Kawżi magħquda C-362/07 u C-363/07
Kip Europe SA et
u
Hewlett Packard International SARL
vs
Administration des douanes – Direction générale des douanes et droits indirects
(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal d’instance du VIIe arrondissement de Paris)
“Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura Magħquda — Klassifikazzjoni tariffarja — Apparat multifunzjonali — Apparat magħmul minn modulu għall-istampar lejżer u minn modulu ta’ skanjar, b’funzjoni ta’ fotokopjatur — Intestatura 8471 — Intestatura 9009”
Sommarju tas-sentenza
1. Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Magni li jwettqu “funzjoni speċifika” fis-sens tan-Nota 5 E tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda – Kunċett
(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1719/2005)
2. Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Apparat multifunzjonali, magħmul minn modulu għall-istampar lejżer u minn modulu ta’ skanjar, b’funzjoni ta’ fotokopjatur
(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1719/2005)
3. Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Apparat multifunzjonali li jista’ jservi għall-operazzjonijiet ta’ stampar, ta’ skanjar u ta’ riproduzzjoni, skont l-Intestatura 9009 tan-Nomenklatura Magħquda
(Regolament tal-Kummissjoni Nru 400/2006)
1. In-Nota 5 E tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament Nru 1719/2005, għandha tiġi interpretata fis-sens li jwettaq “funzjoni speċifika [oħra] minbarra l-ipproċessar ta’ data” biss dak l-apparat li jinkorpora magna awtomatika għall-ipproċessar ta’ data jew li jaħdem flimkien ma’ magna bħal din, li l-funzjoni tiegħu ma jkollhiex x’taqsam mal-ipproċessar ta’ data. Minn dan isegwi li apparat magħmul mill-assemblaġġ, f’għata waħda, ta’ modulu lejżer printer u ta’ modulu scanner li jinkludi, minbarra l-funzjoni ta’ fotokopjatur, li ma taqax taħt l-ipproċessar ta’ data, funzjonijiet ta’ stampar u ta’ skanjar m’għandux “funzjoni speċifika” bħal din.
(ara l-punti 35, 36 u d-dispożittiv 1)
2. Apparat li huwa kkaratterizzat mill-fatt, minn naħa, li għandu funzjonijiet ta’ stampar u ta’ skanjar f’konnessjoni, diretta jew permezz ta’ netwerk, mal-magni awtomatiċi għall-ipproċessar ta’ data u, min-naħa l-oħra, li l-funzjoni ta’ fotokopjatur li biha huwa mgħammar tintuża b’mod awtonomu jista’ jissodisfa simultanjament it-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fin-Nota 5 B(a) sa (ċ), tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana kif emendat bir-Regolament Nru 1719/2005, sabiex ikun ikkunsidrat bħala unitajiet li jiffurmaw parti minn sistema ta’ ipproċessar awtomatiku ta’ data, jiġifieri huwa ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għall-ipproċessar ta’ data, jista’ jitqabbad mal-unità ċentrali ta’ ipproċessar u jista’ jilqa’ jew jagħti data f’forma li tista’ tintuża mis-sistema.
Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi oġġettivi ta’ dan l-apparat bħal b’mod partikolari l-veloċità tal-istampar u tar-riproduzzjoni, l-eżistenza ta’ feeder awtomatiku tad-dokumenti oriġinali lill-fotokopjatur jew in-numru ta’ kxaxen għall-karti, jekk il-funzjoni ta’ fotokopjatur hijiex sekondarja fir-rigward taż-żewġ funzjonijiet l-oħra jew jekk għandhiex, għall-kuntrarju, importanza ekwivalenti.
Jekk il-funzjoni ta’ fotokopjatur hija sekondarja meta mqabbla mal-funzjonijiet ta’ stampar u ta’ skanjar, dan l-apparat għandu jkun ikkunsidrat bħala unitajiet ta’ magni awtomatiċi għall-ipproċessar ta’ data fis-sens tan-Nota 5 B tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda, unitajiet li, skont in-Nota 5 C ta’ dan il-kapitolu, jekk huma ppreżentati separatament, jaqgħu taħt l-Intestatura 8471 ta’ din in-nomenklatura. F’każ bħal dan, is-subintestatura rilevanti għandha tkun stabbilita skont in-Nota 3 tat-Taqsima XVI tal-imsemmija nomenklatura.
Min-naħa l-oħra, jekk l-importanza ta’ din il-funzjoni ta’ fotokopjatur hija ekwivalenti għal dik taż-żewġ funzjonijiet l-oħra, dan l-apparat ma jistax ikun ikkunsidrat bħala unitajiet ta’ magni awtomatiċi għall-ipproċessar ta’ data, għaliex ma jissodisfax il-kundizzjoni prevista fin-Nota 5 B(a) tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda, jiġifieri huwa “ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar ta’ data”. Konsegwentement, dan l-apparat għandu jkun ikklassifikat, skont il-punt 3(b) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni ta’ din in-nomenklatura, taħt l-intestatura li tikkorrispondi mal-modulu li jagħti lill-imsemmi apparat il-karattru essenzjali tiegħu, sa fejn determinazzjoni bħal din tkun possibbli. Jekk ikun impossibbli li jiġi stabbilit dan, huwa għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 9009 skont il-punt 3(ċ) tar-regoli ġenerali.
(ara l-punti 40, 41, 46-48, 56 u d-dispożittiv 2)
3. Sabiex fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fost affarijiet oħra, il-motivazzjoni tiegħu. Fir-rigward tal-punt 4 tal-Anness tar-Regolament Nru 400/2006, dwar il-klassifikazzjoni ta’ xi oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, mit-tieni subparagrafu tal-motivazzjoni ta’ dan il-punt jirriżulta li dan japplika biss fis-sitwazzjoni fejn l-ebda waħda mill-funzjonijiet li l-apparat li għandu jiġi kklassifikat għandu ma tagħtih il-karattru essenzjali tiegħu.
B’hekk, peress li huwa jikklassifika fis-subintestatura 9009 12 00 l-apparat li jista’ jservi għall-operazzjonijiet ta’ stampar, ta’ skanjar u ta’ riproduzzjoni skont il-punti 1, 3(ċ), u 6 tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 5 E tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda kif ukoll il-kliem tal-intestatura u s-subintestatura 9009 u 9009 12 00, peress li l-ebda waħda mill-funzjonijiet li jikkorrispondu ma’ dawn l-operazzjonijiet ma tista’ tiġi kkunsidrata li tagħti lil dan l-apparat il-karattru essenzjali tiegħu, mingħajr ma jirrikjedi bħala prinċipju li l-apparat kollu li jkollu dawn it-tliet funzjonijiet għandu jkun ikklassifikat bħala fotokopjatur, ir-Regolament Nru 400/2006 huwa validu.
(ara l-punti 60-62 u d-dispożittiv 3)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
11 ta’ Diċembru 2008 (*)
“Tariffa Doganali Komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Apparat multifunzjonali – Apparat magħmul minn modulu għall-istampar lejżer u minn modulu ta’ skanjar, b’funzjoni ta’ fotokopjatur – Intestatura 8471 – Intestatura 9009”
Fil-Kawżi magħquda C‑362/07 u C‑363/07,
li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal d’instance du VIIe arrondissement de Paris (Franza), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-24 ta’ Lulju 2007, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Awwissu 2007, fil-proċeduri
Kip Europe SA et (C-362/07),
Hewlett Packard International SARL (C‑363/07)
vs
Administration des douanes – Direction générale des douanes et droits indirects,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J. N. Cunha Rodrigues, U. Lõhmus (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap tad-diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Kip Europe SA et, minn F. Goguel u F. Foucault, avocats,
– għal Hewlett Packard International SARL, minn F. Goguel u F. Foucault, avocats,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A.-L. During, bħala aġenti,
– għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels u D. J. M. de Grave, bħala aġenti,
– għall-Gvern Pollakk, minn T. Nowakowski, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Wilms, bħala aġent, assistit minn F. Tuytschaever, advocaat,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Lulju 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005 (ĠU L 286, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”), u l-validità tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 400/2006, tat-8 ta’ Marzu 2006, dwar il-klassifikazzjoni ta’ xi oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 70, p. 9).
2 Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ kawżi li l-partijiet fihom huma, minn naħa, Kip Europe SA et (iktar ’il quddiem “Kip et”) u, min-naħa l-oħra, Hewlett Packard International SARL (iktar ’il quddiem “Hewlett Packard”) kontra l-administration des douanes – direction générale des douanes et droits indirects (iktar ’il quddiem l-“administration des douanes”) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, mix-xahar ta’ Lulju 2006, ta’ apparat multifunzjonali importat fil-Komunità Ewropea taħt ismijiet kummerċjali differenti.
Il-kuntest ġuridiku
3 In-Nomenklatura Magħquda, imwaqqfa bir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni ta’ oġġetti (iktar ’il quddiem is-“SA”), magħmula mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, u mwaqqfa bil-Konvenzjoni Internazzjonali konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 (ĠU L 198, p. 1). Hija adottat l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, filwaqt li s-seba’ u t-tmien ċifri biss jiffurmaw is-subintestaturi proprji tagħha.
4 B’mod konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2 tiegħu, ir-Regolament Nru 1719/2005, li introduċa verżjoni ġdida tan-Nomenklatura Magħquda, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006. Huwa ġie impliċitament abrogat, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006 tas-17 ta’ Ottubru 2006 li jemenda l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 (ĠU L 301, p. 1).
5 L-ewwwl parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt l-ewwel taqsima, iddedikata għad-dispożizzjonijiet ġenerali, it-Taqsima A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]” (iktar ’il quddiem ir-“regoli ġenerali”), tipprovdi:
“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin.
“1. It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.
[…]
3. Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie taħt intestatura waħda jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:
a) […]
(b) taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli.
(ċ) meta oġġetti ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu klassifikati taħt l-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment għandha tingħatalhom konsiderazzjoni.
[…]”
6 It-tieni parti tan-NM, li fiha l-iskeda tad-dazji tad-dwana, tinkludi t-Taqsima XVI bl-isem “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; bċejjeċ tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”.
7 Skont in-Nota 3 tat-Taqsima XVI:
“Sakemm il-kuntest ma jesiġix mod ieħor, magni komposti magħmulin minn żewġ magni jew aktar mwaħħlin flimkien biex jagħmlu waħda u magni oħrajn maħsubin bil-għan li jagħmlu żewġ funzjonijiet kumplimentari jew alternattivi jew aktar għandhom jiġu kklassifikati daqslikieku magħmulin biss minn dak il-komponent jew huma dik il-magna li tagħmel il-funzjoni prinċipali.”
8 It-Taqsima XVI tinkludi l-kapitoli 84 u 85. L-ewwel wieħed jinkludi r-reatturi nukleari, kaldaruni (boilers), makkinarju u għodod mekkaniċi kif ukoll bċejjeċ tagħhom. It-tieni wieħed jirrigwarda l-makkinarju u tagħmir elettriku u bċejjeċ tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss, strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu stampa u ħoss tat-televiżjoni, kif ukoll bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti.
9 Skont in-Nota 5 tal-Kapitolu 84:
“(A) Għall-għanijiet ta’ titlu 8471, l-espressjoni ‘magni awtomatiċi għal ipproċessar ta’ data’ tfisser:
[…]
(B) Magni awtomatiċi għal ipproċessar ta’ data jistgħu jkunu f’għamla ta’ sistemi magħmulin minn numru varjabbli ta’ unitajiet separati. Suġġett għal paragrafu E hawn taħt, unità għandha titqies li tagħmel parti minn sistema kompluta jekk hija tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kollha:
(a) hija ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar ta’ data;
(b) tista’ titqabbad ma’ l-unità ċentrali ta’ pproċessar kemm direttament jew permezz ta’ unità oħra jew aktar; u
(ċ) tista’ tilqa’ jew tagħti data f’forma (kowds jew sinjali) li jistgħu jintużaw mis-sistema.
(Ċ) Unitajiet ta’ magna awtomatika għal ipproċessar ta’ data ppreżentati separatament għandhom jiġu kklassifikati taħt titlu 8471 [tan-NM (iktar ’il quddiem l-‘intestatura 8471’)].
