Kawża C-317/07
Proċeduri mibdija minn
Lahti Energia Oy
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus)
“Direttiva 2000/76/KE — Inċinerazzjoni ta’ skart — Purifikazzjoni u kombustjoni — Gass mhux raffinat prodott minn skart — Kunċett ta’ skart — Impjant ta’ inċinerazzjoni — Impjant ta’ koinċinerazzjoni”
Sommarju tas-sentenza
1. Ambjent — Skart — Inċinerazzjoni — Direttiva 2000/76
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/76, Artikolu 3(1))
2. Ambjent — Skart — Inċinerazzjoni — Direttiva 2000/76
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/76, Artikolu 3(4))
3. Ambjent — Skart — Inċinerazzjoni — Direttiva 2000/76
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/76, Artikolu 3(4) u (5))
1. Il-kunċett ta’ “skart” li jinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/76, dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart, ma jkoprix sustanzi fil-forma ta’ gass.
(ara l-punt 17 u d-dispożittiv 1)
2. Il-kunċett ta’ “impjant ta’ inċinerazzjoni” previst fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/76, dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart, jikkonċerna kull apparat u tagħmir tekniku li fih isir trattament tas-sħana tal-iskart, bil-kundizzjoni li s-sustanzi li jirriżultaw mill-użu ta’ dan il-proċess tas-sħana huma wara maħruqa. F’dan ir-rigward, il-preżenza ta’ linja ta’ inċinerazzjoni mhijiex kriterju neċessarju għall-finijiet ta’ tali klassifika.
(ara l-punt 22 u d-dispożittiv 2)
3. Fir-rigward ta’ kumpless ta’ produzzjoni ta’ enerġija li fih fabbrika tal-gass, ħdejn ċentrali elettrika, tipprovdi din tal-aħħar b’gass ippurifikat miksub permezz ta’ gassifikazzjoni ta’ skart u użat f’din iċ-ċentrali bħala kombustibbli flimkien ma’ kombustibbli fossili, għandu, fil-prinċipju, isir eżami distint tal-fabbrika tal-gass u taċ-ċentrali elettrika għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/76 dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart.
Hekk kif fabbrika tal-gass li għandha l-għan li tikseb prodotti fil-forma ta’ gass, f’dan il-każ gass ippurifikat, billi tissottometti skart għal trattament tas-sħana, għandha tiġi kkunsidrata bħala “impjant ta’ koinċinerazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(5), tal-imsemmija direttiva, ċentrali elettrika, li tuża, bħala kombustibbli addizzjonali minflok tuża prinċipalment kombustibbli fossili fl-attività tagħha ta’ produzzjoni ta’ enerġija, gass ippurifikat miksub mill-koinċinerazzjoni tal-iskart f’fabbrika tal-gass, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, għall-finijiet tal-klassifika ta’ entità ta’ impjant ta’ inċinerazzjoni jew ta’ impjant ta’ koinċinerazzjoni, mhemmx lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar liema klassifika tippermetti li jinkiseb livell ta’ emissjonijiet l-iktar favorevoli għall-ambjent.
(ara l-punti 25, 41-43 u d-dispożittiv 3)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
4 ta’ Diċembru 2008 (*)
“Direttiva 2000/76/KE – Inċinerazzjoni ta’ skart – Purifikazzjoni u kombustjoni – Gass mhux raffinat prodott minn skart – Kunċett ta’ skart – Impjant ta’ inċinerazzjoni – Impjant ta’ ko-inċinerazzjoni”
Fil-Kawża C‑317/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Lulju 2007, fil-proċedura mressqa minn
Lahti Energia Oy,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ Awla, K. Schiemann, J. Makarczyk, L. Bay Larsen u C. Toader (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Lulju 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Lahti Energia Oy, minn T. Rinne, asianajaja, kif ukoll minn M. Kivelä u H. Takala, direttur u enġinir rispettivament,
– għall-Hämeen ympäristökeskus, minn P. Mäkinen u E. Mecklin, bħala aġenti,
– għas-Salpausselän luonnonystävät ry, minn M. Vikberg u S. Niemelä, asianajaja,
– għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Fiengo, avvocato dello Stato,
– għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Grave, bħala aġenti,
– għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn I. Koskinen u J.-B. Laignelot, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ 11 ta’ Settembru 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/76/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Diċembru 2000, dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart (ĠU L 332, p. 91).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Lahti Energia Oy (iktar ’il quddiem “Lahti Energia”), impriża tal-belt ta’ Lahti u Itä-Suomen ympäristölupavirasto (dipartiment tal-ambjent tal-Finlandja tal-Lvant, iktar ’il quddiem il-“ympäristölupavirasto” dwar is-soġġezzjoni għall-ħtiġijiet tad-Direttiva 2000/76/KE ta’ kumpless ta’ fabbrika tal-gass u ta’ ċentrali elettrika.
