Kawża C-391/07
Glencore Grain Rotterdam BV
vs
Hauptzollamt Hamburg-Jonas
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg)
“Regolament (KE) Nru 800/1999 — Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli — Artikolu 16 — Rifużjoni ddifferenzjata — Prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali għall-importazzjoni — Produzzjoni ta’ kopja jew fotokopja tad-dokument tat-trasport — Regolament (KE) Nru 1501/95 — Għoti ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fis-suq taċ-ċereali — Artikolu 13 — Deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 800/1999”
Sommarju tas-sentenza
Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni — Rifużjoni ddifferenzjata
(Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 1501/95, kif emendat bir-Regolament Nru 1259/97, Artikolu 13, u Nru 800/1999, Artikolu 16(3))
L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1766/92 dwar l-għotja ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni u l-miżuri li għandhom jittieħdu, f’każ ta’ disturb, fis-suq taċ-ċereali, kif emendat bir-Regolament Nru 1259/97 li jeżenta lil operatur mill-prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali tar-rilaxx għall-konsum f’każ ta’ rifużjoni stabbilita f’kuntratt sakemm huwa jagħti prova li kwantità ta’ mhux inqas minn 1 500 tunnellata ta’ prodotti ċereali tkun telqet mit-territorju tal-Komunità abbord vapur adattat għat-trasport bil-baħar, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li dan l-operatur jagħti tali prova ma jeżentahx mill-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 800/1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli, li jipproduċi kopja jew fotokopja tad-dokument tat-trasport.
(ara l-punt 50 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
4 ta’ Diċembru 2008 (*)
“Regolament (KE) Nru 800/1999– Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli – Artikolu 16 – Rifużjoni ddifferenzjata – Prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali għall-importazzjoni– Produzzjoni ta’ kopja jew fotokopja tad-dokument tat-trasport–Regolament (KE) Nru 1501/95 – Għoti ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fis-suq taċ-ċereali – Artikolu 13 – Deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 800/1999”
Fil-Kawża C‑391/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2007, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Awwissu 2007, fil-proċedura
Glencore Grain Rotterdam BV
vs
Hauptzollamt Hamburg-Jonas,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur), A. Tizzano, E. Levits u J.‑J. Kasel, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Glencore Grain Rotterdam BV, minn L. Harings u C. Bittner, Rechtsanwälte,
– għall-Hauptzollamt Hamburg-Jonas, minn G. Seber, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Schieferer u F. Erlbacher, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Settembru 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1501/95, tad-29 ta’ Ġunju 1995, li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1766/92 dwar l-għotja ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ ċereali u l-miżuri li għandhom jittieħdu f’każ ta’ disturb fis-suq taċ-ċereali (ĠU L 147, p. 7), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1259/97, tal-1 ta’ Lulju 1997 (ĠU L 174, p. 10, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1501/95”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Glencore Grain Rotterdam BV (iktar ’il quddiem “Glencore”) u l-Hauptzollamt Hamburg-Jonas (iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”) dwar l-intitolament għar-rifużjoni applikabbli għal kunsinna ta’ 3 041 886 kg ta’ segala esportata għad-destinazzjoni tar-Russja.
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament (KEE) Nru 3665/87
3 It-tielet u t-tnax-il premessa tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1), kienu jipprovdu dan li ġej:
“Billi r-regoli ġenerali stipulati mill-Kunsill jipprovdu għall-ħlas ta’ rifużjonijiet meta tinġieb prova li l-prodotti jkunu ġew esportati mill-Komunità; billi, sabiex il-kunċett ta’ esportazzjoni mill-Komunità jkun jista’ jiġi interpretat konsistentement, għandu jiġi speċifikat li prodott jiġi meqjus bħala li jkun ġie esportat meta jitlaq mit-territorju doganali tal-Komunità;
[…]
Billi, meta r-rata tar-rifużjoni tvarja skont id-destinazzjoni tal-prodott, għandu jiġi vverifikat li l-prodott ikun ġie importat fil-pajjiż jew pajjiżi terzi li għalihom ikunu ġew iddeterminati r-rifużjonijiet; […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
4 Skont is-seba’ inċiż tal-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 3665/87 jistabbilixxi, “[m]ingħajr preġudizzju għad-derogi stabbiliti fir-regolamenti tal-Komunità speċifiċi għal ċerti prodotti”, regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għaċ-ċereali. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
5 Id-dispożizzjonijiet dwar ir-rifużjonijiet iddifferenzjati fuq l-esportazzjoni jinsabu fl-Artikoli 16 sa 21 ta’ dan ir-regolament.