(D) Printers, tastieri, mezzi ta’ dħul b’koordinati X-Y u unitajiet ta’ diski għal ħażna li jissodisfaw il-kundizzjonjiet ta’ paragrafi (B)(b) u (B)(ċ) hawn fuq, għa[n]dhom fil-każi[jiet] kollha jiġu kklassifikati bħala unitajiet ta’ titlu [intestatura] 8471.
(E) Magni li jagħmlu funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data u jinkorporaw jew jaħdmu flimkien ma’ magna awtomatika għal ipproċessar ta’ data għandhom jiġ[u] kklassifikati fit-titli [fl-intestaturi] xierqa għall-funzjonijiet rispettivi tagħhom jew, jekk le, fit-titli [fl-intestaturi] li jibqa’.”
10 L-intestatura 8471 tistipula kif ġej:
“8471 Magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data u unitajiet tagħhom; apparat li jaqra b’sistema manjetika jew ottika, magni biex jittraskrivu data fuq mezzi ta’ data f’għamla kodifikata u magni biex jipproċessaw din id-data, li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra:
[…]
8471 60 – Unitajiet ta’ dħul jew ta’ ħruġ, fihom jew le unitajiet ta’ ħażna fl-istess għata:
8471 60 20 – – Printers
[…]
8471 60 80 – – Oħrajn
[…]”
11 It-Taqsima XVIII tan-NM tinkludi b’mod partikolari l-Kapitolu 90, li jikkonċerna strumenti u apparat ottiċi, fotografiċi, ċinematografiċi, ta’ kejl, ta’ verifika, ta’ preċiżjoni, mediċi jew kirurġiċi; bċejjeċ u aċċessorji tagħhom.
12 L-intestatura 9009 tan-NM (iktar ’il quddiem l-“intestatura 9009”) tipprovdi hekk:
“9009 Apparat għal fotokopjar li fih sistema ottika jew tip li jaħdem b’kuntatt u apparat ta’ termokopjar:
[…]
9009 12 00 – – Li jaħdmu billi jirriproduċi l-immaġini oriġinali fuq il-kopja permezz ta’ intermedju fuq il-kopja (proċess indirett)
[…]”
13 Fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, ir-rata tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni applikabbli għas-subintestatura 9009 12 00 kienet ta’ 6 %, filwaqt li l-apparat li jaqa’ taħt is-subintestatura 8471 60 20 kien jibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazju.
14 Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej addottat ir-Regolament Nru 400/2006 sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni uniformi tan-NM għal dak li jikkonċerna l-oġġetti koperti minnu.
15 Skont il-punt 4 tal-anness ta’ dan ir-regolament:
Apparat multifunzjonali li jista’ jagħmel dawn il-funzjonijiet:
- Skanjar,
- stampar bil-lejżer,
- kopja lejżer (proċedura
indiretta).
L-apparat, mgħammar b’diversi kxaxen għall-karti, jista’ jagħmel sa 40 fotokopja fuq paġna A4 fil-minuta.
L-apparat jiffunzjona b’mod awtonomu (bħal fotokopjaturi) jew imqabbad ma’ kompjuter jew ma’ netwerk ta’ kompjuters (bħal printer, scanner u fotokopjatur).
9009 12 00
Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1, 3(ċ), u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u min-Nota 5(E) tal-Kapitolu 84 u mit-test tal-kodiċijiet tan-NM 9009 u 9009 12 00.
L-apparat għandu diversi funzjonijiet u l-ebda waħda ma tagħti lill-prodott il-karattru essenzjali tiegħu”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
Kawża C-362/07
16 Kip et importaw fi Franza apparat magħmul mill-assemblaġġ, f’għata waħda, ta’ modulu lejżer printer ta’ dokumenti ta’ format kbir, ta’ modulu ta’ skanjar (iktar ’il quddiem il-“modulu scanner”) ta’ format kbir u ta’ kompjuter li jaħdem bis-sistema Windows, li jista’ jitqabbad ma’ kull tip ta’ netwerk. Kull apparat għandu l-elementi ta’ ħardwer u softwer kollha li jippermettu li jiġu eżegwiti l-funzjonijiet kollha possibbli, li jistgħu jiġu akkwistati jew kollha kemm huma jew in parti mix-xerrej, li jingħata kodiċi skont l-għażla li jagħmel, għażla li tista’ tiġi estiża fi kwalunkwe mument billi jiġi attribwit kodiċi differenti.
17 Mill-osservazzjonijiet ta’ Kip et jirriżulta li dan l-apparat huwa intiż biex jintuża minn impriżi li jippreparaw pjanti, bħall-uffiċċji ta’ disinjaturi, periti jew ġeometri. Huma jippermettu lil dawn l-impriżi, li jaħdmu permezz ta’ softwer speċifiku, li jistampaw pjanti fuq il-printer imqabbad mal-kompjuter tagħhom permezz tan-netwerk lokali tagħhom jew li jaqilbu l-pjanti eżistenti għal forma diġitali sabiex idaħħluhom fil-kompjuters mqabbda man-netwerk lokali tagħhom u li jipproċessawhom. Min-naħa l-oħra, il-każijiet tal-użu ta’ dan l-imsemmi apparat b’mod awtonomu bħala fotokopjatur huma limitati ħafna.
Kawża C-363/07
18 Hewlett Packard importat fi Franża numru ta’ mudelli ta’ printers multifunzjonali tal-kulur u monokrom, magħmula mill-assemblaġġ, f’għata waħda, ta’ modulu lejżer printer u ta’ modulu scanner li għandhom il-funzjoni ta’ stampar, ta’ skanjar u ta’ fotokopjatur. Dan l-apparat jista’ jitqabbad ma’ kompjuters u jirċievi u jipproċessa data, kodiċijiet u sinjali użati fil-kuntest ta’ ipproċessar ta’ data.
19 Mill-osservazzjonijiet ta’ Hewlett Packard jirriżulta li dawn il-printers multifunzjonali huma intiżi għal użu fid-djar kif ukoll għal impriżi żgħar u medji, u li huma fundamentalment intiżi sabiex jiġu konnessi b’mod dirett jew permezz ta’ netwerk ma’ kompjuter wieħed jew aktar.
Fatti komuni għaż-żewġ kawżi
20 Permezz ta’ sitt biċċiet ta’ informazzjoni li torbot dwar it-tariffa (iktar ’il quddiem “ITT”) maħruġa, rispettivament, fil-21 ta’ Lulju 2006 fuq talba ta’ Kip et u fit-30 ta’ Ottubru 2006 fuq talba ta’ Hewlett Packard, l-administration des douanes ikkunsidrat li l-apparat differenti msemmi iktar ’il fuq jikkostitwixxi apparat ta’ fotokopjar elettrostatiku li jaħdem billi jirriproduċi l-immaġini oriġinali fuq il-kopja permezz ta’ element intermedjarju, li għandu jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 9009 12 00. Ir-rata tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni applikabbli għal din is-subintestatura kienet ta’ 6 %.
21 Il-kumpanniji importatriċi ħadu passi legali kontra l-administration des douanes sabiex jiġu annulati dawn l-ITT. Huma jsostnu, primarjament, li l-apparat ikkonċernat kellu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8471 60 tan-NM (iktar ’il quddiem l-“intestatura 8471 60”) skont il-punt 3(b) tar-regoli ġenerali, billi l-modulu għall-istampar jew, għall-inqas, dan tal-aħħar u l-modulu scanner jagħtuh il-karatteristiċi essenzjali tiegħu. Sussidjarjament, dawn il-kumpanniji jsostnu li l-funzjoni ta’ fotokopjatur li jservi essenzjalment bħala unità ta’ dħul u ta’ ħruġ ta’ magna awtomatika għall-ipproċessar ta’ data taqa’, bħala tali, taħt is-subintestatura 8471 60 u li l-kriterju tal-użu prinċipali tal-apparat iwassal biex il-funzjoni ta’ stampar tiġi kkunsidrata bħala prinċipali u biex il-funzjoni ta’ unità ta’ dħul u ta’ ħruġ ta’ magna awtomatika għall-ipproċessar ta’ data tiġi kkunsidrata bħala sekondarja, li, bħala tali, taqa’ taħt is-subintestatura 8471 60, subintestatura li tibbenefika mill-eżenzjoni mid-dażju. Barra minn hekk, l-imsemmija kumpanniji jikkunsidraw li r-Regolament Nru 400/2006 huwa illegali peress li jimmotiva l-klassifikazzjoni previst fil-punt 4 tal-anness tiegħu bil-fatt li l-ebda funzjoni ma tagħti lill-apparat ikkonċernat il-karattru essenzjali tiegħu.
22 L-administration des douanes hija tal-opinjoni li n-Nota 5 E tal-Kapitolu 84 tan-NM teskludi kull possibbiltà ta’ klassifikazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali taħt l-intestatura 8471, sa fejn dawn il-prodotti għandhom funzjoni speċifika oħra minbarra dik tal-ipproċessar ta’ data. Hija ssostni li l-punt 3(b) tar-regoli ġenerali mhuwiex utili għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-imsemmija prodotti, għaliex mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit jekk materjal jew komponent ta’ dawn il-prodotti jagħtuhomx “karattru essenzjali” skont dan il-punt. Hija ssostni wkoll li l-Kummissjoni esprimiet ruħha bl-istess mod fir-Regolament Nru 400/2006, dwar il-klassifikazzjoni ta’ oġġett simili. L-imsemmija administration des douanes ibbażat ruħha b’mod partikolari fuq dan ir-regolament sabiex waslet għall-ITT inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ikklassifikat l-apparat ikkonċenati fis-subintestatura 9009 12 00.
23 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal d’instance du VIIe arrondissement de Paris iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-Kawża C‑362/07, id-domandi preliminari segwenti:
“1) Il-funzjoni ‘copy’ ta’ apparat multifunzjonali, bħal dak deskritt fil-proċedura preżenti, maħsub sabiex jaħdem b’konnessjoni diretta jew permezz ta’ netwerk ma’ kompjuter jew komputers, iżda li jista’ permezz tal-funzjoni ‘copy’, jaħdem b’mod indipendenti, tikkostitwixxi ‘funzjoni speċifika [oħra] minbarra l-ipproċessar ta’ data’ skont in-Nota 5(E) tal-Kapitolu 84 tan-[NM]?
2) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-eżistenza ta’ din il-funzjoni speċifika, li fir-rigward tagħha huwa espliċitament rikonoxxut li ma tagħtix lill-prodott il-karattru essenzjali tiegħu, hija ta’ natura tali li teskludi l-klassifikazzjoni fil-Kapitolu 84 skont in-Nota 5(E), minkejja l-eżistenza tal-funzjonijiet ta’ printer u ta’ scanner li jaqgħu taħt l-ipproċessar ta’ data?
3) F’każ bħal dan, u, fir-rigward ta’ apparat magħmul mill-assemblaġġ ta’ tliet komponenti materjalment distini (printer, scanner u kompjuter), il-klassifikazzjoni m’għandhiex issir fuq il-bażi [tal-punt] 3(b) [tar-regoli ġenerali]?
4) B’mod iktar ġenerali, l-interpretazzjoni korretta tas-[SA] u tan-[NM] għandha twassal sabiex printers bħal dawk deskritti [f’dawn il-proċeduri] jiġu kklassifikati taħt [is-sub]intestatura 8471 60 jew taħt [is-sub]intestatura 9009 12 00?
5) Ir-Regolament [...] Nru 400/2006 [...] m’huwiex invalidu, b’mod partikolari peress li jmur kontra s-[SA], in-[NM] u [l-punti] 1 u 3(b) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-[SA] u tan-[NM], safejn dan huwa mmotivat b’referenza għall-kunċett ta’ ‘funzjoni li tagħti lill-apparat il-karattru essenzjali tiegħu’ u safejn iwassal għall-klassifikazzjoni taħt [is-sub]intestatura 9009 12 00 ta’ printers bħal dawk deskritti [fil-proċeduri preżenti]?”
24 Fir-rigward tal-Kawża C‑363/07, it-tribunal d’instance du VIIe arrondissement de Paris bl-istess mod iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari identiċi għal dawk imsemmija iktar ’il fuq, bl-eċċezzjoni tat-tielet domanda, li taqra hekk:
“3) F’każ bħal dan, u, fir-rigward ta’ apparat magħmul mill-assemblaġġ ta’ żewġ komponenti materjalment distini (printer u scanner), il-klassifikazzjoni m’għandhiex issir fuq il-bażi [tal-punt] 3(b) [tar-regoli ġenerali]?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domandi
25 Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk in-Nota 5 E tal-Kapitolu 84 tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-apparat bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jkun ikkunsidrat bħala li għandu “funzjoni speċifika [oħra] minbarra l-ipproċessar ta’ data” fis-sens ta’ din in-nota, peress li, barra mill-funzjonijiet ta’ stampar u ta’ skanjar li jwettaq flimkien ma’ magna awtomatika għall-ipproċessar ta’ data, huwa għandu funzjoni awtonoma ta’ fotokopjatur.
26 Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċisiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tal-oġġetti, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Olicom, C‑142/06, Ġabra p. I‑6675, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 In-noti tal-kapitolu tat-Tariffa Doganali Komuni, bħan-noti spjegattivi tas-SA, jikkostitiwixxu fil-fatt mezzi importanti sabiex tiġi assigurata applikazzjoni uniformi ta’ din it-tariffa u jagħtu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1994, Siemens Nixdorf, C-11/93, Ġabra p. I-1945, punt 12; tat-18 ta’ Diċembru 1997, Techex, C-382/95, Ġabra p. I-7363, punt 12; tad-19 ta’ Ottubru 2000, Peacock, C-339/98, Ġabra p. I-8947, punt 10 u Olicom, iċċitata aktar ’il fuq, punt 17).
28 F’dan il-każ, il-kliem tal-intestatura 8471, li, skont Kip et kif ukoll Hewlett Packard, jaqa’ taħtha l-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jkopri, b’mod partikolari, il-magni awtomatiċi għall-ipproċessar ta’ data u l-unitajiet tagħhom, filwaqt li l-kliem tal-intestatura 9009, li fiha, skont il-Gvern Franċiż, il-Gvern Olandiż u l-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni, għandu jiġi kklassifikat l-imsemmi apparat jikkonċerna l-apparat għal fotokopjar li fih sistema ottika jew tip li jaħdem b’kuntatt u apparat ta’ termokopjar.
29 F’dan ir-rigward, l-imsemmija Gvernijiet u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-klassifikazzjoni tal-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali fl-intestatura 8471 hija eskluża min-Nota 5 E tal-Kapitolu 84 tan-NM, għaliex, safejn huwa jista’ jintuża sabiex isiru fotokopji mingħajr ma jitqabbad ma’ magna awtomatika għall-ipproċessar ta’ data, huwa għandu “funzjoni speċifika [oħra] minbarra l-ipproċessar ta’ data” fis-sens ta’ din in-nota.
30 Madankollu, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.
31 Skont in-Nota 5 E tal-Kapitolu 84 tan-NM, “[m]agni li jagħmlu funzjoni speċifika [oħra] minbarra l-ipproċessar ta’ data u jinkorporaw jew jaħdmu flimkien ma’ magna awtomatika għal ipproċessar ta’ data għandhom jiġ[u] kklassifikati fit-titli [fl-intestaturi] xierqa għall-funzjonijiet rispettivi tagħhom jew, jekk le, fit-titli [fl-intestaturi] li jibqa’”.
32 Mill-kliem ta’ din in-nota jirriżulta li l-“funzjoni speċifika” eżerċitata minn magna li taħdem ma’ magna awtomatika għall-ipproċessar tad-data għandha tkun funzjoni differenti mill-“ipproċessar tad-data” (ara s-sentenza Olicom, iċċitata aktar ’il fuq, punt 30).
33 Minbarra dan, jirriżulta mill-istruttura ġenerali u mill-għan tal-imsemmija nota li l-kliem “għandhom jiġ[u] kklassifikati fit-titli [fl-intestaturi] xierqa għall-funzjonijiet rispettivi tagħhom”, li jinsab f’din in-nota, m’għandux l-għan li jagħti prijorità lil funzjoni partikolari fuq funzjonijiet oħra li wkoll jitwettqu mill-apparat li għandu jiġi kklassifikat u li jikkostitwixxu pproċessar ta’ data, iżda li jimpedixxi li apparat li l-funzjoni tiegħu mhix konnessa mal-ipproċessar ta’ data jkun ikklassifikat fl-intestatura 8471 għar-raġuni biss li huwa jinkludi magna awtomatika għall-ipproċessar ta’ data jew jaħdem flimkien ma’ magna bħal din.
34 Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mis-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2005, Ikegami (C‑467/03, Ġabra p. I‑2389, punti 25 u 26), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li apparat li t-tagħmir bażiku tiegħu jippermetti l-ipproċessar awtomatiku ta’ data għandu madankollu jkun ikkunsidrat bħala li jeżerċita funzjoni speċifika skont in-Nota 5 E tal-Kapitolu 84 tan-NM peress li, hekk kif jiġi fornut, ma jistax, fin-nuqqas li jkollu softwer adegwat, jintuża għal finijiet oħra barra mir-rekordjar u r-riproduzzjoni tal-immaġini u tal-ħoss fil-kuntest tal-vidjosorveljanza.
35 Min-naħa l-oħra, mill-informazzjoni li tirriżulta mill-atti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċeduri preżenti jirriżulta li l-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minbarra l-funzjoni tiegħu ta’ fotokopjatur, li ma taqax taħt l-ipproċessar ta’ data, jinkludi wkoll il-funzjonijiet ta’ stampar u ta’ skanjar.
36 Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domandi magħmula hi li n-Nota 5 E tal-Kapitolu 84 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li jwettaq “funzjoni speċifika [oħra] minbarra l-ipproċessar ta’ data” biss dak l-apparat li jinkorpora magna awtomatika għall-ipproċessar ta’ data jew li jaħdem flimkien ma’ magna bħal din, li l-funzjoni tiegħu ma jkollhiex x’taqsam mal-ipproċessar ta’ data.