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2000/76
3 Il-ħames u s-seba’ u għoxrin premessa tad-Direttiva 2000/76 jipprovdu:
“(5) Bi qbil mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità kif inhuma mniżżla fl-Artikolu 5 tat-Trattat, hemm bżonn li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Komunità. Il-prinċipju tal-prekawzjoni jipprovdi l-bażi għal iktar miżuri. Id-Direttiva tillimita ruħha għall-ħtiġiet minimi għall-impjanti ta’ inċinerazzjoni u impjanti ta’ ko-inċinerazzjoni.
[…]
(27) Il-ko-inċinerazzjoni ta’ skart f’impjanti li m’humiex primarjament maħsubin biex jinċineraw skart m’għandhomx jitħallew li jikkawżaw emissjonijiet ta’ sustanzi ta’ tniġġis fil-parti ta’ ħruġ ta’ volum ta’ gass li jirrizulta minn din il-ko-inċinerazzjoni akbar minn dawk ta’ impjanti proprji li huma permessi għall-inċinerazzjoni u għalhekk għandhom ikunu suġġetti għal-limitazzjonijiet addatti.”
4 Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva:
“Għall-għan ta’ din id-Direttiva:
‘skart’ tfisser kull skart solidu u likwidu kif definit fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442/KEE; tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠUL 194, p. 39)];
[…]
4) ‘Impjant ta’ inċinerazzjoni’ tfisser kull apparat u tagħmir tekniku stazzjonarju jew mobbli dedikat għat-trattament ta’ sħana ta’ l-iskart bi jew mingħajr l-irkupru tas-sħana ġenerata mill-kombustjoni. Dan jinkludi l-inċinerazzjoni bl-ossidazzjoni ta’ l-iskart kif ukoll proċessi ta’ trattamenti oħra tas-sħana bħal pirolisi, gassifikazzjoni jew il-proċessi tal-plasma sakemm s-sustanzi li jirriżultaw mit-trattament jiġu sussegwentement inċinerati.
Din id-definizzjoni tkopri s-sit u l-impjant kollu ta’ l-inċinerazzjoni inklużi l-linji kollha ta’ l-inċinerazzjoni, il-post fejn jintefa’ l-iskart, il-ħżin, il-faċilitajiet ta’ trattament minn qabel fuq is-sit, sistemi ta’ skart tal-kombustibbli u sistemi ta’ provista ta’ l-arja, boiler, faċilitajiet għat-trattamenti tal-gassijiet ta’ l-exhaust, faċilitajiet fuq is-sit għat-trattament jew ħżin tar-residwi u ta’ ilma mormi, munzell, apparat u sistemi għall-kontroll ta’ operazzjonijiet ta’ l-inċinerazzjoni, ir-reġistrazzjoni u s-sorveljar tal-kondizzjonijiet ta’ l-inċinerazzjoni;
5) ‘impjant ta’ ko-inċinerazzjoni’ tfisser kull impjant stazzjonarju jew mobbli li l-iskop ewlieni tiegħu hu l-ġenerazzjoni ta’ enerġija jew produzzjoni ta’ prodotti materjali:
– li juża skart bħala kombustibbli regolari jew addizzjonali; jew
– li fih l-iskart huwa ttrattat permezz tas-sħana għall-iskop ta’ tneħħija.
Jekk il-ko-inċinerazzjoni sseħħ b’tali mod li l-iskop ewlieni ta’ l-impjant m’huwiex il-ġenerazzjoni ta’ l-enerġija jew produzzjoni ta’ prodotti materjali, imma jikkonċerna trattament ta’ sħana ta’ skart, l-impjant għandu jiġi meqjus bħala impjant ta’ inċinerazzjoni fil-kuntest ta’ punt 4.
Din id-definizzjoni tkopri s-sit u l-impjant kollu inklużi l-linji tal-ko-inċinerazzjoni kollha, il-post fejn jintefa’ l-iskart, il-ħżin, il-faċilitajiet ta’ trattament minn qabel fuq is-sit, is-sistemi ta’ provista ta’ l-iskart, il-kombustibbli u l-arja, boiler, faċilitajiet għat-trattamenti tal-gassijiet ta’ l-exhaust, faċilitajiet fuq is-sit għat-trattament jew ħżin tar-residwi u ta’ ilma mormi, munzelli, apparat u sistemi għall-kontroll ta’ operazzjonijiet ta’ inċinerazzjoni, ir-reġistrazzjoni u s-sorveljar tal-kondizzjonijiet ta’ l-inċinerazzjoni;
[…]
12) ‘permess’ tfisser deċiżjoni miktuba (jew deċiżjonijiet varji bħal dawn) mibgħuta mill-awtorità kompetenti li tagħti l-awtorità biex impjant jitħaddem, li tkun soġġetta għal ċertu kondizzjonijiet li jiggarantixxu li l-impjant iħares il-ħtiġiet kollha ta’ din id-Direttiva. Permess jista’ jkopri impjant wieħed jew iżjed jew partijiet ta’ impjant fl-istess sit imħaddma mill-istess operatur;
13) ‘residwu’ tfisser kull materjal likwidu jew solidu (li jinkludi rmied tal-qiegħ jew kagazza, irmied imtajjar u trab tal-boiler, prodotti solidi tar-reazzjoni mit-trattamenti tal-gass, il-ħmieġ tad-drenaġġ li joħroġ mit-trattament ta’ l-ilma mormi, katalisti spiċċuti u karbon attivat spiċċut) imfisser bħala skart fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442/KEE, li huwa ġġenerat mill-proċess ta’ l-inċinerazzjoni jew tal-ko-inċinerazzjoni, mill-gass ta’ l-exhaust jew mit-trattament ta’ l-ilma mormi jew minn proċessi oħrajn ġo l-impjant ta’ l-inċineazzjoni jew ko-inċinerazzjoni.”
5 L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/76 intitolat “Valuri tal-limitu ta’ l-emissjonijiet ta’ l-arja”, jipprovdi:
“1. L-impjanti ta’ l-inċinerazzjoni għandhom ikunu mfassla, mgħammra, mibnija u mħaddma b’tali mod li ma jaqbżux fil-gassijiet ta’ l-exhaust il-valuri tal-limitu ta’ l-emissjonijiet preskritti fl-Anness V.
2. L-impjanti ta’ ko-inċinerazzjoni għandhom ikunu mfassla, mgħammra, mibnija u mħaddma b’tali mod li ma jaqbżux fil-gassijiet ta’ l-exhaust il-valuri tal-limitu ta’ l-emissjonijiet preskritti bi qbil ma’ jew mniżżla fl-Anness II.
[…]”
Id-Direttiva 2006/12/KE
6 Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar l-iskart (ĠU L 114, p. 9), il-kelma ‘skart’ tfisser kwalunkwe sustanza jew oġġett fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness I li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi”.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
7 Lahti Energia talbet lill-ympäristölupavirasto peremss tal-ambjent fir-rigward tal-attività tal-fabbrika tal-gass tagħha u ċ-ċentrali elettrica tagħha. Dan il-permess jirrigwarda kumpless, ikkostitwit minn żewġ impjanti distinti sitwati fuq l-istess lok u li jinkludu fabbrika li tipproduċi l-gass mill-iskart kif ukoll ċentrali elettrika li l-bojler bil-fwar tagħha jaħraq il-gass ippurifikat li huwa prodott fil-fabbrika tal-gass.
8 Il-ympäristölupavirasto ħarġet lil Lahti Energia permess tal-ambjent temporanju filwaqt li indikat il-kundizzjonijiet li fih dan il-permess ingħata. Dan id-dipartiment b’hekk ikkunsidra li l-fabbrika tal-gass li tipproduċi gass u ċ-ċentrali li taħraq dan il-gas jikkostitwixxu flimkien impjant ta’ koinċinerazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2000/76.
9 Lahti Energia ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Vaasan hallinto-oikeus (qorti amministrattiva ta’ Vassa), u talbet li jiġi kkonstatat li l-kombustjoni f’bojler prinċpila ta’ gass ippurifikat u raffinat f’impjant distint ta’ produzzjoni ta’ gass ma jiġix ikkunsidrat bħala koinċinerazzjoni ta’ skart fis-sens tad-Direttiva 2000/76.
