Kawża C-221/07
Krystyna Zablocka-Weyhermüller
vs
Land Baden-Württemberg
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sozialgericht Stuttgart)
“Benefiċċji mogħtija lill-konjuġi superstiti ta’ vittmi tal-gwerra — Kundizzjoni ta’ residenza fit-territorju nazzjonali — Artikolu 18(1) KE”
Sommarju tas-sentenza
1. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali — Stabbiliment u evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża — Neċessità ta’ domanda preliminari u rilevanza tad-domandi mqajma — Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali
(Arikolu 234 KE)
2. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli — Domandi mhux relatati mas-suġġett tal-kawża prinċipali
(Artikolu 234 KE)
3. Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Benefiċċji soċjali
(Artikolu 18 KE)
1. Fil-kuntest tal-proċedura skont l-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali li tkun adita bil-kawża u li jkollha r-responsabbiltà li eventwalment tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża, kemm il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala prinċipju, tagħti deċiżjoni.
(ara l-punt 20)
2. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali fil-kuntest tal-proċedura skont l-Artikolu 234 KE hija possibbli biss meta jkun manifestament ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba m’għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha.
(ara l-punt 20)
3. L-Artikolu 18(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha dan tal-aħħar jirrifjuta li jħallas ċerti benefiċċji mogħtija lill-konjuġi superstiti ta’ vittmi tal-gwerra sempliċement minħabba l-fatt li dawn ikunu jirrisjedu fit-territorju ta’ ċerti Stati Membri partikolari.
Ċertament, kemm il-volontà li jingħata benefiċċju adattat lill-benefiċjarji li r-residenza tagħhom tinsab barra l-Istat Membru kkonċernat filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi li effettivament jeżistu bejn l-għoli tal-ħajja, id-dħul u l-ammont medju tal-benefiċċji soċjali mħallsa f’dan l-Istat Membru u dawk li fihom jirrisjedu dawk li għandhom dritt għal benefiċċji kif ukoll li jiġi permess kontroll suffiċjenti tas-sitwazzjoni professjonali u soċjali ta’ dawk li għandhom dritt għal benefiċċji, b’mod partikolari, tad-dħul tagħhom, jikkostitwixxu kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali li huma ta’ natura li jiġġustifikaw li l-kundizzjonijiet jew il-modalitajiet ta’ ħlas ta’ benefiċċji jistgħu jaffettwaw il-libertà ta’ moviment.
Madankollu, tali kundizzjoni ta’ residenza ma tistax tiġi kkunsidrata bħala proporzjonata għall-għanijiet li jridu jintlaħqu inkwantu hija tillimita b’mod espress l-applikazzjoni tas-sospensjoni tal-imsemmija benefiċċji għal dawk li għandhom dritt għal benefiċċji u li r-residenza tagħhom jew il-post fejn joqogħdu huwa fit-territorju ta’ ċerti Stati Membri mingħajr ma tiġi kkunsidrata l-eżistenza tal-Istati mhux imsemmija fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li fihom l-għoli tal-ħajja huwa iktar baxx minn dak f’ċerti Stati Membri hemm imsemmija. Bl-istess mod, il-bżonn li jiġi permess kontroll suffiċjenti tas-sitwazzjoni professjonali u soċjali ta’ dawk li għandhom dritt għal benefiċċji għandu japplika bl-istess mod fl-Istati Membri kollha, irrispettivament minn jekk ikunux imsemmija jew le fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
Barra minn hekk, peress li l-effett ta’ tali leġiżlazzjoni huwa biss li tissospendi l-ħlas tal-benefiċċji previsti minnha, ma jistax jiġi validament sostnut li hija xierqa sabiex tadatta lil dawn tal-aħħar filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-differenzi li effettivament jeżistu bejn l-Istat ikkonċernat u l-Istat ta’ residenza tal-persuna li għandha dritt għal benefiċċji għal dak li jikkonċerna l-għoli tal-ħajja, id-dħul u l-ammont medju tal-benefiċċji soċjali.
Fl-aħħar nett, għalkemm huwa minnu li fir-rigward tal-benefiċċji mogħtija skont id-dħul jista’ jirriżulta li kontroll tas-sitwazzjoni professjonali u soċjali ta’ dawk li għandhom dritt għal benefiċċji jkun neċessarju, xorta jibqa’ l-fatt li s-sospensjoni tagħhom tikkostitwixxi miżura li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jitwettaq tali kontroll.