Fuq it-tieni domandi
37 Mill-kliem ta’ dawn id-domandi jirriżulta li huma saru għall-każ fejn tirriżulta mir-risposta għall-ewwel domandi preliminari li l-funzjoni ta’ fotokopjatur ta’ apparat multifunzjonali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali tammonta għal “funzjoni speċifika [oħra] minbarra l-ipproċessar ta’ data” skont in-Nota 5 E tal-Kapitolu 84 tan-NM. Peress li dan mhuwiex il-każ, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domandi magħmula.
Fuq it-tielet u r-raba’ domandi
38 Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu ttrattati f’daqqa, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk apparat bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux ikun ikklassifikat fl-intestatura 8471, li tkopri fost affarijiet oħra l-unitajiet ta’ magna awtomatika għall-ipproċessar ta’ data, jew jekk jaqax taħt l-intestatura 9009, li tirrigwarda l-fotokopjaturi. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tistaqsi b’mod partikolari fuq il-kwistjoni jekk il-klassifikazzjoni inkwistjoni għandhiex isseħħ abbażi tal-applikazzjoni tal-punt 3(b) tar-regoli ġenerali.
39 Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi speċifikat preliminarjament li hekk kif jirriżulta mill-kliem tal-punt 1 tar-regoli ġenerali, il-klassifikazzjoni tal-oġġetti fin-NM hija stabbilita legalment skont il-kliem tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu, qabel mad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-regoli ġenerali ma huma kkunsidrati. Il-punt 3 ta’ dawn ir-regoli japplika biss meta jidher li l-oġġetti li għandhom jiġu kklassifikati għandhom jiġu kklassifikati taħt intestaturi varji.
40 Mill-eżami tal-karatteristiċi tal-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali hekk kif deskritti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li dawn huma kollha magħmula mill-assemblaġġ, f’għata waħda, ta’ modulu lejżer printer u ta’ modulu scanner. Barra minn hekk, l-apparat importortat minn Kip et huwa, barra minn hekk, mgħammar b’kompjuter li jaħdem bis-sistema Windows u jservu għat-trattament ta’ dokumenti ta’ format kbir, filwaqt li dak importat minn Hewlett Packard huwa intiż għal użu fid-djar kif ukoll għal impriżi żgħar u medji. Madankollu, indipendentement mill-użu tiegħu, l-apparat kollu inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kkaratterizzat mill-fatt, minn naħa, li għandu funzjonijiet ta’ stampar u ta’ skanjar f’konnessjoni, diretta jew permezz ta’ netwerk, mal-magni awtomatiċi għall-ipproċessar ta’ data u, min-naħa l-oħra, li l-funzjoni ta’ fotokopjatur li biha huwa mgħammar tintuża b’mod awtonomu.
41 Dan l-apparat b’hekk, jista’ jissodisfa simultanjament it-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fin-Nota 5 B(a) sa (ċ), tal-Kapitolu 84 tan-NM sabiex ikun ikkunsidrat bħala unitajiet li jiffurmaw parti minn sistema ta’ ipproċessar awtomatiku ta’ data, jiġifieri huwa ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għall-ipproċessar ta’ data, jista’ jitqabbad mal-unità ċentrali ta’ ipproċessar u jista’ jilqa’ jew jagħti data f’forma li tista’ tintuża mis-sistema.
42 Fil-fatt, minn naħa, l-użu tal-imsemmija Nota 5 B ma jistax jiġi eskluż f’dan il-każ minħabba l-fatt li, skont il-kliem tagħha, hija tapplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tan-Nota 5 E, għaliex hekk kif jirriżulta mill-punt 35 tas-sentenza preżenti, l-applikazzjoni ta’ din in-nota tal-aħħar hija eskluża, peress li, minbarra l-funzjoni ta’ fotokopjatur, li ma taqax taħt l-ipproċessar ta’ data, l-apparat inkwisjtoni fil-kawża prinċipali għandu wkoll funzjonijiet ta’ stampar u ta’ skanjar.
43 Min-naħa l-oħra, għalkemm l-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhuwiex ta’ tip użat “biss [...] f’sistema awtomatika għal ipproċessar ta’ data” skont in-Nota 5 B(a) tal-Kapitolu 84 tan-NM, xorta jibqa’ l-fatt li huwa jista’ jkun ikkunsidrat li huwa ta’ tip użat “prinċipalment” f’sistema bħal din, fis-sens tal-istess nota.
44 F’dan il-każ, jirriżulta mid-deskrizzjoni tal-karatteristiċi ta’ dan l-apparat li l-parti l-kbira tal-funzjonijiet li huwa jwettaq, jiġifieri l-istampar u l-iskanjar, tista’ tintuża biss f’konnessjoni ma’ magna awtomatika għall-ipproċessar ta’ data. B’hekk, l-imsemmi apparat jista’ jiġi kkunsidrat bħala li huwa ta’ tip użat prinċipalment f’sistema awtomatika għall-ipproċessar ta’ data.
45 Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu m’għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex tkun tista’ tevalwa l-importanza li l-funzjoni ta’ fotokopjatur li għandu l-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha meta mqabbla maż-żewġ funzjonijiet l-oħra.
46 B’hekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi oġġettivi ta’ dan l-apparat bħal b’mod partikolari l-veloċità tal-istampar u tar-riproduzzjoni, l-eżistenza ta’ feeder awtomatiku tad-dokumenti oriġinali lill-fotokopjatur jew in-numru ta’ kxaxen għall-karti, jekk il-funzjoni ta’ fotokopjatur hijiex sekondarja fir-rigward taż-żewġ funzjonijiet l-oħra jew jekk għandhiex, għall-kuntrarju, importanza ekwivalenti.