10 Il-Vaasan hallinto-oikeus ċaħdet ir-rikors. Hija qieset, b’mod partikolari, li l-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva 2000/76 tista’ tiġi kompromessa jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jiġi interpretat b’mod tant strett li l-ħtiġiet ta’ din id-direttiva ma japplikawx għall-kombustjoni ta’ skart trattat minn qabel. Mandankollu, din il-qorti tqis li, bħala entità operattiva distinta, il-fabbrika tal-gass ma kellhiex tiġi kkunsidrata bħala impjant ta’ inċinerazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2000/76, peress li l-gassifikazzjoni huwa trattament tas-sħana u li, sabiex jiġi kkunsidrat bħala impjant ta’ inċinerazzjoni, impjant għandu jkollu linja intiża għall-inċinerazzjoni.
11 Manadankollu, il-Vaasan hallinto-oikeus ikkunsidrat li l-fabbrika tal-gass u ċ-ċentrali elettrika jikkostitwixxu flimkien impjant ta’ koinċinerazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2000/76.
12 Għalhekk, Lahti Energia appellat quddiem il-Korkein hallinto-oikeus, li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
“1) L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2007/76/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li d-Direttiva 2000/76/KE mhijiex applikabbli għall-inċenerazzjoni ta’ skart li jirrilaxxja l-gass?
2) Impjant ta’ gassifikazzjoni, li jikseb gass minn skart, permezz ta’ proċedura ta’ piroliżi, għandu jitqies li huwa impjant ta’ inċenerazzjoni skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/76/KE, anki jekk f’dan l-impjant ma jkun hemm l-ebda [linja] ta’ inċenerazzjoni?
3) L-inċenerazzjoni fil-boiler ta’ ċentrali elettrika [ta’ gass] li jinħoloq f’impjant ta’ gassifikazzjoni u li jiġi ppurifikat wara l-proċedura ta’ gassifikazzjoni għandha titqies li hija proċedura inkluża fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/76/KE? F’dan ir-rigward, għandu rilevanza l-fatt li l-gass li jinħoloq u li jiġi ppurifikat jissostitwixxi l-karburanti fossili u li l-emissjonijiet taċ-ċentrali elettrika, għal kull unità ta’ enerġija prodotta, ikunu inqas minn dawk li jużaw karburanti oħra, billi tuża l-gass miksub minn skart li jiġi ppurifikat? Għall-finijiet tal-intepretazzjoni tal-portata tad-Direttiva 2000/76/KE, huwa rilevanti li l-impjant ta’ gassifikazzjoni u ċ-ċentrali elettrika, mil-lat tekniku u funzjonali u fid-dawl tal-distanza minn xulxin, jikkostitwixxu impjant uniku jew il-fatt li l-gass prodott, li jinħoloq fl-impjant ta’ gassifikazzjoni u jiġi ppurifikat, jintbgħat u jista’ jiġi użat jew bħala karburanti jew għal skopijiet oħra f’post ieħor, bħal per eżempju għall-produzzjoni tal-enerġija?
4) Taħt liema kundizzjonijiet jista’ jitqies li l-gass, li jinħoloq f’impjant ta’ gassifikazzjoni u li jiġi ppurifikat, huwa prodott b’tali mod li ma jiġix iktar inkluż mad-dispożizzjonijiet dwar l-iskart?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
13 Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-kunċett ta’ “skart” li jinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/76, ikopriex ukoll sustanzi fil-forma ta’ gassijiet.
14 Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, din id-domanda għandha tinftiehem li tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-gass li jirriżulta mill-pirolisi, li saret f’fabbrika tal-gass, tal-iskart solidu ta’ tipi differenti, jistax jiġi kkunsidrat bħala “skart” fis-sens tad-Direttiva 2000/76 b’mod li din is-sustanza li tirrilaxxa gassijiet, użata sussegwentement bħala kombustibbli fiċ-ċentrali elettrika flimkien ta’ kombustibbli oħra, tista’ b’hekk tiġi analizzata bħala jew sustanza li [hija] sussegwentement inċinerat[a] fis-sens tal-aħħar tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva, jekk skart użat bħala “kombustibbli [...] addizzjonali”; jew “ttrattat permezz tas-sħana għall-iskop tat-tneħħija [tiegħu]” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(5) tal-imsemmija direttiva.
15 F’dan ir-rigward, kif tenfasizza Lahti Energia, il-gverninjiet Finlandiż u Taljan kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem ċar tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/76, jiddefinixxi l-kunċett ta’ “skart”, fil-kuntest ta’ din id-direttiva, bħala kull skart “solidu” jew “likwidu”, hekk kif definit fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442.
16 Issa, interpretazzjoni litterali ta’ din id-dispożizzjoni hija suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-iskart li huwa solidu jew likwidu biss huwa kopert mid-Direttiva 2000/76 u li għaldaqstant mhemmx lok li jitfittex x’imkien ieħor jekk il-kunċett ta’ “skart” fil-kuntest tad-Direttiva 75/442 ikopriex min-naħa tiegħu l-iskart fil-forma ta’ gass.
17 Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “skart” li jinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/76, ma jkopriex sustanzi fil-forma ta’ gass.
Fuq it-tieni domanda
18 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi l-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-eżistenza ta’ linja ta’ inċinerazzjoni hijiex kundizzjoni neċessarja għall-kwalifika ta’ entità, bħal fabbrika li tipproduċi l-gass mill-iskart, bħala “impjant ta’ inċinerazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/76.
19 Skond l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/76, il-kunċett ta’ impjant ta’ inċinerazzjoni jipprevedi apparat u tagħmir tekniku intiż għat-trattament ta’ sħana tal-iskart, li jinkludi l-inċinerazzjoni bl-ossidazzjoni kif ukoll proċessi ta’ trattamenti oħra tas-sħana bħall-pirolisi u l-gassifikazzjoni.
20 F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mingħajr ambigwità minn paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/76 u hekk kif isostnu Lahti Energia, il-Hämeen ympäristökeskus, l-gvern Finlandiż u l-Kummissjoni, entità li fiha skart jgħaddi minn trattament ta’ sħana tista tiġi meqjusa bħala “impjant ta’ inċinerazzjoni” biss jekk is-sustanzi li jirriżultaw mill-użu ta’ dan il-proċess tas-sħana huma wara maħruqa.
21 Hekk kif josserva ġustament il-gvern Olandiż, il-lista ta’ elementi tekniċi, li jinsabu fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/76, la tista’ tiġi kkunsidrata bħala enumerazzjoni eżawrjenti tal-elementi li jistgħu jikkostitwixxu impjant ta’ inċinerazzjoni u lanqas bħala enumerazzjoni ta’ elementi li għandhom neċessarjament jikkostitwixxu tali impjant. Għaldaqstant, il-preżenza ta’ linja ta’ inċinerazzjoni mhijiex kriterju neċessarju għall-finijiet tal-kwalifika ta’ entità bħala “impjant ta’ inċinerazzjoni”.
22 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata lit-tieni domanda hija li l-kunċett ta’ “impjant ta’ inċinerazzjoni” previst fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/76 jikkonċerna kull apparat u tagħmir tekniku intiż għat-trattament ta’ sħana tal-iskart li fih isir trattament tas-sħana tal-iskart, bil-kundizzjoni li s-sustanzi li jirriżultaw mill-użu ta’ dan il-proċess tas-sħana huma wara maħruqa, u li, f’dan ir-rigward, il-preżenza ta’ linja ta’ inċinerazzjoni mhijiex kriterju neċessarju għall-finijiet ta’ tali klassifika.
Fuq it-tielet domanda
23 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, kif tifhem, fir-rigward tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/76, kumpless ta’ produzzjoni ta’ enerġija li fih fabbrika tal-gass, ħdejn ċentrali elettrika, li tipprovdi din tal-aħħar b’gass ippurifikat miksub permezz ta’ gassifikazzjoni ta’ skart u użat f’din iċ-ċentrali bħala kombustibbli flimkien ma’ kombistibbli fossili. Din il-qorti ssaqsi, b’mod partikolari fuq ir-rilevanza, għall-finijiet tal-klassifika ta’ dan il-kumpless, minn naħa, minħabba li l-użu tal-imsemmi gass ippurifikat miċ-ċentrali elettrika jippermetti li jinkisbu l-inqas rimi meta mqabbel mal-użu ta’ kombistibbli fossili, u, min-naħa l-oħra, minħabba li ż-żewġ entitajiet li jffurmaw l-imsemmi kumpless jippreżentaw ċerta unità operazzjonali fis-sens li l-fabbrika tal-gass hija intiża sabiex tkopri parzjalment il-ħtiġiet ta’ kombustibbli taċ-ċentrali elettrika iżda li, fl-istess ħin, il-gass prodott fl-imsemmija fabbrika jista’ jintuża għall-kummerċjalizzazzjoni barra mill-post inkwistjoni.
