Kawża C-376/07
Staatssecretaris van Financiën
vs
Kamino International Logistics BV
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)
“Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura magħquda — Klassifikazzjoni tariffarja — Monitors tat-tip LCD mgħammra b’sokits ta’ SUB-D, DVI-D, USB, S-vidjo u vidjo kompost — Intestatura 8471 — Intestatura 8528 — Regolament (KE) Nru 754/2004”
Sommarju tas-sentenza
1. Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Monitors li jistgħu jitrażmettu sinjali li ġejjin minn magna awtomatika ta’ pproċessar ta’ data kif ukoll minn sorsi oħra
(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1789/2003)
2. Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Monitors li jistgħu jitrażmettu sinjali li ġejjin minn magna awtomatika ta’ pproċessar ta’ data kif ukoll minn sorsi oħra
(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I)
3. Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Monitors li jistgħu jitrażmettu sinjali li ġejjin minn magna awtomatika ta’ pproċessar ta’ data kif ukoll minn sorsi oħra — Applikazzjoni b’analoġija tar-Regolament ta’ klassifikazzjoni Nru 754/2004 — Kundizzjonijiet — Xebh suffiċjenti bejn il-prodotti — Assenza
(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I; Regolament tal-Kummissjoni Nru 754/2004)
1. Monitors tat-tip LCD mgħammra b’sokits ta’ SUB-D, DVI-D, USB, S-vidjo u vidjo kompost, mhumiex esklużi mill-klassifikazzjoni fis-subintestatura 8471 60 90 bħala unitajiet tat-tip użat “prinċipalment” f’sistema awtomatika ta’ pproċessar ta’ data fis-sens tal-inċiż (a) tan-nota 5, B tal-Kapitolu 84 tan-nomenklatura magħquda li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, għall-unika raġuni li dawn jistgħu jittrażmettu sinjali minn magna li tipproċessa data awtomatikament kif ukoll minn sorsi oħra.
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, min-nota 5, E tal-kapitolu 84 tan-nomenklatura magħquda jirriżulta li huwa biss l-apparat li jinkorpora jew jaħdem flimkien ma’ magna tali, li l-funzjoni tagħha ma taqax taħt l-ipproċessar ta’ data, li jeżerċita “funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data”. Issa, dawn il-monitors, barra l-funzjoni tagħhom ta’ trażmissjoni ta’ immaġni minn apparat bħal game console, vidjo plejer jew DVD plejer, li ma taqax taħt l-ipproċessar tad-data, jiżguraw ukoll it-trażmissjoni ta’ sinjali minn magna awtomatika li tipproċessa d-data.
It-tieni nett, jekk, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħhom taħt is-subintestatura 8471 60 90, l-imsemmija monitors mhumiex tat-tip użat esklużivament f’sistema awtomatika ta’ pproċessar tad-data għaliex jistgħu jitqabbdu mal-unità ċentrali ta’ pproċessar, kemm jekk jirċievu data f’forma li jistgħu jintużaw mis-sistema u kemm jekk jistgħu jittrażmettu sinjali ukoll minn sorsi oħra, interpretazzjoni tal-inċiż (a) tan-nota 5, B tal-Kapitolu 84 tan-nomenklatura magħquda, fis-sens li s-sempliċi possibbiltà, għall-monitors inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jittrażmettu immaġini minn sorsi oħra barra minn magna awtomatika ta’ pproċessar tad-data teskludi l-klassifikazzjoni tagħhom fl-intestatura 8471, tekwivali għat-tneħħija tal-kelma “prinċipalment” li tinsab fit-test tal-imsemmija nota.
Fl-aħħar nett, jekk in-noti ta’ spjegazzjoni relatati mas-subintestatura 8471 tas-sistema armonizzata kellhom jiġu interpretati fis-sens li huma jeskludu l-klassifikazzjoni fis-subintestatura 8471 60 90 tal-monitors kollha li jistgħu jittrażmettu sinjali minn magna awtomatika ta’ pproċessar ta’ data kif ukoll minn sorsi oħra, l-imsemmija noti ta’ spjegazzjoni jkollhom bħala effett li jbiddlu u, b’mod partikolari, li jirrestrinġu l-portata tal-inċiż (a) tan-Nota 5, B tal-Kapitolu 84. Għalhekk, li kieku n-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM dwar is-subintestatura 8471 60 90 u n-noti ta’ spjegazzjoni relatati mal-intestatura 8471 tas-sistema armonizzata kellhom jiġu interpretati f’dan is-sens, l-applikazzjoni tagħhom ikollha, fuq dan il-punt, tiġi skartata, billi din l-interpretazzjoni mhijiex konformi mal-inċiż (a) tan-nota 5, B tal-Kapitolu 84 tan-nomenklatura magħquda.
(ara l-punti 39-46, 49-51 u d-dispożittiv 1)
2. Sabiex jiġi ddeterminat jekk monitors bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex unitajiet tal-kwalità użati prinċipalment f’sistema awtomatika li tipproċessa d-data, l-awtoritajiet nazzjonali, inklużi l-qrati, għandhom jagħmlu użu mill-indikazzjonijiet li jinsabu fin-noti ta’ spjegazzjoni relatati mal-intestatura 8471 tas-sistema armonizzata stabbilita mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u l-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, b’mod partikolari mal-punti 1 sa 5 tal-parti tal-Kapitolu I, D, iddedikata għall-iskrins ta’ magni ta’ pproċessar tad-data. F’dan ir-rigward, in-numru u t-tip ta’ sokits li bihom huma mgħammra monitors bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jikkostitwixxu, waħedhom, il-kriterji determinanti għall-klassifikazzjoni tat-tariffi ta’ monitors tali u li, għall-finijiet ta’ dan tal-aħħar, għandu jiġi evalwat, b’relazzjoni wkoll ma’ kriterji oħra u fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-karatteristiċi oġġettivi ta’ dawn il-monitors, b’liema miżura dawn tal-aħħar jistgħu jeżerċitaw diversi funzjonijiet kif ukoll il-livell ta’ prestazzjoni li huma jilħqu fl-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet, billi jsir użu min-noti ta’ spjegazzjoni relatati mal-intestatura 8471 tas-sistema armonizzata.
(ara l-punti 57, 59, 61, u d-dispożittiv 2)
3. Ir-Regolament Nru 754/2004, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda, ma japplikax għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-monitors LCD, mgħammra b’sokits ta’ SUB-D, DVI-D, USB, S-vidjo u vidjo kompost. Fil-fatt, anki jekk l-applikazzjoni b’analoġija ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni għall-prodotti simili għal dawk koperti minn dan ir-Regolament tgħin għal interpretazzjoni koerenti tan-Nomenklatura Magħquda kif ukoll għat-trattament ugwali tal-operaturi, jeħtieġ ukoll, f’sitwazzjoni tali, li l-prodotti li għandhom jiġu kklassifikati u dawk imsemmija fir-regolament ta’ klassifikazzjoni jkunu suffiċjentement simili. Issa, l-imsemmija monitors tat-tip LCD mhumiex identiċi fil-kawża prinċipali mil-lat teknoloġiku għall-prodotti li huma s-suġġett ta’ klassifikazzjoni permezz tar-Regolament Nru 754/2004, li jirrigwarda l-monitors ta’ skrin plasma, li huma differenti ukoll fir-rigward tad-dimensjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tagħhom.
(ara l-punti 64-70 u d-dispożittiv 3)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
19 ta’ Frar 2009 (*)
“Tariffa Doganali Komuni – Nomenklatura magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Monitors tat-tip LCD mgħammra b’sokits ta’ SUB-D, DVI-D, USB, S-vidjo u vidjo kompost – Intestatura 8471 – Intestatura 8528 – Regolament Nru 754/2004”
Fil-kawża C‑376/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Awwissu 2007, fil-proċedura
Staatssecretaris van Financiën
vs
Kamino International Logistics BV,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó. Caoimh, J. N. Cunha Rodrigues, U. Lõhmus (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: M.-A. Gaudissart, kap ta’ diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Kamino International Logistics BV, minn H. de Bie u E. Zietse, advocaten,
– għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels u D. J. M. de Grave, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Wilms, bħala aġent, assistit minn F. Tuytschaever, advocaat,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Settembru 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003 tal-11 ta’ Settembru 2003 (ĠU L 281, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”), u dwar il-validità tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 754/2004 tal-21 ta’April 2004 dwar il-klassifika [klassifikazzjoni] ta’ ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 118, p. 32).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Staatssecretaris van Financiën (Segretarju tal-Istat għall-Finanzi) u Kamino International Logistics BV (iktar ’il quddiem “Kamino”), dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, fix-xahar ta’ Awwissu 2004, ta’ ċerti monitors tal-LCD.
Il-kuntest ġuridiku
3 Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u l-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”) ġew approvati f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU L 198, p. 1).
4 Skont l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti tintrabat li n-nomenklaturi tariffarji u l-istatistika tagħha jkunu konformi mas-sistema armonizzata stabbilita minn din il-Konvenzjoni (iktar ’il quddiem is-“SA”), li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żieda jew emenda, kif ukoll il-kodiċijiet konnessi magħhom, u li ssegwi l-ordni numerika ta’ din is-sistema. L-istess dispożizzjoni tistabbilixxi wkoll li kull parti kontraenti tintrabat li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA u li ma temendax il-portata tagħhom.
5 In-nomenklatura magħquda, stabbilita bir-Regolament Nru 2658/87 hija bbażata fuq is-SA, li minnha tieħu l-intestaturi u subintestaturi b’sitt ċifri, u huma biss is-seba’ u t-tmien ċifri li jiffurmaw suddiviżjonijiet speċifiċi għaliha.
6 Skont l-Artikolu 12(1) tal-imsemmi regolament, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal-31 ta’ Jannar 2000 (ĠU L 28, p. 16), kull sena l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tadotta regolament li jinkorpora l-verżjoni kompluta tan-NM u tar-rati tad-dazji doganali, kif jirriżultaw mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament huwa applikabbli mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.
7 Skont l-Artikolu 2 tiegħu, ir-Regolament Nru 1719/2003, li introduċa verżjoni ġdida tan-Nomenklatura Magħquda, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2004.
8 Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fl-ewwel parti tat-Titolu I A tagħha, jipprovdu dan li ġej:
“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda [NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:
1. It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skont it-termini tal-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skont id-disposizzjonijiet li ġejjin.
[...]
6. Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subintestaturi ta’ intestatura għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subintestaturi u kwalunkwe noti ta’ subintestaturi relatati u, mutatis mutandis skont ir-regoli ta’ hawn fuq, skont il-kundizzjoni li subintestaturi fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitolu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor. [traduzzjoni mhux uffiċjali]”
9 It-tieni parti tan-NM tinkludi t-Taqsima XVI, li tikkonċerna l-makkinarju, l- għodod mekkaniċi u apparat elettriku, bċejjeċ tagħhom, strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jittrażmettu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jittrażmettu stampa u ħoss televiżivi u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti.
10 It-Taqsima XVI tinkludi l-kapitoli 84 u 85. L-ewwel wieħed jikkonċerna r-reatturi nukleari, kaldaruni (boilers), makkinarju u għodod mekkaniċi kif ukoll bċejjeċ tagħhom. It-tieni wieħed jirrigwarda l-makkinarju u apparat elettriku u bċejjeċ tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u jittrażmettu l-ħoss, strumenti li jirrekordjaw u jittrażmettu stampa u ħoss tat-televiżjoni, kif ukoll bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti.
11 Skont in-Nota 5 tal-Kapitolu 84:
“[…]
B) Magni awtomatiċi għall-ipproċessar ta’ data jistgħu jkunu f’għamla ta’ sistemi magħmulin minn numru varjabbli ta’ unitajiet separati. Bla ħsara għall-paragrafu E hawn taħt, unità għandha titqies li tagħmel parti minn sistema kompluta jekk hija tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kollha:
a) hija ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għall- ipproċessar ta’ data;
b) tista’ titqabbad mal-unità ċentrali ta’ pproċessar kemm direttament jew permezz ta’ unità oħra jew iktar; u
(ċ) tista’ tilqa’ jew tagħti data f’forma (kodiċijiet jew sinjali) li jistgħu jintużaw mis-sistema.
(Ċ) Unitajiet ta’ magna awtomatika għall-ipproċessar ta’ data ppreżentati separatament għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8471 [tan-NM (iktar ’il quddiem l-‘intestatura 8471’)].
[…]
E) Magni ji jagħmlu funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data u jinkorporaw jew jaħdmu flimkien ma’ magna awtomatika għall-ipproċessar ta’ data għandhom jiġi kklassifikati fl-intestaturi xierqa għall-funzjonijiet rispettivi tagħhom jew, jekk le, fl-intestaturi li jibqa’” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
12 L-intestatura 8471 tistipula kif ġej:
“8471 Magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data u unitajiet tagħhom; apparat li jaqra b’sistema manjetika jew ottika, magni biex jittraskrivu data fuq mezzi ta’ data f’għamla kodifikata u magni biex jipproċessaw din id-data, li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra:
[…]
60 – Unitajiet tal-input u l-output kemm jekk fihom unitajiet tal-ħażna fl-istess għeluq u kemm jekk le:
8471 60 10 – – intiżi għal ajruplani ċivili […]
– – oħra:
8471 60 40 – – – printers
8471 60 50 – – – tastieri
8471 60 90 – – – oħra
[…]”
13 L-intestatura 8528 tal-NM (iktar ’il quddiem l-“intestatura 8528”) tistipula kif ġej:
“8528 Apparat għar-riċezzjoni ta’ televiżjoni, li fih jew le riċevituri għax-xandir tar-radju jew apparat għar-reġistrazzjoni jew riproduzzjoni ta’ ħoss jew video; monitor tal-video u projjetturi tal-video:
[…]
– Video monitors:
8528 21 – – bil-kulur:
[…]
8528 21 90 – – oħra
[...]”
14 Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tar-RegolamentNru 2658/87, il-Kummissjoni tħejji noti ta’ spjegazzjoni dwar l-NM, li hija tippubblika regolarment fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dawk ippubblikati fit-23 ta’ Ottubru 2002 (ĠU C 256, p. 1) jippreċiżaw, taħt l-intestatura 8471 60 90:
“Jaqa’ taħt din l-intestatura b’mod partikolari l-apparat ta’ viżwalizzazzjoni li jista’ iservi biss bħala unitajiet ta’ ħruġ għall-magni awtomatiċi ta’ pproċessar ta’ data.
Dan l-apparat ma jippermettix ir-rikostituzzjoni ta’ immaġini minn sinjal ikkodifikatat imsejjaħ sinjal li għandu komponent video.”
15 In-nota ta’ spjegazzjoni tan-NM dwar is-subintestatura 8528 21 90 tirreferi għan-noti ta’ spjegazzjoni tal-intestatura 8528 tan-numru 6 tat-tieni paragrafu tas-SA,.
16 Meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, ir-rata ta’ dazju fuq l-importazzjoni applikabbli għall-apparat tas-subintestatura 8528 21 90 kienet ta’ 14 %, filwaqt li l-apparat li jaqa’ taħt is-subintestatura 8471 60 90 ibbenefika minn eżenzjoni ta’ dazji.
17 Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-NM, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 754/2004, li daħal fis-seħħ, skont l-Artikolu 3 tiegħu, fit-13 ta’ Mejju 2004. L-Anness ta’ dan ir-Regolament jaqra kif ġej:
Isem tal-prodotti
Klassifikazzjoni
(kodiċi NM)
Motivazzjoni
(1)
(2)
(3)
1. Plasma skrin tal-kulur b’qies djagonali ta’ 106 cm (dimensjonijiet: wisgħa × għoli × fond 104 × 64.8 × 9.5 cm) u konfigurazzjoni ta’ 852 × 480 pixel.
L-apparat għandu dawn l-interfaces:
– konnettur RVB,
– konnettur DVI digital visual interface, interface viżwali diġitali),
– konnettur tal-kontroll.
Il-konnettur RGB jagħmilha possibbli biex l-apparat juri data direttament minn magna awtomatika li tipproċessa d-data.
Il-konnettur DVI jagħmilha possibbli biex l-apparat juri sinjali mill-magna awtomatika li tipproċessa d-data jew minn sors ieħor, bħalma huwa DVD player jew vidjo game player permezz ta’ kaxxa tat-tuner.
8528 21 90
Il-klassifikazzjoni tiġi stabbilita b’Regoli Ġenerali minn 1 sa 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u bit-termini tal-kodiċijiet [NM] 8528, 8528 21 u 8528 21 90.
Il-klassifikazzjoni taħt is-subintestatura 847160 hija eskluża billi l-monitor m’huwiex tal-kwalità li jintuża biss jew l-iktar fis-sistema awtomatika għall-ipproċessar tad-data. (Ara n-Nota 5 tal-Kapitolu 84).
Għall-istess raġuni, il-prodott huwa klassifikabbli taħt l-intestatura 8531 għaliex il-funzjoni tiegħu m’hijiex li tippovdi indikazzjoni viżiva għal finijiet ta’ sinjaletika (ara l-HSEN għall-intestatura 8531, punt D)
2. Plasma skrin tal-kulur b’qies djagonali ta’ 106 cm (dimensjonijiet: wisgħa × għoli × fond 103 × 63.6 × 9.5 cm) b’konfigurazzjoni ta’ 1024 × 1024 pixel u bil-loudspeakers li jinqalgħu.
L-apparat għandu l-interfaces li ġejjin:
– konnettur DVI (digital visual interface, interface diġitali viżiv);
– konnettur tal-kontroll.
Il-konnettur DVI jippermetti għall-apparat li juri s-sinjal minn magna awtomatika tal-ipproċessar tad-data jew minn sors ieħor, bħalma huwa DVD player jew apparat għall-vidjo games via l-kaxxa tat-tuner.
8528 21 90
Il-klassifikazzjoni tiġi stabbilita b’Regoli Ġenerali minn 1 sa 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u bit-termini tal-kodiċijiet [NM] 8528, 8528 21 u 8528 21 90.
Il-klassifikazzjoni taħt is-subintestatura 847160 hija eskluża billi l-monitor m’huwiex tal-kwalità li jintuża biss jew l-iktar fis-sistema awtomatika għall-ipproċessar tad-data. (Ara n-Nota 5 tal-Kapitolu 84).
Għall-istess raġuni, il-prodott huwa klassifikabbli taħt l-intestatura 8531 għaliex il-funzjoni tiegħu m’hijiex li tippovdi indikazzjoni viżiva għal finijiet ta’ sinjaletika (ara l-HSEN għall-intestatura 8531, punt D)
18 Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (iktar ’il quddiem l-“ODD”), imwaqqaf permezz tal-Konvenzjoni li ħolqot l-imsemmi kunsill, iffirmata fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950, japprova, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-noti ta’ spjegazzjoni u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA, previst fl-Artikolu 6 tagħha. Skont l-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, ix-xogħol tal-kumitat huwa, b’mod partikolari, li jipproponi emendi għall-imsemmija konvenzjoni u jirredatta noti ta’ spjegazzjoni, opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni kif ukoll opinjonijiet oħra għall-interpretazzjoni tas-SA.
19 In-noti ta’ spjegazzjoni dwar l-intestatura 8471 tas-SA huma fformulati kif ġej:
“1.- Magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data u unitajiet tagħhom
[…]
D.– Unitajiet ippreżentati waħedhom
[…]
Fost l-unitajiet kostitwenti msemmija, huma inklużi l-iskrins għal magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data, li jirrappreżentaw b’mod grafiku d-data pproċessata. Dawn jingħarfu mill-monitors tal-vidjos u mill-apparat riċeventi tat-televiżjonijiet taħt l-intestatura 8528 taħt diversi profili, fost l-oħrajn:
1) L-iskrins għall-magni awtomatiċi għall-ipproċessar tal-informazzjoni jistgħu jirċievu sinjal biss mill-unità ċentrali ta’ magna awtomatika għall-ipproċessar tal-informazzjoni, u għalhekk ma jistgħux jirriproduċu immaġini bil-kulur minn sinjal ta’ vidjo kompost li jkollu forma ta’ mewġa konformi ma’ standard ta’ tranżmissjoni (NTSC, SECAM, PAL, D MAC, ecc.). Dawn għandhom konnetturi tipiċi tas-sistemi għall-ipproċessar tal-informazzjoni (pereżempju, interface RS 232 jew konnetturi DIN jew SUB D) u ma għandhomx ċirkwit awdjo.
2) Dawn l-iskrins huma kkaratterizzatti minn emissjonijiet elettromanjetiċi mnaqqsa. Għandhom dot pitch li jibda minn 0.41 mm għar-riżoluzzjonijiet medji, li tonqos iktar hekk kif iżżid ir-riżoluzzjoni.
3) Sabiex ikunu rrappreżentati immaġini żgħar iżda b’definizzjoni ċara, l-iskrins ikklassifikati taħt din l-intestatura jużaw pixel ta’ daqsijiet iżgħar u standards ta’ konverġenza akbar meta pparagunati ma’ dawk applikabbli għall-monitors tal-vidjos u għall-apparat riċeventi tat-televiżjonijiet taħt l-intestatura 85.28 (Il-konverġenza hija l-kapaċità tal-electron gun(s) li jolqot marka singola fuq is-superfiċji ta’ tubu tar-raġġi katodiċi mingħajr ma tfixkel il-marki li jmissu.)
4) F’dawn l-iskrins il-frekwenza tal-vidjo (bandwidth), li hija l-miżura li tiddetermina n-numru ta’ punti (dots) li jistgħu jiġu trażmessi kull sekonda sabiex tiġi ffurmata l-immaġini, hija ġeneralment ta’ 15 MHz jew iktar filwaqt li fil-każ tal-monitors tal-vidjos tal-intestatura 8528, il-bandwidth ma taqbiżx ġeneralment is-6 MHz. Il-frekwenza ta’ scanning orizzontali ta’ dawn l-iskrins tvarja skont l-istandards użati għal numru ta’ forom ta’ displey, ġeneralment minn 15 kHz sa iktar minn 155 kHz. Dawn jistgħu jużaw frekwenzi multipli ta’ scanning orizzontali. Il-frekwenza ta’ scanning orizzontali ta’ dawn il-monitors tal-vidjos tal-intestatura 8528 hija fissa, ġeneralment 15.6 jew 15.7 kHz, skont l-istandard televiżiv użat. Barra dan, l-iskrins għall-magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data ma jaħdmux skont normi ta’ frekwenza internazzjonali jew nazzjonali adottati għal xandir pubbliku jew standards ta’ frekwenza għal televiżjoni b’ċirkwit magħluq.
5) L-iskrins ta’ din l-intestatura jinkludu fin-numru kbir tad-drabi mekkaniżmi li jippermettu li jiġu rregolati l-inklinazzjoni u l-ippivottjar, tal-iskrins bla riflessjoni (anti-reflexive), mingħajr ċaqliq jew karatteristiċi ergonomiċi oħra ntiżi sabiex jippermettu lill-operatur li jaħdem bla ma jgħajja matul perijodi twal viċin l-unità.
[…]”
20 In-noti ta’ spjegazzjoni dwar l-intestatura 8528 tas-SA jaqraw kif ġej:
“[…]
Din l-intestatura tinkludi apparat riċeventi għat-televiżjoni (inkluż il-monitors tal-vidjo u l-proġetturi tal-vidjo (video projectors), li fih riċevituri għax-xandir tar-radju jew apparat għar-reġistrazzjoni jew trażmissjoni ta’ ħoss jew vidjo.
Fost l-apparat ta’ din l-intestatura, wieħed jista’ jikkwota:
[…]
6) Monitors tal-vidjo li huma riċevituri konnessi direttament mal-vidjo camera jew rekorder permezz ta’ co-axial cables, sabiex iċ-ċirkwiti kollha ta’ xandir tar-radju huma eliminati. Dawn huma użati minn kumpanniji televiżivi jew għal televiżjoni b’ċirkwit magħluq (ajruporti, stazzjonijiet tal-ferrovija, setturi tal-azzar, sptarijiet, eċċ). Dan l-apparat jikkonsisti essenzjalment minn disposittivi li jistgħu jiġġeneraw punt luminuż u juruh fuq skrin, f’sinkronija mas-sinjali tas-sors u vidjo amplifiers li jistgħu jvarjaw l-intensità tal-punt luminuż. Barra minn dan, huma jistgħu jkollhom inputs separati għal aħmar (R), aħdar (G) u blue (B) jew jiġu kkodati skont standard partikolari (NTSC, SECAM, PAL, D-MAC eċċ). Għar-riċeviment ta’ sinjali kkodati, il-monitor irid jiġi mgħammar b’dekodaġġ (separazzjoni) tas-sinjali R, G U B. Il-mezz l-iktar użat għar-rikostituzzjoni tal-immaġini huwa t-tubu tar-raġġi katodiċi għal viżjoni diretta jew il-proġettur bi tliet tubi tar-raġġi katodiċi, iżda jeżistu monitors li jużaw mezzi oħra sabiex jaslu għall-istess għan (eżempju skrins ta’ kristalli likwidi (LCD), diffrazzjonijiet ta’ raġġi tad-dawl fuq film taż-żejt). Dawn il-monitors jistgħu jkunu fil-forma ta’ CRT monitors jew flat screens, pereżempju LCD, LED, plasma eċċ.
Il-monitors tal-vidjo taħt din l-intestatura m’għandhomx ikunu konfużi mal-iskrins ta’ magni awtomatiċi li jipproċessaw id-data deskritti fin-Nota ta’ spjegazzjoni Nru 8471”.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
21 Fix-xahar ta’ Awwissu 2004, Kamino ħarġet, bl-għan taċ-ċirkulazzjoni libera, lott monitors tal-kulur tat-tip LCD, mudell BenQ FP231W, li jittrażmettu l-immaġini permezz ta’ kristalli likwidi li jirriflettu d-dawl. Dawn il-monitors ġew ikklassifikati taħt l-intestatura 8528 21 90.
22 L-iskrins ta’ dawn tal-aħħar għandhom dimensjonijiet ta’ wisgħa × għoli × fond 53,48 x 46,55 x 24,84 ċm b’qies djagonali ta’ 58.42 ċm (23 pulżier). Huma għandhom riżoluzzjoni massima ta’ 1 920 x 1 200 pixel, format ta’ 16:10, frekwenza ta’ scanning orizzontali u vertikali ta’ 30 sa 81 kHz u 50 sa 76 Hz, rispettivament, dawl rifless ta’ 250 cd/m 2, jistgħu juru 16.7 miljun kulur u għandhom kuntrast ta’ 500:1.
23 Dawn il-monitors għandhom sokits ta’ D-Sub, DVI-D, USB, S-vidjo u vidjo kompost, li permezz tagħhom huma jistgħu wkoll jittrażmettu immaġini minn magna awtomatika li tipproċessa d-data bħal immaġini minn apparat ieħor. Barra minn dan, huma mgħammra b’output għall-awdjo ta’ qawwa massima ta’ 4 watt li fuqu jistgħu jitqabbdu l-loudspeakers.
24 Billi qieset li dawn il-monitors kellhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8471 60 90, Kamino ppreżentat ilment kontra l-avviż għall-ħlas. Dan l-ilment ġie miċħud b’deċiżjoni tal-ispettur tad-dwana, minħabba li dawn il-monitors iservu sabiex jittrażmettu immaġini u li huma jistgħu jitqabbdu mad-DVD plejers, projjetturi domestiċi taċ-ċinema, game consoles, vidjo kameras, kamkorders u magni awtomatiċi li jipproċessaw id-data.
25 Fil-kuntest tar-rikors ippreżentat quddiemhu kontra din id-deċiżjoni, il-Gerechtshof te Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam) qieset li l-karatteristiċi u proprjetajiet tal-monitors inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari r-riżoluzzjoni u d-dawl rifless tagħhom, jiddestinawhom għal pubbliku ta’ kreaturi, graffisti u professjonisti analogi, u li huma, b’mod partikolari, maħsuba sabiex jitqegħdu fuq skrivanija jew mejda tax-xogħol, sabiex jiġu kkonsultati mill-viċin.
26 Din il-qorti kkonstatat li l-manifattur kien qiegħed l-apparat ikkonċernat fis-suq esklużivament f’dan il-kuntest ta’ użu u, barra minn dan, li dawn tal-aħħar huma għoljin wisq sabiex jiġu użati esklużivament jew prinċipalment għal finijiet ta’ logħob. Għaldaqstant, hija kkunsidrat li, anki jekk il-monitors inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhumiex esklużivament intiżi li jiġu użati minn professjonisti tal-kategoriji fuq imsemmija, billi huma jippreżentaw possibbiltajiet oħra, dawn huma maħsuba għal dawn tal-aħħar b’mod daqshekk dominanti minn perspettiva ta’ użu razzjonali u utli li, ġeneralment, dawn jissodisfaw il-kriterji msemmija fin-Nota 5, B tal-Kapitolu 84 tan-NM. Skont din il-qorti, ir-Regolament Nru 754/2004 ma jostakolax din il-konklużjoni, billi dan jikkonċerna apparat ieħor li jippreżenta karatteristiċi tekniċi sostanzjalment differenti.
27 Is-Staatssecretaris van Financiën appella quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) minn din is-sentenza, billi sostna li l-Gerechtshof te Amsterdam żbaljat, meta eżaminat jekk il-kriterji ddefiniti fin-Nota 5, B tal-Kapitolu 84 tan-NM humiex issodisfatti fir-rigward tal-monitors inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-possibbiltajiet ta’ użu li joffru dawn il-monitors barra mill-użu bħala element ta’ sistema awtomatika ta’ pproċessar tad-data.
28 Il-Hoge Raad der Nederlanden titlob, minn naħa, jekk fil-każ fejn ma jeżistix kriterju ċar li jippermetti li jiġi ddeterminat, fuq il-bażi tal-karatteristiċi teknici biss, l-użu prinċipali ta’ monitor li jista’ jittrażmetti immaġni vidjo minn magna awtomatika li tipproċessa d-data kif ukoll minn sorsi oħra, il-pubbliku utilizzatur imsemmi kif jista’ jiġi ddefinit fid-dawl ta’ kif l-apparat ikkonċernat jiġi kkummerċjalizzat kif ukoll skont il-prezz tiegħu għandu wkoll importanza eventwalment deċiżiva. Minn naħa l-oħra, hija tistaqsi dwar jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 754/2004 jinkludix il-monitors inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
29 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) In-Nota 5, B tal-Kapitolu 84 tan-NM [...] għandha tkun interpretata fis-sens li monitor tal-kulur li jista’ jittrażmetti sinjali li jkunu ġejjin minn magna li tipproċessa data awtomatikament skond l-intestatura 8471 [...], kif ukoll sinjali ġejjin minn sorsi oħrajn, ma jistax jiġi kklassifikat fl-intestatura 8471 [...]?
2) Fil-każ fejn il-monitor imsemmi fid-domanda 1 jista’ jiġi kklassifikat fl-intestatura 8471 [...], liema huma ċ-ċirkustanzi li permezz tagħhom jista’ jiġi stabbilit jekk dan il-monitor huwiex unità tat-tip li huwa esklużivament u prinċipalment użat f’sistema awtomatika li tipproċessa d-data?
3) Il-monitor inkwistjoni jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [...] Nru 754/2004 [...] dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda, u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, dan ir-regolament huwa validu fid-dawl tas-soluzzjonijiet mogħtija għall-ewwel żewġ domandi?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
30 Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk monitors bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jistgħu jittrażmettu sinjali minn magna awtomatika li tipproċessa d-data kif ukoll minn sorsi oħra, jistgħux jitqies li huma unitajiet “tat-tip użat [...] prinċipalment f’sistema awtomatika li tipproċessa d-data”, fis-sens tan-Nota 5, B tal-Kapitolu 84 tan-NM, u kklassifikati fis-subintestatura 8471 60 90.
31 Għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċisiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tal-merkanzija, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-Nomenklatura Magħquda u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Olicom, C‑142/06, Ġabra p. I‑6675, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).
32 In-noti li jippreċedu l-kapitoli tan-nomenklatura magħquda, barra minn hekk, bħan-noti tas-spjegazzjoni tan-nomenkatura tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, jikkostitiwixxu mezzi importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jagħtu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1994, Siemens Nixdorf, C‑11/93, Ġabra p. I-1945, punt 12; tat-18 ta’ Diċembru 1997, Techex, C-382/95, Ġabra p. I-7363, punt 12; tad-19 ta’ Ottubru 2000, Peacock, C-339/98, Ġabra p. I-8947, punt 10, u Olicom, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).
33 F’dan il-każ, il-formulazzjoni tal-intestatura 8471, li taħtha, skont Kamino jaqgħu l-monitors inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tirrigwarda, b’mod partikolari, il-magni awtomatiċi li jipproċessaw id-data u l-unitajiet tagħhom, filwaqt li l-formulazzjoni tal-intestatura 8528, li fiha, skont il-gvern Olandiż u l-Kummissjoni, jeħtieġ li jiġu kklassifikati dawn il-monitors, tirrigwarda, b’mod partikolari, l-apparat riċeventi tat-televiżjoni u l-monitors tal-vidjo. Jaqgħu, b’mod partikolari, taħt is-subintestatura 8471 60 90 l-unitajiet ta’ dħul jew ta’ ħruġ barra minn printers, u tastieri li jistgħu jinkludu, fl-istess grupp, unitajiet ta’ memorja, filwaqt li s-subintestatura 8528 21 90 tirrigwarda monitors vidjo tal-kulur.
34 Il-Kummissjoni tqis li, billi huma jistgħu jittrażmettu immaġini oħra barra minn dawk minn magna awtomatika li tipproċessa d-data, il-monitors inkwistjoni fil-kawża prinċipali jeżerċitaw funzjoni oħra mill-ipproċessar tad-data fis-sens tan-Nota 5, E tal-kapitolu 84 tan-NM. Għaldaqstant, in-Nota 5, B tal-istess kapitolu mhijiex applikabbli fir-rigward ta’ dawn il-monitors, li għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura li tikkorrispondi għall-funzjoni tagħhom, jiġifieri l-intestatura 8528, li tirrigwarda, fost l-oħrajn, il-monitors tal-vidjo.
35 Madankollu, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.
36 Skont in-Nota 5, E tal-Kapitolu 84 tan-NM, “Magni ji jagħmlu funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data u jinkorporaw jew jaħdmu flimkien ma’ magna awtomatika għall-ipproċessar ta’ data għandhom jiġu kklassifikati fl-intestaturi xierqa għall-funzjonijiet rispettivi tagħhom jew, jekk le, fl-intestaturi li jibqa’”.
37 Mill-kliem ta’ din in-nota jirriżulta li l-“funzjoni speċifika” eżerċitata minn magna li taħdem ma’ magna awtomatika għall-ipproċessar tad-data għandha tkun funzjoni differenti mill-“ipproċessar tad-data” (ara s-sentenza Olicom, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).
38 Minbarra dan, jirriżulta mill-istruttura ġenerali u mill-għan tan-Nota 5, E tal-kapitolu 84 tan-NM li l-kliem “għandhom jiġu kklassifikati fl-intestaturi xierqa għall-funzjonijiet rispettivi tagħhom” li jinsabu f’din in-nota, m’għandhomx l-għan li jagħti prijorità lil funzjoni partikolari fuq funzjonijiet oħra li wkoll jitwettqu mill-apparat li għandu jiġi kklassifikat u li jikkostitwixxu pproċessar ta’ data, iżda li jimpedixxi li apparat li l-funzjoni tiegħu mhijiex konnessa mal-ipproċessar ta’ data jiġi kklassifikat fl-intestatura 8471 għar-raġuni biss li huwa jinkludi magna awtomatika għall-ipproċessar ta’ data jew jaħdem flimkien ma’ magna bħal din (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Kip Europe et, C-362/07 u C-363/07, Ġabra p. I-0000, punt 33).
39 Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, kif jirriżulta mill-punt 36 tas-sentenza Kip Europe et, iċċitata iktar ’il fuq, jeżerċita biss “funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data”, fis-sens ta’ 5, E, tal-Kapitolu 84 tan-NM, l-apparat li jinkorpora jew jaħdem flimkien ma’ magna bħal din, li l-funzjoni tagħha ma taqax taħt l-ipproċessar ta’ data.
40 Skont l-informazzjoni mhux ikkontestata li tinsab fil-proċess imressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-proċedura, barra l-funzjoni ta’ trażmissjoni ta’ immaġini minn apparat bħal game console, vidjo plejer jew DVD plejer, li ma taqax taħt l-ipproċessar tad-data, il-monitors inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiżguraw ukoll it-trażmissjoni ta’ sinjali minn magna awtomatika li tipproċessa d-data.
41 Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, kif issostni Kamino, monitors bħal dawn jaqgħux taħt l-intestatura 8471 bħala unitajiet ta’ magna awtomatika li tipproċessa d-data minħabba li huma jissodisfaw it-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fl-inċiżi (a) sa (ċ) tan-Nota 5, B tal-Kapitolu 84 tan-NM, jiġifieri li huma tat-tip użat esklużivament jew prinċipalment f’sistema awtomatika li tipproċessa d-data, li jkunu jistgħu jitqabbdu mal-unità ċentrali li tipproċessa d-data u li jkunu jistgħu jirċievu jew jipprovdu data taħt forma li tkun tista’ tiġi użata mis-sistema.
42 F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li l-imsemmija monitors jistgħu jitqabbdu mal-unità ċentrali ta’ pproċessar, li huma jirċievu data f’forma li jistgħu jintużaw mis-sistema u li, billi huma jistgħu jittrażmettu sinjali wkoll minn sorsi oħra, huma mhumiex tat-tip użat esklużivament f’sistema awtomatika ta’ pproċessar tad-data. Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk huma jistgħux madankollu jitqiesu li huma tat-tip użat “prinċipalment” f’sistema bħal din, fis-sens tal-inċiż (a) tan-Nota 5, B tal-Kapitolu 84 tan-NM.
43 Kemm il-gvern Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li l-inċiż (a) tan-Nota 5, B tal-Kapitolu 84 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li s-sempliċi possibbiltà, għall-monitors inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jittrażmettu immaġini minn sorsi oħra barra minn magna awtomatika ta’ pproċessar tad-data teskludi l-klassifikazzjoni tagħhom fl-intestatura 8471.
44 Din l-interpretazzjoni tal-inċiż (a) tan-Nota 5, B tal-Kapitolu 84 tan-NM, li l-formulazzjoni tiegħu tieħu espressament inkunsiderazzjoni żewġ kategoriji ta’ unità ta’ magna awtomatika ta’ pproċessar ta’ data, jiġifieri dik relatata mal-unitajiet li huma tat-tip użat “esklużivament” f’sistema awtomatika ta’ pproċessar ta’ data u dik relatata mal-unitajiet li huma tat-tip użat “prinċipalment” f’sistema bħal din, ma tistax madankollu tiġi aċċettata.
45 Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, interpretazzjoni bħal din tekwivali għat-tneħħija, mit-test tal-imsemmija nota, tal-kelma “prinċipalment”.
46 Sabiex isostnu l-argumenti tagħhom, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni jibbażaw ruħhom, b’mod partikolari, fuq in-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM dwar is-subintestatura 8471 60 90 kif ukoll fuq in-noti ta’ spjegazzjoni relatati mal-intestatura 8471 tas-SM, b’mod partikolari l-ewwel sentenza tal-punt 1, minn parti tal-Kapitolu I, D, iddedikata għall-iskrins għal magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data.
47 F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li n-noti ta’ spjegazzjoni mħejjija mill-Kummissjoni, fir-rigward tan-nomenklatura magħquda, u dawk adottati mill-OMD, fir-rigward tas-SM, jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji mingħajr, madankollu, mhuma legalment vinkolanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, Algemene Scheeps Agentuur Dordrecht, C‑311/04, Ġabra p. I‑609, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
48 Il-kontenut tan-noti ta’ spjegazzjoni tan-nomenklatura magħquda, li ma jissostitwixxux dawk tas-SA, iżda għandhom jitqiesu li huma komplementari għal dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Van Landeghem, C-486/06, Ġabra p. I-10661, punt 36) u kkonsultati konġuntament magħhom, għalhekk għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tagħha u ma jistax ibiddel il-portata tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Algemene Scheeps Agentuur Dordrecht, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
49 Jekk in-noti ta’ spjegazzjoni fuq imsemmija fil-punt 46 ta’ din is-sentenza kellhom jiġu interpretati, kif jissuġġerixxu l-gvern Olandiż u l-Kummissjoni, fis-sens li huma jeskludu l-klassifikazzjoni fis-subintestatura 8471 60 90 tal-monitors kollha li jistgħu jittrażmettu sinjali minn magna awtomatika ta’ pproċessar ta’ data kif ukoll minn sorsi oħra, l-imsemmija noti ta’ spjegazzjoni jkollhom bħala effett li jbiddlu u, b’mod partikolari, li jirrestrinġu l-portata tal-inċiż (a) tan-Nota 5, B tal-Kapitolu 84 tan-NM.
50 Minn dan jirriżulta li, li kieku kellhom jiġu interpretati f’dan is-sens in-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM dwar is-subintestatura 8471 60 90 u n-noti ta’ spjegazzjoni relatati mal-intestatura 8471 tas-SM, b’mod partikolari l-ewwel sentenza tal-punt 1, minn parti tal-Kapitolu I, D, iddedikata għall-iskrins għal magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data, l-applikazzjoni tagħhom ikollha, fuq dan il-punt tiġi skartata, billi din l-interpretazzjoni mhijiex konformi mal-inċiż (a) tan-Nota 5, B tal-Kapitolu 84 tan-NM.
51 Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, ir-risposta għall-ewwel domanda mressqa għandha tkun li monitors bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhumiex esklużi mill-klassifikazzjoni fis-subintestatura 8471 60 90 bħala unitajiet tal-kwalità użat “prinċipalment” f’sistema awtomatika ta’ pproċessar ta’ data fis-sens tal-inċiż (a) tan-Nota 5, B tal-Kapitolu 84 tan-NM, għall-unika raġuni li jittrażmettu sinjali minn magna li tipproċessa data awtomatikament kif ukoll minn sorsi oħra.
Fuq it-tieni domanda
52 Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk monitors bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex unitajiet tat-tip użat prinċipalment f’sistema li tipproċessa data awtomatikament.
53 Il-Kummissjoni ssostni li l-konnessjonijiet tal-monitors inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-konnessjonijiet DVI-D, S-vidjo u vidjo-kompost, jgħammru monitors maħsuba għat-televiżuri. Għal din ir-raġuni, il-monitors inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom funzjoni doppja, jiġifieri t-trażmissjoni ta’ sinjali minn magna li tipproċessa d-data awtomatikament u t-trażmissjoni ta’ immaġini vidjo.
54 Il-gvern Olandiż isostni li, jekk monitors jiġu mgħammra b’interface VGA b’interface jew mingħajr interface awdjo, dawn għandhom jitqiesu li huma ta’ kwalità użata esklużivament f’sistema li tipproċessa d-data awtomatikament. Barra minn din is-sitwazzjoni, fil-possibbiltà biss li jintużaw monitors mgħammra wkoll b’interfaces oħra li ma jagħmlux parti minn magna li tipproċessa data awtomatikament, hija purament tejoretika li dawn il-monitors jistgħu jitqiesu li huma tal-kwalità li jintużaw prinċipalment f’sistemi bħal dawn.
55 Dawn l-argumenti ma jistgħux madankollu jiġu aċċettati.
56 Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li, kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, il-kriterju “hija ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar ta’ data”, imsemmi fl-inċiż (a) tan-Nota 5, B tal-Kapitolu 84 tan-NM, jirrigwarda mhux biss l-użu tal-monitor bħala dan, iżda l-funzjonijiet li dan tal-aħħar jista’ jiżgura, jibqa’ l-fatt li, kif jirriżulta mill-punt 44 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija nota tieħu espressament inkunsiderazzjoni ż-żewġ kategoriji ta’ unità li hija tikkonċerna u li din id-distinzjoni għandha tiġi applikata fil-prattika.
57 F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak sostnut mill-gvern Olandiż u mill-Kummissjoni, in-numru u t-tip ta’ sokits li bihom jiġu mgħammra monitors bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jikkostitwixxu, waħedhom, il-kriterji determinanti għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ monitors bħal dawn u li, għall-finijiet ta’ dan tal-aħħar, għandu jiġi evalwat, b’relazzjoni wkoll ma’ kriterji oħra u fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-karatteristiċi oġġettivi ta’ dawn il-monitors, b’liema miżura dawn tal-aħħar jistgħu jeżerċitaw diversi funzjonijiet kif ukoll il-livell ta’ prestazzjoni milħuq minnhom fl-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet.
58 Għaldaqstant, sa fejn monitors bħal dawn ma jistgħux jiġu esklużi mill-kunċett ta’ magna awtomatika għal ipproċessar ta’ data, fis-sens tal-inċiż (a) tan-Nota 5, B u tan-Nota 5, C tal-Kapitolu 84 tan-NM, jeħtieġ li jiġu identifikati l-kriterji li jippermettu li jiġi deċiż jekk dawn il-monitors jappartjenux għat-tip użat prinċipalment f’sistema awtomatika li tipproċessa d-data jew jekk il-karatteristiċi u l-karatteristiċi tekniċi tagħhom iqegħduhomx fost l-iskrins ta’ televiżjoni jew il-monitors vidjo.
59 F’dan il-każ, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ monitors bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jsir riferiment għan-noti ta’ spjegazzjoni tal-intestatura 8471 tas-SA, b’mod partikolari għall-punti 1 sa 5 mill-parti tal-Kapitolu I, D, iddedikata għall-iskrins ta’ magni awtomatiċi għal ipproċessar ta’ data.
60 F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-imsemmija punti li l-monitors użati prinċipalment f’sistema awtomatika li tipproċessa d-data jistgħu jiġu identifikati, barra mill-fatt li huma mgħammra b’tip ta’ sokit adegwat għall-konnessjoni ma sistemi ta’ pproċessar ta’ data, minn karattertistiċi tekniċi oħra, b’mod partikolari mill-fatt li dawn ġew maħsuba għal xogħol mill-viċin, li m’għandhomx il-possibbiltà li jittrażmettu sinjali ta’ televiżjoni, li għandhom emissjonijiet elettromanjetiċi mnaqqsa, li l-pitch tal-iskrin tagħhom jibda minn 0.41 għal riżoluzzjoni medja u tonqos meta r-riżoluzzjoni tiżdied, li l-bandwidth tagħhom hija ta’ 15 MHz jew iktar kif ukoll mill-fatt li d-dimensjoni tal-pixels fuq l-iskrin hija iżgħar minn dik tal-vidjo monitors tal-intestatura 8528, filwaqt li l-konverġenza tal-ewwel hija iktar b’saħħitha minn dik ta’ dawn tal-aħħar.
61 Għaldaqstant, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk monitors bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex unitajiet tal-kwalità użata prinċipalment f’sistema awtomatika li tipproċessa d-data, l-awtoritajiet nazzjonali, inkluż il-qrati, għandhom jagħmlu użu minn indikazzjonijiet li jinsabu fin-noti ta’ spjegazzjoni relatati mal-intestatura 8471 tas-SA, b’mod partikolari mal-punti 1 sa 5 tal-parti tal-Kapitolu I, D, iddedikata għall-iskrins ta’ magni ta’ pproċessar tad-data.
Fuq it-tielet domanda
62 Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 754/2004, li l-anness tiegħu jikklassifika fis-subintestatura 8528 21 90 żewġ tipi ta’ skrin plasma li għandhom karatteristiċi tekniċi li jippermettulhom jittrażmettu sinjali minn magna awtomatika li tipproċessa d-data jew minn sors ieħor, bħal DVD plejer jew vidjo game console, permezz ta’ kaxxa tat-tuner, huwiex estiż għal monitors bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fl-affermattiv, hija tixtieq ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-validità tal-imsemmi regolament.
63 Mill-ġurisprudenza jirriżulta, minn naħa, li regolament ta’ klassifikazzjoni, bħar-Regolament Nru 754/2004, jiġi adottat mill-Kummissjoni meta l-klassifikazzjoni fin-nomenklatura magħquda ta’ prodott partikolari jista’ jikkawża diffikultà jew ikun is-suġġett ta’ kawża u, min-naħa l-oħra, li regolament bħal dan ikollu portata ġenerali inkwantu japplika mhux għal operatur partikolari, iżda b’mod ġenerali għall-prodotti identiċi għal dak li huwa s-suġġett ta’ din il-klassifikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 2001, Hewlett Packard, C‑119/99, Ġabra p. I‑3981, punti 18 u 19 kif ukoll Kip Europe et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).
64 Għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-oġġetti li huma s-suġġett ta’ klassifikazzjoni bir-Regolament Nru 754/2004 mhumiex identiċi għall-monitors inkwistjoni fil-kawża prinċipali mil-lat teknoloġiku. Fil-fatt, iż-żewġ tipi ta’ apparat deskritt fl-anness ta’ dan ir-regolament huma skrins plasma, filwaqt li l-monitors inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma LCD skrins.
65 Dawn huma differenti wkoll fid-dawl tad-dimensjonijiet tagħhom, billi l-qies djagonali tal-apparat li huwa s-suġġett tar-Regolament Nru 754/2004 huwa ta’ 106 ċm (41.73 pulzieri), filwaqt li dak tal-monitors inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ta’ 58.42 ċm (23 pulzieri).
66 Barra dan, iż-żewġ tipi ta’ apparat ikklassifikat bir-Regolament Nru 754/2004 għandhom riżoluzzjoni, ta’ 852 x 480 pixel u ta’ 1 024 x 1 024 pixel. Min-naħa l-oħra, ir-riżoluzzjoni tal-monitors inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ 1920 x 1200 pixel.
67 Jeħtieġ li wieħed iżid li, anki jekk l-applikazzjoni b’analoġija ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni għall-prodotti simili għal dawk koperti minn dan ir-Regolament tgħin għal interpretazzjoni koerenti tan-nomenklatura magħquda kif ukoll għat-trattament ugwali tal-operaturi (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2004, Krings, C-130/02, Ġabra p. I-2121, punt 35, u tat-13 ta’ Lulju 2006, Anagram International, C‑14/05, Ġabra p. I‑6763, punt 32), jeħtieġ ukoll, f’sitwazzjoni bħal din, li l-prodotti li għandhom jiġu kklassifikati u dawk imsemmija fir-regolament ta’ klassifikazzjoni jkunu suffiċjentement simili.
68 Issa, il-fatt waħdu li l-monitors bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll il-prodotti koperti bir-Regolament Nru 754/2004 għandhom connector DVI u li, għalhekk, dawn jistgħu jittrażmettu sinjali minn magna awtomatika li tipproċessa d-data kif ukoll minn sorsi oħra, barra minn kull evalwazzjoni tal-karatteristiċi oġġettivi tagħhom kif ukoll tal-prestazzjonijiet tagħhom fid-diversi funzjonijiet li huma jissodisfaw, m’għandhux ikun biżżejjed, fid-dawl tad-differenzi rrilevati fil-punti 64 sa 66 ta’ din is-sentenza, sabiex l-imsemmi regolament jiġi applikat b’analoġija għal dawn il-monitors.
69 Minn dan jirriżulta li, billi l-monitors inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhumiex identiċi u lanqas suffiċjentement analogi għall-prodotti li huma s-suġġett ta’ klassifikazzjoni bir-Regolament Nru 754/2004, dan tal-aħħar mhuwiex applikabbli għal dawn il-monitors. Għaldaqstant, mhemmx lok li tiġi evalwata l-validità tiegħu.
70 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, għandha tingħata risposta għat-tielet domanda fis-sens li r-Regolament Nru 754/2007 ma japplikax għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-monitors inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
Fuq l-ispejjeż
71 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Monitors bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhumiex esklużi mill-klassifikazzjoni fis-subintestatura 8471 60 90, bħala unitajiet tal-kwalità użat “prinċipalment” f’sistema awtomatika ta’ pproċessar ta’ data fis-sens tal-inċiż (a) tan-Nota 5, B tal-Kapitolu 84 tan-nomenklatura magħquda li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003 tal-11 ta’ Settembru 2003, għall-unika raġuni li dawn jistgħu jittrażmettu sinjali minn magna li tipproċessa data awtomatikament kif ukoll minn sorsi oħra.
2) Sabiex jiġi ddeterminat jekk monitors bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex unitajiet tal-kwalità użata prinċipalment f’sistema awtomatika li tipproċessa d-data, l-awtoritajiet nazzjonali, inklużi l-qrati, għandhom jagħmlu użu minn indikazzjonijiet li jinsabu fin-noti ta’ spjegazzjoni relatati mal-intestatura 8471 tas-sistema armonizzata stabbilita mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u l-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, b’mod partikolari mal-punti 1 sa 5 tal-parti tal-Kapitolu I, D, iddedikata għall-iskrins ta’ magni ta’ pproċessar tad-data.
3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 754/2004 tal-21 ta’April 2004 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda, ma japplikax għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-monitors inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy