Kawża C-165/07
Skatteministeriet
vs
Ecco Sko A/S
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vestre Landsret)
“Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura Magħquda — Klassifikazzjoni tariffarja — Intestatura 6403 — Żraben b’uċuħ tal-ġilda — Intestatura 6404 — Żraben b’uċuħ ta’ materjali ta’ tessuti”
Sommarju tas-sentenza
1. Tariffa Doganali Komuni – Intestaturi tariffarji – Żraben b’uċuħ tal-ġilda u ta’ materjali ta’ tessuti – Klassifikazzjoni fl-intestatura 6403 jew fl-intestatura 6404 tan-Nomenklatura Magħquda
(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I, Intestaturi 6403 u 6404; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2388/2000)
2. Tariffa Doganali Komuni – Intestaturi tariffarji – Noti ta’ Spjega tan-Nomenklatura Magħquda – Nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 64 tan-Nomenklatura Magħquda
(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87; Regolament tal-Kummissjoni Nru 3800/92)
1. In-Nomenklatura Magħquda fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, kif emendat bir-Regolament Nru 2388/2000, għandha tiġi interpretata fis-sens li sandlija, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, bil-qiegħ ta’ barra tal-lastiku, li l-parti ta’ fuq tagħha hija magħmula minn żewġ biċċiet tal-ġilda mwaħħlin mal-qiegħ intermedjarju bil-kolla u marbuta bejniethom b’ċineg tal-ġilda li jorbtu koperti bi strixxi tal-Velcro, bil-ġilda tkopri madwar 71 % tal-erja tal-parti ta’ barra tal-wiċċ u bil-materjal ta’ tessut elastiku ta’ taħt il-ġilda li jidher f’xi postijiet, taqa’:
– fl-intestatura 6404 tan-Nomenklatura Magħquda jekk il-materjal ta’ tessut tal-parti ta’ fuq ta’ din is-sandlija, mingħajr il-biċċiet tal-ġilda, għandu rwol ta’ wiċċ, jiġifieri jekk jassigura qagħda tajba biżżejjed tas-sieq sabiex l-utent ta’ din is-sandlija jkun jista’ jimxi;
– fl-intestatura 6403 tan-Nomenklatura Magħquda jekk il-materjal ta’ tessut tal-parti ta’ fuq ta’ din is-sandlija, mingħajr il-biċċiet tal-ġilda, m’għandux rwol ta’ wiċċ, jiġifieri jekk ma jassigurax qagħda tajba biżżejjed tas-sieq sabiex l-utent ta’ din is-sandlija jkun jista’ jimxi.
Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tagħmel il-konstatazzjonijiet meħtieġa f’dan ir-rigward.
(ara l-punti 43, 48 u d-dispożittiv 1)
2. In-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 64 tan-Nomenklatura Magħquda, introdotta permezz tar-Regolament Nru 3800/92, li jemenda r-Regolament Nru 2658/87, hija kompatibbli man-nota 4(a) ta’ dan il-kapitolu.
(ara l-punt 57 u d-dispożittiv 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
22 ta’ Mejju 2008(*)
“Tariffa Doganali Komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Intestatura 6403 – Żraben b’uċuħ tal-ġilda – Intestatura 6404 – Żraben b’uċuħ ta’ materjali ta’ tessuti”
Fil-kawża C‑165/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Vestre Landsret (Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Marzu 2007, fil-proċedura
Skatteministeriet
vs
Ecco Sko A/S,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZA (Il-Ħames Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u M. Ilešič, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Frar 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Ecco Sko A/S, minn H. S. Hansen u T. K. Kristjánsson, advokater,
– għall-Gvern Daniż, minn J. Liisberg, bħala aġent, assistit minn P. Biering, advokat,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn B. Stromsky u S. Schønberg, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestaturi 6403 u 6404 tan-Nomenklatura Magħquda fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 256, p. 1), kif emendat bir-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 2388/2000, tat-13 ta’ Ottubru 2000 (ĠU L 264, p.1, iktar’il quddiem in-“NM”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Skatteministeriet (Ministeru tat-Taxxa) u Ecco Sko A/S (iktar’il quddiem “Ecco”) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ sandlija.