24 L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/76, meta ċentrali ta’ koġenerazzjoni fiha diversi bojlers, kull bojler kif ukoll it-tagħmir konness miegħu għandhom jiġu kkunsidrati li jikkostitwixxu impjant distint (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Gävle Kraftvärme, C-251/07, Ġabra p. I-7047, punt 33).
25 Għaldaqstant, bl-istess mod fir-rigward ta’ żewġ entitajiet bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu, fil-prinċipju, isir eżami distint tal-fabbrika tal-gass u taċ-ċentrali elettrika għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/76.
26 Skond l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/76, impjant li għandu bħala skop ewlieni l-produzzjoni ta’ enerġija jew ta’ prodotti materjali u li jew juża l-iskart bħala kombustibbli regolari jew addizzjonali, jew jittratta l-iskart bis-sħana sabiex dawn jiġu eliminati, għandu jiġi kklassifikat bħala impjant ta’ koinċinerazzjoni (ara s-sentenza Gävle Kraftvärme, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).
27 It-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(5) jippreċiża li, jekk il-koinċinerazzjoni sseħħ b’tali mod li l-iskop ewlieni tal-impjant mhuwiex il-produzzjoni tal-enerġija jew ta’ prodotti materjali, iżda pjutost jikkonċerna trattament ta’ sħana ta’ skart, l-impjant għandu jitqies li huwa “impjant ta’ inċinerazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(4) (sentenza Gävle Kraftvärme, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).
28 B’hekk, jirriżulta b’mod ċar mill-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li impjant ta’ koinċinerazzjoni jikkostitwixxi forma partikolari ta’ impjant ta’ inċinerazzjoni u li huwa fid-dawl tal-iskop ewlieni ta’ impjant li hemm lok li jiġi evalwat jekk dan jikkostitwixxix impjant ta’ inċinerazzjoni jew impjant ta’ koinċinerazzjoni (sentenza Gävle Kraftvärme, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).
Fuq il-klassifika tal-fabbrika tal-gass
29 Fil-kawża prinċipali, u bla ħsara għall-konstatazzjonijiet fattwali li jridu jiġu ttrattati mill-qorti tar-rinviju, jidher li, fil-fabbrika tal-gass, skart jiġi trattat bis-sħana, iżda li s-sustanzi li jirriżultaw minnu mhumiex maħruqa fl-imsemmija fabbrika. Fil-fatt, is-sustanzi li jirriżultaw minn dan it-trattament tas-sħana, f’dan il-każ gass mhux raffinat, huma iffiltrati permezz ta’ filtru li jippermetti li jinkiseb gass ippurifikat, ħieles mill-partiċelli solidi mhux mixtieqa, u li jista’, minħabba dan, jiġi użat bħala kombustibbli.
30 B’hekk, safejn dawn is-sustanzi li jirriżultaw mit-trattament tas-sħana mwettaq fuq l-iskart mhumiex maħruqa fil-fabbrika tal-gass, it-tħaddim u l-karatteristiċi ta’ tali fabbrika ma jippermettux li din tiġi klassifikata, bħala tali, bħala “impjant ta’ inċinerazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/76.
31 Madankollu, jidher li l-għan ewlieni tal-fabbrika tal-gass hija l-produzzjoni ta’ kombustibbli, f’dan il-każ gass ippurifikat, u li, fil-konfini tagħha, skart huwa ttrattat bis-sħana sabiex jiġi eliminat.
32 F’dan ir-rigward, jekk huwa ċertament minnu, hekk kif inhu mfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, li impjant ta’ koinċinerazzjoni jikkostitwixxi forma partikolari ta’ installazzjoni ta’ inċinerazzjoni, jibqa’ l-fatt li dawn iż-żewġ tipi ta’ impjanti jissodisfaw id-definizzjonijiet xierqa. Issa, hekk kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tagħha, jekk il-kundizzjoni marbuta mal-applikazzjoni ta’ trattament tas-sħana lill-iskart tista’ tiġi rikjesta fiż-żewġ każijiet, għall-kuntrarju, fir-rigward tal-klassifika ta’ impjant ta’ inċinerazzjoni, mhuwiex meħtieġ fil-kliem tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/76, li s-sustanzi li jirriżultaw ikunu mbagħad maħruqa.
33 Minn dan jirriżulta li, skont dak li ġie mfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, fabbrika tal-gass bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji għall-klassifika tagħha bħala impjant ta’ koincinerazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/76.
34 Fir-rigward tal-gass ippurifikat li joħroġ mit-trattament tas-sħana tal-iskart, il-gvern Awstrijak iressaq l-idea li jista’ jiġi kkunsidrat li l-gass ippurifikat hekk prodott mill-fabbrika tal-gass jikkorrispondi għal sustanza li tirriżulta mit-trattament tas-sħana applikat lill-iskart fl-imsemmija fabbrika u li, safejn l-imsemmi gass huwa maħruq wara fiċ-ċentrali elettrika, ikun possibbli li l-fabbrika tal-gass tiġi kkunsidrata bħala impjant ta’ inċinerazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/76.
35 F’dan ir-rigward, minn naħa, hekk kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, il-gass inkwistjoni, minħabba b’mod partikolari l-filtrazzjoni tiegħu fil-filtru, iżżomm proprjetajiet simili għal kombustibbli fossilu u jikkostitwixxi b’hekk gass li jista’ jintuża bħala kombustibbli għall-produzzjoni ta’ enerġija, kemm fiċ-ċentrali elettrika li għaliha l-produzzjoni tal-fabbrika tal-gass hija intiża kif ukoll f’ċentrali oħra elettriċi.
36 F’dawn iċ-ċirkustanzi, din mhijiex kwistjoni ta’ sustanza li tirriżulta mit-trattament tas-sħana ta’ skart fil-fabbrika tal-gass li ser tkun maħruqa fiċ-ċentrali elettrika sabiex jinkiseb proċess sempliċi ta’ eliminazzjoni ta’ skart. Fil-fatt, u hekk kif isostnu l-gvernijiet Finalndiż u Taljan, meta l-proċess jitwassal sal-aħħar fil-konfini tal-fabbrika tal-gass, prodott li għandu karatteristiċi ta’ kombustibbli jinħoloq mill-iskart.
37 Min-naħa l-oħra, meta f’impjant li l-għan ewlieni tiegħu huwa l-produzzjoni ta’ prodotti materjali, f’dan li każ prodtoti li jirrilaxxaw gass, skart huwa sottomess għal trattament tas-sħana sabiex dan jiġi eliminat, tali impjant għandu jiġi meqjus impjant ta’ koinċinerazzjoni, skont l-ispirtu tal-Artikoli 3(4) u (5) tad-Direttiva 2000/76, li tagħmel dependenti fuq l-għan ewlieni tal-entità inkwistjoni l-kallsifika tiegħu bħala impjant ta’ inċinerazzjoni jew impjant ta’ koinċinerazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gävle Kraftvärme, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).
Fuq il-klassifika taċ-ċentrali elettrika
38 Fir-rigward tal-attivitatjiet taċ-ċentrali elettrika inkwistjoni fil-kawża prinċiplai, jidher li l-għan tagħha huwa l-produzzjoni ta’ enerġija permezz ta’ kombustjoni tal-materji prima bħall-faħam u, parzjalment, ta’ gass ippurifikat bħal dak prodott mill-fabbrika tal-gass. B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li tali ċentarli m’għandhiex bħala funzjoni prinċipali li taħraq sustanzi li jirriżultaw mit-trattament tas-sħana tal-iskart imwettaq fil-fabbrika tal-gass.
39 Barra minn hekk, ma jistax jiġi sostnut li l-kombustjoni tal-imsemmi gass ippurifikat fiċ-ċentrali elettrika flimkien ma’ kombustibbli fossili tikkostitwixxi trattament tas-sħana applikat lil “skart” fis-sens tad-Direttiva 2000/76, li jippermetti li l-imsemmija ċentrali bħala impjant ta’ inċinerazzjoni.
40 Fil-fatt, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija direttiva ma tipprevedi mkien taħt l-isem ta’ “skart” sustanzi li jippreżentaw ruħhom fil-forma ta’ gass. Għaldaqstant huwa eskluż li jiġi kkunsidrat li l-kombustjoni, fiċ-ċentrali elettrika, tal-gass ippurifikat prodott mill-fabbrika tal-gass tikkosititwixxi trattament tas-sħana applikat fuq skart.
41 Minn dan isegwi li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, filwaqt li l-fabbrika tal-gass għandha l-għan li tikseb prodotti fil-forma ta’ gass billi tissottometti skart għal trattament tas-sħana, li huwa biżżejjed sabiex din tkun ikkunsidrata bħala impjant ta’ koinċinerazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/76, iċ-ċentrali elettrika, li tuża gass ippurifikat miksub mill-koinċinerazzjoni tal-iskart fl-imsemmija fabbrika tal-gass, u dan minflok l-użu prinċipali ta’ kombustibbli fossili fl-attività tagħha ta’ produzzjoni ta’ enerġija, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.
42 F’dan ir-rigward, għall-finijiet tal-klassifika ta’ entità ta’ impjant ta’ inċinerazzjoni jew ta’ impjant ta’ ko-inċinerazzjoni, mhemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar liema klassifika tippermetti li jinkiseb livell ta’ emissjonijiet l-iktar favorevoligħall-ambjent. Fil-fatt, din il-problema taqa’ fil-kompetenza tal-leġiżlatur Komunitarju, li iddefinixxa l-kundizzjonijiet neċessarji għall-klassifiki ġuridiċi tal-impjanti u l-livelli ta’ emissjonijiet ammissbbli kemm għall-impjanti ta’ inċinerazzjoni u ta’ koinċinerazzjoni kif ukoll għall-impjant l-kbar ta’ kombustjoni. Konsegwentement, l-ħtiġijiet deskritti fl-Artikolu 3(4) u (5) tad-direttiva 2000/76, huma rilevanti għall-qorti nazzjonali li quddiemu tressqet din il-kwistjoni.
43 Fid-dawl ta’ dak li ppreċeda, hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun, li fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali:
– fabbrika tal-gass għandha l-għan li tikseb prodotti fil-forma ta’ gass, f’dan il-każ gass ippurifikat, billi tissottometti skart għal trattament tas-sħana, għandha tiġi kkunsidrata bħala impjant ta’ koinċinerazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/76;
– ċentrali elettrika, li tuża, bħala kombustibbli addizzjonali minnflok tuża prinċipalment kombustibbli fossili fl-attività tagħha ta’ produzzjoni ta’ enerġija, gass ippurifikat miksub mill-koinċinerazzjoni tal-iskart f’fabbrika tal-gass, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.
Fuq ir-raba domanda
44 Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi mil-liema stadju kimiku jista’ jiġi kkunsidrat li skart isir “prodotti”.
45 Din il-qorti fformulat tali domanda billi bbażat ruħha fuq il-premessa li s-sustanzi ta’ gass miksuba wara trattament tas-sħana applikat fuq l-iskart f’fabbrika tal-gass bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom huma stess in-natura ta’ “skart” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/76.
46 Issa, f’dan ir-rigward, bħala risposta għall-ewwel domanda, ġie kkonstatat li l-kunċett ta’ “skart” li jinsab f’din id-dispożizzjoni ma jkoprix sustanzi fil-forma ta’ gass.
47 F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhemmx lok li tingħata risposta għal din ir-raba’ domanda.
Fuq l-ispejjeż
48 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, it-Tieni Awla taqta’ u tiddeċiedi:
1) Il-kunċett ta’ “skart” li jinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/76/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2000 dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart, ma jkoprix sustanzi fil-forma ta’ gass.
2) Il-kunċett ta’ “impjant ta’ inċinerazzjoni” previst fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/76 jikkonċerna kull apparat u tagħmir tekniku intiż għat-trattament ta’ sħana tal-iskart li fih isir trattament tas-sħana tal-iskart, bil-kundizzjoni li s-sustanzi li jirriżultaw mill-użu ta’ dan il-proċess tas-sħana huma wara maħruqa, u li, f’dan ir-rigward, il-preżenza ta’ linja ta’ inċinerazzjoni mhijiex kriterju neċessarju għall-finijiet ta’ tali klassifika.
3) F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali:
– fabbrika tal-gass għandha l-għan li tikseb prodotti fil-forma ta’ gass, f’dan il-każ gass ippurifikat, billi tissottometti skart għal trattament tas-sħana, għandha tiġi kkunsidrata bħala “impjant ta’ koinċinerazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/76;
– ċentrali elettrika, li tuża, bħala kombustibbli addizzjonali minnflok tuża prinċipalment kombustibbli fossili fl-attività tagħha ta’ produzzjoni ta’ enerġija, gass ippurifikat miksub mill-koinċinerazzjoni tal-iskart f’fabbrika tal-gass, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.
Full & Egal Universal Law Academy