47 Jekk il-funzjoni ta’ fotokopjatur hija sekondarja meta mqabbla mat-tnejn l-oħra, l-imsemmi apparat għandu jkun ikkunsidrat bħala unitajiet ta’ magni awtomatiċi għall-ipproċessar ta’ data skont in-Nota 5 B tal-Kapitolu 84 tan-NM, unitajiet li, jekk huma ppreżentati waħidhom, jaqgħu taħt l-intestatura 8471, skont in-Nota 5 C tal-istess kapitolu. F’każ bħal dan, is-subintestatura rilevanti tal-intestatura 8471 għandha tiġi identifikata skont in-Nota 3 tat-Taqsima XVI tan-NM, li tistipula li “magni komposti magħmulin minn żewġ magni jew aktar mwaħħlin flimkien biex jagħmlu waħda u magni oħrajn maħsubin bil-għan li jagħmlu żewġ funzjonijiet kumplimentari jew alternattivi jew aktar għandhom jiġu kklassifikati daqslikieku magħmulin biss minn dak il-komponent jew huma dik il-magna li tagħmel il-funzjoni prinċipali”.
48 Min-naħa l-oħra, jekk il-funzjoni ta’ fotokopjatur tal-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-istess importanza daqs dik taż-żewġ funzjonijiet l-oħra tiegħu, dan l-apparat ma jistax ikun ikkunsidrat bħala unitajiet ta’ magni awtomatiċi għall-ipproċessar ta’ data, għaliex ma jissodisfax il-kundizzjoni prevista fin-Nota 5 B(a) tal-Kapitolu 84 tan-NM, jiġifieri huwa “ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar ta’ data”.
49 F’sitwazzjoni bħal din, fir-rigward tal-apparat magħmul mill-assemblaġġ ta’ komponenti differenti, jiġifieri jew modulu printer u modulu scanner, jew modulu printer, modulu scanner u modulu kompjuter, huwa għandu jkun ikklassifikat, skont il-punt 3(b) tar-regoli ġenerali, skont dak il-komponent li, fost dawk iż-żewġ jew tliet moduli, huwa identifikat bħala li jagħtih il-karattru essenzjali tiegħu, safejn din l-identifikazzjoni tkun possibbli. Fil-każ kuntrarju, ikun hemm lok li huwa jiġi kklassifikat, skont il-punt 3(ċ) tar-regoli ġenerali, taħt l-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment għandha tingħatalhom kunsiderazzjoni.
50 Minn dan isegwi li kull wieħed mill-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jkun ikklassifikat fl-intestatura 9009 biss jekk fuq il-bażi tal-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, jidher li mhuwiex ta’ tip użat prinċipalment f’sistema awtomatika għall-ipproċessar ta’ data, li l-importanza tal-funzjoni ta’ fotokopjatur tkun ekwivalenti għal dik taż-żewġ funzjonijiet l-oħra, u li jkun impossibbli li jiġi stabbilit liema wieħed mill-modulu printer jew mill-modulu scanner, jew inkella, fejn xieraq, mill-modulu kompjuter, jagħtih il-karattru essenzjali tiegħu.
51 Ma jistgħux jitqajmu dubji dwar din il-konklużjoni minħabba l-argument sussidjarju tal-Gvern Franċiż u tal-Gvern Olandiż kif ukoll tal-Kummissjoni, li, anki meta jkun possibbli li l-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġi kklassifikat fl-intestatura 8471, huwa jkun jista’ jiġi kklassifikat ukoll fl-intestatura 9009.
52 Fil-fatt, dawn il-partijiet isostnu li dan l-apparat għandu jkun ikklassifikat fl-intestatura 9009 skont il-punt 3(ċ) tar-regoli ġenerali. Huma f’dan ir-rigward jirreferu għas-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 1997, Rank Xerox (C‑67/95, Ġabra p. I‑5401), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li b’mod konformi man-Nomenklatura Magħquda fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-kuntest tal-kawża li wasslet għal din is-sentenza, apparat li jikkonsisti f’komponent ta’ skanjar, komponent diġitali u komponent li għall-istampar, jaqa’ taħt is-subintestatura 9009 12 00.
53 Madankollu għandu, minn naħa, jiġi kkonstatat li b’kuntrast mal-kawżi prinċipali, li jirrigwardaw apparat li jista’ jaqa’ taħt l-intestatura 8471, billi l-kundizzjonijiet stabbiliti fin-Nota 5 B tal-Kapitolu 84 tan-NM għandhom jiġu kkunsidrati f’dan ir-rigward, l-apparat inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Rank Xerox, iċċitata ikar ’il fuq, seta’ jiġi kklassifikat jew taħt l-intestatura 8472 tan-NM bħala magni tal-uffiċċju, jew taħt l-intestatura 8517 tan-NM bħala apparat ta’ telekomunikazzjoni għal sistemi bil-linja carrier-current, jew ukoll taħt l-intestatura 9009 bħala apparat għal fotokopjar.
54 B’hekk, safejn il-funzjonijiet imwettqa minn dan l-apparat tal-aħħar ma kinux jaqgħu taħt il-qasam tal-ipproċessar ta’ data, in-noti tal-Kapitolu 84 tan-NM dwar il-klassifikazzjoni tal-unitajiet ta’ magni awtomatiċi għall-ipproċessar ta’ data ma kinux applikabbli għalih.
55 Min-naħa l-oħra, mid-deskrizzjoni tal-istess apparat ma jirriżultax li kien, bħal fil-każ ta’ dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, magħmul mill-assemblaġġ ta’ komponenti differenti. Għal din ir-raġuni, il-punt 3(b) tar-regoli ġenerali lanqas ma kien ikun applikabbli għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-apparat inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Rank Xerox, iċċitata iktar ’il fuq.
56 Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u r-raba’ domandi magħmula hija li, jekk il-funzjoni ta’ fotokopjatur li jwettaq l-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija sekondarja meta mqabbla mal-funzjonijiet ta’ stampar u ta’ skanjar, huwa għandu jiġi kkunsidrat bħala unitajiet ta’ magni awtomatiċi għall-ipproċessar ta’ data fis-sens tan-Nota 5 B tal-Kapitolu 84 tan-NM, unitajiet li, skont in-Nota 5 C ta’ dan il-kapitolu, jekk huma ppreżentati separatament, jaqgħu taħt l-intestatura 8471. F’każ bħal dan, is-subintestatura rilevanti għandha tkun stabbilita skont in-Nota 3 tat-Taqsima XVI tan-NM. Min-naħa l-oħra, jekk l-importanza ta’ din il-funzjoni ta’ fotokopjatur hija ekwivalenti għal dik taż-żewġ funzjonijiet l-oħra, dan l-apparat għandu jkun ikklassifikat, skont il-punt 3(b) tar-regoli ġenerali, taħt l-intestatura li tikkorrispondi mal-modulu li jagħti lill-imsemmi apparat il-karattru essenzjali tiegħu. Jekk ikun impossibbli li jiġi stabbilit dan, huwa għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 9009 skont il-punt 3(ċ) tar-regoli ġenerali.
Fuq il-ħames domandi
57 Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tal-klassifikazzjoni magħmula fil-punt 4 tal-Anness tar-Regolament Nru 400/2006, b’mod partikolari fir-rigward tal-punti 1 u 3(b) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tal-SA u tal-punti 1 u 3(b) ta-regoli ġenerali, inkwantu l-imsemmi punt 4 huwa mmotivat b’referenza għall-kunċett ta’ “funzjoni li tagħti lill-apparat il-karattru essenzjali tiegħu” u l-applikazzjoni tiegħu jwassal sabiex l-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġi kklassifikat fis-subintestatura 9009 12 00.
58 Mill-kliem li ntuża fir-redazzjoni tal-imsemmija domandi jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, fir-rigward tal-apparat multifunzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-funzjoni ta’ printer li hija determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tiegħu. Fil-fatt, hija tirreferi għall-“printers bħal dawk deskritti [fil-proċeduri preżenti]”. F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti tesprimi dubji fuq il-validità tal-punt 4 tal-Anness tar-Regolament Nru 400/2006, li kklassifika apparat li jwettaq funzjonijiet ta’ stampar, ta’ skanjar u ta’ fotokopjatur fis-subintestatura 9009 12 00, dwar il-fotokopjaturi.
59 Mill-ġurisprudenza jirriżulta, minn naħa, li regolament ta’ klassifikazzjoni, bħar-Regolament Nru 400/2006, jiġi adottat mill-Kummissjoni meta l-klassifikazzjoni fin-NM ta’ prodott partikolari jista’ jikkawża diffikultà jew ikun is-suġġett ta’ kawża u, min-naħa l-oħra, li regolament bħal dan ikollu portata ġenerali inkwantu japplika mhux għal operatur partikolari, iżda b’mod ġenerali għall-prodotti identiċi għal dak li huwa s-suġġett ta’ din il-klassifikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2001, Hewlett Packard, C‑119/99, Ġabra p. I‑3981, punti 18 u 19).
60 Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, sabiex fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fost affarijiet oħra, il-motivazzjoni tiegħu (ara s-sentenza Hewlett Packard, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20 u ġurisprudenza ċċitata).
61 Fir-rigward tal-punt 4 tal-Anness tar-Regolament Nru 400/2006, mit-tieni subparagrafu tal-motivazzjoni ta’ dan il-punt jirriżulta li dan japplika biss fis-sitwazzjoni fejn l-ebda waħda mill-funzjonijiet li l-apparat li għandu jiġi kklassifikat għandu ma tagħtih il-karattru essenzjali tiegħu.
62 B’hekk, peress li huwa jikklassifika fis-subintestatura 9009 12 00 l-apparat li jista’ jservi għall-operazzjonijiet ta’ stampar, ta’ skanjar u ta’ riproduzzjoni skont il-punti 1, 3(ċ), u 6 tar-regoli ġenerali, in-Nota 5 E tal-Kapitolu 84 tan-NM kif ukoll il-kliem tal-intestatura u s-subintestatura 9009 u 9009 12 00, peress li l-ebda waħda mill-funzjonijiet li jikkorrispondu ma’ dawn l-operazzjonijiet ma tista’ tiġi kkunsidrata li tagħti lil dan l-apparat il-karattru essenzjali tiegħu, mingħajr ma jirrikjedi bħala prinċipju li l-apparat kollu li jkollu dawn it-tliet funzjonijiet għandu jkun ikklassifikat bħala fotokopjatur, ir-Regolament Nru 400/2006 huwa validu.
63 Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tal-ħames domandi magħmula ma żvela ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-punt 4 tal-Anness tar-Regolament Nru 400/2006.
Fuq l-ispejjeż
64 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) In-Nota 5 E tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005, għandha tiġi interpretata fis-sens li jwettaq “funzjoni speċifika [oħra] minbarra l-ipproċessar ta’ data” biss dak l-apparat li jinkorpora magna awtomatika għall-ipproċessar ta’ data jew li jaħdem flimkien ma’ magna bħal din, li l-funzjoni tiegħu ma jkollhiex x’taqsam mal-ipproċessar ta’ data.
2) Jekk il-funzjoni ta’ fotokopjatur li jwettaq l-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija sekondarja meta mqabbla mal-funzjonijiet ta’ stampar u ta’ skanjar, huwa għandu jkun ikkunsidrat bħala unitajiet ta’ magni awtomatiċi għall-ipproċessar ta’ data fis-sens tan-Nota 5 B tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament Nru 1719/2005, unitajiet li, skont in-Nota 5 C ta’ dan il-kapitolu, jekk huma ppreżentati separatament, jaqgħu taħt l-intestatura 8471 ta’ din in-nomenklatura. F’każ bħal dan, is-subintestatura rilevanti għandha tkun stabbilita skont in-Nota 3 tat-Taqsima XVI tal-imsemmija nomenklatura. Min-naħa l-oħra, jekk l-importanza ta’ din il-funzjoni ta’ fotokopjatur hija ekwivalenti għal dik taż-żewġ funzjonijiet l-oħra, dan l-apparat għandu jkun ikklassifikat, skont il-punt 3(b) tar-regoli ġenerali, għall-interpretazzjoni ta’ din l-istess nomenklatura, taħt l-intestatura li tikkorrispondi mal-modulu li jagħti lill-imsemmi apparat il-karattru essenzjali tiegħu. Jekk ikun impossibbli li dan jiġi stabbilit, huwa għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 9009 skont il-punt 3(ċ), tar-regoli ġenerali.
3) L-eżami tal-ħames domandi ma żvela ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-punt 4 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 400/2006, tat-8 ta’ Marzu 2006, dwar il-klassifikazzjoni ta’ xi oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy