Kawża C-214/07
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Repubblika Franċiża
“Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna — Inkompatibbiltà mas-suq komuni – Implementazzjoni tad-deċiżjoni — Irkupru ta’ għajnuna mqiegħda għad-dispożizzjoni — Impossibbiltà assoluta ta’ implementazzjoni”
Sommarju tas-sentenza
1. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna mogħtija — Motivi ta’ difiża — Impossibbiltà assoluta ta’ implementazzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni
(Artikoli 10 KE u 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 14(3))
2. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Obbligu — Benefiċjarju suġġett għal proċedura kollettiva — Determinazzjoni tad-debitur fil-każ ta’ trasferiment tal-attiv — Benefiċjarju tal-vantaġġ kompetittiv
(Artikolu 88(2) KE)
3. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat — Nuqqas ta’ implementazzjoni tad-deċiżjoni — Obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-miżuri ta’ implementazzjoni — Assenza
(Artikolu 88(2) KE)
1. L-uniku motiv ta’ difiża li jista’ jiġi invokat minn Stat Membru kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 88(2) KE huwa dak ibbażat fuq impossibbiltà assoluta li tiġi implementata korrettament id-deċiżjoni li tordna l-irkupru. Fil-każ ta’ diffikultajiet, il-Kummissjoni u l-Istat Membru għandhom, fid-dawl tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, skont l-Artikolu 10 KE, jikkollaboraw in bona fede sabiex jegħlbu dawn id-diffikultajiet f’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.
Il-kundizzjoni ta’ impossibbiltà assoluta li tiġi implementata deċiżjoni ma tiġix sodisfatta meta l-Istat Membru jinforma lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet ġuridiċi, politiċi jew prattiċi li l-implementazzjoni tad-deċiżjoni toħloq, mingħajr ma jieħu l-passi neċessarji sabiex jirkupra l-għajnuna mingħand l-impriżi kkonċernati u mingħajr ma jipproponi lill-Kummissjoni metodi alternattivi, għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni, li jippermettu li jiġu megħluba dawn id-diffikultajiet. F’dan ir-rigwrad, id-diffikultajiet, relatati mal-identifikazzjoni tal-benefiċjarji, mal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata kif ukoll mal-għażla u l-implementazzjoni tal-proċeduri ta’ rkupru, huma dovuti għal diffikultajiet interni attribwibbli għal atti jew omissjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali.
(ara l-punti 44-46, 50)
2. L-istabbiliment mill-ġdid tal-istatus quo ante u t-tneħħija tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għajnuna illegalment imħallsa jistgħu, bħala prinċipju, fir-rigward tal-impriżi benefiċjarji li waqfu milli jinnegozjaw u li huma s-suġġett ta’ proċedura kollettiva, jinkisbu billi l-kreditu relatat mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata jiġi inkluż fl-iskeda tal-passiv. Jekk it-terminu tal-preżentata tal-krediti skada, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom, ġaladarba teżisti u tkun għadha ma ngħalqitx, jimplementaw kull proċedura ta’ tneħħija tad-dekadenza li tkun tista’ tippermetti li l-preżentata tal-krediti tkun tista’ ssir barra mit-terminu. Meta l-benefiċjarji jkunu waqfu milli jinnegozjaw u ttrasferixxew l-assi tagħhom, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet finanzjarji tat-trasferiment kinux konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq. Jekk dan ikun il-każ, l-element tal-għajnuna jkun ġie evalwat bil-prezz tas-suq u inkluż fil-prezz tax-xiri, b’mod li x-xerrej ma jistax jitqies li bbenefika minn vantaġġ meta mqabbel mal-operaturi l-oħra fis-suq. Fil-każ kuntrarju, ma jistax jiġi eskluż li min qed jittrasferixxi jista’ jkun obbligat li jħallas lura l-għajnuna inkwistjoni, ladarba jiġi stabbilit li huwa jkun żamm it-tgawdija effettiva tal-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju ta’ din l-għajnuna. Għall-finijiet tal-verifika tal-kundizzjonijiet finanzjarji tat-trasferiment, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-forma li tintuża għat-trasferiment, pereżempju dik ta’ subbasta, preżunta bħala li tiggarantixxi bejgħ skont il-kundizzjonijiet tas-suq jew rapport tal-esperti eventwalment magħmul meta sar it-trasferiment. Meta l-assi jinxtraw minn bosta xerrejja differenti, xejn ma jipprekludi li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet finanzjarji ta’ kull waħda mill-operazzjonijiet kinux konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq. Fil-każ ta’ trasferiment tal-assi permezz ta’ negozjati privati, l-irkupru tal-għajnuna mingħand il-bejjiegħ ma jistax jiġi suġġett għar-referenza espliċita għal din l-għajnuna fl-att ta’ trasferiment. Dan jista’ jsir meta l-bejjiegħ kellu jkun jaf dwar l-eżistenza tal-għajnuna u ta’ proċedura ta’ investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni.
Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, l-Istat Membru konvenut ma jistax fi proċeduri ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jillimita ruħu li jagħmel dikjarazzjonijiet ġenerali u astratti, mingħajr ma jirreferi għal każijiet partikolari identifikati, analizzati fid-dawl tal-passi kollha li effettivament ittieħdu għall-finijiet tal-implementazzjoni tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 56-63)
3. Fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ippreżentat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88(2), il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex għalfejn teżamina t-talbiet intiżi sabiex Stat Membru jiġi kkundannat talli ma informax lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ implementazzjoni ta’ deċiżjoni li tgħid li skema ta’ għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni u li timponi l-irkupru tal-għajnuna mogħtija, peress li dan l-Istat Membru fil-fatt ma implementax dawn l-obbligi fit-terminu previst.
(ara l-punt 67)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
13 ta’ Novembru 2008 (*)
“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna – Inkompatibbiltà mas-suq komuni – Implementazzjoni tad-deċiżjoni – Irkupru ta’ għajnuna mqiegħda għad-dispożizzjoni – Impossibbiltà assoluta ta’ implementazzjoni”
Fil-Kawża C‑214/07,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 88(2) KE, ippreżentat fit-23 ta’ April 2007,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Giolito, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, S. Ramet u J.-C. Gracia, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.-C. Bonichot, K. Schiemann, P. Kūris u L. Bay Larsen (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma implementatx, fit-terminu mogħti, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/343/KE tas-16 ta’ Diċembru 2003, dwar l-iskema ta’ għajnuna implementata minn Franza għall-akkwiżizzjoni ta’ impriżi f’diffikultà (ĠU L 108, p. 38, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni”), ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-deċiżjoni, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE, kif ukoll l-Artikolu 10 KE.
2 Ir-Repubblika Franċiża tikkontesta l-fondatezza tar-rikors u titlob li dan jiġi miċħud.
Il-fatti li wasslu għall-kawża
3 Id-deċiżjoni tikkwalifika bħala skema ta’ għajnuna mill-Istat provvediment ta’ eżenzjonijiet mit-taxxa kkostitwit mill-Artikoli 44f, 1383 A, 1464 B u 1464 C tal-code général des impôts (Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa Franċiż, iktar ’il quddiem il-“CGI”). Dan il-provvediment ġie introdott permezz tal-loi de finances għall-1989, Nru 88-1149, tat-23 ta’ Diċembru 1988 (JORF tat-28 ta’ Diċembru 1988, p. 16320), mingħajr notifika preċedenti lill-Kummissjoni.
4 Skont l-Artikolu 44f tal-CGI, il-kumpanniji maħluqa sabiex jieħdu l-kontroll tal-attività ta’ impriżi industrijali f’diffikultà huma eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal perijodu ta’ sentejn. Skont l-Artikoli 1464 B u 1464 C tal-CGI, dawn il-kumpanniji li jkunu għadhom kif inħolqu jistgħu jibbenefikaw ukoll, fuq deċiżjoni tal-awtoritajiet lokali kompetenti, minn eżenzjoni mit-taxxa fuq in-negozju u mit-taxxa fuq il-proprjetà tul perijodu ta’ sentejn.
5 L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni jiddikjara din l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u jikkonstata li ġiet implementata illegalment fid-dawl tal-Artikolu 88(3) KE.
6 L-Artikolu 2 ta’ din l-istess deċiżjoni jeskludi madankollu mill-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat l-eżenzjonijiet mogħtija li jissoddisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001, dwar it-tħaddim tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar għajnuna de minimis (ĠU L 10, p. 30), jew mir-regoli de minimis applikabbli meta din l-għajnuna ngħatat.
7 L-Artikolu 3 jammetti barra minn hekk il-kompatibbiltà tal-għajnuna li taqa’ taħt l-Artikolu 1 li tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-iskemi ta’ għajnuna b’għan reġjonali tal-1979 (ĠU C 31, p. 9), mil-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali tal-1998 (ĠU C 74, p. 9), jew mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna tal-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 10, p. 33).
8 L-Artikolu 5 jordna bil-kliem li ġejjin l-irkupru tal-għajnuna illegali u inkompatibbli:
“Franza għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tirkupra mingħand il-benefiċjarji għajnuna mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1, ħlief dik imsemmija fl-Artikoli 2 u 3, u li għamlet disponibbli għal dawk il-benefiċjarji b’mod illegali.