(ara l-punti 38, 39, 41-44, 46-48 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
4 ta’ Diċembru 2008 (*)
“Benefiċċji mogħtija lill-konjuġi superstiti ta’ vittmi tal-gwerra – Kundizzjoni ta’ residenza fit-territorju nazzjonali – Artikolu 18(1) KE”
Fil-kawża C‑221/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Sozialgericht Stuttgart (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ April 2007, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Mejju 2007, fil-proċedura
Krystyna Zablocka-Weyhermüller
vs
Land Baden-Württemberg,
fil-preżenza ta’:
Bundesrepublik Deutschland,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, T. von Danwitz, R. Silva de Lapuerta (Relatur), E. Juhász u J. Malenovský, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal-Land Baden-Württemberg, minn H. Sprau, bħala aġent,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u M. Lumma, bħala aġenti,
– għall-Gvern Pollakk, minn T. Nowakowski, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz, bħala aġent,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) KE.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn K. Zablocka-Weyhermüller u l-Land Baden-Württemberg fir-rigward tar-rifjut ta’ din tal-aħħar li tħallasha ċerti benefiċċji li hija tqis li għandha dritt għalihom inkwantu konjuġi superstiti ta’ vittma tal-gwerra.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
3 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija magħmula mil-Liġi Federali dwar il-Pensjonijiet tal-Gwerra (Bundesversorgungsgesetz) tal-20 ta’ Diċembru 1950, fil-verżjoni tagħha tat-22 ta’ Jannar 1982 (BGBl. 1982 I, p. 21), kif emendata l-aħħar bil-liġi tad-19 ta’ Ġunju 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1305, (iktar ’il quddiem il-“BVG”), u d-Digriet dwar il-Pensjonijiet tal-Gwerra Barranin (Auslandsversorgungsverordnung), tat-30 ta’ Ġunju 1990 (BGB1. 1990 I, 1321) (iktar ’il quddiem l-“AuslVersV”), li jimplementa l-imsemmija liġi.
4 Skont il-punt 5 tal-Artikolu 9 tal-BVG, is-superstiti ta’ vittmi tal-gwerra għandhom essenzjalment id-drittijiet għal pensjoni tas-superstiti previsti fl-Artikoli 38 sa 52 tal-istess liġi. Minbarra l-pensjoni bażika, li madankollu mhijiex index-linked, jeżisti, bil-kundizzjoni li jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet addizzjonali, dritt għal kumpens għal dannu f’każ ta’ telf ta’ qligħ tal-vittma tal-gwerra kkawżat mill-invalidità, ikkalkolat skont id-dħul teoretiku li din il-persuna kien ikollha kieku ma kinitx tbati minn invalidità (Artikolu 40a tal-BVG), kif ukoll, eventwalment, dritt għal kumpens għall-kura (Artikolu 40b tal-BVG) u/jew dritt għal pensjoni kumpensatorja (Artikolu 41 tal-BVG). Barra minn hekk, jekk il-konjuġi superstiti jkun għalaq 45 sena, huwa jista’ jitlob pensjoni kumpensatorja sħiħa, abbażi tal-Artikolu 41(1)(b) u (2) tal-BVG, bil-kundizzjoni li jitnaqqas kwalunkwe dħul personali.
5 Ma’ dawn il-benefiċċji jiżdiedu wkoll, bħala regola ġenerali, skont il-punt 1 tal-Artikolu 9 u s-subparagrafu (c) tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(4) tal-BVG, dritt għal kura medika u d-drittijiet previsti fil-punt 2 tal-Artikolu 9 u l-Artikoli 25 u 27j tal-BVG, fil-kuntest tal-għajnuna soċjali għall-vittmi tal-gwerra. Madankollu, dawn il-benefiċċji jingħataw skont il-bżonnijiet.
6 L-applikanti li r-residenza tagħhom jew il-post fejn soltu joqogħdu huwa barra mill-Ġermanja huma suġġetti għas-sistema derogatorja prevista fl-Artikoli 64a sa 64f tal-BVG.
7 L-Artikolu 64e tal-BVG jipprovdi li:
“1. Il-vittmi tal-gwerra li r-residenza tagħhom jew il-post fejn soltu joqogħdu huwa fi Stat imsemmi fid-digriet skont il-paragrafu 5 għandhom jirċievu benefiċċju parzjali skont il-paragrafi 2 sa 4. Għall-kumplament, id-dritt għal benefiċċju huwa sospiż.
2. Il-benefiċċju parzjali jinkludi l-pensjoni bażika, inklużi l-kumpens previst fl-Artikolu 44(1), l-allowance għal invalidità serja, l-allowance għall-persuni li jeħtieġu għajnuna f’darhom fuq bażi ta’ kuljum, il-pensjoni tal-axxendenti u allowance għall-ispejjeż funebri b’terz tal-ammonti stabbiliti fl-Artikoli 31, 35, 36, 40, 46, 51 u 53 kif ukoll l-allowance mogħtija fil-każ ta’ mewt prevista fl-Artikolu 37. Il-pensjoni bażika għall-persuni b’invalidità hija miżjuda b’terz tal-ammont indikat fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 31(1), bħala l-pensjoni bażika għal persuna b’invalidità li l-grad tagħha ta’ inkapaċità li taħdem ikun ġie stabbilit għal 40 %. Fir-rigward tal-pensjonijiet, id-dħul minn barra għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-każijiet elenkati fl-Artikolu 48. Fir-rigward tal-għajnuna finanzjarja mogħtija lill-armla u dik mogħtija lill-orfni, l-ammont tal-allowance korrispondenti tal-armla jew tal-orfni jibqa’ sħiħ u jittieħed bħala bażi terz tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 33(1)(a). Sabiex tiġi kkalkolata l-allowance għall-ispejjeż funebri, dejjem jittieħed bħala bażi l-ammont l-iktar għoli msemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 36(1) u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 53.
3. Il-benefiċċju parzjali jinkludi wkoll is-servizzi medikali fis-sens tal-Artikolu 64a(1). L-għajnuna finanzjarja elenkata fl-Artikolu 11(3) m’għandhiex titħallas; il-Ministeru Federali tax-Xogħol u tal-Affarijiet Soċjali jista’ jawtorizza xi derogi. Jistgħu jiġu pprovduti s-servizzi medikali previsti fl-Artikolu 64a(2) matul żjara qasira barra mill-Istati msemmija fid-digriet skont il-paragrafu 5, meta trattament immedjat ikun ordnat minn tabib. It-talbiet għal servizzi magħmula skont is-sentenzi 1 sa 3 huma esklużi peress li dritt għal servizzi ekwivalenti jista’ jiġi invokat quddiem korpi pubbliċi jew privati ta’ assigurazzjoni jew quddiem korpi simili.
4. Il-benefiċċji ta’ għajnuna lill-vittmi tal-gwerra, imsemmija fl-Artikolu 64b(1) jistgħu jingħataw bil-kunsens tal-Ministeru Federali tax-Xogħol u tal-Affarijiet Soċjali. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 27b(3) mhijiex applikabbli.
5. Il-Gvern Federali huwa awtorizzat jistabbilixxi, permezz ta’ digriet, bi ftehim mal-Bundesrat [Kunsill Federali], l-Istati li fihom, minħabba ċirkustanzi partikolari u, partikolarment, minħabba l-livell medju l-iktar baxx tal-benefiċċji soċjali korrispondenti meta mqabbel ma’ dak tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kif ukoll minħabba s-sitwazzjoni u l-iżvilupp wara t-Tieni Gwerra Dinjija, benefiċċju parzjali li jingħata skont il-paragrafu 1. F’digriet bħal dan, huwa possibbli
a) li r-rata tal-benefiċċju parzjali ta’ terza persuna msemmija fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 2 tiġi stabbilita fuq livell ieħor għal ċerti benefiċċji u li jiġu ddeterminati, b’mod iktar preċiż, il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-benefiċċji;
b) f’każ ta’ bidla sostanzjali fis-sitwazzjoni li tittieħed inkunsiderazzjoni għall-għoti tal-benefiċċju parzjali (l-ewwel sentenza), li jinbidlu, konsegwentement, ir-rati tal-benefiċċju parzjali previst fl-ewwel u fit-tieni sentenzi tal-paragrafu 2.
6. F’każijiet partikolari, il-benefiċċju parzjali ddefinit fl-ewwel u fit-tieni sentenzi tal-paragrafu 2 kif ukoll fit-tieni sentenza tal-paragrafu 5, jista’ jiġi estiż bil-kunsens tal-Ministeru tax-Xogħol u tal-Affarijiet Soċjali.
7. Għal matul żjara qasira ta’ inqas minn ġimgħa barra mill-Istati msemmija fid-digriet skont il-paragrafu 5, huwa possibbli li jingħataw, bil-kunsens tal-Ministeru tax-Xogħol u tal-Affarijiet Soċjali, il-pensjonijiet elenkati fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 2, sa fejn dawn jaqbżu l-ammonti stabbiliti fl-ewwel u fit-tieni sentenzi tal-paragrafu 2, kif ukoll terz tal-pensjoni kumpensatorja; it-tielet sentenza tal-paragrafu 2 tapplika. Il-perijodi ta’ ospitalizzazzjoni fis-sens ta’ din il-liġi kif ukoll il-miżuri ta’ għajnuna għall-fejqan u għall-mistrieħ [Erholungsmaßnahmen] tal-Artikolu 27b jittieħdu inkunsiderazzjoni b’terz.”
8 L-Artikolu 1 tal-AuslVersV, li jimplementa l-Artikolu 64e tal-BVG, jipprovdi, taħt it-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni”, li:
“Il-benefiċċju parzjali ddefinit fl-Artikolu 64e tal-[BVG] jingħata liċ-ċittadini Ġermaniżi u lill-persuni ta’ oriġini Ġermaniża li r-residenza tagħhom jew il-post fejn soltu joqogħdu huwa fl-Albanija, fil-Bulgarija, fl-Estonja, fl-Ungerija, fil-Latvija, fil-Litwanja, fil-Polonja, fir-Rumanija, fir-Russja, fis-Slovakkja, fis-Slovenja, fir-Repubblika Ċeka u fl-Istati l-oħra li jinsabu fit-territorju tal-ex Jugożlavja u l-ex Unjoni Sovjetika.”
9 Skont l-Artikolu 2 tal-AuslVersV, intitolat “Rata tal-benefiċċju parzjali”:
“1°) Ir-rata mnaqqsa prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 64e(2) tal-[BVG] titla’ sa 60 %. Din ir-rata mnaqqsa titla’ sa 45 % għal li jikkonċerna l-allowance għall-ispejjeż funebri.
2°) Ir-rata mnaqqsa applikabbli għaż-żieda prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 64e(2) tal-[BVG] titla’ sa 40 % tal-ammont tal-pensjoni bażika korrispondenti kif tirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 31(1) tal-[BVG].
3°) L-orfni tal-missier u tal-omm għandhom jirċievu, b’deroga għar-regola tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 64e(2) tal-[BVG], tliet kwarti tal-pensjoni bażika.
4°) Il-persuni b’invalidità għandhom jirċievu pensjoni bażika ekwivalenti għas-somma mħallsa sadakinhar, sakemm din tkun iktar favorevoli għalihom.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
10 K. Zablocka-Weyhermüller, ċittadina Pollakka, imwielda fl-1952, iżżewġet lis-Sur Weyhermüller fis-7 ta’ Settembru 2002. Dan tal-aħħar, li kien ilu ħafna snin rikonoxxut bħala persuna li tbati minn invalidità serja minħabba l-gwerra u li kellu d-dritt għal pensjoni ta’ invalidità, miet fit-12 ta’ Jannar 2004. Sa din id-data, huwa kien jirrisjedi fiż-żona tal-Versorgungsamt Münster (Uffiċċju tal-veterani u tal-vittmi tal-gwerra ta’ Münster), fil-Ġermanja, u rċieva l-pensjoni tiegħu u varji żidiet magħha kif ukoll diversi allowances. L-aħħar ħlasijiet relatati mal-pensjoni tiegħu kienu ta’ EUR 1 419 fix-xahar.
11 Fl-20 ta’ April 2004, K. Zablocka-Weyhermüller ippreżentat talba lil-Versorgungsamt Münster sabiex tingħata l-pensjoni sħiħa tas-superstiti inkwantu armla tal-gwerra skont id-dispożizzjonijiet tal-BVG. F’din it-talba, hija invokat l-istatus tagħha ta’ ċittadina Pollakka u qalet li kienet ix-xewqa tagħha li fil-futur qarib tistabbilixxi r-residenza tagħha fil-Polonja.
12 Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Mejju 2004, l-korp kompetenti sabiex iħallas benefiċċji barra mill-pajjiż laqa’ favorevolment it-talba ta’ K. Zablocka-Weyhermüller peress li kkonstata li l-mewt ta’ żewġha kienet dovuta għal ġrieħi tal-gwerra. L-allowance tal-armla ġiet stabbilita għal EUR 224 fix-xahar taħt il-benefiċċju parzjali li jirriżulta mill-Artikoli 40 u 64e tal-BVG, għall-perijodu li beda jiddekorri mill-1 ta’ Frar 2004.
13 K. Zablocka-Weyhermüller talbet żieda fil-benefiċċju li ngħatalha peress li l-benefiċċji li qabel kien jirċievi żewġha kienu kjarament ogħla. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-korp kompetenti tad-19 ta’ Jannar 2005, deċiżjoni li hija s-suġġett tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju. Ir-rikors amministrattiv tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ibbażat b’mod partikolari fuq il-fatt li r-residenza li qabel il-miżżewġin kellhom flimkien kienet tinsab fil-Ġermanja u fuq il-fatt li attwalment ir-Repubblika tal-Polonja tinsab fl-Unjoni Ewropea, ġie miċħud ukoll.
14 Matul il-kawża prinċipali, fl-20 ta’ Marzu 2007, il-Land Baden-Württemberg aċċettat li tagħti lil K. Zablocka-Weyhermüller benefiċċju parzjali miżjud li kien ekwivalenti għall-ammont tal-pensjoni bażika kkonċernata b’effett retroattiv mid-data li fiha l-persuna kkonċernata kellha d-dritt għal pensjoni, skont l-Artikolu 64e(6) tal-BVG. Irriżulta li l-pensjoni fix-xahar imbagħad kienet ta’ EUR 372.
15 Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sozialgericht Stuttgart iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminari:
“Ir-restrizzjonijiet għall-benefiċċji stabbiliti fil-liġi Ġermaniża tas-sigurtà soċjali fl-Artikolu 64e tal-[BVG], applikabbli għal dawk li huma intitolati għal pensjonijiet u li r-residenza tagħhom jew il-post fejn soltu joqogħdu huwa l-Polonja bħala Stat Membru ġdid tal-[Unjoni], huma konformi mad-dritt Komunitarju ta’ grad superjuri, b’mod partikolari mill-perspettiva tal-libertà ta’ moviment?”
Fuq id-domanda preliminari
16 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 18(1) KE jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li abbażi tagħha dan tal-aħħar jirrifjuta li jħallas ċerti benefiċċji lill-konjuġi superstiti ta’ vittmi tal-gwerra sempliċement minħabba l-fatt li dawn ikunu jirrisjedu fit-territorju ta’ ċerti Stati Membri partikolari.
Fuq l-ammissibbiltà
17 Kemm il-Land Baden-Württemberg kif ukoll il-Gvern Ġermaniż jikkunsidraw li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli.
18 Għal dak li jikkonċerna l-pensjoni bażika tal-armla, imnaqqsa parzjalment skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 64e(1) tal-BVG, huma jsostnu li, fil-kawża prinċipali, peress li din il-pensjoni ġiet miżjuda, b’effett retroattiv, sa 100 % tal-benefiċċju, id-domanda magħmula titlef kull rilevanza li seta’ jkollha għas-soluzzjoni tal-kawża li hija adita biha l-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, skont il-Gvern Ġermaniż, kienu qed jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi emendata l-liġi bil-għan li r-rata attwali tal-benefiċċju parzjali tiżdied minn 60 % għal 100 % mill-1 ta’ Jannar 2008.
19 Fir-rigward tal-benefiċċji l-oħra, mogħtija skont id-dħul u li l-ħlas tagħhom huwa sospiż skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 64e(1) tal-BVG, il-Gvern Ġermaniż isostni wkoll li r-rilevanza tad-domanda preliminari għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali ma ġietx iddeterminata. Matul is-seduta quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti f’din il-kawża għamlet talba addizzjonali li temenda t-talba tagħha għal dawn il-benefiċċji, madankollu mingħajr ma invokat ebda argument insostenn tat-talba tagħha.
20 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura skont l-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali li tkun adita bil-kawża u li jkollha r-responsabbiltà li eventwalment tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża, kemm il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala prinċipju, tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C-119/05, Ġabra p. I-6199, punt 43 u tal-15 ta’ Novembru 2007, International Mail Spain, C-162/06, Ġabra p. I-9911, punt 23). Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jkun manifestament ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba m’għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 39, u tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 25, kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I-4233, punt 22, kif ukoll tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C-379/05, Ġabra p. I-9569, punt 64).
21 Fil-kawża prinċipali, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti nazzjonali pprovdiet dikjarazzjoni dettaljata lill-Qorti tal-Ġustizzja li fiha hija esponiet il-kuntest ta’ fatt u ta’ dritt tal-kawża prinċipali, kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li risposta għad-domanda magħmula hija neċessarja sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha.
22 Barra minn hekk, fir-risposta tagħha għat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħmel xi kjarifikazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, minbarra l-benefiċċju parzjali miżjud, imsemmi fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tal-pensjoni bażika tal-armla, xorta m’hemmx qbil bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali dwar id-dritt għall-benefiċċji previsti fl-Artikoli 40a, 40b u 41 tal-BVG.
23 Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.
Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 18(1) KE
24 Preliminarjament, għandu jiġi ddeterminat jekk sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 18(1) KE.
25 Għal dak li jikkonċerna, minn naħa, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-imsemmija dispożizzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li skont l-Artikolu 17(1) KE, kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru għandha tkun ċittadin tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 17(2) KE jattribwixxi lil kull ċittadin tal-Unjoni d-drittijiet u d-dmirijiet previsti fit-Trattat KE, fosthom dawk imsemmija fl-Artikolu 18(1) KE (sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Tas-Hagen u Tas, C-192/05, Ġabra p. I-10451, punt 18, kif ukoll tat-22 ta’ Mejju 2008, Nerkowska, C-499/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 21).
26 Bħala ċittadina Pollakka, K. Zablocka-Weyhermüller tgawdi mill-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni stabbilit mill-Artikolu 17(1) KE u għaldaqstant eventwalment tista’ tinvoka d-drittijiet marbuta ma’ tali status, b’mod partikolari, id-dritt ta’ kull ċittadin li jmur minn post għal ieħor u d-dritt li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, previsti fl-Artikolu 18(1) KE (sentenza Nerkowska, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).
27 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 18(1) KE, għandu jiġi rrilevat li, fl-istat attwali tal-iżvilupp tad-dritt Komunitarju, benefiċċju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-għan tiegħu huwa l-għoti ta’ kumpens lill-konjuġi superstiti ta’ vittmi tal-gwerra, jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Tas-Hagen u Tas, punt 21 kif ukoll Nerkowska, punt 23).
28 Madankollu, dawn tal-aħħar għandhom jeżerċitaw tali kompetenza filwaqt li jirrispettaw id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà mogħtija lil kull ċittadin tal-Unjoni li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri (sentenza Tas-Hagen u Tas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).
29 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt Komunitarju jinkludu, b’mod partikolari, dawk li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat u dawk li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-libertà ta’ kull ċittadin li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, kif mogħtija mill-Artikolu 18 KE (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C-209/03, Ġabra p. I-2119, punt 33; tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp, C-403/03, Ġabra p. I-6421, punti 17 u 18, kif ukoll Nerkowska, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).
30 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li sitwazzjoni bħal dik ta’ K. Zablocka-Weyhermüller taqa’ taħt id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jmorru minn post għal ieħor u li joqogħdu liberament fit-territorju tal-Istati Membri. Fil-fatt, billi r-rikorrenti fil-kawża prinċipali stabbilixxiet ir-residenza tagħha fil-Polonja, hija eżerċitat id-dritt mogħti mill-Artikolu 18(1) KE lil kull ċittadin tal-Unjoni li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri.
31 Barra minn hekk, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li s-sospensjoni, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 64e(1) u l-Artikolu 64e(5) tal-BVG kif ukoll l-Artikolu 1 tal-AuslVersV, tal-benefiċċji mogħtija lil K. Zablocka-Weyhermüller tirriżulta sempliċement mill-fatt li din tal-aħħar kienet stabbilixxiet ir-residenza tagħha fil-Polonja.
32 Minn dak li ntqal preċedentement, jirriżulta li sitwazzjoni li fiha l-eżerċizzju, minn K. Zablocka-Weyhermüller, ta’ libertà rikonoxxuta mis-sistema legali Komunitarja jaffettwa d-dritt ta’ din tal-aħħar għall-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 18(1) KE.
33 Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 18(1) KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-ħlas ta’ ċerti benefiċċji mogħtija lill-konjuġi superstiti ta’ vittmi tal-gwerra, tirrikjedi li l-benefiċjarju jkun joqgħod fit-territorju tal-Istat Membru li jagħti tali benefiċċju jew f’dak ta’ Stat Membru li ma jkunx imsemmi f’lista stabbilita permezz ta’ digriet tal-Gvern tal-Istat tal-ewwel.
Fuq l-eżiġenza ta’ kundizzjoni ta’ residenza
34 Fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 18(1) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-opportunitajiet offruti mit-Trattat fil-qasam tal-moviment liberu ma jistgħux ikunu kompletament effettivi jekk ċittadin ta’ Stat Membru jista’ jiġi skoraġġit milli jagħmel użu minnhom minħabba l-ostakoli għar-residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti kkawżati minn leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor li tippenalizza l-fatt li huwa jkun eżerċitahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Pusa, C-224/02, Ġabra p. I‑5763, punt 19, Tas-Hagen u Tas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30, kif ukoll Nerkowska, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).
35 Leġiżlazzjoni nazzjonali li tpoġġi ċerti ċittadini Komunitarji fi żvantaġġ sempliċement minħabba l-fatt li eżerċitaw il-libertà tagħhom li jmorru minn post għal ieħor u li joqogħdu fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet mogħtija mill-Artikolu 18(1) KE lil kull ċittadin tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C-406/04, Ġabra p. I-6947, punt 39; Tas-Hagen u Tas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31, kif ukoll Nerkowska, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).
36 Il-BVG u l-AuslVersV jikkostitwixxu tali restrizzjoni. Fil-fatt, peress li tissuġġetta l-ħlas ta’ ċerti benefiċċji mogħtija lill-konjuġi superstiti ta’ vittmi tal-gwerra għall-kundizzjoni li jkollhom ir-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali, jew f’dak ta’ Stat Membru ieħor li ma jkunx imsemmi f’lista ta’ Stati Membri stabbilita permezz ta’ digriet tal-Gvern tal-Istat Membru li jagħti dawn il-benefiċċji, din il-liġi tista’ tiskoraġġixxi liċ-ċittadini Komunitarji li jkunu f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali milli jeżerċitaw il-libertà tagħhom li jmorru minn post għal ieħor u li joqogħdu fi Stat Membru ieħor li jinsab fuq l-imsemmija lista.
37 Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi tali restrizzjoni fuq l-eżerċizzju tal-libertajiet miċ-ċittadini Komunitarji tista’ tiġi ġġustifikata biss, fir-rigward tad-dritt Komunitarju, meta din tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u meta tkun proporzjonata għall-għan leġittimu tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, De Cuyper, punt 40; Tas-Hagen u Tas, punt 33, kif ukoll Nerkowska, punt 34).
38 Mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mil-Land Baden-Württemberg u mill-Gvern Ġermaniż jirriżulta li l-għan tar-restrizzjoni prevista fil-BVG huwa li jingħata benefiċċju xieraq lill-benefiċjarji li r-residenza tagħhom tinsab barra mill-Ġermanja, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi li effettivament jeżistu bejn l-għoli tal-ħajja, id-dħul u l-ammont medju tal-benefiċċji soċjali mħallsa f’dan l-Istat Membru u dawk li fihom jirrisjedu dawk li għandhom dritt għal benefiċċji. Barra minn hekk, skont l-imsemmija osservazzjonijiet, il-bżonn li jiġi permess kontroll suffiċjenti tas-sitwazzjoni professjonali u soċjali ta’ dawk li għandhom dritt għal benefiċċji, b’mod partikolari, tad-dħul tagħhom, ukoll jiġġustifika l-imsemmija restrizzjoni.
39 Ċertament, kemm il-volontà li jingħata benefiċċju filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn iż-żewġ Stati Membri kkonċernati kif ukoll il-bżonn li jiġi permess kontroll suffiċjenti tas-sitwazzjoni professjonali u soċjali ta’ dawk li għandhom dritt għal benefiċċji jikkostitwixxu kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali li huma ta’ natura li jiġġustifikaw li l-kundizzjonijiet jew il-modalitajiet ta’ ħlas ta’ benefiċċji bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jaffettwaw il-libertà ta’ moviment.
40 Madankollu, għalkemm ir-restrizzjoni kkonstatata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza tista’ tiġi ġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali bħal dawk imsemmija fil-punt preċedenti, xorta waħda jkun meħtieġ li din ma tkunx sproporzjonata fid-dawl tal-għan li jrid jintlaħaq. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li miżura tkun proporzjonata meta, filwaqt li tkun xierqa sabiex tirrealizza l-għan li jrid jintlaħaq, hija ma tmurx lil hinn minn dan li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq De Cuyper, punt 42, kif ukoll Tas-Hagen u Tas, punt 35).
41 Madankollu, kundizzjoni ta’ residenza bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi kkunsidrata bħala proporzjonata għall-għanijiet li jridu jintlaħqu.
42 Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Artikolu 1 tal-AuslVersV jillimita b’mod espress l-applikazzjoni tal-Artikolu 64e tal-BVG għal dawk li għandhom dritt għal benefiċċji u li r-residenza tagħhom jew il-post fejn joqogħdu huwa fit-territorju ta’ wieħed mill-għaxar Stati Membri msemmija f’dan l-artikolu, jiġifieri l-Albanija jew anki l-ex Jugożlavja jew l-ex Unjoni Sovjetika.
43 Madankollu, jeżistu Stati Membri mhux imsemmija fl-Artikolu 1 tal-AuslVersV li fihom l-għoli tal-ħajja huwa iktar baxx minn dak f’ċerti Stati Membri msemmija f’dan l-artikolu. Barra minn hekk, id-differenzi li jeżistu bejn l-Istati msemmija f’dan l-artikolu huma notevoli.
44 Bl-istess mod, il-bżonn li jiġi permess kontroll suffiċjenti tas-sitwazzjoni professjonali u soċjali ta’ dawk li għandhom dritt għal benefiċċji għandu japplika bl-istess mod fl-Istati Membri kollha, irrispettivament minn jekk ikunux imsemmija fl-Artikolu 1 tal-AuslVersV.
45 Konsegwentement, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkorrispondix għall-għanijiet invokati kemm mil-Land Baden-Württemberg kif ukoll mill-Gvern Ġermaniż u li huma msemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza.
46 Barra minn hekk, peress li l-effett ta’ tali leġiżlazzjoni huwa biss li tissospendi l-ħlas tal-benefiċċji previsti minnha, ma jistax jiġi validament sostnut li hija xierqa sabiex tadatta lil dawn tal-aħħar filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-differenzi li effettivament jeżistu bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Istat ta’ residenza tal-persuna li għandha dritt għal benefiċċji għal dak li jikkonċerna l-għoli tal-ħajja, id-dħul u l-ammont medju tal-benefiċċji soċjali.
47 Fl-aħħar nett, għalkemm huwa minnu li fir-rigward tal-benefiċċji mogħtija skont id-dħul jista’ jirriżulta li kontroll tas-sitwazzjoni professjonali u soċjali ta’ dawk li għandhom dritt għal benefiċċji jkun neċessarju, xorta jibqa’ l-fatt li s-sospensjoni tagħhom tikkostitwixxi miżura li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jitwettaq tali kontroll.
48 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 18(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha dan tal-aħħar jirrifjuta li jħallas ċerti benefiċċji mogħtija lill-konjuġi superstiti ta’ vittmi tal-gwerra sempliċement minħabba l-fatt li dawn ikunu jirrisjedu fit-territorju ta’ ċerti Stati Membri partikolari.
Fuq l-ispejjeż
49 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
L-Artikolu 18(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha dan tal-aħħar jirrifjuta li jħallas ċerti benefiċċji mogħtija lill-konjuġi superstiti ta’ vittmi tal-gwerra sempliċement minħabba l-fatt li dawn ikunu jirrisjedu fit-territorju ta’ ċerti Stati Membri partikolari.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy