan il-mezz għandha tkun simili għal notifika bil-posta, konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regola 62 ta’ dan ir-regolament.
18 Bil-kontra, l-UASI jikkunsidra li l-preżunzjoni stabbilita fir-Regola 62(3) li biha n-notifika permezz tal-posta titqies li ġiet ikkunsinnata lid-destinatarju fl-għaxar ġurnata wara li kienet intbagħtet bil-posta, tista’ ma tiġix applikata fil-każ ta’ prova tad-data reali tal-kunsinna tan-notifika. Għalhekk, l-UASI jikkostata li, f’din il-kawża, it-terminu sabiex jitressaq rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata skada fid-9 ta’ Jannar 2006. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza waslet għal soluzzjoni sodisfaċenti meta ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli, iżda għamlet applikazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2868/95.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
19 Għandu jiġi rrilevat li r-Regola 61 tar-Regolament Nru 2868/95, li għandha “dispożizzjonijiet ġenerali fuq l-avviżi [notifiki]”, issemmi b’mod limitat il-mezzi li bihom l-UASI jinnotifika, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tagħha. Għalhekk, fir-Regola 61(2), huwa ppreċiżat li notifika tista’ ssir bil-posta, permezz ta’ kunsinna bl-idejn, permezz ta’ depożitu f’kaxxa postali fl-UASI, permezz ta’ faks jew mezzi tekniċi oħra ta’ komunikazzjoni, jew permezz ta’ avviż pubbliku.
20 Barra minn dan, fil-każ ta’ notifika bil-posta, jirriżulta mir-Regola 62(1) tal-imsemmi regolament li, rigward deċiżjoni suġġetta għal limitu ta’ żmien, bħad-deċiżjoni kkontestata, din in-notifika għandha ssir b’ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta.
21 Issa, fil-punt 22 tad-digriet appellat, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-partijiet la jallegaw li l-posta espress mqassma mill-kumpannija DHL u kkunsinnata lill-appellanti kienet intbagħtet fil-forma ta’ ittra rreġistrata, lanqas li din l-imsemmija kumpannija tista’ twassal ittri rreġistrati fil-Ġermanja, u li l-ittra ta’ kopertura tal-imsemmi posta ma tindikax li l-imsemmija posta hija “nnotifikata minn DHL biss”.
22 Għalhekk il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament iddeduċiet li din in-notifika ma tikkostitwixxix notifika “notifika b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta” fis-sens tar-Regola 62(1) tar-Regolament Nru 2868/95.
23 Madankollu, u kuntrarjament għal dak li sostna l-UASI, meta dan tal-aħħar ma jistax jipprova li dokument ġie nnotifikat jew meta d-dispożizzjonijiet applikabbli għan-notifika tagħha ma ġewx osservati, iżda l-imsemmi dokument wasal għand id-destinatarju, jirriżulta mir-Regola 68 tar-Regolament Nru 2868/95, li l-Qorti tal-Prim’Istanza leġittimament applikat, li l-UASI għandu l-possibbiltà li jġib il-prova tad-data tal-imsemmija riċevuta u li d-dokument għandu jitqies li kien ġie nnotifikat f’din id-data.
24 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkunsidrat li r-rikors, ippreżentat minn K-Swiss fis-16 ta’ Jannar 2006, kien tardiv u kellu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
25 Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li rrilevat, fil-punt 27 tad-digriet ikkontestat, li huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-appellanti rċeviet il-posta mqassma mid-DHL fit-28 ta’ Ottubru 2005, ikkonstatat, fil-punt 29 tal-imsemmi digriet, li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tagħha u l-Artikolu 63(5) tar-Regolament Nru 40/94, it-terminu ta’ appell kontra d-deċiżjoni kkontestata skada fid-9 ta’ Jannar 2006.
26 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha li saru qabel jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.
Fuq l-ispejjeż
27 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-UASI tilef, hemm lok li hu jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-appellanti.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-appell huwa miċħud.
2) K‑Swiss Inc. hija kkundanata għall-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy