SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
22 ta’ Diċembru 2008
Kawża C-198/07 P
Donal Gordon
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Appell – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Uffiċjali b’invalidità totali permanenti”
Suġġett: Appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tas-7 ta’ Frar 2007, Gordon vs Il-Kummissjoni (T‑175/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.
Deċiżjoni: Sentenza annullata parzjalment.
Sommarju
1. Uffiċjali – Rikors – Interess ġuridiku
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 53, 78, 90 u 91; Anness VIII, Artikoli 13 sa 16)
2. Uffiċjali – Evalwazzjoni – Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)
1. Uffiċjal li jiġi rtirat minħabba stat ta’ invalidità totali permanenti skont l-Artikoli 53 u 78 tar-Regolamenti, wara li jkun ippreżenta rikors kontra r-rapport tal-iżvilupp tal-karriera tiegħu, xorta jibqa’ jżomm interess li jikkontesta l-imsemmi rapport.
Fil-fatt, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li r-rapport tal-iżvilupp tal-karriera, indipendentement mill-utilità futura tiegħu, jikkostitwixxi prova bil-miktub u formali dwar il-kwalità tax-xogħol imwettaq mill-uffiċjal. Tali evalwazzjoni ma tiddeskrivix biss id-dmirijiet imwettqa matul il-perijodu kkonċernat, iżda tinvolvi wkoll evalwazzjoni tal-kwalitajiet umani li l-persuna evalwata wriet fl-eżerċizzju tal-attività personali tagħha. Għaldaqstant, kull uffiċjali għandu dritt li x-xogħol tiegħu jiġi rrikonoxxut minn evalwazzjoni magħmula b’mod ġust u ekwu. Konsegwentement, skont id-dritt għal protezzjoni legali effettiva, uffiċjal għandu, f’kull każ, ikollu d-dritt li jikkontesta rapport tal-iżvilupp tal-karriera minħabba l-kontenut tiegħu jew għar-raġuni li dan ma jkunx sar skont ir-regoli stabbiliti mir-Regolamenti.
It-tieni nett, filwaqt li huwa minnu li uffiċjal li jitqies mill-Kumitat tal-Invalidità bħala li qiegħed fi stat ta’ inkapaċità totali permanenti jiġi rtirat skont l-Artikoli 53 u 78 tar-Regolamenti, is-sitwazzjoni ta’ tali uffiċjal hija differenti minn dik ta’ uffiċjal li jkun laħaq l-età tal-irtirar, li jkun irriżenja jew li jkun tkeċċa, peress li din hija sitwazzjoni riversibbli. Fil-fatt, l-uffiċjal li għandu tali invalidità jista’ jerġa’ jibda x-xogħol tiegħu ma’ istituzzjoni Komunitarja, fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 16 tal-Anness VIII tar-Regolamenti. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjoni ġenerali tal-Artikolu 53 tar-Regolamenti għandha tinqara flimkien mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Artikoli 13 sa 15 tal-Anness VIII tar-Regolamenti. L-attività tal-uffiċjal iddikjarat fi stat ta’ invalidità tiġi biss sospiża, peress li l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tiegħu fi ħdan l-istituzzjonijiet hija suġġetta għall-eżistenza tal-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw din l-invalidità, li tista’ tiġi vverifikata f’intervalli regolari.
Issa, minn meta jista’ jiddaħħal mill-ġdid fl-istituzzjonijiet, uffiċjal fi stat ta’ invalidità totali permanenti għandu dritt ekwivalenti għal dak ta’ uffiċjal attiv li jara li r-rapport tal-iżvilupp tal-karriera tiegħu jsir b’mod ekwu u oġġettiv u skont l-istandards ta’ evalwazzjoni regolari. Fil-każ ta’ dħul mill-ġdid, l-imsemmi rapport huwa utli għall-iżvilupp tal-uffiċjal fi ħdan id-dipartiment tiegħu jew l-istituzzjonijiet Komunitarji. Huwa jikkostitwixxi prova konkreta u formali tal-abbiltà u tal-esperjenza tiegħu fi ħdan l-istituzzjoni, li fuqha huwa jista’ jibbaża ruħu. Huwa jippermetti wkoll lis-superjuri li jqabblu l-merti tal-kandidati għal eventwali promozzjoni jew trasferiment.
2. Fil-kuntest tas-sistema ta’ evalwazzjoni stabbilita mill-Kummissjoni, il-fatt li l-Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni ma jkunx iddeċieda fuq il-kontenut ta’ rapport tal-iżvilupp tal-karriera, meta kontestazzjoni kontrih tkun dehret quddiemu, jikkostitwixxi ksur sostanzjali tal-proċedura tar-redazzjoni ta’ dan ir-rapport li jippreġudika d-drittijiet tal-uffiċjal evalwat. Fil-fatt, meta kontestazzjoni tasal quddiem dan il-kumitat, l-eżami tal-kontenut tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera jikkosistwixxi formalità sostanzjali u mhux stadju purament formali peress li, minn naħa, l-imsemmi kumitat huwa l-unika entità li tipparteċipa fil-proċedura ta’ evalwazzjoni li tinkludi r-rappreżentanti tal-persunal u, min-naħa l-oħra, l-opinjonijiet tiegħu għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-evalwatur tal-appell.
Full & Egal Universal Law Academy