Kawża C-204/07 P
C.A.S. SpA
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Appell – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Artikolu 239 – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Ħlas lura u maħfra ta’ dazji fuq l-importazzjoni – Konċentrat ta’ meraq tal-frott provenjenti mit-Turkija – Ċertifikati ta’ ċirkulazzjoni – Falsifikazzjoni – Sitwazzjoni partikolari”
Sommarju tas-sentenza
Riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej – Ħlas lura jew maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni – Eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari
(Artikolu 211 KE; Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, Artikolu 7; Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 239)
Sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tar-Regolament Nru 2913/92 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, tiġi stabbilita meta jirriżulta miċ-ċirkustanzi tal-każ li d-debitur jinsab f’sitwazzjoni eċċezzjonali meta mqabbel mal-operaturi l-oħra li jeżerċitaw l-istess attività bħalu u li, fin-nuqqas ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx isofri d-dannu marbut mad-dħul sussegwenti fil-kontijiet tad-dazji doganali.
Il-kontroll inadegwat min-naħa tal-Kummissjoni tal-applikazzjoni korretta tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jista’ jikkostitwixxi tali sitwazzjoni partikolari. Sabiex jiġi ddeterminat jekk iċ-ċirkustanzi ta’ każ partikolari jikkostitwixxux tali sitwazzjoni partikolari, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-informazzjoni kollha dwar il-fatti li tkun rilevanti. Minn dan isegwi li għalkemm il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, hija ma tistax tinjora l-obbligu tagħha li tibbilanċja b’mod effettiv, minn naħa, l-interess tal-Komunità fl-osservanza sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni doganali, kemm jekk tkun Komunitarja jew li tivvinkola l-Komunità, u, min-naħa l-oħra, l-interess tal-importatur in bona fede sabiex ma jsostnix ħsarat li jiżbqu r-riskju kummerċjali ordinarju. B’hekk, meta teżamina talba għall-ħlas lura jew għall-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax sempliċement tevalwa l-aġir u l-attivitajiet tal-imporatatur u tal-esportatur, iżda għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll, b’mod partikolari, l-effett tal-aġir tagħha, fuq is-sitwazzjoni konkreta tal-każ inkwistjoni, fil-kuntest tal-obbligu tagħha ta’ sorveljanza u kontroll.
Minbarra dan, jirriżulta mill-Artikolu 211 KE, mill-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija u minn diversi deċiżjonijiet adottati biex jiġi implementat li l-Kummissjoni, bħala l-istituzzjoni li tissalvagwardja t-Trattat KE u l-ftehim konklużi skont dan it-Trattat, hija marbuta tiżgura l-applikazzjoni korretta mill-Istat terz tal-obbligi li jkun daħal għalihom taħt ftehim konkluż mal-Komunità permezz tal-metodi previsti mill-ftehim jew minn deċiżjonijiet meħudin skont dan il-ftehim. F’dan ir-rigward, hija għandha tuża b’mod sħiħ il-prerogattivi tagħha skont dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex ma tonqosx mill-obbligi tagħha ta’ sorveljanza u kontroll tal-applikazzjoni korretta tal-imsemmi ftehim. Dan huwa partikolarment neċessarju f’sitwazzjoni fejn l-esportazzjonijiet lejn l-istess port Komunitarju, permezz tal-istess kumpannija esportatriċi, matul l-istess perijodu ta’ referenza, kienu twettqu b’ċertifikati kemm irregolari kif ukoll b’ċertifikati mhux awtentiċi.
Għal dak li jikkonċerna l-fatt li jintbagħtu l-kampjuni tal-marka li jħallu t-timbri u tal-firem użati f’dawn l-uffiċċji doganali li jippermetti li ssir sorveljanza effettiva tal-osservanza tar-regoli doganali relattivi għall-preferenzi tariffarji, l-obbligu tal-Kummissjoni li tiżgura li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiġi applikat b’mod korrett jeżiġi li hija, u, permezz tagħha, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, jkollha, f’kull ħin, l-elementi kollha li jistgħu jippermettulha twettaq kontroll effettiv u l-kampjuni tal-marka li jħallu t-timbri u tal-firem bla dubju jikkostitwixxu tali elementi. F’dan ir-rigward, ir-reġistrazzjoni taċ-ċertifikati maħruġin mill-awtoritajiet doganali hija prattika indispensabbli fil-kummerċ internazzjonali filwaqt li għal dak li jikkonċerna l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, l-obbligu tal-awtoritajiet doganali Torok li jirreġistraw iċ-ċertifikati A. TR. 1 jirriżulta mid-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni ta’ dan il-ftehim, b’mod li quddiem sitwazzjoni ta’ importazzjoni doppja fil-Komunità magħmula taħt il-kopertura ta’ ċertifikati A. TR. 1 bl-istess numru ta’ reġistrazzjoni, wieħed awtentiku u l-ieħor mhux awtentiku, il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk tali importazzjoni tkunx effettivament seħħet.
Peress li, f’każ partikolari, il-Kummissjoni ma użatx b’mod sħiħ il-prerogattivi ta’ sorveljanza u kontroll li għandha fil-kuntest tal-imsemmi Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, sabiex tiżgura l-applikazzjoni korretta tiegħu, in-nuqqas tagħha jikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, ħaġa li tiġġustifika l-ħlas lura ta’ jew il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni miġbura abbażi ta’ ċertifikati jew mhux awtentiċi jew irregolari.
(ara l-punti 82, 88-89, 92-96, 99, 104-105, 117-118, 123-124, 126, 130-131, 136)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
25 ta’ Lulju 2008 (*)
“Appell – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Artikolu 239 – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Ħlas lura u maħfra ta’ dazji fuq l-importazzjoni – Konċentrat ta’ meraq tal-frott provenjenti mit-Turkija – Ċertifikati ta’ ċirkulazzjoni – Falsifikazzjoni – Sitwazzjoni partikolari”
Fil-kawża C‑204/07 P,
li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fis-16 ta’ April 2007,
C.A.S. SpA, irrappreżentata minn D. Ehle, Rechtsanwalt,
appellanti
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Patakia u S. Schønberg, bħala aġenti, assistiti minn M. Núñez Müller, Rechtsanwalt, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, J.N. Cunha Rodrigues, J. Klučka, P. Lindh u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: Katarzyna Sztranc-Sławiczek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Jannar 2008,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Marzu 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tal-appell tagħha, C.A.S. SpA (iktar’il quddiem l-“appellanti”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-6 ta’ Frar 2006, CAS vs Il-Kummissjoni (T‑23/03, Ġabra p. II‑289, iktar’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha dik il-Qorti ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Ottubru 2002 (REC 10/01, iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), dwar talba għal maħfra ta’ dazji fuq l-importazzjoni.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni relattiva għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni
2 Dan l-appell tqajjem fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li ħoloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u t-Turkija, iffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, u mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kien ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità mid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU 1964, 217, p. 3685 iktar’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”). Huwa daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 1964.
3 Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jinkludi fażi preparatorja li tippermetti lir-Repubblika tat-Turkija, skont l-Artikolu 3 tiegħu, issaħħaħ l-ekonomija tagħha, bl-għajnuna tal-Komunità Ewropea, fażi tranżitorja intiża, skont l-Artikolu 4 tiegħu, għall-istabbilment progressiv ta’ unjoni doganali u għall-approssimazzjoni tal-politika ekonomika u fażi definittiva li, skont l-Artikolu 5 tiegħu, hija bbażata fuq l-unjoni doganali u timplika t-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika.
4 Il-fażi definittiva msemmija fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni daħlet fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 1995 [Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija Nru 1/95 tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar l-implementazzjoni tal-fażi definittiva tal-unjoni doganali (ĠU 1996, L 35 p. 1)]. Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni adottati matul il-fażi tranżitorja kienu applikabbli wkoll għall-importazzjonijiet koperti mid-deċiżjoni kkontestata, peress li seħħew bejn il-5 ta’ April 1995 u l-20 ta’ Novembru 1997.
5 Fost dawn id-deċiżjonijiet hemm, b’mod partikolari, id-Deċiżjoni Nru 5/72, tad-29 ta’ Novembru 1972, dwar il-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva għall-applikazzjoni tal-Artikoli 2 u 3 tal-Protokoll Addizzjonali mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (ĠU 1973, L 59, p. 74).
6 L-Artikolu 11 ta’ din id-deċiżjoni jiddisponi li l-Istati Membri u r-Repubblika tat-Turkija għandhom jgħinu lil xulxin, permezz tal-amministrazzjonijiet doganali rispettivi tagħhom, fil-kontroll tal-awtentiċità u tar-regolarità taċ-ċertifikati, sabiex jiżgguraw applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni.
7 L-Artikolu 12 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li : “ir-[Repubblika tat-]Turkija, l-Istati Membri u l-Komunità għandhom jieħdu, kull wieħed safejn jirrigwarda lilu, il-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
8 Id-Deċiżjoni Nru 1/95 tirregola b’mod dettaljat l-implementazzjoni tal-fażi definittiva tal-unjoni doganali, u l-Anness 7 tagħha jirrigwarda l-għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tal-Komunità u dawk tar-Repubblika tat-Turkija fil-qasam doganali.
9 L-Artikoli 3 u 7 ta’ dan l-anness jipprovdu dispożizzjonijiet li jirregolaw, rispettivament, l-għajnuna li għandhom jagħtu lil xulxin dawn l-awtoritajiet fuq talba ta’ waħda minnhom u l-eżekuzzjoni ta’ tali talba għal għajnuna.
10 Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Nru 1/96 tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni Doganali KE-Turkija, tal-20 ta’ Mejju 1996, dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/95 (ĠU L 200, p. 14), l-Istati Membri u r-Repubblika tat-Turkija għandhom jgħinu lil xulxin sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta’ din id-Deċiżjoni, permezz tal-amministrazzjonijiet doganali rispettivi tagħhom u fil-kuntest tal-għajnuna reċiproka prevista fl-Anness 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/95, għall-kontroll tal-awtentiċità u r-regolarità taċ-ċertifikati.
11 Minbarra dan, l-Artikolu 13(2) tad-Deċiżjoni Nru 1/96 jistipula:
“L-uffiċċju doganali fejn issir id-diviżjoni għandu joħroġ estratt taċ-ċertifikat A. TR. għal kull parti tal-kunsinna diviża billi juża għal dan il-għan formola taċ-ċertifikat A. TR.
Il-kaxxa 12 tal-estratt għandha tindika n-numru ta’ reġistrazzjoni, id-data, l-uffiċċju u l-pajjiż fejn ikun inħareġ iċ-ċertifikat inizjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
Il-leġiżlazzjoni relattiva għall-ħlas lura u l-maħfra tad-dazji doganali
12 L-Artikolu 239(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 301, p. 1, iktar’il quddiem il-“KDK”, jistipula:
“Dazji fuq l-importazzjoni [...] jistgħu jitħallsu lura jew jintbagħtu [jinħafru] f’sitwazzjonijiet [...]:
– [...]
– li jirriżultaw minn ċirkostanzi li fihom ebda ingann jew traskuraġni ovvja ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna interessata. Is-sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dak il-għan għandhom jiġu definiti skond il-proċedura tal-Kumitat. [...]”
13 L-Artikolu 905(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (ĠU L 253, p. 1, iktar’il quddiem ir-“Regolament għall-implementazzjoni tal-KDK”) jipprovdi:
“Meta l-awtorità doganali ta’ deċiżjoni li lilha l-applikazzjoni għar-rimbors jew remissjoni [maħfra] skond l-Artikolu 239(2) tal-[KDK] tkun ġiet sottomessa, ma tkunx tista’ tieħu deċiżjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 899, imma l-applikazzjoni tkun sostnuta minn prova li tista’ tikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari li tirriżulta minn ċirkostanzi li fihom l-ebda qerq jew negliġenza evidenti min-naħa ta’ l-interessat ma tkun attribwita lil dan, l-Istat Membru li lilu tkun tappart[j]eni din l-awtorità għandu jittrasmetti l-każ lill-Kummissjoni biex dan ikun deċiż skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 906 sa 909. [...]”
14 L-Artikolu 904(c) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-KDK jistipula:
“Dazji ta’ l-importazzjoni m’għandhomx jiġu rimborsati jew ikunu remissi [jinħafru] meta l-unika bażi li fuqha tkun saret l-applikazzjoni għar-rimbors jew għar-remissjoni [għall-maħfra] tkun, skond ma jkun il-każ:
[…]
c) il-preżentazzjoni, imqar in bona fede, għall-iskop ta’ awtorizzazzjoni għal trattament tar[...]if[f]arju preferenzjali a favur ta’ merkanzija ddikjarata għal ċirkolazzjoni libera, ta’ dokumenti li sussegwentament instabu foloz, falsifikati jew invalidi għall-awtorizzazzjoni għal trattament tariffarju preferenzjali.”
15 L-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK jiddisponi li daħliet sussegwenti fil-kontijiet tad-dazji li jirriżultaw minn dejn doganali m’għandhomx isiru fejn l-ammont ta’ dazju legalment dovut ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet bħala riżultat ta’ żball min-naħa tal-awtoritajiet doganali liema żball ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna responsabbli għall-ħlas, waqt li din tal-aħħar tkun aġġixxiet in bona fede u ħarset id-dispożizzjonijiet kollha stipulati mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-rigward tad-dikjarazzjoni doganali.
Il-fatti li wasslu għall-kawża
16 L-appellanti hija kumpannija inkorporata taħt il-liġi Taljana, sussidjarja għal 95.1 % tal-kumpannija Steinhauser GmbH, stabbilita f’Ravensburg. L-attività prinċipali tagħha hija li tipproċessa l-konċentrat tal-meraq ta’ frott importat u fl-istess ħin hija twettaq attività ta’ importazzjoni ta’ dawn il-prodotti fl-Italja.
17 Skont dak li kkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza, bejn il-5 ta’ April 1995 u l-20 ta’ Novembru 1997, l-appellanti importat u ħelset għal ċirkulazzjoni libera fil-Komunità meraq tat-tuffieħ u meraq tal-lanġas ikkonċentrat, iddikjarati bħala li ġejjin u li joriġinaw mit-Turkija. L-importazzjoni fil-Komunità ta’ dan it-tip ta’ prodott kienet saret permezz ta’ ċertifikati A.TR.1, b’mod li dawn il-prodotti bbenefikaw mill-eżenzjoni mid-dazji doganali prevista mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Protokoll Addizzjonali għal dan il-ftehim, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72 tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU L 293, p. 1).
18 Id-dipartiment doganali ta’ Ravenna (l-Italja) wettaq kontroll fuq id-dokumenti a posteriori fuq l-awtentiċità taċ-ċertifikat A.TR.1 D 141591, ippreżentat mill-appellanti waqt waħda mill-operazzjonijiet ta’ importazzjoni li seħħew fil-perijodu msemmi. Skont id-dispożizzjonijiet applikabbli f’dan il-qasam, it-talba għal verifika tal-awtentiċità tal-imsemmi ċertifikat intbagħtet lill-awtoritajiet Torok.
19 Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Mejju 1998, l-awtoritajiet Torok informaw lid-dipartiment doganali ta’ Ravenna li mill-kontroll imwettaq irriżulta li dan iċ-ċertifikat ma kienx awtentiku, peress li ma kienx inħareġ mill-awtoritajiet doganali Torok. Huma ddikjaraw, barra minn hekk, li kienu ser isiru iktar kontrolli.
20 Konsegwentement, l-awtoritajiet Taljani pproċedew għall-kontroll a posteriori ta’ 103 ċertifikati A.TR.1 ippreżentati mill-appellanti f’diversi operazzjonijiet ta’ importazzjoni.
21 Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Lulju 1998, ir-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Repubblika tat-Turkija fl-Unjoni Ewropea (iktar’il quddiem ir-“Rappreżentazzjoni Permanenti Torka”) informat lill-Kummissjoni li 22 ċertifikat A.TR.1 ippreżentati mill-appellanti, elenkati fl-Anness ta’ din l-ittra u li jikkonċernaw l-esportazzjonijiet tal-kumpannija Torka Akman lejn l-Italja, kienu foloz.
22 Wara din l-ittra, bejn it-12 u l-15 ta’ Ottubru 1998 kif ukoll it-30 ta Novembru u t-2 ta’ Diċembru 1998, l-Unità għall-Koordinament tal-Prevenzjoni tal-Frodi tal-Kummissjoni [(UCLAF), prekursur tal-OLAF] wettqet verifiki fit-Turkija.
23 Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Marzu 1999, ir-Rappreżentazzjoni Permanenti Torka informat lid-dipartiment doganali ta’ Ravenna li 32 ċertifikat A.TR.1 ippreżentati mill-appellanti (iktar’il quddiem iċ-“ċertifikati inkwistjoni”), li jinkludu 18-il ċertifikat elenkati fl-anness tal-ittra tal-10 ta’ Lulju 1998, ma kinux regolari u la kienu nħarġu u lanqas ivvalidati mill-awtoritajiet Torok. L-imsemmija ċertifikati huma indikati fl-anness ta’ din l-ittra.
24 Sussegwentement, in-non awtentiċità jew l-irregolarità ta’ numru kbir ta’ ċertifikati A. TR. 1 kienet is-suġġett ta’ diversi ittri li ġew skambjati bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Torok u l-awtoritajiet Taljani, fosthom l-ittri tal-awtoritajiet Torok tat-22 ta’ April 1999 u tas-16 ta’ Lulju 1999.
25 L-awtoritajiet doganali Taljani qiesu li jirriżulta mill-korrispondenza kollha li l-awtoritajiet Torok ikkunsidraw li 48 ċertifikat A.TR.1, inklużi ċ-ċertifikati inkwistjoni, kienu jew mhux awtentiċi jew irregolari.
26 F’dan il-każ, iċ-ċertifikati inkwistjoni kienu kkunsidrati bħala “foloz”, peress li la kienu inħarġu u lanqas ma ġew ivvalidati mill-uffiċċji doganali Torok. Min-naħa l-oħra, is-16-il ċertifikat l-oħra (li jikkorrispondu għal dazji doganali li jammontaw għal LIT 1 904 763 758, jew EUR 983 728.38) ġew ikklassifikati bħala “invalidi”, peress li, għalkemm kienu nħarġu mill-awtoritajiet doganali Torok, il-merkanzija kkonċernata ma kinitx toriġina mit-Turkija.
27 Peress li t-48 ċertifikat kollha ġew ikklassifikati bħala jew “foloz” jew “invalidi”, il-merkanzija koperta minnhom ma setgħetx tibbenefika mit-trattament preferenzjali mogħti lill-importazzjonijiet ta’ prodotti agrikoli Torok. Konsegwentement, l-amministrazzjoni doganali Taljana talbet lill-appellanti, bħala dazji doganali dovuti, l-ammont totali ta’ LIT 5 200 954 129, jew EUR 2 686 068.63.
28 Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Marzu 2000, l-appellanti, billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 220(2)(b) u l-Artikoli 236 u 239 tal-KDK, talbet lid-dipartiment doganali ta’ Ravenna biex ma jdaħħalx sussegwentement fil-kontijiet id-dazji fuq l-importazzjoni mitluba u biex iħallas l-imsemmija dazji lura. Insostenn tat-talba tagħha, l-appellanti invokat il-bona fede tagħha, l-iżbalji tal-awtoritajiet kompetenti li ma setgħetx tinduna bihom kif ukoll nuqqasijiet attribwiti lilhom.
29 Wara li saret it-talba tal-appellanti, l-awtoritajiet Taljani talbu lill-Kummissjoni tiddeċiedi jekk kienx iġġustifikat, minn naħa, skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, li ma jiddaħħlux sussegwentement fil-kontijiet id-dazji fuq l-importazzjoni kif mitlub mill-appellanti u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 239 tal-KDK, li dawn id-dazji “jitħallsu lura”.
30 Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni talbet ċerta informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet Taljani, li rrispondew permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ġunju 2002.
31 Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni informat lill-appellanti bl-intenzjoni tagħha li tirrifjuta t-talba tagħha. Madankollu, qabel ma ħadet deċiżjoni definittiva, il-Kummissjoni stiednet lill-appellanti biex tgħarrafha dwar l-osservazzjonijiet li seta’ kellha u biex tikkonsulta l-fajl sabiex tkun tista’ tikkonsulta d-dokumenti mhux kunfidenzjali.
32 Fis-6 ta’ Awwissu 2002, ir-rappreżentanti tal-appellanti kkonsultaw il-fajl amministrattiv fl-uffiċċji tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, huma ffirmaw dikjarazzjoni li tikkonferma li huma kellhom aċċess għad-dokumenti msemmija fl-anness tad-dikjarazzjoni.
33 Fit-18 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, innotifikata lill-appellanti fil-21 ta’ Novembru 2002. L-ewwel nett, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien iġġustifikat li d-dazji fuq l-importazzjoni li huma s-suġġett tat-talba jiddaħħlu fil-kontijiet.
34 It-tieni nett, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien iġġustifikat li jsir il-“ħlas lura” tad-dazji fuq l-importazzjoni għall-parti tat-talba fuq is-16-il ċertifikat invalidu, safejn l-appellanti kienet tinsab, fir-rigward tagħhom, f’sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-KDK.
35 It-tielet nett, għal dak li jikkonċerna ċ-ċertifikati inkwistjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet, min-naħa l-oħra, li ċ-ċirkustanzi invokati mill-appellanti ma kinux tali li joħolqu sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-KDK. Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet, fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata, li ma kienx iġġustifikat li jsir “ħlas lura” tad-dazji fuq l-importazzjoni relatati magħhom, li kienu jammontaw għal EUR 1 702 340.25.
Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata
36 B’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-29 ta’ Jannar 2003, l-appellanti talbet l-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċżiżjoni kkontestata.
37 In sostenn tat-talbiet tagħha, hija invokat tliet motivi bbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-Artikolu 239 tal-KDK u tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, rispettivament.
38 Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.
Fuq l-ewwel motiv
39 Bl-ewwel motiv tagħha, l-appellanti sostniet li d-drittijiet tad-difiża tagħha kienu ġew miksura matul il-proċedura amministrattiva inkwantu għalkemm hija kellha aċċess għall-fajl li fih jinsabu d-dokumenti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata, hija, madankollu, ma kellhiex aċċess għad-dokumenti li kellhom importanza deċiżiva għall-evalwazzjoni globali li l-Kummissjoni għamlet fuq is-sitwazzjoni.
40 Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan il-motiv għar-raġunijiet esposti fil-punti 87 sa 102 tas-sentenza appellata.
Fuq it-tieni motiv
41 It-tieni motiv, li hu bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 239 tal-KDK, hu magħmul minn erba’ partijiet. L-ewwel parti tikkonċerna l-klassifikazzjoni skorretta taċ-ċertifikat ta’ ċirkulazzjoni A.TR.1 D 437214. It-tieni u t-tielet partijiet jesponu n-nuqqasijiet serji attribwiti lill-awtoritajiet Torok u dawk attribwiti lill-Kummissjoni rispettivament sabiex juru l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-KDK. Fl-aħħar nett, ir-raba’ parti tikkonċerna n-nuqqas ta’ negliġenza evidenti tal-appellanti u l-evalwazzjoni tar-riskji kummerċjali.
42 Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li fakkret li d-deċiżjoni dwar l-oriġini tal-merkanzija kienet ibbażata fuq tqassim ta’ poteri bejn l-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni u dawk tal-Istat ta’ importazzjoni, fis-sens li l-oriġini tiġi stabbilita mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni, l-ewwel nett eżaminat il-korrispondenza skambjata bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Taljani u Torok.
43 F’dan ir-rigward, fil-punt 122 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-Kummissjoni bbażat ruħha, essenzjalment, fuq l-ittra tal-awtoritajiet Torok tat-8 ta’ Marzu 1999, mibgħuta lid-dipartiment doganali ta’ Ravenna, fir-rigward tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna ċ-ċertifikati inkwistjoni.
44 Madankollu, meta qabblet il-kontenut ta’ dik l-ittra u dak tal-komunikazzjonijiet sussegwenti tal-awtoritajiet Torok, il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 124 sa 128 tas-sentenza appellata, irrilevat l-eżistenza ta’ ambigwitajiet f’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni taċ-ċertifikat D 437214 u li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi b’mod validu li dan iċ-ċertifikat kien falz qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata
45 Minkejja dan, fid-dawl tal-kontenut tal-ittra tat-22 ta’ Awwissu 2003, jiġifieri wara d-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-awtoritajiet Torok ikkonfermaw il-konklużjonijiet kontenuti fl-ittra tagħhom tat-8 ta’ Marzu 1999, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li din il-kunsiderazzjoni waħedha mhijiex biżżejjed sabiex twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u dan peress li l-appellanti m’għandha l-ebda interess leġittimu fl-annullament ta’ deċiżjoni minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ rekwiżit proċedurali fil-każ fejn l-annullament tad-deċiżjoni jista’ biss jagħti lok għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida, identika, fis-sustanza, għad-deċiżjoni annullata
46 Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat it-tieni parti tat-tieni motiv li tirrigwarda d-diversi allegazzjonijiet ta’ nuqqasijiet tal-awtoritajiet Torok li huma bbażati essenzjalment fuq l-argument li l-imsemmija awtoritajiet Torok effettivament ħarġu u endorsjaw iċ-ċertifikati inkwistjoni.
47 F’dan ir-rigward, wara li fil-punti 150 sa 152 tas-sentenza appellata kkunsidrat li, minn banda, il-konstatazzjoni dwar in-natura oriġinali jew iffalsifikata tad-dokumenti maħruġin mill-awtoritajiet Torok kienet taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva ta’ dawn u li, mill-banda l-oħra, l-imsemmija awtoritajiet kienu sabu li ċ-ċertifikati inkwistjoni kienu foloz, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrespinġiet l-argument tal-appellanti fejn hija sostniet li t-timbri u l-firem fuq iċ-ċertifikati inkwistjoni juru li dawn x’aktarx inħarġu u ġew awtentikati mill-awtoritajiet Torok.
48 Fl-aħħar nett, hija rrilevat li la l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u lanqas id-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tiegħu ma kienu jipprovdu espressament għaż-żamma ta’ reġistri taċ-ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet Torok.
49 Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet li l-paragrafu 12 tal-punt II tal-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 1/96 jipprovdi għall-fatt li fil-kaxxa 12 taċ-ċertifikati A. TR. 1 għandu jitniżżel in-numru tad-dokument u li l-Artikolu 13 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li, f’każ li ċ-ċertifikati jkunu diviżi, il-kaxxa 12 tal-estratt għandu jsemmi, b’mod partikolari, in-numru ta’ reġistrazzjoni taċ-ċertifikat inizjali.
50 Madankollu, hija kkunsidrat li dan ma jimplikax li dawn kienu ċertifikati awtentiċi, peress li l-falsifikaturi kellhom kull interess li jużaw, għaċ-ċertifikati falsifikati, numru ta’ reġistrazzjoni li jikkorrispondi għal ċertifikat regolari.
51 Fir-rigward tat-tielet parti tat-tieni motiv, dwar sensiela ta’ allegazzjonijiet ta’ nuqqasijiet imputabbli lill-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq l-investigazzjonijiet li kienu twettqu mill-UCLAF fit-Turkija fejn ġie konkluż li l-Kummissjoni żgurat b’mod effettiv l-applikazzjoni tajba tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.
52 Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat ukoll, fil-punt 240 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma kinitx f’pożizzjoni turi li l-Kummissjoni kienet iltaqgħat ma’ xi diffikultajiet fil-kuntest tal-għajnuna amministrattiva miftiehma ma’ l-awtoritajiet Torok, li jiġġustifikaw li jiġu kkonsultati l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jew il-Kumitat Imħallat tal-Unjoni Doganali KE-Turkija (iktar’il quddiem il-“Kumitat Imħallat”).
53 Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet imbagħad li la l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, la d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni u lanqas il-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli ma kienu pprevedew xi obbligu li jinbagħtu kampjuni ta’ timbri u firem bejn il-partijiet kontraenti, jew xi obbligu li l-importaturi jiġu avżati f’każ ta’ dubji fir-rigward tal-validità tat-tranżazzjonijiet doganali mwettqa minn dawn tal-aħħar fil-kuntest ta’ sistema preferenzjali, jew li l-UCLAF jadotta ċertu metodu ta’ investigazzjoni.
54 Fir-rigward tar-raba’ parti tat-tieni motiv li tirrigwarda n-nuqqas ta’ negliġenza evidenti tal-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan il-motiv bħala irrilevanti wara li rrilevat li l-Kummissjoni, f’dik il-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar iċ-ċertifikati inkwistjoni, ma kinitx tat l-opinjoni tagħha fuq il-kwistjoni tad-diliġenza jew tan-negliġenza tal-appellanti.
Fuq it-tielet motiv
55 Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ukoll it-tielet motiv, li hu bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, u dan peress li l-appellanti ma wrietx li aġir pożittiv min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti kkontribwixxa għat-tfassil jew għall-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati inkwistjoni li rriżultaw foloz.
Fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u l-miżuri istruttorji mitluba
56 Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrespinġiet l-elementi ta’ prova u l-miżuri istruttorji mitluba mill-appellanti, bħal, inter alia, it-talba li l-Kummissjoni tintalab tipproduċi d-dokumenti kollha li l-appellanti qieset li ma setgħetx tikkonsulta fil-kuntest tal-aċċess għall-fajl amministrattiv.
It-talbiet tal-partijiet
57 Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla s-sentenza appellata;
– tilqa’ t-talbiet tagħha magħmulin fl-ewwel istanza; sussidjarjemnt, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża;
– tilqa’ t-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura magħmulin mill-appellanti fin-noti tagħha tat-28 ta’ Jannar 2003, tal-4 ta’ Awwissu 2003 u tal-11 ta’ Awwissu 2003; u
– tikkundanna lill-konvenuta fl-ewwel istanza għall-ispejjeż.
58 Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell kollu,
– tilqa’ t-talbiet kollha ppreżentati fl-ewwel istanza mill-Kummissjoni,
– tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż inklużi dawk inkorsi fl-ewwel istanza.
Fuq l-appell
59 In sostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem disa’ aggravji.
60 Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddeterminat it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istat ta’ esportazzjoni u l-Istat ta’ importazzjoni billi l-awtoritajiet Torok m’għandhomx, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, kompetenza esklużiva biex jikkonstataw in-natura awtentika jew le taċ-ċertifikati inkwistjoni.
61 Fit-tieni lok, l-appellanti tinvoka ksur tad-dritt tagħha ta’ aċċess għall-fajl li ma jistax jiġi limitat biss għad-dokumenti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata.
62 It-tielet u r-raba’ aggravji tagħha huma bbażati fuq tqassim żbaljat tal-oneru tal-prova minħabba li l-Qorti tal-Prim’Istanza tefgħet fuqha l-oneru tal-prova kollu, u ċaħdet it-talbiet tagħha biex jiġu ppreżentati provi u biex jittieħdu miżuri istruttorji.
63 Il-ħames aggravju jirrigwarda żbalji fil-klassifikazzjoni ġuridika tan-nuqqasijiet allegati kontra l-awtoritajiet Torok u l-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, l-appellanti tinvoka diversi lmenti dwar, l-evalwazzjoni taċ-ċertifikati inkwistjoni bħala irregolari jew mhux awtentiċi, il-fatt li ma ntbagħtux kampjuni tat-timbri u tal-firem, il-ksur tal-obbligu li l-importaturi jiġu avżati, il-mod kif l-investigazzjonijiet twettqu fit-Turkija u n-nuqqas li tiġi mgħarrfa bir-reġistrazzjoni taċ-ċertifikati inkwistjoni.
64 Permezz tas-sitt aggravju tagħha, hija tikkritika s-sentenza appellata inkwantu tafferma li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta tikkonsulta l-Kumitat Imħallat jew il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.
65 Is-seba’ aggravju tal-appell jirrigwarda l-allegazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkunsidratx l-interess leġittimu tagħha fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward taċ-ċertifikat A.TR.1 D 437214, filwaqt li t-tmien aggravju jikkonċerna n-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ta’ ekwità u tar-riskji fis-sentenza appellata.
66 Fl-aħħar lok, fid-disa’ aggravju, l-appellanti tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK.
Osservazzjonijiet preliminari
67 Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-appellanti sostniet, waqt is-seduta, li l-eżekuzzjoni tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata ġiet sospiża biss parzjalment, billi parti mid-dazji fuq l-importazzjoni marbutin maċ-ċertifikati inkwistjoni kienet tħallset minnha. Konsegwentement, din hija sitwazzjoni kemm ta’ ħlas lura tad-dazji fuq l-importazzjoni, għal dak li jirrigwarda l-ammonti li ħallset l-appellanti, kif ukoll ta’ maħfra ta’ dawn id-dazji, għal dak li jikkonċerna d-dazji mdaħħla sussegwentement fil-kontijiet, iżda li ma tħallsux mill-appellanti.
68 Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-appellanti invokat, insostenn tal-appell tagħha, diversi ilmenti marbutin kemm mal-ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali kif ukoll mal-ksur ta’ regoli sostantivi. Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ u minbarra l-aggravji bbażati fuq ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl u tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, dawn l-ilmenti, essenzjalment, jikkontestaw l-applikazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Artikolu 239 tal-KDK, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari fis-sens ta’ dan l-istess Artikolu. Għaldaqstant, qabel kollox għandhom jiġu eżaminati dawn l-ilmenti kollha.
Fuq il-ksur tal-Artikolu 239 tal-KDK
L-argumenti tal-partijiet
69 L-appellanti tikkritika, essenzjalment, il-klassifikazzjoni ġuridika magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza tan-nuqqasijiet allegati, minn naħa waħda, kontra l-awtoritajiet Torok u min-naħa l-oħra, kontra l-Kummissjoni.
70 Fir-rigward tan-nuqqasijiet allegati kontra l-awtoritajiet Torok, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ liġi taħt diversi aspetti:
– meta evalwat iċ-ċertifikati inkwistjoni, u b’mod partikolari ċ-ċertifikat A.TR.1 D437214, billi rriżulta li dawn kienu ffalsifikati;
– fir-rigward tan-nuqqas min-naħa tal-awtoritajiet Torok li jwettqu l-obbligi tagħhom relattivi għall-kampjuni tat-timbri u tal-firem li jużaw, u għar-reġistrazzjoni taċ-ċertifikati li joħorġu;
– fil-kuntest tal-għajnuna reċiproka, fir-rigward tal-eżistenza ta’ involviment tal-awtoritajiet Torok fil-ħruġ taċ-ċertifikati inkwistjoni, u
– fir-rigward ta’ elementi oħrajn li, fil-fehma tagħha, juru nuqqasijiet min-naħa tal-awtoritajiet Torok li jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari fir-rigward tagħha.
71 Għal dak li jikkonċerna l-allegati nuqqasijiet tal-Kummissjoni, l-appellanti ssostni li jeżistu biżżejjed indizji oġġettivi li jsostnu l-konstatazzjoni dwar il-ksur sistematiku u volontarju min-naħa tal-awtoritajiet Torok, li kien imisshom iġġustifikaw kontroll rinforzat tas-sistema preferenzjali min-naħa tal-Kummissjoni.
72 L-appellanti hija tal-fehma wkoll, billi tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 93 tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-KDK u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1/96, li r-Repubblika tat-Turkija u l-Kummissjoni kienu ġuridikament marbutin jibagħtu l-kampjuni tat-timbri użati mill-awtoritajiet doganali Torok lill-uffiċjali doganali responsabbli jew jitolbu dawk il-kampjuni u dan anke matul il-perijodu ta’ referenza, jiġifieri 1995-1997.
73 Hija tenfasizza li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi wkoll meta ma kkonkludietx li l-Kummissjoni kienet marbuta tavża lill-importaturi tal-konċentrat tal-meraq tal-frott sa mhux iktar tard mill-aħħar tas-sena 1994 jew il-bidu tas-sena 1995, dwar l-irregolaritajiet li seħħew fit-Turkija fir-rigward tal-ħruġ taċ-ċertifikati A.TR.1, u kienet marbuta wkoll tikkonsulta l-Kumitat Imħallat jew il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.
74 Barra minn hekk, L-UCLAF naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu li jagħmel investigazzjoni kif xieraq fit-Turkija, inkwantu l-UCLAF ma adottax ċerti metodi ta’ investigazzjoni.
75 Fl-aħħar lok, l-appellanti tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza injorat il-fatt li ma jkunx ġust li l-appellanti titħalla ssofri d-dannu li jitnissel mid-deċiżjoni inkwistjoni u dan imur kontra l-prinċipju ta’ ekwità li fuqu hu bbażat l-Artikolu 239 tal-KDK, invista tar-rapport bejn l-operatur ekonomiku u l-amministrazzjoni.
76 Il-Kummissjoni tikkunsidra, preliminarjament, li l-aggravji mqajma mill-appellanti għal dak li jikkonċerna n-nuqqasijiet allegati kontriha u kontra l-awtoritajiet Torok ma jirrigwardawx kwistjonijiet ta’ liġi, iżda jikkonsistu f’evalwazzjonijiet fattwali, li ma jistgħux jiġu kkontestati fil-kuntest ta’ appell.
77 Barra minn hekk, hija tafferma li d-dispożizzjonijiet legali applikabbli għal dan il-każ la kienu jimponu fuq ir-Repubblika tat-Turkija u lanqas fuq il-Kummissjoni l-obbligu li jibagħtu kampjuni tat-timbri jew tal-firem, u lanqas li jżommu reġistri taċ-ċertifikati A. TR. 1.
78 Għal dak li jikkonċerna l-avviż lill-importaturi, il-Kummissjoni tfakkar li l-importazzjonijiet inkwistjoni f’dan il-każ ikopru l-perijodu bejn ix-xahar ta’ April tal-1995 u dak ta’ Novembru tal-1997, mentri d-dubji dwar l-awtentiċità taċ-ċertifikati A.TR.1 u r-regolarità tal-kontenut tagħhom qamu biss wara, jiġifieri mis-sena 1998.
79 Hija tenfasizza wkoll li ma kellha ebda raġuni għalfejn tinvolvi l-Kumitat Imħallat jew il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni f’dan il-każ, u dan fid-dawl tal-kooperazzjoni kontinwa offruta mill-awtoritajiet Torok.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
– Fuq l-ammissibbiltà
80 Skont l-Artikoli 225(1) KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ liġi u għandu jkun ibbażat fuq motivi ta’ inkompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ta’ ksur tal-proċedura quddiemha li jagħmel ħsara lill-interessi tal-appellant kif ukoll ta’ ksur tad-dritt Komunitarju mill-Qorti tal-Prim’Istanza (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat- 28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il-Kummissjoni, C-17/07 P, punt 73).
81 In sostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka diversi ċirkustanzi li, fil-fehma tagħha, jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-KDK.
82 Skont ġurisprudenza stabbilita, tali sitwazzjoni partikolari tiġi stabbilita meta jirriżulta miċ-ċirkustanzi tal-każ li d-debitur jinsab f’sitwazzjoni eċċezzjonali meta mqabbel mal-operaturi l-oħra li jeżerċitaw l-istess attività bħalu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, Trans-Ex-Import, C-86/97, Ġabra p. I-1041, punti 21 u 22, kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 1999, De Haan, C-61/98, Ġabra p. I-5003, punti 52 u 53). Huwa fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk dawn jikkostitwixxux sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-KDK.
83 L-ilmenti invokati fil-kuntest tal-appell jammontaw għal kritika tal-applikazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata tal-Artikolu 239 tal-KDK, inkwantu ddeċidiet li ċ-ċirkustanzi tal-każ ma jikkostitwixxux sitwazzjoni partikolari. Din il-klassifikazzjoni ġuridika hija kwistjoni ta’ liġi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina fil-kuntest ta’ appell.
84 Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi respinta.
– Fuq il-mertu
85 Qabel kollox għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 239 tal-KDK jikkostitwixxi klawżola ġenerali ta’ ekwità (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ April 2008, Militzer & Münch, C-230/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 50).
86 Skont l-Artikolu 239 tal-KDK, id-debitur għandu dritt għal ħlas lura jew maħfra tad-dazji doganali, sakemm ikunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari u n-nuqqas ta’ traskuraġni ovvja u ingann min-naħa tiegħu.
87 Fir-rigward tad-diliġenza tal-appellanti u n-nuqqas ta’ ingann min-naħa tagħha, għandu jiġi speċifikat li dawn mhumiex is-suġġett ta’ dan l-appell. Fil-fatt, hekk kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 295 tas-sentenza appellata, hija ma ddeċidietx, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar iċ-ċertifikati inkwistjoni, fuq il-kwistjoni tad-diliġenza jew tan-negliġenza tal-appellanti.
88 Għal dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikoli 239 tal-KDK, din tiġi stabbilita, kif ġie mfakkar fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, meta jirriżulta miċ-ċirkustanzi tal-każ li d-debitur jinsab f’sitwazzjoni eċċezzjonali meta mqabbel mal-operaturi l-oħra li jeżerċitaw l-istess attività bħalu u li, fin-nuqqas ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx isofri d-dannu marbut mad-dħul sussegwenti fil-kontijiet tad-dazji doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 1987, Coopérative agricole d'approvisionnement des Avirons, 58/86, Ġabra p. 1525, punt 22).
89 B’hekk, sabiex tiddetermina jekk iċ-ċirkustanzi tal-każ jikkostitwixxux sitwazzjoni partikolari li la tinvolvi traskuraġni ovvja u lanqas ingann min-naħa tal-persuna kkonċernata fis-sens tal-Artikolu 239 tal-KDK, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-informazzjoni kollha dwar il-fatti li tkun rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 1986, Oryzomyli Kavallas u Oryzomyli Agiou Konstantinou vs Il-Kummissjoni, 160/84, Ġabra p. 1633, punt 16).
90 Dan l-obbligu jimplika, f’każ bħal dak inkwistjoni fejn id-debitur invoka, insostenn tat-talba tiegħu għal ħlas lura jew maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni, l-eżistenza ta’ ċerti nuqqasijiet gravi min-naħa tal-awtoritajiet Torok u tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li l-Kummissjoni tevalwa, meta teżamina din it-talba, il-fatti kollha relattivi għaċ-ċertifikati inkwistjoni li saret taf bihom fil-qadi tal-funzjoni tagħha ta’ sorveljanza u kontroll tal-applikazzjoni korretta tal-imsemmi ftehim.
91 Din il-konklużjoni hi sostnuta mill-Artikolu 904c tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-KDK li jipprovdi li dazji fuq l-importazzjoni m’għandhomx jitħallsu lura jew jinħafru meta “l-unika bażi” li fuqha tkun saret it-talba għall-ħlas lura jew għall-maħfra tkun il-preżentazzjoni, imqar in bona fede, għall-iskop ta’ awtorizzazzjoni għal trattament tariffarju preferenzjali, ta’ dokumenti li sussegwentament instabu foloz, falsifikati jew invalidi għall-awtorizzazzjoni għall-imsemmi trattament.
92 Min-naħa l-oħra, ċirkustanzi oħra invokati insostenn ta’ talba għall-ħlas lura jew għall-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni, bħall-kontroll inadegwat min-naħa tal-Kummissjoni tal-applikazzjoni korretta tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jistgħu jikkostitwixxu tali sitwazzjoni partikolari.
93 Għalkemm il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 239 tal-KDK, hija ma tistax tinjora l-obbligu tagħha li tibbilanċja b’mod effettiv, minn naħa, l-interess tal-Komunità fl-osservanza sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni doganali, kemm jekk tkun Komunitarja jew li tivvinkola l-Komunità, u, min-naħa l-oħra, l-interess tal-importatur in bona fede sabiex ma jsostnix ħsarat li jiżbqu r-riskju kummerċjali ordinarju.
94 Dan l-ibbilanċjar jifforma l-bażi tal-imsemmi Artikolu 239 li jikkostitwixxi, kif ġie mfakkar fil-punt 85 ta’ din is-sentenza, klawżola ġenerali ta’ ekwità. Konsegwentement, meta teżamina talba għall-ħlas lura jew għall-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tikkontenta ruħha li tevalwa l-aġir u l-attivitajiet tal-imporatatur u tal-esportatur. Hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll, b’mod partikolari, l-effett tal-aġir tagħha, fuq is-sitwazzjoni konkreta tal-każ inkwistjoni, fil-kuntest tal-obbligu tagħha ta’ sorveljanza u kontroll.
95 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li jirriżulta mill-Artikolu 211 KE li l-Kummissjoni, bħala l-istituzzjoni li tissalvagwardja t-Trattat KE u l-ftehim konklużi skont dan it-Trattat, hija marbuta tiżgura l-applikazzjoni korretta minn pajjiż terz tal-obbligi li jkun daħal għalihom taħt ftehim konkluż mal-Komunità permezz tal-metodi previsti mill-ftehim jew minn deċiżjonijiet meħudin skont dan il-ftehim.
96 Dan l-obbligu jirriżulta wkoll mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni stess, u minn diversi deċiżjonijiet adottati biex jiġi implementat. B’hekk, l-Artikolu 7 ta’ dan il-ftehim, moqri flimkien mal-Artikolu 211 KE, jeżiġi li l-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri ġenerali jew partikolari kollha li jkunu xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmi ftehim.
97 Barra minn hekk, skont l-Artikolu 24 ta’ dan l-istess ftehim, il-Kummissjoni għandha tkun preżenti fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni u għandha tipparteċipa, bħala rappreżentanti tal-Komunità, fil-kumitati differenti, istitwiti minn dan il-kunsill, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-kooperazzjoni neċessarja għall-operat tajjeb tal-ftehim. B’hekk, skont l-Artikolu 52(2) tad-Deċiżjoni Nru 1/95, il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Kumitat Imħallat f’każ li jqumu diffikultajiet għall-Komunità jew għar-Repubblika tat-Turkija fl-implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.
98 Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha rappreżentazzjoni permanenti fit-Turkija, ħaġa li tippermettilha, għall-inqas, tkun informata, b’mod affidabbli, fuq l-iżviluppi ġuridiċi f’dan l-Istat u, b’mod partikolari, fuq l-istat tal-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim.
99 Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fil-kuntest tal-obbligu tagħha ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tal-applikazzjoni korretta tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-Kummissjoni għandha prerogattivi importanti.
100 B’hekk, il-Kummissjoni tista’ titlob, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tal-Anness 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/95, lill-awtoritajiet Torok kwalunkwe informazzjoni li tista’ tippermettilha tiżgura ruħha li l-leġiżlazzjoni doganali tkun qed tiġi applikata b’mod korrett.
101 Din l-istituzzjoni tista’ wkoll, skont il-paragrafu 4(1) tal-imsemmi Artikolu, titlob lill-awtoritajiet Torok sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jeżerċitaw sorveljanza partikolari fuq il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li dwarhom jeżistu suspetti raġonevoli li qed iwettqu jew li wettqu operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali.
102 Barra minn hekk, skont l-Artikolu 7(3) u (4) tal-imsemmi anness, l-uffiċjali tal-Kummissjoni debitament awtorizzati jistgħu jiġbru, fl-uffiċċji rispettivi tal-awtoritajiet doganali Torok, informazzjoni relattiva għall-operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali jew jistgħu jkunu preżenti matul l-investigazzjonijiet imwettqa fit-territorju Tork, bi qbil ma’ u skont il-kundizzjonijiet previsti minn dawn l-awtoritajiet.
103 Minbarra dan, l-istess japplika għall-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Nru 1/96 li jistipula li, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta’ din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri u r-Repubblika tat-Turkija għandhom jgħinu lil xulxin, permezz tal-amministrazzjonijiet doganali rispettivi tagħhom u fil-kuntest tal-għajnuna reċiproka prevista fl-Anness 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/95, għall-kontroll tal-awtentiċità u r-regolarità taċ-ċertifikati.
104 Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax raġonevolment tippretendi, kif għamlet waqt is-seduta, li tinsab fl-istess sitwazzjoni bħall-appellanti f’dak li jikkonċerna l-verifika tal-fatti li ġraw f’pajjiż terz, jiġifieri fit-Turkija. Għall-kuntrarju, hija għandha tuża b’mod sħiħ il-prerogattivi tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tad-deċiżjonijiet adottati biex jiġi implementat, sabiex ma tonqosx mill-obbligi tagħha ta’ sorveljanza u kontroll tal-applikazzjoni korretta tal-imsemmi ftehim.
105 Tali użu huwa partikolarment neċessarju f’sitwazzjoni fejn l-esportazzjonijiet lejn l-istess port Komunitarju, jiġifieri dak ta’ Ravenna, permezz tal-istess kumpannija esportatriċi Torka, matul l-istess perijodu ta’ referenza, kienu twettqu, skont dak li ġie kkonstatat fis-sentenza appellata, b’ċertifikati kemm irregolari kif ukoll mhux awtentiċi.
106 L-użu sħiħ tal-prerogattivi tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-obbligu tagħha ta’ sorveljanza u kontroll tal-applikazzjoni korretta tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni hu meħtieġ ukoll mill-fatt li l-evalwazzjonijiet magħmulin mill-awtoritajiet Torok fir-rigward tan-non awtentiċità jew l-irregolarità taċ-ċertifikati inkwistjoni juru ċerti ambigwitajiet jew, għall-inqas, ċerti inkoerenzi.
107 B’hekk, kif ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 120 sa 128 tas-sentenza appellata, meta l-kontenut tal-ittra tal-awtoritajiet Torok tat-8 ta’ Marzu 1999 titqabbel mal-kontenut tal-komunikazzjonijiet sussegwenti tal-istess awtoritajiet, bħall-ittra tar-Rappreżentazzjoni Permanenti Torka lill-UCLAF tat-22 ta’ April 1999, jirriżultaw ċerti ambigwitajiet għal dak li jikkonċerna n-natura allegatament mhux awtentika taċ-ċertifikat D 437214.
108 Għal dak li jikkonċerna żewġ ċertifikati A. TR. 1 oħra, li l-awtentiċità tagħhom ġiet eżaminata mill-awtoritajiet Torok fil-kuntest tal-istess eżerċizzju ta’ verifika a posteriori, anki jekk ma jagħmlux parti miċ-ċertifikati inkwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 198 ssa 201 tas-sentenza appellata, ikkonstatat ukoll ċerti inkoerenzi inkwantu l-awtoritajiet Torok ikklassifikawhom, fi stadji differenti tal-proċedura, jew bħala ffalsifikati, jew inkorretti, jew anki parzjalment inkorretti.
109 Minbarra dan, kif jirriżulta mis-sentenza appellata, l-użu mill-imsemmija awtoritajiet ta’ diversi termini biex jiddeskrivu r-riżultat tal-verifiki tagħhom taċ-ċertifikati vverifikati, bħal, b’mod partikolari, “foloz” (l-ittra tar-Rappreżentazzjoni Permanenti Torka lill-UCLAF tal-10 ta’ Lulju 1998, imsemmija fil-punt 41 tas-sentenza appellata), “[mhux] korretti u ma nħarġux jew ma ġewx endorsjati mill-uffiċċju doganali [Tork]” (l-ittra tad-Direttorat Ġenerali Tork tad-Dwana tat-8 ta’ Marzu 1999, imsemmija fil-punt 123 tas-sentenza appellata), “inkorretti u ma nħarġux skont ir-regoli ta’ oriġini” (ittra tar-Rappreżentazzjoni Permanenti Torka lill-UCLAF tat-22 ta’ April 1999, imsemmija fil-punt 124 tas-sentenza appellata), “inkorrett[i]” (l-ittra tad-Direttorat Ġenerali Tork tad-Dwana tas-16 ta’ Lulju 1999, imsemmija fil-punt 200 tas-sentenza appellata), ukoll ta lok għal ambigwitajiet.
110 Barra minn hekk, it-termini differenti użati mill-awtoritajiet Torok fil-korrispondenza tagħhom mal-Kummissjoni u l-awtoritajiet doganali Taljani ma jikkorrispondux mal-kunċetti ta’ “awtentiċità” u ta’ “regolarità” previsti fl-Artikoli 11 tad-Deċiżjoni Nru 5/72 u 15 tad-Deċiżjoni Nru 1/96.
111 L-ambigwitajiet u l-inkoerenzi deskritti hawn fuq imisshom wasslu lill-Kummissjoni biex ikollha dubji dwar l-evalwazzjonijiet magħmulin mill-awtoritajiet Torok. Il-Kummissjoni, f’dawn il-kundizzjonijiet, imissha żgurat ruħha, fil-kuntest tad-dmir tagħha ta’ sorveljanza u kontroll tal-applikazzjoni korretta tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li l-awtoritajiet Torok kienu kklassifikaw, b’mod korrett, l-imsemmija ċertifikati jew bħala irregolari, jew bħala ċertifikati mhux awtentiċi.
112 Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma użatx il-prerogattivi kollha li jagħtuha l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u d-dispożizzjonijiet li jimplementawh.
113 Fl-ewwel lok, għalkemm l-UCLAF wettaq żewġ investigazzjonijiet fit-Turkija bejn it-12 u l-15 ta’ Ottubru 1998, kif ukoll bejn it-30 ta’ Novembru u t-2 ta’ Diċembru 1998, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball meta ddeċidiet, fil-punt 218 tas-sentenza appellata, li ebda prova ma kienet tippermetti li wieħed jissoponi li l-UCLAF ma setax iwettaq investigazzjoni fid-dettall, b’mod partikolari fir-rigward tal-amministrazzjoni doganali ta’ Mersin. Jirriżulta b’mod ċar mir-rapporti ta’ missjoni tal-UCLAF tad-9 u tat-23 ta’ Diċembru 1998 li, l-uffiċċju doganali li minnu l-prodotti inkwistjoni ġew esportati lejn il-Komunità, jiġifieri dak ta’ Mersin, mhuwiex waħda mill-organizzazzjonijiet li żaru l-investigaturi fit-Turkija. B’hekk, huma ma setgħux jivverifikaw l-awtentiċità jew le taċ-ċertifikati inkwistjoni. Fil-fatt, iż-żewġ rapporti ta’ missjoni tal-UCLAF tad-9 u tat-23 ta’ Diċembru 1998 ma jittrattawx il-kwistjoni jekk iċ-ċertifikati inkwistjoni kinux effettivament falsifikati jew, min-naħa l-oħra, inħarġux bi żball mill-awtoritajiet Torok.
114 Din il-konstatazzjoni hi kkonfermata b’ittra tad-9 ta’ Diċembru 1998, jiġifieri wara l-investigazzjonijiet imwettqa mill-UCLAF fit-Turkija, li fihom id-Direttur tal-UCLAF, is-Sur Knudsen, talab lill-awtoritajiet Torok jagħtu “b’urġenza” l-kunsens tagħhom għal verifika konġunta fl-uffiċċju doganali ta’ Mersin, sabiex jinkisbu dettalji dwar l-esportazzjonijiet kollha ta’ konċentrat tal-meraq tal-frott minn tmiem l-1993 li kienu twettqu mill-kumpannija Akman.
115 Ma jistax jiġi kkontestat, f’dan ir-rigward, li, biex issir verifika fl-uffiċċji rispettivi tal-awtoritajiet doganali Torok, il-Kummissjoni kellu jkollha, skont l-Artikolu 7(3) tal-Anness 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/95, il-kunsens tal-imsemmija awtoritajiet. Hu biżżejjed li jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni b’ebda mod ma semmiet in-nuqqas ta’ kunsens min-naħa tal-awtoritajiet Torok li kien jimpedixxiha milli twettaq tali verifika fil-post.
116 Fit-tieni lok, jirriżulta mill-punti 244 sa 259 tas-sentenza appellata li l-Kummissjoni ma eżiġietx mill-awtoritajiet Torok il-kampjuni tal-marka li jħallu t-timbri użati fl-uffiċċju doganali ta’ Mersin u ma bagħtithomx lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet f’dan ir-rigward li, matul il-perijodu kollu li jkopri l-importazzjonijiet inkwistjoni, ir-Repubblika tat-Turkija u l-Kummissjoni ma kienu suġġetti għal ebda obbligu li jibagħtu lil xulxin il-kampjuni tal-marka li jħallu t-timbri użati mill-uffiċċji doganali.
117 Hu l-fatt li jintbagħtu l-kampjuni tal-marka li jħallu t-timbri u tal-firem użati f’dawn l-uffiċċji li jippermetti li ssir sorveljanza effettiva tal-osservanza tar-regoli doganali relattivi għall-preferenzi tariffarji.
118 L-obbligu tal-Kummissjoni li tiżgura li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiġi applikat b’mod korrett jeżiġi li hija, u, permezz tagħha, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, jkollha, f’kull ħin, l-elementi kollha li jistgħu jippermettulha twettaq kontroll effettiv u l-kampjuni tal-marka li jħallu t-timbri u tal-firem bla dubju jikkostitwixxu tali elementi.
119 Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 255 tas-sentenza appellata, jirriżulta mingħajr ebda ambigwità mill-kliem tal-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/96, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 2/97 tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni Doganali KE-Turkija, tat-30 ta’ Mejju 1997 (ĠU L 249, p. 18), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 1997, li “l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, tal-Kummissjoni u [tar-Repubblika tat-]Turkija għandhom jibagħtu lil xulxin, permezz tal-Kummissjoni […], il-kampjuni tal-marka li jħallu t-timbri użati fl-uffiċċji tagħhom biex jinħarġu ċertifikati ta’ ċirkulazzjoni tal-merkanzija A. TR” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
120 Fi kwalunkwe każ, anki qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kien imissha, sabiex tippermetti l-applikazzjoni korretta tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, titlob lill-awtoritajiet Torok jibagħtulha l-imsemmija kampjuni abbażi tal-Artikolu 3 tal-Anness 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/95, li jawtorizzaha titlob “kwalunkwe informazzjoni li tista’ tippermettilha tiżgura ruħha li l-leġiżlazzjoni doganali tkun qed tiġi applikata b’mod korrett” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
121 Il-fatt li r-Repubblika tat-Turkija bagħtet il-kampjuni tat-timbri użati għaċ-ċertifikati A. TR. 1 b’mod volontarju, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 258 tas-sentenza appellata, ma jpoġġix fid-dubju l-konklużjoni li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li teżiġi mill-awtoritajiet Torok li jibagħtulha l-kampjuni tal-marka li jħallu t-timbri u tal-firem użati fl-uffiċċji doganali ta’ Mersin u li, imbagħad, tibgħathom lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri.
122 Fl-aħħar lok, jirriżulta wkoll mill-punti 153 sa 160 tas-sentenza appellata li l-Kummissjoni kkuntentat ruħha biss li tosserva li la l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u lanqas id-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tiegħu ma kienu jipprovdu espressament għaż-żamma, fit-Turkija, ta’ reġistri li fihom kellhom jiġu rreġistrati ċ-ċertifikati doganali u li, xorta waħda, l-eventwali eżistenza ta’ tali reġistri ma kinitx timplika li kienu ċertifikati awtentiċi, peress li l-falsifikaturi kellhom kull interess li jużaw għaċ-ċertifikati falsifikati numru ta’ reġistrazzjoni li jikkorrispondi għal ċertifikat regolari. Dan ir-raġunament ġie aċċettat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 161 u 162 tas-sentenza appellata.
123 Madankollu, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li r-reġistrazzjoni taċ-ċertifikati maħruġin mill-awtoritajiet doganali hi prattika indispensabbli fil-kummerċ internazzjonali. Fil-fatt, jekk ma jinżammux tali reġistri, ikun hemm ir-riskju li l-effettività ta’ kwalunkwe kontroll a posteriori taċ-ċertifikati maħruġin mill-awtoritajiet doganali rispettivi tisfa’ fix-xejn.
124 Barra minn hekk, l-obbligu tal-awtoritajiet doganali li jirreġistraw iċ-ċertifikati A. TR. 1 jirriżulta, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 161 tas-sentenza appellata, mid-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/96 jipprovdi li, f’każ li ċ-ċertifikati jkunu diviżi, il-kaxxa 12 tal-estratt għandha tindika, b’mod partikolari, in-numru ta’ reġistrazzjoni taċ-“ċertifikat inizjali”. Għalkemm l-imsemmi Artikolu 13 japplika għall-każ speċifiku ta’ ċertifikati diviżi, huwa ċar li, fil-kaxxa 12 tal-formola taċ-ċertifikat A. TR. 1 għandu jiġi indikat in-numru tar-reġistrazzjoni taċ-“ċertifikat inizjali”, jiġifieri ċ-ċertifikat inizjali għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi rreġistrat ukoll fir-reġistri doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni.
125 Għal dak li jikkonċerna l-affermazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tinsab fil-punt 162 tas-sentenza appellata, li l-falsifikaturi kellhom kull interess li jużaw numru ta’ reġistrazzjoni li jikkorrispondi għal ċertifikat regolari li diġà kien ġie rreġistrat, din mhijiex tali li tiddispensa lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.
126 Għall-kuntrarju, peress li din l-affermazzjoni timplika importazzjoni doppja fil-Komunità magħmula taħt il-kopertura ta’ ċertifikati A. TR. 1 bl-istess numru ta’ reġistrazzjoni, wieħed awtentiku u l-ieħor mhux awtentiku, il-Kummissjoni kellha tivverifika jekk tali importazzjoni doppja fil-Komunità taħt il-kopertura ta’ ċertifikati A. TR. 1 bl-istess numru ta’ reġistrazzjoni kinitx effettivament seħħet. Mill-argumenti tal-Kummissjoni kemm quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ jiġi dedott li dan ma kienx il-każ.
127 Barra minn hekk, peress li l-ebda waħda miż-żewġ missjonijiet tal-UCLAF ma twettqet mill-uffiċċju doganali ta’ Mersin, kif ġie mfakkar fil-punt 113 ta’ din is-sentenza, dawn lanqas ma setgħu jivverifikaw l-eżistenza ta’ tali reġistri, jew ir-reġistrazzjoni jew in-nuqqas ta’ reġistrazzjoni taċ-ċertifikati inkwistjoni f’dawn ir-reġistri.
128 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi tagħha ta’ sorveljanza u kontroll tal-applikazzjoni korretta tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.
129 Li kieku l-Kummissjoni ma naqsitx mill-obbligi tagħha b’dan il-mod, il-falsifikazzjonijiet taċ-ċertifikati inkwistjoni setgħu jiġu skoperti u kkjarifikati malli kienu twettqu l-ewwel importazzjonijiet fil-Komunità u l-ammont tat-telf finanzjarju, kemm għall-baġit Komunitarju kif ukoll għall-appellanti, kien jista’ jiġi limitat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni b’hekk kienet tista’, mal-iskoperta ta’ dawn il-falsifikazzjonijiet, tavża lill-importaturi fil-ħin u tikkonsulta, jekk kien hemm bżonn, lill-Kumitat Imħallat.
130 Fi kwalunkwe każ, li kieku l-Kummissjoni użat b’mod sħiħ il-prerogattivi li għandha fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, id-dubji fir-rigward tan-non awtentiċità jew l-irregolarità taċ-ċertifikati inkwistjoni setgħu jiġu eliminati u l-awtentiċità jew in-non awtentiċità tagħhom setgħet tiġi stabbilita b’ċertezza.
131 Minn dan isegwi li dan in-nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni jikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-KDK.
132 B’hekk, billi l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li ma kinitx ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-KDK, hija applikat ħażin l-imsemmi Artikolu 239 u b’hekk wettqet żball ta’ liġi.
133 Għaldaqstant, dan l-aggravju huwa fondat.
134 Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar’il fuq, mhemmx lok li jiġu eżaminati l-aggravji bbażati fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl u fuq il-ksur tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK.
Il-konsegwenzi tal-annullament tas-sentenza appellata
135 Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Tista’ allura hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ hawnhekk.
136 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti fil-punti 85 sa 133 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 239 tal-KDK ma kinux sodisfatti u li konsegwentement, ma kienx hemm lok li jsir il-ħlas lura ta’ jew il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni relattivi għaċ-ċertifikati inkwistjoni. Għaldaqstant, l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat.
Fuq l-ispejjeż
137 L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqtal-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.
138 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi, kif mitlub mill-appellanti.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-6 ta’ Frar 2007, CAS vs Il-Kummissjoni (T-23/03), hija annullata.
2) L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Ottubru 2002 (REC 10/01) huwa annullat.
3) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy