Kawża C‑309/07
Baumann GmbH
vs
Land Hessen
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa
mill-Hessischer Verwaltungsgerichtshof)
“Politika agrikola komuni — Miżati relatati ma’ spezzjonijiet u kontrolli veterinarji — Direttiva 85/73/KEE”
Sommarju tas-sentenza
1. Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet fil-qasam tas-saħħa tal-annimali — Finanzjament tal-ispezzjonijiet u tal-kontrolli sanitarji tal-laħam frisk — Direttiva 85/73
(Direttiva tal-Kunsill 85/73, kif emendata u kkonsolidata bid-Direttiva 96/43, Anness A, Kapitolu I, punt 4(a) u (b))
2. Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet fil-qasam tas-saħħa tal-annimali — Finanzjament tal-ispezzjonijiet u tal-kontrolli sanitarji tal-laħam frisk — Direttiva 85/73
(Direttiva tal-Kunsill 85/73, kif emendata u kkonsolidata bid-Direttiva 96/43, Anness A, Kapitolu I, punt 4(a) u (b))
1. Il-punt 4(a) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73, dwar il-finanzjament tal-ispezzjonijiet u l-kontrolli veterinarji koperti mid-Direttivi 89/662, 90/425, 90/675 u 91/496, kif emendata u kkonsolidata bid-Direttiva 96/43, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jippermettix lill-Istati Membri li jinjoraw il-lista tat-tariffi prevista fil-punti 1 u 2(a) tal-Kapitolu I ta’ dan l-Anness A, u li jiġbru miżata li r-rata tagħha tvarja skont id-daqs tal-istabbilimenti u hija stabbilita b’mod digressiv abbażi tan-numru ta’ annimali maqtula għal kull tip ta’ annimal.
Il-punt 4(b) tal-Kapitolu I tal-Anness A tal-imsemmija Direttiva 85/73 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru mhuwiex marbut li jirrispetta l-lista tat-tariffi prevista fil-punti 1 u 2(a) tal-istess kapitolu u jista’ jiġbor miżata li r-rata tagħha tvarja skont id-daqs tal-impriża u n-numru ta’ annimali maqtula għal kull tip ta’ annimal ladarba jiġi stabbilit li dawn il-fatturi għandhom effett reali fuq l-ispejjeż effettivament sostnuti sabiex isiru l-ispezzjonijiet u l-kontrolli veterinarji stabbiliti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju.
(ara l-punt 24 u d-dispożittiv 1)
2. Il-punt 4(a) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73, dwar il-finanzjament tal-ispezzjonijiet u l-kontrolli veterinarji koperti mid-Direttivi 89/662, 90/425, 90/675 u 91/496, kif emendata u kkonsolidata permezz tad-Direttiva 96/43, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jiġbor, għall-ispezzjoni tal-annimali li, fuq talba tas-sid, jinqatlu barra mis-sigħat tal-qatla normali, “miżata addizzjonali fuq bażi perċentwali” li tiżdied mal-miżati normalment miġbura għall-ispezzjoni tal-annimali meta din iż-żieda tkun tirrappreżenta valur standard li jikkorrispondi għal spejjeż addizzjonali li għandhom jiġu koperti.
Il-punt 4(b) tal-Kapitolu I tal-Anness A tal-imsemmija Direttiva 85/73 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jiġbor, għall-ispezzjoni tal-annimali li, fuq talba tas-sid, jinqatlu barra mis-sigħat tal-qatla normali, “miżata addizzjonali fuq bażi perċentwali” li tiżdied mal-miżati normalment miġbura għall-ispezzjoni tal-annimali meta din iż-żieda tkun tikkorrispondi għal spejjeż addizzjonali effettivament sostnuti.
(ara l-punt 37 u d-dispożittiv 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
19 ta’ Marzu 2009 (*)
“Politika agrikola komuni – Miżati relatati ma’ spezzjonijiet u kontrolli veterinarji – Direttiva 85/73/KEE”
Fil-Kawża C‑309/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hessischer Verwaltungsgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ġunju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Lulju 2007, fil-kawża
Baumann GmbH
vs
Land Hessen,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President tal-Awla, M. Ilešič, A. Borg Barthet, E. Levits u J.-J. Kasel (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Settembru 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Baumann GmbH, minn L. Liebenau u M. Stephani, Rechtsanwälte,
– għal-Land Hessen, minn H. Nebel, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Erlbacher u M. Vollkommer, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/73/KEE, tad-29 ta’ Jannar 1985, dwar il-finanzjament tal-ispezzjonijiet u l-kontrolli veterinarji koperti mid-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE, 90/675/KEE u 91/496/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 6, p. 161), kif emendata u kkonsolidata bid-Direttiva tal-Kunsill 96/43/KE, tas-26 ta’ Ġunju 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 19, p. 212, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/73”), kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-punt 4(a) tal-Kapitolu I tal-Anness A ta’ din l-istess direttiva.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Baumann GmbH (iktar ’il quddiem “Baumann”) u l-Land Hessen dwar il-kalkolu tal-miżati dovuti għall-ispezzjonijiet u l-kontrolli veterinarji ta’ laħam frisk.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/73 jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jassiguraw, skond l-arranġamenti stabbiliti fl-Anness A, li l-miżata Komunitarja tkun miġbura sabiex tkopri l-ispejjeż okkażjonati mill-ispezzjonijiet tal-, u l-kontrolli fuq il-prodotti elenkati f’dak l-Anness, inklużi dawk immirati biex tkun assigurata l-produzzjoni ta’ l-annimali fil-biċċeriji, bi qbil mal-ħtiġiet tad-Direttiva 93/119/KEE.”
4 Skont l-Artikolu 5(1), (3) u (4), tal-imsemmija direttiva:
“1. Il-miżati Komunitarji għandhom jiġu ffissati f-livell li jkopri l-ispejjeż sostenuti mill-awtorità kompetenti fir-rigward ta’:
– l-ispejjeż tas-salarji u l-ispejjeż tas-sigurtà soċjali involuti fis-servizz ta’ l-ispezzjoni,
– l-ispejjeż amministrattivi li jkunu ntefqu fit-twettiq tal-kontrolli u l-ispezzjonijiet, li jistgħu jinkludu n-nefqa li hemm bżonn għat-taħriġ matul is-servizz ta’ l-ispetturi, għall-kontrolli u l-ispezzjonijiet li ssir referenza dwarhom fl-Artikoli 1, 2 u 3.
[…]
3. L-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati li jitolbu ammont li jeċċedi l-livelli tal-miżati Komunitarji bil-kondizzjoni li l-miżati totali mitluba minn kull Stat Membru ma jeċċedux l-ispiża reali ta’ l-ispezzjoni.
4. Mingħajr preġudizzju għall-għażla ta’ l-awtorità awtorizzata sabiex titlob il-miżati Komunitarji, il-miżati Komunitarji għandhom jissostitwixxu t-tariffi l-oħra kollha ta’ l-ispezzjonijiet sanitarji jew il-miżati mitluba mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali, jew lokali ta’ l-Istati Membri għall-ispezzjonijiet u l-kontrolli li ssir referenza dwarhom fl-Artikoli 1, 2 u 3 u ċ-ċertifikazzjoni tagħhom.
Din id-Direttiva m’għandhiex timpedixxi lill-Istati Membri milli jitolbu miżati għall-ġlieda kkontra l-mard epiżootiċi u enżootiċi.”
5 Il-punt 1 tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73 jiffissa l-ammont standard tal-ispejjeż tal-ispezzjoni marbuta mal-qatla. Il-metodi ta’ finanzjament tal-kontrolli u l-ispezzjonijiet marbuta mat-tqattiegħ huma pprovduti fil-punt 2 tal-istess kapitolu. Skont l-imsemmi punt 4(a) u (b) tal-Kapitolu I tal-Anness A:
“Sabiex jiġu koperti l-ispejjeż li jkunu żdiedu, l-Istati Membri jistgħu:
a) jew iżidu l-ammonti normali [standard] tal-miżati kif stabbilit fil-punti 1 u 2 (a) għall-istabbilimenti individwali.
Minbarra minn dak stabbilit fil-punt 5(a), il-kondizzjonijiet li għandhom jintlaħqu jistgħu jkunu dawn li ġejjin:
[…]
– spejjeż akbar minħabba ħinijiet ta’ l-ivjaġġar speċjali,
– aktar ħin meħud mill-ispezzjonijiet minħabba l-perjodu tal-qatla li jinbidlu spiss li ma jkunux fil-kontroll tal-personal ta’ l-ispezzjoni,
[…]
– l-ispezzjonijiet ta’ l-annimali li, fuq talba tas-sid, ikunu maqtula ’l barra mis-sigħat tal-qatla normali.
L-ammont taż-żidiet fir-rata normali ċentrali għall-miżati jiddependi fuq il-livell ta’ l-ispejjeż li jkunu jridu jiġu koperti;
b) jew tintalab miżata speċjali li tkopri l-ispejjeż reali [effettivament sostnuti].”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
6 Kif joħroġ mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju, id-Direttiva 85/73 ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż parzjalment permezz tad-dispożizzjonijiet adottati mill-awtoritajiet federali u parzjalment permezz tad-dispożizzjonijiet adottati mil-Länder.
7 Il-leġiżlatur tal-Land Hessen, filwaqt li bbaża ruħu fuq il-liġi dwar l-ispejjeż tal-kontrolli veterinarji (Veterinärkontroll-Kostengesetz), tat-3 ta’ Novembru 1998 (GVBl. 1998 I, p. 414), li timplementa ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi federali, adotta r-regolament dwar l-ispejjeż amministrattivi miġbura fil-kuntest tal-ambitu ta’ kompetenza tal-Ministeru tal-Ambjent, taż-Żoni Rurali u tal-Protezzjoni tal-Konsumatur (Verwaltungskostenordnung für den Geschäftsbereich des Ministeriums für Umwelt, ländlichen Raum und Verbraucherschutz), tas-16 ta’ Diċembru 2003 (GVBl. 2003 I, p. 362, iktar ’il quddiem “VwKostO-MULV”), kif ukoll ir-regolament ta’ emenda (Änderungsverordnung) tal-31 ta’ Jannar 2005 (GVBl. 2005 I, p. 74).
8 B’mod konformi mal-Artikolu 4(6), tal-liġi dwar l-ispejjeż tal-kontrolli veterinarji, l-impriżi li jwettqu iktar minn 1 500 qatla fix-xahar huma kkunsidrati bħala “impriżi kbar” (“Großbetriebe”) u jistgħu jiġu suġġetti, minħabba l-kontrolli partikolari, għall-ġbir ta’ tariffi speċifiċi marbuta mal-ispejjeż ikkawżati minn dawn il-kontrolli.
9 Skont l-Artikolu 5 tal-istess liġi:
“Żieda fil-miżata dovuta tista’ tiġi mitluba għal atti amministrattivi magħmula fuq talba speċifika, barra mis-sigħat tal-qatla normali. L-ispejjeż speċjali inkorsi għat-twettiq tal-atti amministrattivi magħmula barra mis-sigħat tal-qatla normali jistgħu, b’mod partikolari, jiġu ffatturati addizzjonalment. Is-sigħat normali għall-qatla huma:
– fir-rigward tal-impriżi l-kbar: mis-6 ta’ filgħodu sas-6 ta’ filgħaxija, matul il-ġimgħa, u mis-6 ta’ filgħodu sat-3 ta’ wara nofsinhar, nhar ta’ Sibt;
– għall-impriżi l-oħra: mis-7 ta’ filgħodu sas-6 ta’ filgħaxija, matul il-ġimgħa, u mis-7 ta’ filgħodu sat-3 ta’ wara nofsinhar, nhar ta’ Sibt.”
10 Skont il-qorti tar-rinviju, il-VwKostO-MULV jipprovdi għal kull wieħed minn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ impriżi, rati digressivi għad-diversi tipi ta’ annimali maqtula, mingħajr ma jsegwi b’mod strett is-sistema u l-istruttura tal-punt 1, tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73.
11 B’mod konformi mal-VwKostO-MULV, iż-żieda fil-miżata prevista fl-Artikolu 5 tal-liġi dwar l-ispejjeż tal-kontrolli veterinarji hija ta’ 25 % meta mqabbla mal-miżata normalment dovuta.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 Kif joħroġ mill-atti mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-avviżi ta’ ħlas maħruġa mil-Land Hessen dwar il-miżata dovuta għall-ispezzjonijiet u għall-kontrolli veterinarji tal-laħam frisk fil-proprjetajiet ta’ Baumann taw lok għall-kawża prinċipali. Peress li l-leġiżlazzjoni ta’ din il-Land li tistabbilixxi r-rati ta’ dawn il-miżati tmur kontra d-dritt Komunitarju sekondarju, Baumann ippreżenta rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Darmstadt. Bis-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2006, din tal-aħħar laqgħet it-talba ta’ din il-kumpannija u kkonstatat li l-VwKostO-MULV ma jikkostitwixxix awtorizzazzjoni valida li tippermetti lil-Land Hessen li titbiegħed, bi ħsara għall-operaturi ekonomiċi, mir-rati standard ta’ miżata previsti fil-punt 4(a) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73.
13 Il-Land Hessen appellat mill-imsemmija sentenza quddiem il-Hessischer Verwaltungsgerichtshof, li, peress li kkunsidrat li s-soluzzjoni tal-kawża tiddependi mill-interpretazzjoni tad-Direttiva 85/73, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Meta l-leġiżlatur nazzjonali jeżerċita l-possibbiltajiet previsti fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva tal-Kunsill [85/73/KEE] u fil-punt 4(a) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq sabiex iżid, għal ċerti stabbilimenti, l-ammont standard previst sabiex ikopri l-ispejjeż l-iktar għoljin u fl-imsemmi punt 4(b) sabiex jiġbor miżata li tkopri l-ispejjeż effettivament inkorsi, għandu jżomm strettament mal-istruttura tal-miżati prevista fil-punti 1 u 2(a) tal-Kapitolu I tal-Anness A (skont it-tip ta’ annimal, annimali żgħar jew adulti, il-piż tal-karkassa eċċ), jew jista’ jagħmel distinzjoni, fl-iffissar tar-rata tal-miżati, bejn il-kontroll tal-annimali maqtula fi stabbilimenti kbar u l-kontrolli l-oħra, u li jipprovdi, barra minn dan, fi ħdan dawn iż-żewġ gruppi, rata digressiva skont in-numru ta’ annimali maqtula għal tip ta’ annimal, bl-unika kundizzjoni li din tirrifletti l-ispejjeż reali tal-operazzjoni?
2) Abbażi tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jiġbor, fir-rigward tal-ispezzjoni tal-annimali li, fuq talba tas-sid, jinqatlu barra mis-sigħat tal-qatla normali, ammont addizzjonali fuq bażi perċentwali li jiżdied mal-miżata miġbura għall-ispezzjoni ta’ annimali matul il-ħin normali tal-qtil meta din iż-żieda tikkorrispondi għal spejjeż addizzjonali effettivament inkorsi, jew dawn l-ispejjeż għandhom jiġu inklużi fil-miżata standard (miżjuda) li għandha titħallas mill-operaturi ekonomiċi kollha li huma suġġetti għall-ħlas tal-miżata inkwistjoni?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
14 Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, għandha ssir distinzjoni bejn is-setgħa mogħtija lill-Istati Membri fil-punt 4(a) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73, u dik mogħtija fil-punt 4(b).
15 Fil-każ tal-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, għandu jiġi osservat li hija tawtorizza lill-Istati Membri, sabiex ikopru l-ispejjeż li jaqbżu dawk previsti mid-Direttiva 85/73, li “jżidu l-ammonti normali tal-miżati […] għall-istabbilimenti individwali” kif previsti fl-imsemmija punti 1 u 2(a) tal-Kapitolu I tal-Anness A.
16 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li mill-kliem tal-imsemmi punt 4(a), din id-dispożizzjoni hija intiża li tapplika biss għal stabbilimenti “individwali”, b’tali mod li Stat Membru jista’ japplikaha biss każ b’każ, u li huwa ma jistax jintroduċi, abbażi ta’ tali dispożizzjoni, klassifikazzjoni tal-istabbilimenti tal-qatla bbażata, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, fuq id-daqs tagħhom.
17 Din l-interpretazzjoni hija wkoll imsaħħa bil-lista ta’ kundizzjonijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni taż-żieda inkwistjoni, li tinsab fil-punt 4(a), tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73, kundizzjonijiet li, minn naħa, jirrigwardaw ilkoll elementi speċifiċi li jippermettu li jiġi identifikat stabbiliment meta mqabbel ma’ ieħor, u min-naħa l-oħra, huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 1999, Feyrer, C‑374/97, Ġabra. p. I‑5153, punti 26 u 27).
18 Min-naħa l-oħra, sa fejn il-punt 4(a) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73 jirreferi espliċitament għall-ammonti standard stabbiliti fil-punti 1 u 2(a), tal-istess Kapitolu I, iż-żieda li l-Istati Membri jistgħu jimponu skont l-imsemmi punt 4 tista’ tirrigwarda biss dawn l-ammonti standard u għandha, għalhekk, tirrispetta s-sistema u l-istruttura ta’ dawn.
19 Għaldaqstant Stat Membru ma jistax, skont il-punt 4(a) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73, jiġbor miżata b’rata li tvarja skont id-daqs tal-istabbiliment u n-numru tal-annimali maqtula.
20 Fir-rigward tal-punt 4(b) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73, għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li din id-dispożizzjoni toffri lill-Istati Membri setgħa li huma jistgħu jeżerċitaw fuq livell ġenerali u b’mod diskrezzjonali bl-unika kundizzjoni li l-miżata ma taqbiżx l-ispejjeż effettivament inkorsi (ara s-sentenza Feyrer, iċċitata ’il fuq, punt 27).
21 Min-naħa l-oħra, miżata miġbura skont l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tieħu l-forma ta’ ammont standard (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-istess jum, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑270/07, Ġabra I-0000, punt 32).
22 Peress li r-rispett tal-ispejjeż effettivament inkorsi jikkostitwixxi l-unika kundizzjoni imposta fuq l-Istati Membri, dawn tal-aħħar jistgħu, abbażi tal-punt 4(b) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73, jaġġustaw l-ammont tal-imsemmija miżata skont id-daqs tal-impriża u n-numru ta’ annimali maqtula biss meta jiġi stabbilit li dawn il-fatturi kellhom effett reali fuq l-ispejjeż.
23 Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk teżistix rabta bejn, minn naħa, id-daqs ta’ biċċerija kif ukoll in-numru ta’ annimali maqtula, u min-naħa l-oħra, l-ispejjeż effettivament inkorsi sabiex isiru l-ispezzjonijiet u l-kontrolli veterinarji mitluba mid-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti.
24 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li:
– Il-punt 4(a) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jippermettix lill-Istati Membri li jinjoraw il-lista tat-tariffi prevista fil-punti 1 u 2(a) tal-Kapitolu I tal-Anness A u li jiġbru miżata li r-rata tagħha tvarja skont id-daqs tal-istabbilimenti u hija stabbilita b’mod digressiv abbażi tan-numru ta’ annimali maqtula għal kull tip ta’ annimal;
– Il-punt 4(b) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru mhuwiex marbut li jirrispetta l-lista tat-tariffi prevista fil-punti 1 u 2(a) tal-istess kapitolu u jista’ jiġbor miżata li l-ammont tagħha jvarja skont id-daqs tal-impriża u n-numru ta’ annimali maqtula għal kull tip ta’ annimal ladarba jiġi stabbilit li dawn il-fatturi kellhom effett reali fuq l-ispejjeż effettivament sostnuti sabiex isiru l-ispezzjonijiet u l-kontrolli veterinarji stabbiliti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju.
Fuq it-tieni domanda
25 Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk il-punti 4(a) u 4(b) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru jista’ jiġbor, għall-ispezzjoni tal-annimali li, fuq talba tas-sid, jinqatlu barra mis-sigħat tal-qatla normali, “ammont addizzjonali fuq bażi perċentwali” flimkien mal-miżata normalment miġbura għall-ispezzjoni tal-annimali ladarba din iż-żieda tikkorrispondi għal spejjeż addizzjonali effettivament inkorsi.
26 Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandha terġa’ ssir id-distinzjoni bejn is-setgħa mogħtija lill-Istati Membri fil-punt 4(a) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73 u dik mogħtija fil-punt 4(b).
27 Fil-każ tal-ewwel waħda fost dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, għandu jiġi mfakkar li hija tippermetti lill-Istati Membri li jżidu l-ammont standard biss għal stabbiliment individwali. Dan jipprekludi lill-Istati Membri milli jwettqu żieda ġenerali tal-ammont standard li għandu jitħallas mill-operaturi ekonomiċi kollha.
28 Għandu jingħad ukoll li, sa fejn il-punt 4(a) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73 jirreferi għall-ammont “taż-żidiet” tar-rati standard, l-Istati Membri jistgħu, fejn xieraq, iwettqu diversi żidiet fl-istess waqt mingħajr ma għandhom is-setgħa, madankollu, li jwettqu żieda ġenerali tal-ammont standard.
29 Peress li l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta tali żieda huma ddefiniti b’mod ċar fil-punt 4(a) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73, ma jistax jitqies li din iż-żieda tikkostitwixxi miżata speċifika, fis-sens tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2002, Stratmann u Fleischversorgung Neuss (C‑284/00 u C‑288/00, Ġabra. p. I‑4611), li tiġi miżjuda mal-miżata Komunitarja sabiex tkopri ċerti spejjeż inkorsi għal miżuri ta’ spezzjoni u kontroll li ma jseħħux fil-każijiet kollha.
30 Żieda bħal din, sabiex tkun konformi mad-dispożizzjoni tad-Direttiva 85/73, għandha madankollu tikkorrispondi għall-ispejjeż addizzjonali li għandhom jiġu koperti.
31 Fir-rigward taż-żidiet tal-ispejjeż li jistgħu jirriżultaw mill-ispezzjoni ta’ annimali li, fuq talba tas-sid, jinqatlu barra mis-sigħat tal-qatla normali, għandu jiġi osservat li, fost l-elementi li jistgħu jżidu dawn l-ispejjeż, tinsab manifestament in-nefqa fis-salarji li tirriżulta mill-ħlas tas-somom għas-sigħat, fejn xieraq addizzjonali, imwettqa mill-persuni responsabbli għall-kontrolli inkwistjoni barra l-ħinijiet normali tax-xogħol tagħhom.
32 Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk, fil-kawża prinċipali, l-ammont addizzjonali ta’ 25 % li jiżdied mal-ammonti standard previsti fil-punt 4(a) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73 jirrappreżentax valur standard li jikkorrispondi għall-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-ispezzjoni ta’ annimali li, fuq talba tas-sid, jinqatlu barra mis-sigħat tal-qatla normali.
33 Fir-rigward it-tieni waħda fost l-imsemmija dispożizzjonijiet, jiġifieri il-punt 4(b) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73, għandu jiġi mfakkar li mill-punt 20 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din id-dispożizzjoni toffri lill-Istati Membri setgħa li huma jistgħu jeżerċitaw fuq livell ġenerali u fid-diskrezzjoni tagħhom bl-unika kundizzjoni li l-miżata miġbura ma taqbiżx l-ispejjeż effettivament inkorsi.
34 Għandu wkoll jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 31 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, miżata miġbura skont l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tieħu l-forma ta’ ammont standard, b’mod li l-ammont globali tagħha jista’ jvarja fil-każ individwali skont l-ispejjeż li l-ispezzjonijiet u l-kontrolli veterinarji fi stabbiliment individwali jkunu effettivament swew lill-awtorità kompetenti.
35 Għaldaqstant, minkejja li l-punt 4(b) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73 ma jirreferix għal “stabbiliment individwali”, l-ammont totali tal-miżata dovuta minn kull stabbiliment jista’ jvarja minn każ għall-ieħor.
36 Sa fejn ma għandux jiġi eskluż li l-ispezzjoni ta’ annimali li, fuq talba tas-sid tagħhom, jinqatlu barra mis-sigħat tal-qatla normali toħloq nefqa addizzjonali għall-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari fir-rigward tan-nefqa fis-salarji, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-miżata totali miġbura tikkorrispondix għan-nefqa effettivament inkorsa.
37 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun:
– Il-punt 4(a) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jiġbor, għall-ispezzjoni tal-annimali li, fuq talba tas-sid, jinqatlu barra mis-sigħat tal-qatla normali, “miżata addizzjonali fuq bażi perċentwali” li tiżdied mal-miżati normalment miġbura għall-ispezzjoni tal-annimali meta din iż-żieda tkun tirrappreżenta valur standard li jikkorrispondi għal spejjeż addizzjonali li għandhom jiġu koperti.
– Il-punt 4(b) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jiġbor, għall-ispezzjoni tal-annimali li, fuq talba tas-sid, jinqatlu barra mis-sigħat tal-qatla normali, “miżata addizzjonali fuq bażi perċentwali” li tiżdied mal-miżata normalment miġbura għall-ispezzjoni tal-annimali meta din iż-żieda tkun tikkorrispondi għal spejjeż addizzjonali effettivament sostnuti.
Fuq l-ispejjeż
38 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Il-punt 4(a) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva tal-Kunsill 85/73/KEE, tad-29 ta’ Jannar 1985, dwar il-finanzjament tal-ispezzjonijiet u l-kontrolli veterinarji koperti mid-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE, 90/675/KEE u 91/496/KEE kif emendata u kkonsolidata bid-Direttiva tal-Kunsill 96/43/KE, tas-26 ta’ Ġunju 1996, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jippermettix lill-Istati Membri li jinjoraw il-lista tat-tariffi prevista fil-punti 1 u 2(a) tal-imsemmi Kapitolu I, u li jiġbru miżata li r-rata tagħha tvarja skont id-daqs tal-istabbilimenti u hija stabbilita b’mod digressiv abbażi tan-numru ta’ annimali maqtula għal kull tip ta’ annimal;
Il-punt 4(b) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva tal-Kunsill 85/73/KEE, kif emendata u kkonsolidata bid-Direttiva tal-Kunsill 96/43/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru mhuwiex marbut li jirrispetta l-lista tat-tariffi prevista fil-punti 1 u 2(a) tal-istess kapitolu u jista’ jiġbor miżata li l-ammont tagħha jvarja skont id-daqs tal-impriża u n-numru ta’ annimali maqtula għal kull tip ta’ annimal ladarba jiġi stabbilit li dawn il-fatturi kellhom effett reali fuq l-ispejjeż effettivament sostnuti sabiex isiru l-ispezzjonijiet u l-kontrolli veterinarji stabbiliti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju.
2) Il-punt 4(a) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73, kif emendata u kkonsolidata permezz tad-Direttiva 96/43, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jiġbor, għall-ispezzjoni tal-annimali li, fuq talba tas-sid, jinqatlu barra mis-sigħat tal-qatla normali, “miżata addizzjonali fuq bażi perċentwali” li tiżdied mal-miżati normalment miġbura għall-ispezzjoni tal-annimali meta din iż-żieda tkun tirrappreżenta valur standard li jikkorrispondi għal spejjeż addizzjonali li għandhom jiġu koperti;
Il-punt 4(b) tal-Kapitolu I tal-Anness A tad-Direttiva 85/73, kif emendata u kkonsolidata permezz tad-Direttiva 96/43, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jiġbor, għall-ispezzjoni tal-annimali li, fuq talba tas-sid, jinqatlu barra mis-sigħat tal-qatla normali, “miżata addizzjonali fuq bażi perċentwali” li tiżdied mal-miżata normalment miġbura għall-ispezzjoni tal-annimali meta din iż-żieda tkun tikkorrispondi għal spejjeż addizzjonali effettivament sostnuti.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Full & Egal Universal Law Academy