L-irkupru għandu jiġi effettwat mingħajr dewmien u b’mod konformi mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali sa fejn dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-Deċiżjoni. […]”
9 L-Artikolu 6 jgħid:
“Franza għandha tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, bil-miżuri li tkun ħadet u li ser tieħu sabiex tikkonforma magħha.”
10 L-Artikolu 7 jkompli:
“Franza għandha tipprovdi din l-informazzjoni permezz ta’ formola annessa u għandha tikkompila lista eżawrjenti ta’ impriżi li rċevew għajnuna taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 u tal-ammonti mħallsa f’kull każ.
Franza għandha tikkompila lista ta’ impriżi li rċevew għajnuna taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet imsemmija mir-Regolament [Nru 69/2001], mir-regoli de minimis applikabbli meta ngħatat l-għajnuna, mir-Regolament [Nru 70/2001], mill-Komunikazzjoni tal-1979 fuq l-iskemi ta’ għajnuna b’għan reġjonali tal-1979 jew mil-linji gwida dwar għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali tal-1988. Il-lista għandha tispeċifika wkoll l-ammont ta’ għajnuna li kull impriża tkun irċeviet.”
11 Wara d-diversi skambji ta’ korrispondenza u noti ta’ tfakkir wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn previst mid-deċiżjoni għall-komunikazzjoni tal-miżuri meħuda u intenzjonati għall-eżekuzzjoni tagħha, il-Kummissjoni, peress li qieset li r-Repubblika Franċiża kienet għadha ma pproċedietx sabiex twettaq dawn il-miżuri, iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
L-argumenti tal-Kummissjoni
12 Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Franċiża ma pproċediet għal ebda rkupru kif mitlub mid-deċiżjoni.
13 Hija tippreċiża li hija stess aċċettat l-eżistenza ta’ impossibbiltà assoluta ta’ implementazzjoni fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn l-1991 u l-1993, peress li, fin-nuqqas ta’ data fiskali disponibbli għal dan il-perijodu, il-benefiċjarji tal-għajnuna matul dan l-istess perijodu ma jistgħux jiġu identifikati.
14 Min-naħa l-oħra, hija teskludi li hemm impossibbiltà assoluta ta’ implementazzjoni għall-perijodu ta’ wara s-sena 1993.
15 Fir-rigward tal-impriżi benefiċjarji li waqfu milli jinnegozjaw, imsemmija fl-iskambji ta’ korrispondenza relatati mal-implementazzjoni tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni ssostni li, fil-każ ta’ trasferiment tal-assi, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet finanzjarji tat-tranżazzjoni, sabiex jiġi żgurat li t-trasferiment ikun sar skont il-kundizzjonijiet tas-suq.
16 Skont il-ġurisprudenza, hija taħt din il-kundizzjoni li l-elementtal-għajnuna jkun jista’ jitqies li ġie inkluż fil-prezz tax-xiri, b’mod li x-xerrej ma jistax, bħala prinċipju, jitqies bħala li bbenefika minn vantaġġ (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Banks, C-390/98, Ġabra p. I‑6117, punt 77, u tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑277/00, Ġabra p. I-3925, punt 80), peress li l-benefiċċju tal-għajnuna jinżamm minn min biegħ.
17 Fil-każ fejn ma jeżistix suq partikolari għal ċertu beni ttrasferiti wara l-waqfien min-negozju, referenzi jew kriterji oħra jistgħu jintużaw sabiex jiġi vverifikat it-trasferiment eventwali tal-għajnuna lix-xerrej.
18 F’kull ipoteżi, l-irkupru tal-għajnuna ma jistax ikun suġġett għall-indikazzjoni tal-ammont tal-għajnuna fl-att ta’ trasferiment tal-assi. Fin-nuqqas ta’ dan, kien ikun faċli ħafna li wieħed jikkonfuta l-effett utli tar-regoli dwar għajnuna mill-Istat. Ikun biżżejjed li l-partijiet f’tranżazzjoni bi prezz inferjuri għal dak tas-suq ma jsemmux it-trasferiment tal-għajnuna fil-kuntratt. Għandu jingħad ukoll li l-verifika tal-eżistenza ta’ trasferiment tal-għajnuna lix-xerrej ma tistax tiddependi fuq is-sempliċi volontà tal-partijiet fit-tranżazzjoni.
19 Il-Kummissjoni tippreċiża li l-ilment tagħha bbażat fuq l-Artikolu 10 KE m’għandux jitqies bħala lment separat minn dak ibbażat fuq in-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-Artikoli 5 u 6 tad-deċiżjoni. Huwa sempliċement intiż sabiex jenfasizza kemm jimxu eċċessivament bil-mod l-awtoritajiet Franċiżi sabiex jikkonformaw rwieħhom ma’ din id-deċiżjoni.
L-argumenti tar-Repubblika Franċiża
20 Ir-Repubblika Franċiża tqis li l-miżuri kollha possibbli ġew adottati sabiex tiġi implementata d-deċiżjoni. Madankollu, l-irkupru huwa impossibbli fir-rigward tal-impriżi benefiċjarji li waqfu milli jinnegozjaw.
– Fuq l-irkupru tal-għajnuna fil-konfront tal-benefiċjarji li ma waqfux milli jinnegozjaw
21 Ir-Repubblika Franċiża telenka diversi diffikultajiet li ltaqgħet magħhom fl-identifikazzjoni tal-benefiċjarji, fil-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, kif ukoll fl-għażla u l-implementazzjoni tal-proċeduri intiżi għall-irkupru. Fl-opinjoni tagħha, dawn id-diffikultajiet jikkostitwixxu restrizzjonijiet esterni marbutin mal-kobor u l-kumplessità tal-eżerċizzju ta’ rkupru.
22 Id-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom fl-identifikazzjoni tal-benefiċjarji qabel kollox kienu relatati, fir-rigward tas-snin finanzjarji 1991, 1992 u l-1993, mar-regola tad-dritt nazzjonali li timponi li d-dokumenti tal-kontibbiltà jinżammu biss għal perijodu ta’ għaxar snin.
23 Għas-snin ta’ wara, dawn kienu relatati maċ-ċirkustanza li l-iskema ta’ għajnuna ma kinitx neċessarjament timplika identifikazzjoni speċifika tal-benefiċjarji fil-kuntest ta’ sistema dikjarattiva. Verifika kienet għaldaqstant neċessarja mill-awtoritajiet territorjali kompetenti.
24 Ir-Repubblika Franċiża ssostni li, fis-16 ta’ Marzu 2005, hija bagħtet lill-Kummissjoni lista ta’ 55 impriża li bbenefikaw minn għajnuna li kienet tammonta għal ammont gross lilhinn mill-limitu Komunitarju ta’ iktar minn EUR 1 000 000 bejn l-1994 u l-2002.
25 Hija żżid tgħid ukoll li, fis-7 ta’ Lulju 2006, bi tweġiba għal ittra tal-Kummissjoni tas-26 ta’ April 2006 li stednitha tikkomunikalha l-lista tal-impriżi kollha li bbenefikaw minn eżenzjoni tat-taxxa li kienet taqbeż l-EUR 100 000, hija bagħtet:
– lista ta’ 464 impriża benefiċjarja mhux suġġetta għal obbligu ta’ ħlas lura taħt id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar għajnuna de minimis, għajnuna b’għan reġjonali u għajnuna lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (iktar ’il quddiem l-“IŻM”);
– lista ta’ 105 impriżi benefiċjarji li, skont id-deċiżjoni, kellhom l-obbligu li jroddu lura għajnuna netta inferjuri għal EUR 200 000.
26 Fil-kontroreplika tagħha ppreżentata fit-22 ta’ Ottubru 2007, hija tannetti lista ta’ 88 impriża li għandhom iħallsu lura għajnuna li taqbeż l-EUR 200 000.
27 Fir-rigward tad-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom fid-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, ir-Repubblika Franċiża tattribwixxihom fl-ewwel lok għall-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni.
28 Hija tosserva li l-ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata huwa dak tal-eżenzjonijiet li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-Artikoli 2 u 3. Għandu jingħad ukoll li, fl-opinjoni tagħha, l-istess bħal fil-każ tal-identifikazzjoni tal-impriżi benefiċjarji, id-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna kienet teħtieġ il-ġabra ta’ informazzjoni mid-direttorati dipartimentalital-awtoritajiet tat-taxxa kollha, permezz ta’ konsultazzjoni tal-fajl komplet tat-taxxa tal-impriżi inkwistjoni. Fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa li saru fuq livell nazzjonali ma semmewx ċerta informazzjoni neċessarja għall-applikazzjoni tal-linji gwida Komunitarji dwar għajnuna b’għan reġjonali u għajnuna favur l-IŻM.
29 Ir-Repubblika Franċiża tindika li l-Kummissjoni aċċettat ċertu flessibbiltà fl-applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida u li, għaldaqstant, l-awtoritajiet kompetenti setgħu jipproċedu għal kalkoli differenti li jippermettu li jiġi ddeterminat l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, li jikkorrispondi għall-ammont tal-eżenzjoni mnaqqas mill-ammont tal-għajnuna koperta mit-testi Komunitarji fuq l-għajnuna de minimis, l-għajnuna b’għan reġjonali u l-għajnuna lill-IŻM.
30 Hija ssostni, fit-tieni lok, li d-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata saret iktar diffiċli ukoll minħabba l-ħtieġa li tinkiseb il-kollaborazzjoni tal-impriżi kkonċernati. Fil-fatt, peress li l-awtoritajiet kompetenti kellhom jikkunsidraw il-krediti li għadhom jiġu rkuprati bħala krediti mhux marbuta mat-taxxa, huma ma kellhomx għad-dispożizzjoni tagħhom, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, għal dawn it-tip ta’ krediti, proċedura ta’ djalogu stabbilit bħal dik prevista għal krediti marbuta mat-taxxa. Il-kollaborazzjoni tal-impriżi kkonċernati dehret barra minn hekk neċessarja f’bosta każijiet fejn l-informazzjoni neċessarja ma tinsabx fil-fajl tat-taxxa tagħhom.
31 Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-diffikultajiet relatati mal-proċeduri intiżi għall-irkupru, ir-Repubblika Franċiża tenfasizza li l-proċedura applikabbli għall-krediti mhux marbuta mat-taxxa kienu jeħtieġu l-intervent suċċessiv ta’ tliet awtoritajiet: id-direttorat ġenerali tat-taxxi, kompetenti għal-likwidazzjoni tal-krediti li għandhom jiġu rkuprati, il-prefett, fil-kompetenza tiegħu bħala uffiċjal inkarigat mill-awtorizzazzjoni ta’ dawn il-krediti, bħala firmatarju ta’ ordnijiet ta’ ħlas, u l-kontabilisti tad-direttorat ġenerali tal-kontabbiltà pubblika, kompetenti għall-irkupru tal-krediti. Hija żżid li, sabiex ikun hemm iktar effiċjenza, kien ġie deċiż li l-krediti jiġu miġburin fi gruppi skont kull dipartiment, sabiex kull prefett ikun jista’ jiffirma l-ordnijiet ta’ ħlas għall-impriżi kollha stabbiliti fid-dipartiment tiegħu.
32 Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Franċiża tirrikonoxxi li, sad-data tal-kontroreplika nnifisha, dawn l-ordnijiet ta’ ħlas kienu għadhom ma nħarġux.
– Fuq l-irkupra tal-għajnuna mingħand il-benefiċjarji li waqfu milli jinnegozjaw
33 Ir-Repubblika Franċiża ssostni li, matul l-iskambji ta’ korrispondenza tagħha mal-Kummissjoni, hija invokat impossibbiltà assoluta ta’ rkupru fil-konfront ta’ 204 benefiċjarju li kienu waqfu milli jinnegozjaw.
34 Hija tippreċiża li l-Kummissjoni madankollu weġbitha li:
– fil-każ ta’ trasferiment tal-assi ta’ benefiċjarja, kellu jiġi żgurat li l-operazzjoni saret skont il-kundizzjonijiet tas-suq, sabiex jiġi evitat trasferiment tal-għajnuna lix-xerrej;
– fid-dawl tad-diffikultajiet prattiċi ta’ tali eżami għall-impriżi kollha kkonċernati, hija aċċettat li l-verifika tillimita ruħha għat-trasferimenti tal-iktar assi importanti.
35 Hija ssostni li, kemm għat-trasferimenti ta’ assi li jsiru taħt forma ta’ negozjati privati kif ukoll għal dawk li jsiru taħt proċeduri amministrattivi u ta’ stralċ ġudizzjarji, l-awtoritajiet tat-taxxa ma setgħux jevalwaw jekk it-trasferimenti inkwistjoni sarux taħt kundizzjonijiet normali tas-suq.
36 Fil-fatt, filwaqt li jeżisti suq ta’ beni immobbli, ma jeżisti l-ebda suq ta’ beni industrijali ta’ sekondaman. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ dawn il-beni, mhija disponibbli l-ebda referenza sabiex jiġi determinat il-prezz tas-suq ta’ meta jkun sar it-trasferiment.
37 Konsegwentement, huwa impossibbli li jiġi evalwat jekk, fil-każ li l-impriża tieqaf milli tinnegozja, it-trasferiment ta’ assi tax lok għal trasferiment tal-għajnuna lix-xerrej il-ġdid.
38 Ir-Repubblika Franċiża tenfasizza barra minn hekk li:
– l-ebda rkupru mhuwa possibbli meta l-impriża ma tkunx sabet xerrej u li, peress li din sempliċement sparixxiet, hija m'għadx għandha rappreżentanza legali;
– f’ċertu każijiet, l-assi setgħu inxtraw minn numru ta’ xerrejja differenti.
39 F’kull każ, l-irkupru huwa wkoll prekluż minn ostakoli ta’ natura ġuridika.
40 Għaldaqstant, fir-rigward tal-impriżi li kienu suġġetti għal proċedura kollettiva ta’ insolvenza, l-irkupru ta’ kreditu li ma nġabarx mill-istralċjatur fit-terminu mogħti mhuwiex possibbli.
41 Rigward it-trasferiment b’negozjati privati ta’ assi tal-impriżi li waqfu milli jinnegozjaw, l-irkupru tal-għajnuna huwa nieqes minn kull bażi legali fil-każ fejn it-trasferiment tal-għajnuna lix-xerrej ma jkunx issemma fl-att ta’ trasferiment.
42 Ir-Repubblika Franċiża ssostni għaldaqstant li tinsab fl-impossibbiltà assoluta li tirkupra l-għajnuna li bbenefikaw minnha ċertu impriżi li waqfu milli jinnegozjaw.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fuq l-irkupru tal-għajnuna
43 Fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva dwar għajnuna illegali, l-irkupru ta’ din l-għajnuna, ordnat mill-Kummissjoni, jseħħ skont il-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1), li jistipula:
“[…l-i]rkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-esekuzzjoni mmedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-effett u fl-eventwalità ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri [provviżorji], mingħajr preġudizzju għall-liġi tal-Komunità.”
44 Skont ġurisprudenza stabbilita, l-uniku motiv ta’ difiża li jista’ jiġi invokat minn Stat Membru kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 88(2) KE huwa dak ibbażat fuq impossibbiltà assoluta li tiġi implementata korrettament id-deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑177/06, Ġabra p. I‑7689, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 Fil-każ ta’ diffikultajiet, il-Kummissjoni u l-Istat Membru għandhom, fid-dawl tar-regola li timponi obbligu reċiproku ta’ kooperazzjoni leali fuq l-Istati Membri u fuq l-istituzzjonijiet Komunitarji u li fuqha huwa bbażat, b’mod partikolari, l-Artikolu 10 KE, jikkollaboraw in bona fede sabiex jegħlbu dawn id-diffikultajiet f’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u b’mod partikolari ma’ dawk dwar l-għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-415/03, Ġabra p. I-3875, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).
46 Il-kundizzjoni ta’ impossibbiltà assoluta li tiġi implementata deċiżjoni ma tiġix sodisfatta meta l-Istat Membru konvenut ma jagħmel xejn ħlief jinforma lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet ġuridiċi, politiċi jew prattiċi li l-implementazzjoni tad-deċiżjoni toħloq, mingħajr ma jieħu l-passi neċessarji sabiex jirkupra l-għajnuna mingħand l-impriżi kkonċernati u mingħajr ma jipproponi lill-Kummissjoni metodi alternattivi, għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni, li jippermettu li jiġu megħluba dawn id-diffikultajiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑485/03 sa C-490/03, Ġabra p. I-11887, punt 74, u l-ġurisprudenza ċċitata).
47 F’din il-kawża, għandu jiġi qabel kollox ikkonstatat li, ħafna wara t-terminu stabbilit fl-Artikolu 6 tad-deċiżjoni u ħafna wara t-termini addizzjonali mogħtija mill-Kummissjoni meta saru l-iskambji ta’ korrispondenza bejnha u bejn l-Istat Membru konvenut, dan l-Istat Membru kien għadu ma rkupra l-ebda somma sad-data tal-preżentata tar-rikors, u lanqas fid-data tal-preżentata tal-kontroreplika, jiġifieri madwar erba’ snin wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.
– Fuq l-irkupru tal-għajnuna mingħand benefiċjarji li għadhom ma waqfux milli jinnegozjaw
48 Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-għajnuna li tikkonċerna s-snin fiskali ta’ bejn l-1991 u l-1993 mhijiex qed tiġi kkontestata f’din il-kawża. Fir-rigward tagħhom, il-Kummissjoni, qabel ma ppreżentat il-kawża preżenti, kienet diġà aċċettat l-eżistenza ta’ impossibbiltà assoluta ta’ rkupru, pożizzjoni li hija kkonfermat espliċitament fir-rikors tagħha.
49 Fir-rigward tal-bqija, ir-Repubblika Franċiża ma tistax issostni utilment li d-diffikultajiet allegati jikkostitwixxu ostakoli esterni.
50 Dawn id-diffikultajiet, relatati mal-identifikazzjoni tal-benefiċjarji, mal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata kif ukoll mal-għażla u l-implementazzjoni tal-proċeduri ta’ rkupru, huma dovuti għal diffikultajiet interni attribwibbli għal atti jew omissjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali.
51 Għandu jiġi osservat li, meta ltaqgħu ma dawn id-diffikultajiet interni, l-awtoritajiet nazzjonali pproċedew għal skambji ta’ korrispondenza mal-Kummissjoni. B’dan il-mod huma wieġbu għal talbiet għal informazzjoni, iddeskrivew id-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom, ipproponew soluzzjonijiet li jistgħu jsolvu wħud minn dawn id-diffikultajiet u talbu għal istruzzjonijiet.
52 Madankollu, il-parteċipazzjoni tagħhom fl-iskambji ta’ korrispondenza qabel kollox kienet ikkaratterizzata minn dewmien regolari kunsiderevoli.
53 Fuq kollox, filwaqt li l-Kummissjoni kienet għall-ewwel insistiet, kemm fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kif ukoll fil-mistoqsijiet bil-miktub tagħha, fuq il-ħtieġa li tiġi stabbilita lista ta’ impriżi suġġetti għall-irkupru tal-għajnuna u li twettaq irkupru effettiv mingħajr dewmien, imbagħad ippermettiet ċertu flessibbiltà fl-applikazzjoni tal-linji gwida Komunitarji applikabbli, l-awtoritajiet Franċiżi:
– iffukaw rwieħhom li jibgħatu lill-Kummissjoni lista ta’ 464 impriża li ma kinux suġġetti għal obbligu ta’ ħlas lura;
– naqsu milli jibdew jieħdu, b’effett mill-ewwel trimestru tas-sena 2005, il-passi neċessarji sabiex effettivament jirkupraw mingħand il-55 impriża, elenkati fil-lista kkomunikata fis-16 ta’ Marzu 2005, li kienu bbenefikaw minn għajnuna gross lilhinn mil-limitu Komunitarju ta’ iktar minn EUR 1 000 000 bejn l-1994 u l-2002;
– b’effett minn Lulju 2006, huma naqsu wkoll parzjalment milli jieħdu t-tali passi fil-konfront tal-105 impriżi elenkati fil-lista kkomunikata fis-7 ta’ Lulju 2006, li kellhom l-obbligu li jħallsu lura l-għajnuna netta ta’ inqas minn EUR 200 000;
– ikkomunikaw biss fit-22 ta’ Ottubru 2007, bħala anness mal-kontroreplika ppreżentata f’din il-kawża, jiġifieri madwar erbgħa snin wara d-deċiżjoni, lista ta’ 88 impriża li kellhom iħallsu lura għajnuna ta’ iktar minn EUR 200 000;
– ammettew, fl-imsemmija kontroreplika, li l-ordnijiet ta’ ħlas kien għadhom ma nħarġux, minkejja li fit-12 ta’ April 2006 kien ġie mħabbar li l-ewwel ordnijiet kellhom jinħarġu sal-31 ta’ Mejju 2006;
– invokaw tħassib dwar effiċjenza sabiex jiġġustifikaw li l-krediti jinġabru fi gruppi skont kull dipartiment, madankollu dan it-tħassib ma tat lok għal ebda ħruġ ta’ ordnijiet ta’ rkupru.
54 Għaldaqstant, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, fir-rigward tal-benefiċjarji li ma waqfux milli jinnegozjaw, l-kundizzjoni ta’ impossibbiltà assoluta ta’ implementazzjoni ma ġietx sodisfatta u li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5 tad-deċiżjoni huwa fondat.
– Fuq l-irkupru tal-għajnuna mingħand benefiċjarji li waqfu milli jinnegozjaw
55 Għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, la fl-iskambji ta’ korrispondenza li seħħew qabel din il-kawża u lanqas fir-rikors, ma lmentat li l-Istat Membru konvenut naqas milli jimplementa d-deċiżjoni fir-rigward tal-impriżi li kienu purament u sempliċement sparixxew mingħajr ħadd ma xtrgħhom.
56 Meta impriża tkun suġġetta għal proċedura kollettiv ta’ insolvenza, l-istabbiliment mill-ġdid tal-istatus quo ante u t-tneħħija tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għajnuna illegalment imħallsa jistgħu, bħala prinċipju, jinkisbu billi l-kreditu relatat mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata jiġi inkluż fl-iskeda tal-passiv (sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 85). Jekk it-terminu tal-preżentata tal-krediti skada, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom, ġaladarba teżisti u tkun għadha ma ngħalqitx, jimplementaw kull proċedura ta’ tneħħija tad-dekadenza li tkun tista’ tippermetti, f’każijiet partikolari, li l-preżentata tal-krediti tkun tista’ ssir barra mit-terminu.
57 Fir-rigward tal-benefiċjarji li waqfu milli jinnegozjaw u ttrasferixxew l-assi tagħhom, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet finanzjarji tat-trasferiment kienux konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq.
58 F’dan il-każ, l-element tal-għajnuna jkun ġie evalwat bil-prezz tas-suq u inkluż fil-prezz tax-xiri, b’mod li x-xerrej ma jistax jitqies li bbenefika minn vantaġġ meta mqabbel mal-operaturi l-oħra fis-suq (sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80). Fil-każ kuntrarju, ma jistax jiġi eskluż li min qed jittrasferixxi jista’, jekk ikun il-każ, ikun obbligat li jħallas lura l-għajnuna inkwistjoni, ladarba jiġi stabbilit li huwa jkun żamm it-tgawdija effettiva tal-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju ta’ din l-għajnuna (sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86).
59 Għall-finijiet tal-verifika tal-kundizzjonijiet finanzjarji tat-trasferiment, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-forma li tintuża għat-trasferiment, pereżempju dik ta’ subbasta, preżunta bħala li tiggarantixxi bejgħ skont il-kundizzjonijiet tas-suq.
60 Huma jistgħu jieħdu wkoll inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, rapport tal-esperti eventwalment magħmul meta sar it-trasferiment.
61 Meta l-assi jinxtraw minn bosta xerrejja differenti, xejn ma jipprekludi, bħala prinċipju, li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet finanzjarji ta’ kull waħda mill-operazzjonijiet kinux konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq.
62 Fil-każ ta’ trasferiment tal-assi permezz ta’ negozjati privati, l-irkupru tal-għajnuna mingħand il-bejjiegħ ma jistax jiġi suġġett għar-referenza espliċita għal din l-għajnuna fl-att ta’ trasferiment. Dan jista’ jsur meta l-bejjiegħ kellu jkun jaf dwar l-eżistenza tal-għajnuna u ta’ proċedura ta’ investigazzjoni magħmul mill-Kummissjoni.
63 Fir-rigward tal-elementi preċedenti, l-Istat Membru konvenut ma jistax, sabiex jaħrab mill-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jillimita ruħu li jagħmel dikjarazzjonijiet ġenerali u astratti, mingħajr ma jirreferi għal każijiet partikolari identifikati, analizzati fid-dawl tal-passi kollha li effettivament ittieħdu għall-finijiet tal-implementazzjoni tad-deċiżjoni.
64 Li kieku kellu jsir raġunament a priori, ammissjoni kuntrarja twassal sabiex teskludi kull implementazzjoni fil-konfront tal-kategorija kollha ta’ impriżi li jkunu waqfu milli jinnegozjaw, filwaqt li, fir-rigward ta’ dawn l-impriżi impossibbiltà assoluta ta’implementazzjoni tista’ biss tiġi aċċettata, jekk ikun il-każ, skont iċ-ċirkustanzi partikolari għal kull waħda minnhom.
65 F’dan il-każ, ir-Repubblika Franċiża sostniet, fl-iskambji ta’ korrispondenza tagħha mal-Kummissjoni, li kien hemm impossibbiltà assoluta mill-eżekuzzjoni fil-konfront ta’ 204 impriża li kienu waqfu milli jinnegozjaw. Madankollu, hija ma tiġġustifika l-ebda inizjattiva konkreta sabiex tiġi eżaminata s-sitwazzjoni ta’ kull waħda minnhom u sabiex tevalwa jekk hija kinitx se timponi rkupru skont il-kriterji msemmija ’il fuq, jew le. Hija lanqas ma tiġġustifika li sfruttat il-permess min-naħa tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-kollaborazzjoni prevista fl-Artikolu 10 KE, ta’ investigazzjoni limitata għas-sempliċi trasferimenti tal-assi l-iktar importanti.
66 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż, anki fir-rigward tal-benefiċjarji li waqfu milli jinnegozjaw, li l-kundizzjoni ta’ impossibbiltà assoluta ta’ implementazzjoni ma ġietx sodisfatta u li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5 tad-deċiżjoni huwa fondat.
Fuq l-informazzjoni tal-Kummissjoni rigward il-miżuri li ttieħdu u li għandhom jittieħdu għall-finijiet tal-implementazzjoni tad-deċiżjoni
67 Il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex għalfejn teżamina t-talbiet ibbażati fuq l-Artikolu 6 u intiż sabiex ir-Repubblika Franċiża tiġi kkundannata talli ma informatx lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li ttieħdu u li għandhom jittieħdu għall-finijiet tal-implementazzjoni tad-deċiżjoni, peress li dan l-Istat Membru fil-fatt ma implementax dawn l-obbligi fit-terminu previst (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).
68 Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, billi ma implementatx, fit-terminu previst, id-deċiżjoni, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skont l-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni.
Fuq l-ispejjeż
69 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Franċiża tilfet, għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (it-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Billi ma implementatx, fit-terminu previst, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/343/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2003, dwar l-iskema ta’ għajnuna implementata minn Franza għall-akkwiżizzjoni ta’ impriżi f’diffikultà, ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni.
2) Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata għall-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy