Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-22 ta’ Diċembru 2008 – Il-Kummissjoni vs L-Italja
(Kawża C‑283/07)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 75/442/KEE – Artikolu 1 – Kunċett ta’ ‘skart’ – Skart intiż sabiex jintuża fl-attività tal-azzar – Kombustibbli li ġej minn skart ta’ kwalità għolja – Traspożizzjoni inkorretta”
1. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu - Suġġett tal-kawża - Determinazzjoni matul il-proċedura prekontenzjuża - Adattament tal-ilmenti wara l-opinjoni motivata, minħabba emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali -Ammissibbiltà (Artikolu 226 KE) (ara l-punti 21-24)
2. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu - Dritt ta’ azzjoni tal-Kummissjoni - Terminu ta’ eżerċizzju - Assenza - Eċċezzjoni - Tul eċċessiv tal-proċedura prekontenzjuża bi ħsara għad-drittijiet tad-difiża - Oneru tal-prova (Artikolu 226 KE) (ara l-punti 26, 27)
3. Stati Membri - Obbligi - Missjoni ta’ sorveljanza fdata lill-Kummissjoni - Dmir tal-Istati Membri - Kooperazzjoni fl-investigazzjonijiet fil-qasam ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu (Artikoli 10 KE u 226 KE) (ara l-punti 28, 29)
4. Atti tal-istituzzjonijiet - Direttivi - Implementazzjoni mill-Istati Membri - Traspożizzjoni ta’ direttiva mingħajr azzjoni leġiżlattiva - Kundizzjonijiet (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE) (ara l-punti 32, 33)
5. Ambjent - Skart - Direttiva 75/442 - Kunċett ta’ skart - Sustanza li wieħed jarmi - Kriterji ta’ evalwazzjoni (Artikolu 174(2) KE; Direttiva tal-Kunsill 75/442, kif emendata bid-Direttiva 91/156, Artikolu 1(a), u Anness I) (ara l-punti 40-48)
6. Ambjent - Skart - Direttiva 75/442 - Kamp ta’ applikazzjoni - Possibbiltà għall-Istati Membri li jiddefinixxu kategoriji different ta’ skart - Limiti (Artikolu 174 KE; Direttiva tal-Kunsill 75/442, kif emendata bid-Direttiva 91/156, Artikoli 1(a) u 2(1)) (ara l-punti 49-53, 59-67)
Suġġett
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ksur tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442 tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU L 194, p. 39) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta’ Marzu 1991 (ĠU L 78, p. 32) - Kombustibbli ġej mill-iskart (RDF) u metall intiż sabiex jintuża fl-attività tal-azzar u f’dik metallurġika - Esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni.
Dispożittiv
1)
Billi adottat u żammet fis-seħħ dispożizzjonijiet bħalma huma :
– l-Artikolu 1(25) sa (27) u (29)(a) tal-Liġi Nru 308, tal-15 ta’ Diċembru 2004, li tiddelega lill-Gvern ir-riforma, il-koordinazzjoni u l-ikkompletatar tal-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent u l-miżuri ta’ applikazzjoni diretta, u
– l-Artikolu 1(29)(b) tal-Liġi Nru 308, tal-15 ta’ Diċembru 2004, kif ukoll l-Artikoli 183(1)(s) u 229(2) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 152, tat-3 ta’ April 2006, li jistabbilixxi regoli dwar l-ambjent,
li permezz tagħhom, rispettivament, ċertu skart intiż sabiex jintuża fl-industrija tal-azzar u f’dik metallurġika kif ukoll il-kombustibbli li ġej minn skart ta’ kwalità għolja (RDF) jitneħħew a priori mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi Taljana fuq l-iskart li tittrasponi d-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta’ Marzu 1991, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu (1)(a) ta’ din id-direttiva.
2)
Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.
Full & Egal Universal Law Academy