Il-kuntest ġuridiku
3 In-Nomenklatura Magħquda, stabbilita permezz tar-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni ta’ oġġetti (iktar’il quddiem is-“SA”), stabbilita mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, u adottata fil-konvenzjoni internazzjonali konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987, (ĠU L 198, p. 1). Hija adottat l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, u s-seba’ u t-tmien ċifri biss jifformaw is-subdiviżjonijiet proprji tagħha.
4 It-tieni parti tan-NM tinkludi taqsima XII, intitolata “Ilbies għar-riġlejn [żraben], ilbies għar-ras, umbrelel, umbrelel tax-xemx, bsaten, swat, frosti u bċejjeċ tagħhom; rix ippreparat u oġġetti magħmulin minnu; fjuri artifiċjali; oġġetti ta’ xagħar uman”, li fiha erba’ kapitoli, fosthom il-Kapitolu 64, intitolat “Ilbies għar-riġlejn [żraben], gettijiet u bħalhom; bċejjeċ ta’ dawn l-oġġetti”.
5 Il-Kapitolu 64 tan-NM jipprovdi, partikolarment, l-intestaturi u s-subintestaturi li ġejjin:
“6403
Ilbies għar-riġlejn [żraben] b’qigħan ta’ barra tal-lastiku, plastiks, ġilda jew imitazzjoni ta’ ġilda u b’uċuħ tal-ġilda:
[...]
6403 99
– – Oħrajn:
[…]
– – – – – Oħrajn, bil-qiegħ ġewwa ta’ tul:
[…]
– – – – – – Ta’ 24 ċm jew iktar:
6403 99 33
– – – – – – – Ilbies għar-riġlejn [żraben] li ma jistax jingħaraf jekk huwiex ilbies għar-riġlejn [żraben] tal-irġiel jew tan-nisa
[…]
6404
Ilbies għar-riġlejn [żraben] b’qigħan ta’ barra tal-lastiku, plastiks, ġilda jew imitazzjoni ta’ ġilda u b’uċuħ ta’ materjali ta’ tessuti:
[...]
6404 19
– – Oħrajn:
[…]
6404 19 90
– – – Oħrajn”
6 Iż-żraben ikklassifikati fis-subintestatura 6403 99 33 tan-NM huma suġġetti għal rata ta’ dazju doganali ta’ 8 % filwaqt li għal dawk li jaqgħu fis-subintestatura 6404 19 90 tan-NM din ir-rata tiżdied għal 17 %.
7 It-taqsimiet kollha tan-NM u, f’kull waħda minn dawn it-taqsimiet, qabel kull kapitolu jkun hemm numru ta’ noti, jiġifieri noti ta’ taqsimiet jew ta’ kapitoli. In-nota 4(a) tal-Kapitolu 64 tan-NM tipprovdi li:
“il-materjal tal-wiċċ għandu jitqies bħala l-materjal li jikkostitwixxi l-akbar erja tal-wiċċ ta’ barra, mingħajr ma jitqiesu aċċessorji jew rinforzi bħall-irqajja’ tal-għekiesi, burduri, tiżjin, bokkli, patti, irfid tat-toqob (radanċi) jew twaħħil simili”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
8 Skond l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tista’ tintroduċi noti addizzjonali u Noti ta’ Spjega fin-Nomenklatura Magħquda sabiex tassigura l-applikazzjoni uniformi tagħha.
9 In-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 64 tan-NM, introdotta permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3800/92, tat-23 ta’ Diċembru 1992, li jemenda r-Regolament Nru 2658/87 (ĠU L 384, p. 8) tipprovdi li:
“Fis-sens ta’ nota 4(a), ‘rinforzi’ għandha tittieħed li tfisser il-bċejjeċ kollha ta’ materjal (per eżempju plastiks jew ġilda) imwaħħlin ma’ barra tal-wiċċ għal saħħa addizzjonali, kemm jekk imwaħħlin mal-qiegħ kif ukoll jekk le. Wara t-tneħħija tar-rinforzi, il-materjal li jitfaċċa għandu jkollu l-karatteristiċi ta’ wiċċ u mhux ta’ inforra.
Wieħed irid iqis dawk il-partijiet miksijin b’aċċessorji jew b’rinforzi meta tkun deċiża l-kompożizzjoni tal-wiċċ.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
10 In-Noti ta’ Spjega tal-Kapitolu 64 tan-NM, fil-verżjoni applikabbli fid-data ta’ meta ġraw il-fatti fil-kawża prinċipali (ĠU C 199, 2000, p. 1) jirreferu, għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tat-termini “pett [qiegħ] ta’ barra” u “partijiet ta’ fuq [wiċċ]”, għan-Noti ta’ Spjega tas-SA.
11 In-Noti ta’ Spjega tas-SA huma adottati mill-Kumitat tas-SA, li l-organizzazzjoni tiegħu hija regolata mill-Artikolu 6 tal-konvenzjoni internazzjonali msemmija fil-punt 3 ta’ din is-sentenza, u approvati, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tagħha, mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana.
12 Skont it-tieni paragrafu tal-punt D tal-parti “Kunsiderazzjonijiet ġenerali” tal-Kapitolu 64 ta’ dawn in-Noti ta’ Spjega:
“Meta l-wiċċ ikun magħmul minn diversi materjali, huwa l-materjal kostitwenti bl-akbar erja tal-wiċċ ta’ barra li jiddetermina l-klassifikazzjoni, filwaqt li l-preżenza ta’ aċċessorji jew applikazzjonijiet bħall-irqajja’ għall-protezzjoni tal-għekiesi, burduri ta’ kull tip (protettivi jew ornamentali), applikazzjonijiet ornamentali oħra (pereżempju ġmiemen, pompoms, piping), bokkli, buttuni, irfid tat-toqob (radanċi), lazzijiet jew żippijiet ma jibdlux il-klassifikazzjoni. Il-materjal ta’ inforra li jista’ jkun hemm ma jinfluwenzax il-klassifikazzjoni.”[traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
13 Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-klassifikazzjoni tariffarja ta’ sandlija li fir-rigward tagħha Ecco ppreżentat applikazzjoni għal informazzjoni dwar it-tariffa f’Awwissu 2001.
14 Fid-19 ta’ Novembru 2001, l-awtoritajiet tat-taxxa Daniżi taw informazzjoni li torbot dwar it-tariffa li kklassifikat il-prodott in kwistjoni fis-subintestatura 6404 19 90 tan-NM, bħala “ilbies għar-riġlejn [żraben] b’qigħan ta’ barra tal-lastiku, plastiks, ġilda jew imitazzjoni ta’ ġilda u b’uċuħ ta’ materjali ta’ tessuti”.
15 Billi qieset li s-sandlija inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha tiġi kklassifikata fis-subintestatura 6403 99 33 tan-NM bħala “ilbies għar-riġlejn [żraben] b’qigħan ta’ barra tal-lastiku, plastiks, ġilda jew imitazzjoni ta’ ġilda u b’uċuħ tal-ġilda”, Ecco ppreżentat rikors quddiem il-Landsskatteret kontra din l-informazzjoni li torbot dwar it-tariffa.
16 Peress li dan tal-aħħar laqa’ l-imsemmi rikors, l-iSkatteministeriet ippreżenta appell quddiem il-Vestre Landsret.
17 Il-qorti tar-rinviju ddeskriviet il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala “sandlija b’qiegħ ta’ barra tal-lastiku, bil-ġnub għoljin. Il-qiegħ ta’ barra huwa mgħammar, fir-rigward tal-parti li tintrifes, b’intarsjar iżgħar ikkulurit u b’materjali differenti. Mal-qiegħ ta’ barra hemm imwaħħal qiegħ intermedjarju/tan-nofs magħmul minn saff tal-foam ta’ etilene-aċetat tal-vinil (EVA) u minn saff tal-foam tal-latex kopert b’materjal ta’ tessut tal-mikrofibra. Fuq in-naħa ta’ quddiem tal-wiċċ, fuq il-widna ta’ għonq is-sieq u fuq in-naħa tal-għarqub, hemm ċineg tal-ġilda li jaqflu, koperti bi strixxi tal-Velcro sabiex is-sandlija tiġi aġġustata/adattata għas-sieq; barra minn hekk, mal-widna ta’ għonq is-sieq u mal-parti ta’ ġewwa tal-parti ta’ wara hemm imwaħħla ħoloq magħmula minn strixxi tat-tessut. Il-wiċċ huwa mgħammar b’aperturi għas-swaba’ tas-sieq, fl-arch u fuq in-naħa ta’ barra tas-sieq, kif ukoll fil-parti ta’ fuq tas-sieq u fiż-żewġ naħat tal-għarqub. Il-ġilda tal-wiċċ hija mgħammra bi strippi li fihom tpoġġew strixxi u l-logo tal-kumpannija magħmula mil-lastiku. Kemm il-ġilda kif ukoll il-materjal ta’ tessut huma mwaħħla mal-qiegħ intermedjarju bil-kolla. Jekk jiġu inklużi ċ-ċineġ li jaqflu u l-ornamenti, il-ġilda tirrappreżenta 71 % tal-erja tal-parti ta’ barra tal-wiċċ.”
18 Peress li l-eżitu tal-kawża quddiemha jiddependi mill-interpretazzjoni tal-intestaturi u tan-noti tal-Kapitolu 64 tan-NM, il-Vestre Lansdret iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) L-Anness I tar-Regolament [...] Nru 2658/87 [...], kif emendat bir-Regolament [...] Nru [2388/2000] [...], għandu jiġi interpretat fis-sens li żraben bħal dawk li huma msemmija fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kklassifikati bħala żraben b’uċuħ tal-ġilda fis-sens tal-intestatura 6403 tan-NM jew bħala żraben b’uċuħ ta’ materjali ta’ tessuti fis-sens tal-intestatura 6404 tan-NM?
2) In-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 64 tan-NM, imdaħħla permezz tar-Regolament Nru 3800/92 [...], hija kompatibbli man-nota 4(a) tal-Kapitolu 64 tan-NM?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
19 Skont Ecco, iż-żarbuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-ġilda tirrappreżenta 71 % tal-erja tal-parti ta’ barra tal-wiċċ għandha, skont in-nota 4(a) tal-Kapitolu 64 tan-NM, tiġi kklassifikata a priori bħala żarbuna b’wiċċ tal-ġilda li taqa’ taħt l-intestatura 6403 tan-NM.
20 Barra minn hekk, il-ġilda la hija aċċessorju u lanqas rinforz skont l-imsemmija nota 4(a) u, partikolarment, wiċċ komplut tal-ġilda li jista’ jiġi perfettament użat mingħajr il-materjal ta’ tessuti minn taħt ma jistax jiġi kkwalifikat bħala “bċejjeċ ta’ materjal” skont in-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 64 tan-NM.
21 Ecco b’hekk ikkonkludiet li s-sandlija inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kklassifikata fl-intestatura 6403 tan-NM bħala żarbuna “b’wiċċ tal-ġilda”.
22 Minn naħa l-oħra, il-Gvern Daniż u l-Kummissjoni jqisu li s-sandlija inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kklassifikata bħala żarbuna bil-wiċċ ta’ materjali ta’ tessuti skont l-intestatura 6404 tan-NM.
23 Il-Gvern Daniż isostni li, minkejja l-fatt li tkopri l-parti l-kbira tal-wiċċ tas-sandlija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ġilda hija kkunsidrata bħala aċċessorju u/jew rinforz skont in-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 64 tan-NM peress li tagħti saħħa addizzjonali u peress li meta titneħħa l-ġilda, il-materjal ta’ taħt għandu l-forma fiżika normali ta’ wiċċ.
24 Skont il-Kummissjoni, il-materjal ta’ tessuti, kuntrarjament għall-ġilda, ikopri l-erja ta’ barra tas-sandlija u joffri riġidità u saħħa mhux ħażin. Dan għalhekk għandu l-forma naturali ta’ żarbuna fil-każ li titneħħa l-ġilda, b’mod li jikkontribwixxi sew sabiex jagħti lis-sandlija l-karatteristiċi ta’ żarbuna.
25 Bħall-Gvern Daniż, il-Kummissjoni barra minn hekk issostni li l-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tal-oġġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet msemmija waqt il-laqgħa tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali tat-18 u 19 ta’ Marzu 2003, li fiha l-Istati Membri preżenti qablu li sandlijiet li l-wiċċ tagħhom huwa magħmul minn materjal ta’ tessuti li fuqu jinħietu biċċiet tal-ġilda fuq barra taż-żarbuna, għandhom jiġu kkunsidrati bħala li għandhom wiċċ ta’ materjal ta’ tessuti. Skont il-Gvern Daniż, il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali wasal għal din il-konklużjoni minħabba li l-materjal ta’ tessuti kien jidher fil-ġnub tal-wiċċ u għaliex, wara li jitneħħew il-biċċiet tal-ġilda, huwa kellu l-forma ta’ wiċċ skont in-nota 4(a) tal-Kapitolu 64 tan-NM.
Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
26 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk is-sandlija inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex tiġi kklassifikata fl-intestatura 6403 tan-NM bħala żarbuna bil-wiċċ tal-ġilda jew fl-intestatura 6404 tan-NM bħala żarbuna bil-wiċċ ta’ materjali ta’ tessuti.
27 Jeħtieġ li jiġi mfakkar mill-bidu li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġu ggarantiti l-aspettattivi leġittimi u l-faċilità tal-istħarriġ, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tat-tariffi tal-oġġetti għandu jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu, kif definiti mill-kliem tal-intestatura tan-Nomenklatura Magħquda u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Medion u Canon Deutschland, C-208/06 u C-209/06, Ġabra. p. I‑7963, punt 34).
28 Mill-kliem tal-intestaturi 6403 u 6404 tan-NM jirriżulta li l-klassifikazzjoni taż-żarbuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’waħda minn dawn l-intestaturi għandha ssir skont il-materjal li minnu huwa magħmul il-wiċċ.
29 F’dan il-każ, il-parti ta’ fuq tas-sandlija inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija magħmula minn ġilda u minn materjal ta’ tessuti. Kemm il-ġilda kif ukoll il-materjal ta’ tessuti huma mwaħħla mal-qiegħ intermedjarju bil-kolla.
30 Skont in-nota 4(a) tal-Kapitolu 64 tan-NM, il-materjal tal-wiċċ għandu jkun iddeterminat mill-materjal kostitwenti fejn hemm l-akbar erja tal-parti ta’ barra, mingħajr ma jitqiesu l-aċċessorji jew ir-rinforzi.
31 Mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li, bl-inklużjoni taċ-ċineg li jorbtu u l-ornamenti, il-ġilda tirrappreżenta 71 % tal-erja tal-parti ta’ barra tal-wiċċ.
32 F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi determinat jekk il-ġilda, li minnha hemm l-akbar erja tal-parti ta’ barra tal-wiċċ, għandhiex tiġi kkunsidrata bħala wiċċ jew jekk għandhiex tiġi kkunsidrata bħala rinforz skont in-nota 4(a) tal-Kapitolu 64 tan-NM.
33 In-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 64 tan-NM tiddefinixxi r-rinforzi bħala bċejjeċ ta’ materjal li jkopru l-erja tal-parti ta’ barra tal-wiċċ li jagħtuh iktar saħħa u li huma jew m’humiex imwaħħla mal-qiegħ.
34 Jeħtieġ ukoll li jiġi rrilevat li, skont it-termini tan-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 64 tan-NM, il-parti viżibbli għandha, wara li jitneħħew ir-rinforzi, tippreżenta l-karatteristiċi ta’ wiċċ u mhux ta’ inforra.
35 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li sabiex s-sandlija inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi kklassifikata fin-NM, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, wara li titneħħa l-ġilda, il-materjal ta’ tessuti tas-sandlija fil-kawża prinċipali jippreżentax il-karatteristiċi ta’ wiċċ.
36 Dan ikun il-każ jekk il-materjal ta’ tessuti, meta jitneħħew il-partijiet tal-ġilda, ikollu rwol ta’ wiċċ, jiġifieri jekk huwa jassigura ċerta qagħda tas-sieq tal-utent b’mod li dan ikun jista’ juża ż-żarbuna għall-mixi.
37 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-materjal ta’ tessuti m’għandux jiġi kkwalifikat bħala wiċċ għar-raġuni biss li fil-każ li titneħħa l-ġilda huwa jżomm il-forma ta’ wiċċ. Fil-fatt, inforra li tkun maħsuba sabiex tinforra l-materjal li tkun tkopri, tista’ wkoll tippreżenta forma ta’ wiċċ.
38 Barra minn hekk, il-fatt li l-materjal ta’ tessuti jibqa’ jidher madwar il-ġilda u fit-takkuna m’għandux jeskludi li dan jiġi kkwalifikat bħala inforra.
39 Fil-fatt, peress li jipprovdi li l-materjal li jikkostitwixxi inforra ma jinfluwenzax il-klassifikazzjoni ta’ żarbuna li l-wiċċ tagħha jkun magħmul minn diversi materjali, it-tieni paragrafu tal-punt D tal-parti “Kunsiderazzjonijiet ġenerali” tal-Kapitolu 64 tan-Noti ta’ Spjega tas-SA jirrikonoxxi impliċitament li, f’xi postijiet, l-inforra tista’ tkun tidher, jiġifieri, ma tkunx koperta mill-materjal li jikkostitwixxi l-wiċċ.
40 Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata min-nota ta’ spjega 1(b) tal-Kapitolu 64 tan-NM, kif tirriżulta min-Noti ta’ Spjega tan-NM ippubblikati mill-Kummissjoni fit-28 ta’ Frar 2006 (ĠU C 50, p. 1) u emendati fit-28 ta’ Ottubru 2006 (ĠU C 260, p. 18), li minkejja li ma kinitx applikabbli fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, tippreċiża li “[i]l-kisja ma tkunx esposta għas-superfiċje ta’ barra taż-żarbun, bl-eċċezzjoni ta’ kuttunar eż. madwar l-għonq”.
41 Fir-rigward tas-sandlija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li t-tessut tal-parti ta’ fuq jidher li huwa magħmul minn materjal relattivament instabbli u elastiku u li t-tneħħija tal-ġilda tidher li tħalli lil din is-sandlija mingħajr iċ-ċineg li jorbtu partikolarment fil-parti ta’ fuq ta’ għonq is-sieq. It-tieni nett, jeħtieġ li jiġi kkonstat li l-materjal ta’ tessut huwa f’kuntatt dirett mas-sieq, biex b’hekk jevita li l-ġilda tkun f’kuntatt mas-sieq. It-tielet nett, il-preżenza tal-materjal ta’ tessut viżibbli madwar il-ġilda u fit-takkuna tidher li għandha l-għan li tirrendi l-ilbies ta’ din iż-żarbuna iktar komdu.
42 Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma tali li jwasslu għall-ħsieb li, fil-każ tat-tneħħija tal-ġilda, il-materjal ta’ tessut ma jippermettix iktar li tinżamm is-sieq u, li għalhekk m’għandux il-karatteristiċi ta’ wiċċ, u li għandu r-rwol ta’ inforra maħsuba sabiex tassigura kumdità aħjar għall-utent.
43 Għalhekk huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tagħmel il-konstatazzjonijiet meħtieġa f’dan ir-rigward.
44 Fil-każ li tasal għall-konklużjoni li l-materjal ta’ tessut jippreżenta fih innifsu l-karatteristiċi ta’ wiċċ, il-qorti tar-rinviju għandha tikklassifika s-sandlija inkwistjoni fil-kawża prinċipali fl-intestatura 6404 tan-NM.
45 Min-naħa l-oħra, fil-każ li tasal għall-konklużjoni kuntrarja, il-qorti tar-rinviju għandha tikklassifika s-sandlija inkwistjoni fil-kawża prinċipali fl-intestatura 6403 tan-NM.
46 Fil-fatt, f’dan it-tieni każ, il-ġilda jew tippreżenta fiha nnifisha l-karatteristiċi ta’ wiċċ, b’tali mod li s-sandlija inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fl-intestatura 6403 tan-NM, jew le, f’liema każ il-wiċċ tas-sandlija inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi kkunsidrat bħala li huwa magħmul minn materjal ta’ tessut u minn ġilda fl-istess ħin. Peress li l-ġilda, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, tirrappreżenta 71 % tal-erja tal-parti ta’ barra tal-wiċċ, hija tiġi kkunsidrata bħala l-materjal kostitwenti bl-akbar erja tal-parti ta’ barra skont in-nota 4(a) tal-Kapitolu 64 tan-NM. Għalhekk, din is-sandlija għandha xorta tkun ikklassifikata fl-intestatura 6403 tan-NM.
47 Finalment, l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali li sar riferiment għaliha fl-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex tikkostitwixxi ostakolu għall-klassifikazzjoni tas-sandlija inkwistjoni fil-kawża prinċipali taħt l-intestatura 6403 tan-NM. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita l-opinjonijiet ta’ dan il-kumitat, minkejja li huma mezz importanti sabiex tiġi assigurata applikazzjoni uniformi tal-Kodiċi Doganali mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u jistgħu, bħala tali, jiġu kkunsidrati bħala mezzi siewja għall-interpretazzjoni ta’ dan il-Kodiċi, m’għandhomx setgħa vinkolanti (sentenza tal-11 ta’ Mejju 2006, Friesland Coberco Dairy Foods, C-11/05, Ġabra p. I-4285, punt 39). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet ukoll tgħid li, jekk ikun il-każ, jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jiġi evalwat jekk il-kontenut ta’ dawn l-opinjonijiet huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet stess tal-Kodiċi Doganali u jekk jibdilx il-portata tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1980, Chem-Tec, 798/79, Ġabra p. 2639, punt 11).
48 Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li sandlija, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bil-qiegħ ta’ barra tal-lastiku, li l-parti ta’ fuq tagħha hija magħmula minn żewġ biċċiet tal-ġilda mwaħħlin mal-qiegħ intermedjarju bil-kolla u marbuta bejniethom b’ċineg tal-ġilda li jorbtu koperti bi strixxi tal-Velcro, bil-ġilda li tkopri madwar 71 % tal-erja tal-parti ta’ barra tal-wiċċ u bil-materjal ta’ tessut elastiku ta’ taħt il-ġilda li jidher f’xi postijiet, taqa’:
– fl-intestatura 6404 tan-NM jekk il-materjal ta’ tessut tal-parti ta’ fuq ta’ din is-sandlija, mingħajr il-biċċiet tal-ġilda, għandu rwol ta’ wiċċ, jiġifieri jekk huwa jassigura qagħda tajba biżżejjed tas-sieq sabiex l-utent ta’ din is-sandlija jkun jista’ jimxi;
– fl-intestatura 6403 tan-NM jekk il-materjal ta’ tessut tal-parti ta’ fuq ta’ din is-sandlija, mingħajr il-biċċiet tal-ġilda, m’għandux rwol ta’ wiċċ, jiġifieri jekk ma jassigurax qagħda tajba biżżejjed tas-sieq sabiex l-utent ta’ din is-sandlija jkun jista’ jimxi.
Fuq it-tieni domanda
Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
49 Ecco ssostni li n-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 64 tan-NM tista’ tippreċiża l-klassifikazzjoni li tirriżulta mit-termini tal-intestaturi tan-NM u tan-nota 4(1) ta’ dan il-Kapitolu, iżda m’għandux ikollha l-effett li, jekk tiġi injorata din in-nota addizzjonali, wiċċ li huwa kkunsidrat bħala wiċċ tal-ġilda jiġi għall-kuntrarju kkunsidrat bħala wiċċ ta’ materjal ta’ tessut.
50 Hija żżid tgħid li jekk in-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 64 tan-NM testendi l-kunċett ta’ “rinforzi”, b’tali mod li s-sandlija inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi kkunsidrata bħala li għandha wiċċ ta’ materjal ta’ tessut, din id-dispożizzjoni tkun inkompatibbli man-nota 4(a) tal-istess kapitolu u, għalhekk, tkun invalida. Minkejja dan, Ecco ssostni li jekk interpretata korrettament, din in-nota addizzjonali ma twassalx għal riżultat differenti minn dak li jirriżulta direttament mill-imsemmija nota 4(a).
51 Il-Gvern Daniż u l-Kummissjoni jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twieġeb li n-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 64 tan-NM hija kompatibbli man-nota 4(a) ta’ dan il-kapitolu.
Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
52 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar il-validità tan-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 64 tan-NM fir-rigward tan-nota 4(a) ta’ dan il-kapitolu.
53 Mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda saret minħabba l-argument imressaq minn Ecco fil-kuntest tal-kawża prinċipali, li jgħid li n-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 64 tan-NM hija inkompatibbli man-nota 4(a) tal-istess kapitolu fil-każ li l-interpretazzjoni li tingħata twassal għall-klassifikazzjoni ta’ żarbuna li l-ikbar erja tal-wiċċ tagħha hija magħmula mill-ġilda bil-forma ta’ wiċċ taħt l-intestatura 6404 tan-NM minkejja li l-materjal ta’ tessut li jkun taħtha jippreżenta huwa wkoll forma ta’ wiċċ.
54 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, minn naħa, li n-nota 4(a) tal-Kapitolu 64 tan-NM tipprovdi espressament li l-partijiet li jikkostitwixxu rinforzi m’għandhom l-ebda effett fuq id-determinazzjoni tal-materjal li jikkostitwixxi l-wiċċ taż-żarbuna għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħha fin-NM. Din il-preċiżjoni hija magħmula mingħajr ebda riferiment jew limitazzjoni għall-erja koperta minn dawn ir-rinforzi.
55 Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li n-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 64 tan-NM tillimita ruħha, kif jindika t-titolu tagħha, li tipprovdi xi elementi ta’ spjega fir-rigward tal-kunċett ta’ rinforzi skont l-imsemmija nota 4(a), u partikolarment, dwar ir-rwol tagħhom.
56 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma teżistix kontradizzjoni bejn il-kontenut tan-nota 4(a) tal-Kapitolu 64 tan-NM u dak tan-nota addizzjonali 1 tal-istess kapitolu li timmina l-validità ta’ din tal-aħħar.
57 Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li n-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 64 tan-NM hija kompatibbli man-nota 4(a) ta’ dan il-kapitolu.
Fuq l-ispejjeż
58 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) In-Nomenklatura Magħquda fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, kif emendat bir-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 2388/2000, tat-13 ta’ Ottubru 2000, għandha tiġi interpretata fis-sens li sandlija, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bil-qiegħ ta’ barra tal-lastiku, li l-parti ta’ fuq tagħha hija magħmula minn żewġ biċċiet tal-ġilda mwaħħlin mal-qiegħ intermedjarju bil-kolla u marbuta bejniethom b’ċineg tal-ġilda li jorbtu koperti bi strixxi tal-Velcro, bil-ġilda tkopri madwar 71 % tal-erja tal-parti ta’ barra tal-wiċċ u bil-materjal ta’ tessut elastiku ta’ taħt il-ġilda li jidher f’xi postijiet, taqa’:
– fl-intestatura 6404 tan-Nomenklatura Magħquda jekk il-materjal ta’ tessut tal-parti ta’ fuq ta’ din is-sandlija, mingħajr il-biċċiet tal-ġilda, għandu rwol ta’ wiċċ, jiġifieri jekk jassigura qagħda tajba biżżejjed tas-sieq sabiex l-utent ta’ din is-sandlija jkun jista’ jimxi;
– fl-intestatura 6403 tan-Nomenklatura Magħquda jekk il-materjal ta’ tessut tal-parti ta’ fuq ta’ din is-sandlija, mingħajr il-biċċiet tal-ġilda, m’għandux rwol ta’ wiċċ, jiġifieri jekk ma jassigurax qagħda tajba biżżejjed tas-sieq sabiex l-utent ta’ din is-sandlija jkun jista’ jimxi.
2) In-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 64 tan-Nomenklatura Magħquda, introdotta permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3800/92, tat-23 ta’ Diċembru 1992, li jemenda r-Regolament Nru 2658/87 hija kompatibbli man-nota 4(a) ta’ dan il-kapitolu.
Firem
* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.
Full & Egal Universal Law Academy