6 L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 3665/87, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2955/94, tal-5 ta’ Diċembru 1994 (ĠU L 312, p. 5, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3665/87”), kien jipprovdi li:
“Il-prova li l-formalitajiet doganali għar-rilaxx għall-konsum jkunu ġew imwettqa għandha, skont ma jagħżel l-esportatur, tkun ipprovduta b’wieħed minn dawn id-dokumenti li ġejjin:
(a) id-dokument doganali jew kopja jew fotokopja tiegħu; kopja jew fotokopja bħal din għandha tiġi ċċertifikata, bħala kopja vera, mill-korp li jkun endorsja d-dokument oriġinali, aġenzija uffiċjali tal-pajjiż terz ikkonċernat, aġenzija uffiċjali ta’ Stat Membru fil-pajjiż terz ikkonċernat jew aġenzija responsabbbli għal ħlas tar-rifużjonijiet;
(b) ċertifikat tal-ħatt u tar-rilaxx għall-konsum mħejji minn aġenzija internazzjonali ta’ kontroll u ta’ superviżjoni approvata minn Stat Membru. Id-data u n-numru tad-dokument doganali tar-rilaxx għall-konsum għandhom jidhru fuq iċ-ċertifikat ikkonċernat.
2. Meta esportatur ma jkunx jista’ jakkwista d-dokument magħżul skont il-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 1, anki wara li jkun ħa l-passi xierqa jew meta jkun hemm dubju dwar l-awtentiċità tad-dokument ipprovdut, prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali għar-rilaxx għall-konsum tista’ tkun ipprovduta b’wieħed jew iktar mid-dokumenti li ġejjin:
[…]
3. L-esportaturi għandhom fil-każijiet kollha jipproduċu kopja jew fotokopja tad-dokumenti tat-trasport.
4. Il-Kummissjoni tista’, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38 tar-Regolament [tal-Kunsill] Nru 136/66/KEE [tat-22 ta’ Settembru 1966], dwar l-istabbiliment tal-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet (ĠU 1966, 172, p. 3025)] u fl-artikoli korrispondenti tar-regolamenti l-oħra dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq, tistabbilixxi li, f’ċerti każijiet speċifiċi li għandhom jiġu ddeterminati, il-prova tal-importazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 tkun ipprovduta b’dokument speċifiku jew b’xi mod ieħor.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
7 Ir-Regolament Nru 3665/87 ġie mħassar u ssostitwit mill-1 ta’ Lulju 1999 bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, tal-15 ta’ April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU L 102, p. 11, u – rettifika – ĠU L 180, p. 53).
Ir-Regolament Nru 800/1999
8 Il-premessi 1, 2 u 17 tar-Regolament Nru 800/1999 jipprovdu dan li ġej:
“(1) Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87 [...] kien emendat ripetutament u sostanzjalment; billi, minħabba emendi ġodda, dan għandu jsir mill-ġdid biex ikun iżjed ċar;
(2) Billi r-regoli ġenerali stipulati mill-Kunsill jipprovdu għall-ħlas ta’ rifużjonijiet meta tinġieb prova li l-prodotti jkunu ġew esportati mill-Komunità, billi l-intitolament għar-rifużjonijiet tkun akkwistata malli l-prodotti jħallu s-suq tal-Komunità, meta tapplika rata waħda ta’ rifużjonijiet għall-pajjiżi terzi kollha; billi, meta jkun hemm differenza fir-rata tar-rifużjonijiet skond id-destinazzjoni tal-prodotti, l-intitolament għar-rifużjonijiet jiddependi fuq il-kondizzjoni ta’ l-importazzjoni f’pajjiż terz;
[…]
(17) Billi, meta r-rata ta’ rifużjonijiet hija ddifferenzjata skond id-destinazzjoni tal-prodotti esportati, għandha tingħata prova li l-prodott ikkonċernat ikun ġie importat f’pajjiż terz; billi t-tkomplija tal-formalitajiet doganali ta’ l-importazzjoni tikkonsisti prinċipalment fil-pagament tad-dazji ta’ l-importazzjoni applikabbli sabiex prodott jiġi promoss fil-pajjiż terz ikkonċernat; billi jekk tiġi kkunsidrata d-diversità tas-sitwazzjonijiet prevalenti fil-pajjiżi terzi li jimpurtaw, huwa għaqli li tiġi aċċettata l-produzzjoni ta’ dokumenti doganali ta’ l-importazzjoni li jagħtu assigurazzjonijiet li l-prodotti esportati jkunu waslu fid-destinazzjoni tagħhom, waqt li jostakolaw il-kummerċ mill-inqas possibbli”.
9 Skont d-disa’ inċiż tal-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 800/1999 jipprovdi, “mingħajr preġudizzju għad-derogi stabbiliti fir-regolamenti tal-Komunità speċifiċi għal ċerti prodotti”, ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għaċ-ċereali.
10 Id-dispożizzjonijiet ġenerali li jirrigwardaw l-intitolament għal rifużjoni fuq l-esportazzjoni jinsabu fl-Artikoli 3 sa 13 tal-istess regolament, filwaqt li dawk li jirrigwardaw ir-rifużjonijiet iddifferenzjati fuq l-esportazzjoni huma stabbiliti fl-Artikoli 14 sa 19 tal-imsemmi regolament.
11 Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 800/1999, “[m]eta r-rata tar-rifużjoni tvarja skond id-destinazzjoni, ir-rifużjonijiet għandhom jitħallsu suġġetti għall-kondizzjonijiet addizzjonali stabbiliti fl-Artikoli 15 u 16”.
12 L-Artikolu 15(1) u (3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:
“1. Il-prodotti għandhom jiġu importati fl-istat mhux mibdul tagħhom, f’pajjiż terz jew f’wieħed mill-pajjiżi terzi li dwarhom japplikaw ir-rifużjonijiet, fi żmien 12-il xahar mid-data ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni; […]
[…]
3. Prodott għandu jiġi meqjus li kien ġie importat meta l-formalitajiet doganali ta’ l-importazzjoni, partikolarment dawk li jikkonċernaw il-ġbir tad-dazji ta’ l-importazzjoni jkunu ġew imwettqa.”
13 Skont l-Artikolu 16(1) u (4) tal-imsemmi regolament:
“1. Prova li l-formalitajiet doganali għall-importazzjoni jkunu ġew imwettqa għandha, skond ma jagħżel l-esportatur, tkun provduta b’wieħed minn dawn id-dokumenti segwenti:
(a) id-dokument doganali jew kopja jew foto-kopja tiegħu; kopja jew fotokopja bħal din għandha tiġi ċċertifikata, bħala kopja vera, mill-korp li jkun endorsja d-dokument oriġinali, aġenzija uffiċjali tal-pajjiż terz konċernat, aġenzija uffiċjali ta’ Stat Membru fil-pajjiż terz konċernat jew aġenzija responsabbbli għal ħlas tar-rifużjonijiet;
(b) ċertifikat tal-ħatt u ta’ l-importazzjoni mħejji minn aġenzija ta’ kontroll internazzjonali u ta’ superviżjoni approvata minn Stat Membru skond il-ħtiġiet minimi stabbiliti fil-paragrafu 5. Id-data u n-numru tad-dokument doganali għandhom jidhru fuq iċ-ċertifikat konċernat.
2. Meta esportatur ma jkunx jista’ jakkwista d-dokument magħzul skond il-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 1, anki wara li jkun ħa l-passi xierqa, jew meta jkun hemm dubju dwar l-awtentiċità tad-dokument provdut, prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali għall-importazzjoni tista’ tkun provduta b’wieħed jew aktar mid-dokumenti segwenti:
[…]
3. L-esportaturi għandhom fil-każijiet kollha jipproduċu kopja jew foto-kopja tad-dokumenti tat-trasport.
4. Il-Kummissjoni tista’, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 136/66/KEE u fl-artikoli korrispondenti tar-regolamenti l-oħra dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq, tistabbilixxi li, f’ċerti każijiet speċifiċi li għandhom jiġu ddeterminati, il-prova ta’ l-importazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 tista’ tiġi provduta b’dokument speċifiku jew b’xi mod ieħor.”
14 Kif ġie rrilevat fil-punt 7 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament Nru 800/1999 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 3665/87. L-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 800/1999 jipprovdi li, referenzi fl-istrumenti kollha tal-Komunità għar-Regolament (KEE) Nru 3665/87 jew għall-artikoli ta’ dan ir-regolament, għandhom ikunu meqjusa bħala li jirreferu għar-Regolament Nru 800/1999 jew għall-artikoli korrispondenti tal-istess regolament. Mill-Anness I tar-Regolament Nru 800/1999 jirriżulta li l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 3665/87 jikkorrispondi għall-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 800/1999.
15 Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 55 tiegħu, ir-Regolament Nru 800/1999 għandu japplika mill-1 Lulju 1999.
Ir-Regolament Nru 1501/95
16 L-erbatax-il premessa tar-Regolament Nru 1501/95 tistabbilixxi dan li ġej:
“Billi r-Regolament (KEE) Nru 3665/87 [...] jirrikjedi li, meta r-rifużjonijiet ivarjaw skond id-destinazzjoni, il-ħlas tar-rifond [tar-rifużjoni] jista’ jkun kondizzjonali partikolarment fuq il-preżentazzjoni ta’ prova li l-prodott ikun ġie importat fl-istat mhux mibdul tiegħu fil-pajjiż terz jew f’wieħed mill-pajjiżi terzi li għalihom japplikaw ir-rifużjonijiet; billi, fir-rigward ta’ ċereali, l-unika rifużjoni iktar baxxa minn dik applikabbli għall-esportazzjonijiet il-pajjiżi terzi kollha hija dik fuq l-esportazzjonijiet lejn l-Iżvizzera u l-Liechtenstein; billi, sabiex jiġi evitat li tiġi ostakolata ħafna mill-esportazzjoni tal-Komunità billi tiġi mitluba prova tal-wasla fid-destinazzjoni, iridu jinstabu mezzi oħra ta’ kif jiġi żgurat li prodotti li fuqhom tħallset rifużjoni li tapplika għal pajjiżi terzi kollha ma jiġux esportati għall-pajjiżi hawn fuq imsemmija, li, għal dan l-iskop, l-obbligu li tiġi ppreżentata prova tal-wasla għandu jiġi rrinunzjat fil-każijiet kollha fejn l-esportazzjoni ssir bil-baħar; meta ċertifikati li jsiru mill-awtoritajiet kompetenti li jiddikjarjaw li l-prodotti telqu mit-territorju doganali tal-Komunità abbord vapur adattat għat-trasport bil-baħar huma kkunsidrati li jipprovdu garanzija suffiċjenti”.
17 L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95 jipprovdi li:
“Minkejja l-Artikolu 18 tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87, prova li tlestew il-formalitajiet tad-dwana għar-rilaxx għall-konsum mhijiex ser [ma għandhiex] tintalab f’każi ta’ rifużjoni stabbiliti f’kuntratt li ngħata għar-rifużjoni fuq esportazzjoni lil pajjiżi terzi kollha, sakemm l-operatur jagħti prova li l-kwantità ta’ mhux inqas minn 1 500 tunnellata ta’ prodott taċ-ċereali ħareġ mit-territorju tad-dwana tal-Komunità abbord ta’ vapur li jiflaħ għall-baħar.
Prova bħal din għandha tkun ipprovduta bil-kitbiet segwenti attestati mill-awtorità kompetenti fuq il-kopja ta’ kontroll li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87, fuq id-dokument amministrativ singolu jew fuq id-dokument nazzjonali li jipprova li l-oġġetti jkunu telqu mit-territorju doganali tal-Komunità; […]
‘Export of cereals by sea – Article 13 of Regulation (EC) No 1501/95 [Esportazzjoni ta’ ċereali bil-baħar – Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1501/95]’
[…]”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
18 Fit-30 ta’ Diċembru 1999, Glencore talbet is-superviżjoni doganali tal-esportazzjoni għall-Polonja ta’ volum totali ta’ 6 725 000 kg ta’ segala. L-Uffiċċju tad-Dwana kompetenti laqa’ din it-talba, ħareġ dikjarazzjoni tal-esportazzjoni lil Glencore u awtorizzaha taħżen il-merkanzija temporanjament sakemm din tiġi esportata.
19 Matul ix-xahar ta’ Frar 2000, Glencore talbet is-superviżjoni doganali finali tal-esportazzjoni għar-Russja, via l-port Litwan ta’ Klaipeda, tal-imsemmija merkanzija fi tliet kunsinni ta’ 3 041 886 kg, 3 002 975 kg u 668 709 kg, rispettivament. Għal dan il-għan, l-Uffiċċju tad-Dwana ħareġ dikjarazzjonijiet tal-esportazzjoni li kienu jinkludu l-kitbiet li jinsabu fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95.
20 Huwa paċifiku li l-kunsinna parzjali ta’ 3 041 886 kg, l-unika waħda li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, kienet ittrasportata minn Lübeck, fil-Ġermanja, lejn Klaipeda abbord vapur adattat għat-trasport bil-baħar.
21 Fuq talba ta’ Glencore, il-Hauptzollamt ħallas bil-quddiem ir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni relatata ma’ din il-kunsinna parzjali, skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 800/1999, bil-kundizzjoni li tiġi pprovduta l-prova tad-dritt għar-rifużjoni fil-forma u fit-termini previsti.
22 Billi skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 800/1999, Glencore għandha tipproduċi d-dokument tat-trasport għall-vjaġġ bejn Lübeck u l-post tad-destinazzjoni fir-Russja, jiġifieri Nazran, u billi ġie kkonstatat li hija kienet ipproduċiet biss il-polza tat-tagħbija għall-vjaġġ bil-baħar bejn Lübeck u Klaipeda, permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Awwissu 2000, il-Hauptzollamt talab kopja addizzjonali tad-dokument tat-trasport għall-vjaġġ bejn Klaipeda u Nazran.
23 Peress li Glencore ma kinitx ippreżentat din il-kopja fit-termini previsti, il-Hauptzollamt irrikjeda, permezz ta’ deċiżjonijiet tat-12 ta’ Diċembru 2001, emendati bid-deċiżjoni tal-1 ta’ Marzu 2004, ir-rimbors tal-ħlas bil-quddiem tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni, miżjud b’10 %, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52(1) moqrija flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 800/1999.
24 Glencore appellat kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Finanzgericht Hamburg.
25 Hija ssostni, essenzjalment, li l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 800/1999, inkluż il-paragrafu 3 tiegħu, ma baqax japplika minħabba d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1501/95, kif turi b’mod partikolari l-erbatax-il premessa ta’ dan ir-regolament tal-aħħar. Hija tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-għoti tar-rifużjoni peress li pprovdiet il-prova meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95.
26 Il-Hauptzollamt isostni li skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95, il-prova li mhux inqas minn 1 500 tunnellata ta’ prodotti ċereali telqu mit-territorju doganali tal-Komunità abbord vapur adattat għat-trasport bil-baħar tissostitwixxi biss il-prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali. Barra minn hekk, l-esportatur ma jkunx eżenti milli jippreżenta kopja tad-dokument tat-trasport, li l-produzzjoni tagħha hija meħtieġa fil-każijiet kollha mill-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 800/1999.
27 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95, li jeżenta lill-esportatur, skont il-kundizzjonijiet indikati fih, milli jistabbilixxi t-twettiq tal-formalitajiet doganali, għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jeżenta wkoll lill-esportatur mill-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 800/1999, li jipproduċi kopja tad-dokument tat-trasport.
28 Peress li qieset li kellha bżonn interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95 sabiex tiddeċiedi l-kawża quddiemha, il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1501/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-produzzjoni tal-prova prevista fit-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni twassal għall-eżenzjoni mill-obbligu mhux biss li ssir il-prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali għar-rilaxx għall-konsum imma anki li jiġu prodotti d-dokumenti tat-trasport (L-Artikolu 18(3) tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87, li sar l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999)?”
Fuq id-domanda preliminari
29 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-operatur jagħti prova li kwantità ta’ mhux inqas minn 1 500 tunnellata ta’ prodotti ċereali tkun telqet mit-territorju tal-Komunità abbord vapur adattat għat-trasport bil-baħar jeżentahx mill-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 800/1999, li jipproduċi kopja jew fotokopja tad-dokument tat-trasport.
30 Kemm fid-data li fiha r-Regolament Nru 1501/95, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, kien ġie adottat kif ukoll fid-data li fiha l-Artikolu 13 tiegħu kien ġie emendat bir-Regolament Nru 1259/97, l-għan tal-imsemmi artikolu kien li jidderoga mill-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 3665/87.
31 F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi ddeterminat jekk, billi adotta r-Regolament Nru 1501/95, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, u sussegwentement, billi emenda l-Artikolu 13 tiegħu, il-leġiżlatur Komunitarju kellux l-intenzjoni li jeżenta lill-esportaturi mill-produzzjoni ta’ kopja jew fotokopja tad-dokument tat-trasport, jeħtieġ li l-ewwel dan l-artikolu jiġi interpretat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 3665/87.
32 L-ewwel nett, l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 3665/87 jagħmel distinzjoni ċara bejn, minn naħa, l-obbligu li tiġi prodotta prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali tar-rilaxx għall-konsum, li huwa s-suġġett tal-paragrafi 1 u 2 tiegħu, u min-naħa l-oħra, l-obbligu li tiġi prodotta kopja jew fotokopja tad-dokument tat-trasport, stabbilit fil-paragrafu 3 tiegħu.
33 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-dokument tat-trasport mhuwiex dokument doganali u, konsegwentement ma għandux ikun meqjus bħala prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali tar-rilaxx għall-konsum fil-pajjiżi terzi ta’ destinazzjoni.
34 Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95 jeżenta biss lill-esportatur mill-obbligu li jipprovdi prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali tar-rilaxx għall-konsum.
35 Għaldaqstant, minkejja l-fatt li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95 jibda bil-kliem “[m]inkejja l-Artikolu 18 tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87”, huwa għandu jiġi interpretat bħala li jidderoga esklużivament mill-Artikolu 18(1) u (2) tar-Regolament Nru 3665/87.
36 It-tieni nett, mill-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 3665/87 jirriżulta li l-Kummissjoni tista’, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 136/66 u fl-artikoli korrispondenti tar-regolamenti l-oħra dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq, tistabbilixxi li, f’ċerti każijiet speċifiċi li għandhom jiġu ddeterminati, il-prova tal-importazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 tista’ tiġi pprovduta permezz ta’dokument speċifiku jew b’xi mod ieħor.
37 Barra minn hekk, il-leġiżlatur Komunitarju bl-ebda mod ma pprovda għall-possibbiltà ta’ deroga mill-obbligu separat li tiġi prodotta kopja jew fotokopja tad-dokument tat-trasport, stabbilit fl-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 3665/87.
38 Meta r-Regolamenti Nri 1501/95, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, u 1259/97 kienu ġew adottati, id-dispożizzjoni rilevanti li tikkorrispondi għall-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 136/66 kienet l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1766/92, tat-30 ta;Ġunju 1992, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċereali (ĠU L 181, p. 21). Dan l-artikolu waqqaf proċedura li kienet tipprovdi għall-intervent tal-Kumitat tat-Tmexxija taċ-Ċereali.
39 Kemm ir-Regolament Nru 1501/95, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, kif ukoll ir-Regolament Nru 1259/97 kienu ġew adottati skont il-proċedura stabbilita fl-imsemmi artikolu, kif jirriżulta mill-aħħar premessi tagħhom li jipprovdu li l-miżuri stabbiliti mill-imsemmija regolamenti huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija taċ-Ċereali. Għaldaqstant, jidher li dawn ir-regolamenti kienu ġew adottati skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 3665/87.
40 Għaldaqstant, huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 3665/87 li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95 ikun interpretat fis-sens li jidderoga biss mill-imsemmi Artikolu 18(1) u (2).
41 It-tielet nett, l-interpretazzjoni preċedenti hija konformi mal-għan tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95.
42 Fil-fatt, kif jirriżulta mill-erbatax-il premessa ta’ dan ir-regolament, l-għan tal-imsemmi artikolu huwa li l-biċċa l-kbira tal-esportazzjoni tal-Komunità ma tiġix imfixxkla bla bżonn billi l-esportatur jiġi mitlub prova li l-prodott kien ġie importat f’pajjiż terz ieħor apparti l-Isvizzera jew il-Liechtenstein u, għal dan il-għan, ikun biżżejjed, taħt ċerti kundizzjonijiet, li tinġab prova li l-prodott ma kienx ġie esportat lejn l-Isvizzera jew il-Liechtenstein.
43 Bejn id-dokumenti doganali, meħtieġa mill-Artikolu 18(1) u (2) tar-Regolament Nru 3665/87, u d-dokument tat-trasport meħtieġ mill-paragrafu 3 tal-istess artikolu, hemm differenza bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li l-esportaturi jistgħu jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jiksbu d-dokumenti doganali mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz ta’ importazzjoni peress li ma għandhom ebda mod kif jeżerċitaw pressjoni fuqhom, filwaqt li ma jistax ikollhom diffikultà simili fir-rigward tad-dokumenti tat-trasport, li l-esportaturi jżommu kopja tagħhom bħala l-persuni li jagħmlu l-arranġamenti tat-trasport fil-każ ta’ kuntratt CIF, jew li jistgħu faċilment jitolbu kopja tagħhom ċċertifikata f’isem ix-xerrejja, bis-saħħa tar-relazzjonijiet kuntrattwali li jorbtu lil dawn tal-aħħar, fil-każ ta’ kuntratt FOB (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990, Philipp Brothers, C‑155/89, Ġabra, p. I‑3265, punt 27).
44 Għaldaqsant, jidher li huwa konformi mal-għan tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95 li l-esportaturi jiġu eżentati mill-obbligu li jipproduċu l-prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali tar-rilaxx għall-konsum fil-pajjiż terzi ta’ destinazzjoni, fid-dawl tad-diffikultajiet li huma jistgħu jiltaqgħu magħhom sabiex jipprovdu din il-prova, filwaqt li tkompli tkun meħtieġa l-produzzjoni ta’ kopja jew ta’ fotokopja tad-dokument tat-trasport, li ma joħloqx l-istess diffikultajiet.
45 Jeħtieġ ukoll jingħad li, fid-dawl tal-fatt li l-produzzjoni mill-esportatur tad-dokument tat-trasport tal-merkanziji li huwa jesporta hija dejjem utili sabiex jiġu limitati r-riskji ta’ frodi u li esportatur ma jiltaqax ma’ diffikultajiet partikolari sabiex jikseb dan id-dokument, l-obbligu li jipproduċi kopja jew fotokopja tal-imsemmi dokument sabiex ikun jista’ jitlob rifużjoni ddifferenzjata fuq l-esportazzjoni, anki fiċ-ċirkustanzi fattwali meta japplika l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95, ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, kuntrarjarment għal dak li ssostni Glencore.
46 Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni preċedenti tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95 tibqa’ valida wara s-sostituzzjoni, f’dan l-artikolu, tar-referenza għall-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 3665/87 b’referenza għall-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 800/1999.
47 Fil-fatt, l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 800/1999 essenzjalment jirripproduċi l-kontenut tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 3665/87.
48 Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni preċedenti tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95 hija kkonfermata mill-qari tar-regolamenti l-oħra adottati skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 3665/87 – bħar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2669/89, tal-1 ta’ Settembru 1989, dwar il-ftuħ għal sejħa għal offerti għall-provvista b’xejn ta’ żejt taż-żebbuġ għall-Polonja (ĠU L 257, p. 20) –, jew skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament Nru 800/1999 – bħar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 40/2004, tad-9 ta’ Jannar 2004, dwar prova tal-osservanza tal-formalitajiet tad-dwana fir-rigward tal-importazzjoni taz-zokkor ġewwa pajjiżi terzi kif provdut fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 (ĠU L 6, p. 17), u r-regolamenti li ssostitwewh, jew ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 450/2005, tal-18 tal-Marzu 2005, dwar prova li l-formalitajiet għal importazzjoni ta’ ħalib u prodotti tal-ħalib għal pajjiżi terzi ġew imwettqa kif stipulat fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 (ĠU L 74, p. 30).
49 Fil-fatt, apparti d-differenzi li jirrigwardaw l-abbozzar, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda wieħed minn dawn ir-regolamenti ma jeżenta lill-esportatur mill-obbligu li jipproduċi kopja jew fotokopja tad-dokument tat-trasport.
50 Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1501/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-operatur jagħti prova li kwantità ta’ mhux inqas minn 1 500 tunnellata ta’ prodotti ċereali tkun telqet mit-territorju tal-Komunità abbord vapur adattat għat-trasport bil-baħar ma jeżentahx mill-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 800/1999, li jipproduċi kopja jew fotokopja tad-dokument tat-trasport.
Fuq l-ispejjeż
51 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1501/95, tad-29 ta’ Ġunju 1995, li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1766/92 dwar l-għotja ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ ċereali u l-miżuri li għandhom jittieħdu f’każ ta’ disturb fis-suq taċ-ċereali, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1259/97, tal-1 ta’ Lulju 1997, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-operatur jagħti prova li kwantità ta’ mhux inqas minn 1 500 tunnellata ta’ prodotti ċereali tkun telqet mit-territorju tal-Komunità abbord vapur adattat għat-trasport bil-baħar ma jeżentahx mill-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli, li jipproduċi kopja jew fotokopja tad-dokument tat-trasport.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy