Kawża C-403/07
Metherma GmbH & Co. KG
vs
Hauptzollamt Düsseldorf
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Bundesfinanzhof)
“Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura Magħquda — Klassifikazzjoni tariffarja — Intestaturi 8101 u 8102 — Tkissir u tfarrik ta’ biċċiet u vireg tat-tunsgtenu jew tal-molibdenu ‘magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana’ — Tungstenu u molibdenu mhux maħdumin, inklużi biċċiet u vireg magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana — Skart u fdal”
Sommarju tas-sentenza
Tariffa Doganali Komuni – Intestaturi tariffarja – Biċċiet u vireg tat-tunsgtenu jew tal-molibdenu “magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana”
(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2388/2000)
In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, fil-verżjoni tagħha applikabbli matul is-sena 2001, jiġifieri dik li tirriżulta mir-Regolament Nru 2388/2000, li jemenda l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-biċċiet u l-vireg tat-tungstenu jew tal-molibdenu “magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana” jaqgħu taħt is-Subintestaturi 8101 91 10 u 8102 91 10, rispettivament. Tali biċċiet u vireg, li jaqgħu taħt il-metalli inkwistjoni mhux maħdumin u mhux taħt oġġetti minn metalli ta’ valur baxx, ma jistgħux jiġu pproċessati, permezz ta’ tkissir jew tfarrik, fi fdal li jaqa’ taħt is-Subintestaturi 8101 91 90 u 8102 91 90 tal-imsemmija Nomenklatura Magħquda.
F’dan ir-rigward, jirriżulta min-noti ta’ spjega tas-sistema armonizzata tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana dwar l-Intestaturi 81.01 u 81.02 tagħha, li l-biċċiet u l-vireg tat-tungstenu jew tal-molibdenu magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana jirriżultaw mit-“tgħaqqid tal-partikoli tat-trab f’massa solida u reżistenti, mingħajr ma jkun hemm diżintegrazzjoni f’biċċiet u vireg”. Fin-nuqqas ta’ xogħol jew ta’ pproċessar ulterjuri ta’ dawn il-biċċiet u l-vireg, il-fatt li, minħabba t-tgħaqqid bis-sħana, it-tungstenu jew il-molibdenu ma jiġux ippreżentati taħt il-forma ta’ trab iżda taħt il-forma ta’ massa solida, ma jistax, inkwantu tali, ikollu l-effett li l-metalli inkwistjoni ma jibqgħux jiġu kkunsidrati bħala mhux maħdumin, tal-inqas għall-finijiet tal-applikazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Barra minn hekk, mill-kliem stess tas-Subintestaturi 8101 91 10 u 8201 91 10 tan-Nomenklatura Magħquda jirriżulta li l-metall inkwistjoni mhux maħdum jinkludi, għall-finijiet tan-Nomenklatura Magħquda, “biċċiet u vireg magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana”. Minn dan isegwi li, peress li l-biċċiet u l-vireg tat-tungstenu u tal-molibdenu “magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana” jikkorrispondu għal dawn il-metalli mhux maħdumin għall-finijiet tal-Intestaturi 8101 u 8102 tan-Nomenklatura Magħquda, rispettivament, tali biċċiet u vireg ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu wkoll taħt il-kunċett ta’ “oġġetti minn metalli ta’ valur baxx” fis-sens tal-imsemmija intestaturi u li għalhekk definittivament ma jibqgħux tajbin għall-użu bħala tali minħabba tkissir jew qtugħ.
(ara l-punti 52-56 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
27 ta’ Novembru 2008 (*)
“Tariffa Doganali Komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Intestaturi 8101 u 8102 – Tkissir u tfarrik ta’ biċċiet u vireg tat-tunsgtenu jew tal-molibdenu ‘magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana’ – Tungstenu u molibdenu mhux maħdumin, inklużi biċċiet u vireg magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana – Skart u fdal”
Fil-Kawża C‑403/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2007, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Awwissu 2007, fil-kawża
Metherma GmbH & Co. KG
vs
Hauptzollamt Düsseldorf,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn A. Ó Caoimh (Relatur), President tal-Awla, aġent President tas-Seba’ Awla, J. N. Cunha Rodrigues u U. Lõhmus, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Metherma GmbH & Co. KG, minn W.-D. Glockner, Rechtsanwalt,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Wilms, bħala aġent,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Intestaturi 8101 u 8102 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 256, p. 1).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Metherma GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Metherma”) u Hauptzollamt Düsseldorf (Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana ta’ Dusseldorf, iktar ’il quddiem il-“HZA Düsseldorf”), fir-rigward tar-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jilqa’ t-talba ta’ Metherma għal awtorizzazzjoni ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali għal biċċiet u vireg tat-tungstenu jew tal-molibdenu magħmulin minn tgħaqqid bis-sħana, sabiex dawn il-biċċiet u l-vireg tal-metall jiġu pproċessati fi skart u fi fdal permezz ta’ tfarrik manwali.
Il-kuntest ġuridiku
Il-proċedura tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali
3 Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000 (ĠU L 311, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”) jistabbilixxi ċertu numru ta’ proċeduri doganali b’impatt ekonomiku fl-Artikoli 130 sa 136 tiegħu, fosthom dik tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali.
4 Skont l-Artikolu 130 tal-Kodiċi Doganali:
“Il-proċedura ta’ l-ipproċessar taħt il-kontroll doganali għandha tippermetti li merkanziji mhux tal-Komunità jintużaw fit-territorju doganali tal-Komunità f’operazzjonijiet li jbiddlu n-natura jew l-istat tagħhom, mingħajr ma jiġu soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni jew miżuri ta’ politika kummerċjali, u għandha tippermetti li l-prodotti li jirriżultaw minn dawn l-operazzjonijiet jinħelsu għal ċirkolazzjoni libera bir-rata ta’ dazju fuq l-importazzjoni applikabbli għalihom. […]”
5 L-Artikolu 132 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi li “[l]-awtorizzazzjoni għall-ipproċessar taħt il-kontroll doganali għandha tingħata fuq talba tal-persuna li twettaq l-ipproċessar jew tagħmel l-arranġamenti biex jitwettaq.”
6 L-Artikolu 133 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li:
“L-awtorizzazzjoni għandha tingħata biss:
[…]
(e) meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet neċessarji sabiex il-proċedura tgħin biex tinħoloq jew tinżamm attività ta’ l-ipproċessar fil-Komunità mingħajr ma tolqot ħażin l-interessi essenzjali ta’ produtturi tal-Komunità li jipproduċu merkanzija simili (kondizzjonijiet ekonomiċi). […]”
7 L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 551(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (ĠU L 253, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 993/2001, tal-4 ta’ Mejju 2001 (ĠU L 141, p. 1), jipprovdi li “[l]-arranġamenti għal ipproċessar taħt il-kontroll doganali għandhom japplikaw għal oġġetti li l-ipproċessar tagħhom iwassal li l-prodotti li huma suġġetti għal ammont iktar baxx ta’ dazji ta’ importazzjoni minn dawk applikabbli għall-oġġetti mportati.”
8 Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 552(1) tar-Regolament Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 993/2001, moqri flimkien man-Numru Sekwenzjali 2 tal-Parti A tal-Anness 76 ta’ dan l-istess regolament kif emendat, il-kundizzjonijiet ekonomiċi applikabbli għall-proċedura tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali huma meqjusa bħala sodisfatti fil-każ tar-riduzzjoni ta’ kwalunkwe oġġett fi skart u fi fdal.
In-Nomenklatura Magħquda
9 Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u l-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986 ġew approvati f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU L 198, p. 1).
10 Ir-Regolament Nru 2658/87 stabbilixxa nomenklatura tal-oġġetti, magħrufa bħala “Nomenklatura Magħquda” (iktar ’il quddiem in-“NM”), li hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifika ta’ oġġetti (iktar ’il quddiem is-“SA”) u li minnha adottat l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri u huma biss is-seba’ u t-tmien ċifri li jifformaw is-subdiviżjonijiet proprji tagħha.
11 In-NM kif ukoll ir-rati tad-dazji awtonomi u konvenzjonali u l-qisien statistiċi supplimentari jinsabu fl-Anness I ta’ dan ir-regolament.
12 Skont l-Artikolu 12(1) ta’ dan l-imsemmi regolament, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal-31 ta’ Jannar 2000 (ĠU L 28, p. 16), kull sena l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tadotta regolament li jinkorpora l-verżjoni kompluta tan-NM u tar-rati tad-dazji doganali, kif jirriżultaw mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament huwa applikabbli mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.
13 B’hekk, l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 ġie sostitwit, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2001, mill-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2388/2000, tat-13 ta’ Ottubru 2000 (ĠU L 264, p. 1).
14 It-tieni parti tan-NM, kif tirriżulta minn dan ir-regolament tal-aħħar, fiha t-Taqsima XV, intitolata “Metalli ta’ valur baxx u oġġetti minn metalli ta’ valur baxx”, li tinkludi diversi kapitoli, fosthom il-Kapitolu 81 intitolat “Metalli oħrajn ta’ valur baxx; ċermiti; oġġetti tagħhom”.
Id-dispożizzjonijiet tan-NM dwar it-tungstenu
15 L-Intestatura 8101 tan-NM, li tinsab fil-Kapitolu 81 tagħha, hija fformulata bil-mod li ġej: “Tungstenu (wolfram) u oġġetti tiegħu, inklużi skart u fdal”. Din hija maqsuma f’żewġ kategoriji, jiġifieri “Trabijiet” (Intestatura 8101 10 00) u “Oħrajn”.
16 Fil-verżjoni tan-NM li tirriżulta mir-Regolament Nru 2388/2000, din il-kategorija tal-aħħar “Oħrajn” tinkludi, b’mod partikolari, is-Subintestatura 8101 91, ifformulata bil-mod li ġej: “Tungstenu mhux maħdum, inklużi biċċiet u vireg magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana; skart u fdal”. Din is-subintestatura hija minnha nnifisha maqsuma fis-Subintestaturi 8101 91 10 u 8101 91 90, li l-kliem tagħhom huwa “Tungstenu mhux maħdum, inklużi biċċiet u vireg magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana”, kif ukoll “Skart u fdal”, rispettivament.
Id-dispożizzjonijiet tan-NM dwar il-molibdenu
17 L-Intestatura 8102 tan-NM, li tinsab ukoll fil-Kapitolu 81 ta’ din tal-aħħar, hija fformulata bil-mod li ġej: “Molibdenu u oġġetti tiegħu, inklużi skart u fdal” u tinqasam f’żewġ kategoriji, jiġifieri “Trabijiet” (Subintestatura 8102 10 00) u “Oħrajn”.
18 Fil-verżjoni tan-NM li tirriżulta mir-Regolament Nru 2388/2000, din il-kategorija tal-aħħar, “Oħrajn”, tinkludi s-Subintestatura 8102 91, u hija fformulata bil-mod li ġej: “Molibdenu mhux maħdum, inklużi biċċiet u vireg magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana; skart u fdal”. Din is-subintestatura tal-aħħar hija minnha nnifisha maqsuma fis-Subintestaturi 8102 91 10 u 8102 91 90, li l-kliem tagħhom huwa, “Molibdenu mhux maħdum, inklużi biċċiet u vireg magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana”, kif ukoll “Skart u fdal”, rispettivament.
L-interpretazzjoni tan-NM
19 Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fl-ewwel parti tat-Titolu I A tagħha, jipprovdu dan li ġej:
“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:
1. It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-disposizzjonijiet li ġejjin.
[...]
6. Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subintestaturi ta’ intestatura għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subintestaturi u kwalunkwe noti ta’ subintestaturi relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subintestaturi fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitolu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”
20 Skont in-nota 8(a) tat-Taqsima XV tan-NM, it-tifsira ta’ “Skart u fdal” hija “[s]kart u fdal ta’ metall mill-manifattura jew xogħol mekkaniku ta’ metalli, u oġġetti tal-metall li żgur mhumiex tajbin għall-użu bħala tali minħabba ksur, qtugħ, użu u raġunijiet oħra”.
21 In-nota tas-subintestaturi li tinsab fil-Kapitolu 81 tan-NM tipprovdi li n-nota 1 tal-Kapitolu 74 tagħha, li tiddefinixxi l-“biċċiet u vireg, profili, wire, pjanċi, strixxi u folji” tapplika mutatis mutandis għall-Kapitolu 81. Skont in-nota 1(d), it-tifsira tal-kliem “biċċiet u vireg” hija:
“Prodotti rrumblati, maħruġin, miġbudin jew mikwijin fil-forġa, mhux f’koljaturi, li għandhom wiċċ ta’ qatgħa solidu uniformi matulhom kollha f’għamla ta’ ċrieki, ovali, rettangoli (inklużi kwadri), triangoli ekwilaterali jew poligoni konvessi regolari […] Prodotti b’wiċċ ta’ qatgħa rettangolari (inkluż kwadru), triangolari jew poligonali jistgħu jkollhom il-kantunieri ttundjati matulhom kollu. Il-ħxuna ta’ dawn il-prodotti li għandhom wiċċ ta’ qatgħa rettangolari […] taqbeż wieħed minn għaxra tal-wisgħa. L-espressjoni tkopri wkoll prodotti ikkastjati jew mgħaqqdin bis-sħana, ta’ l-istess forom u qisien, li nħadmu aktar wara l-produzzjoni (ħlief b’sempliċiment tirqim jew tneħħija tal-ġebla), sakemm b’hekk huma ma assumewx il-karattru ta’ oġġetti jew prodotti ta’ intestaturi oħra.
Biċċiet ta’ wire sħaħ u billetti bit-trufijiet tagħhom ġejjin għal ponta jew maħdumin mod ieħor sempliċiment biex iħaffu d-dħul tagħhom fil-magni biex jikkonvertuhom, per eżempju, fi drawing stock (virga tal-wire) jew f’tubi, [il-‘profili’ u l-‘wires’ kif ukoll il-‘pjanċi, l-istrixxi u l-folji’ u l-‘pajpijiet u t-tubi’] għandhom madankollu jittieħdu bħala ramm mhux maħdum ta’ l-intestatura 7403”.
In-Noti ta’ Spjega tas-SA
22 Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, imwaqqaf permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950, japprova, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet dwar il-klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA. Fid-data meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, il-verżjoni applikabbli ta’ dawn in-noti kienet dik li tirriżulta mill-aġġornament nru 11, li sar matul ix-xahar ta’ Frar 2001 (iktar ’il quddiem in-“noti ta’ spjega tas-SA”).
23 Min-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-Intestatura 81.01 tagħha jirriżulta li t-tungstenu jinkiseb taħt forma ta’ metall fi trab li jkun ikkompressat f’ingotti jew biċċiet u vireg taħt il-forma ta’ priżma li eventwalment jitqegħdu f’forn elettriku li jaħdem bl-idroġenu. Matul l-operazzjoni tal-aħħar, is-sħana intensa li tkun ġiet żviluppata twassal għat-tgħaqqid tal-partikoli tat-trab f’massa solida u reżistenti, mingħajr ma jkun hemm diżintegrazzjoni f’biċċiet u vireg. Sussegwentement, dawn tal-aħħar jiġu msammra b’mod mekkaniku, u wara jiġu pproċessati, permezz ta’ rrumblar, tiġbid jew ġbid, f’folji, f’biċċiet u vireg bi ħxuna iżgħar jew f’wires. It-tungstenu jservi sabiex jiġu mmanifatturati, b’mod partikolari, filamenti elettriċi inkandexxenti, iżda dan il-metall huwa “madankollu użat l-iktar taħt il-forma ta’ ferro-tungsten tal-Kapitolu 72 [tas-SA] fil-preparazzjoni tal-azzar speċjali”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
24 L-aħħar parti tan-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-imsemmija Intestatura 81.01 tindika, b’mod partikolari, li din l-intestatura “tkopri it-tungstenu (wolfram):
(A) taħt forma ta’ trab;
(B) mhux maħdum, f’massa, ingotti jew biċċiet u vireg magħmulin minn tgħaqqid bis-sħana kif ukoll l-istat tal-iskart jew tal-fdal (fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar issir referenza għan-nota ta’ spjega nru 72.04);
(C) taħt forma ta’ semi-prodotti, jiġifieri f’biċċiet u vireg magħmulin b’mod differenti mit-tgħaqqid bis-sħana, biċċiet u vireg, profili, pjanċi, strixxi, folji jew wires;
(D) taħt forma ta’ xogħlijiet [...]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
25 Fir-rigward tal-molibdenu, min-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-Intestatura 81.02 tagħha jirriżulta, b’mod partikolari, li skont il-metodu ta’ manifattura użat, dan il-metall ikun jew fi stat kumpatt jew fi trab u jinħadem skont l-istess metodu bħal dak użat għat-tungstenu. Dan il-metall huwa użat taħt forma ta’ ferro-molybdenum, li jaqa’ taħt il-Kapitolu 72 tas-SA, fil-preparazzjoni tal-azzar. Din in-nota ta’ spjega tindika ukoll li, peress li l-metallurġija tat-tungstenu u dik tal-molibdenu għandhom numru ta’ punti komuni u l-użi ta’ dawn il-metalli huma sikwit simili, id-dispożizzjonijiet tal-aħħar parti tan-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-Intestatura 81.01 tagħha huma wkoll applikabbli għall-molibdenu.
26 In-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-Intestatura 72.04 tas-SA intitolata “Skart u fdal ta’ metall, ta’ ħadid jew ta’ azzar (ruttam); tidwib mill-ġdid ta’ ingotti ta’ ħadid jew azzar”, tipprovdi dan li ġej:
“[…]
Din l-intestatura tinkludi l-iskart u l-fdal ta’ metall, ta’ ħadid jew ta’ azzar kif definiti fin-nota 8(a) tat-Taqsima XV [tas-SA].
Dawn il-prodotti, komunement magħrufa bħala ruttam, huma ta’ natura diversa ħafna u normalment ikunu fil-forom li ġejjin:
(1) Skart miksub matul il-manifattura jew l-ipproċessar tal-metall, tal-ħadid jew tal-azzar, pereżempju, irbaba tat-torn, trab tal-illimar, fdal tal-ingotti, tal-vireg qosra, tal-biċċiet u tal-vireg, tal-profili.
[…]
Din l-intestatura ma tinkludix il-prodotti li jistgħu jintużaw, jew għall-użu oriġinali tagħhom, tali kwali jew wara tiswija, jew għal użi oħra, lanqas il-prodotti li jistgħu jiġu pproċessati f’artikoli oħra mingħajr l-irkupru tal-metall […]
Huma esklużi wkoll:
[…]
(c) Il-biċċiet ta’ pigs blocks jew forom oħra primarji ta’ pig iron jew spiegeleisen […]
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
27 Matul ix-xahar ta’ Ottubru 2001, Metherma talbet l-awtorizzazzjoni ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali għal biċċiet u vireg tat-tungstenu u tal-molibdenu magħmulin minn tgħaqqid bis-sħana, sabiex dawn il-biċċiet u l-vireg tal-metall jiġu pproċessati fi skart u fdal permezz ta’ tfarrik manwali. Kien jidher li din it-talba kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq il-fatt li, skont in-NM, l-“[i]skart u fdal” kienu eżentati mid-dazji doganali, filwaqt li r-rati tad-dazju konvenzjonali applikabbli għat-tungstenu u l-molibdenu mhux maħdumin, “inklużi biċċiet u vireg magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana”, kienu ta’ 5 % u ta’ 3 %, rispettivament.
28 Wara li eżamina diversi kampjuni, id-Dipartiment ta’ Verifika u Taħriġ Doganali tal-Oberfinanzdirektion Köln (Dipartiment Reġjonali tal-Finanzi ta’ Cologne) ikkonkluda li l-biċċiet u l-vireg tal-molibdenu magħmulin minn tgħaqqid bis-sħana kienu jikkostitwixxu molibdenu mhux maħdum u li kien impossibbli li dawn il-biċċiet u l-vireg jiġu pproċessati fi skart jew fi fdal billi jinkisru jew jinqatgħu fi frammenti, peress li huma setgħu jerġgħu jintużaw, b’mod partikolari, għat-tidwib tagħhom.
29 Il-HZA Düsseldorf qabel ma’ din l-opinjoni u ċaħad it-talba għal awtorizzazzjoni ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali ppreżentata għal forom tat-tungstenu u tal-molibdenu mhux maħdumin, bħall-ingotti, il-biċċiet, il-vireg u l-boċċi żgħar magħmulin minn tgħaqqid bis-sħana.
30 Meta ġie adit b’rikors kontra dan ir-rifjut, il-Finanzgericht, għall-kuntrarju, ordna lill-HZA Düsseldorf joħroġ l-awtorizzazzjoni mitluba. Il-Finanzgericht iddeċieda li l-kundizzjonijiet ekonomiċi li kienet suġġetta għalihom l-awtorizzazzjoni ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali kienu sodisfatti, peress li l-biċċiet u l-vireg magħmulin minn tgħaqqid bis-sħana kienu ser jiġu pproċessati fi skart u fdal permezz tat-tkissir manwali previst. Fil-fatt, fil-fehma tiegħu, it-tkissir tal-biċċiet u l-vireg magħmulin minn tgħaqqid bis-sħana, li jeskludi kull ipproċessar ieħor tagħhom fi pjanċi, f’biċċiet u vireg jew f’wires, ma jippermettix li dawn jintużaw.
31 Fir-rikors tiegħu għal “Reviżjoni” ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, il-HZA Düsseldorf isostni, minn naħa, li l-biċċiet u l-vireg tal-metall magħmulin minn tgħaqqid bis-sħana mhumiex “oġġetti tal-metall” fis-sens tan-nota 8(a) tat-Taqsima XV tan-NM, iżda huma prodotti mhux maħdumin. Min-naħa l-oħra, anki wara li jiġu mkissra, il-biċċiet u l-vireg tal-metall magħmulin minn tgħaqqid bis-sħana jibqgħu jikkostitwixxu metall mhux maħdum.
32 Skont il-qorti tar-rinviju, l-awtorizzazzjoni ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali mitluba minn Metherma kellha tinħareġ jekk il-prodotti importati, jiġifieri l-biċċiet u l-vireg tat-tungstenu jew tal-molibdenu magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana, kellhom, wara li jiġu mkissra jew mfarrka, jikkostitwixxu “skart jew fdal”. Il-fatt li l-kundizzjonijiet l-oħra għall-ħruġ ta’ tali awtorizzazzjoni huma sodisfatti mhuwiex qed jiġi kkonstestat quddiem din il-qorti.
33 L-imsemmija qorti tindika li hija qed tibbaża fuq il-prinċipju li l-metalli inkwistjoni, meta ma jkunux maħdumin, ma jistgħux jiġu pproċessati fi skart permezz ta’ tkissir jew tfarrik. Meta ingott, li jkun kompletament magħmul mit-tungstenu jew mill-molibdenu, jiġi mfarrak, jerġgħu jinkisbu biċċiet ta’ dan il-metall mhux maħdum, u mhux fdal.
34 Madankollu, din il-qorti tippreċiża li s-subintestaturi tan-NM li jinvolvu rati tad-dazju konvenzjonali ta’ 5 % għat-tungstenu u ta’ 3 % għall-molibdenu jinkludu mhux biss dawn il-metalli mhux maħdumin, iżda wkoll il-biċċiet u l-vireg “magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana” tal-imsemmija metalli.
35 Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni dwar jekk mill-kliem tas-subintestaturi tan-NM kkonċernati għandux jiġi dedott li l-biċċiet u l-vireg tal-metall “magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana”, minkejja li jkunu r-riżultat tal-ewwel ipproċessar tal-metall, humiex simili għal dan il-metall meta ma jkunx maħdum, li jkun ifisser li la t-tkissir u lanqas it-tfarrik ma jkun jista’ jirriduċihom għal fdal li jaqa’ taħt is-subintestaturi tan-NM li jinvolvu eżenzjoni mid-dazji doganali, jew jekk, għall-kuntrarju, jirriżultax, mill-imsemmi kliem li l-biċċiet u l-vireg tal-metall “magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana” minkejja li jaqgħu taħt l-istess subintestatura tan-NM bħall-metall mhux maħdum, humiex diġà “oġġetti tal-metall” li jistgħu ma jibqgħux tajbin għall-użu minħabba t-tkissir jew it-tfarrik.
36 Jekk din l-interpretazzjoni tal-aħħar tiġi aċċettata, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kwistjoni li tqum sussegwentement hija jekk il-biċċiet u l-vireg tat-tungstenu jew tal-molibdenu “magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana” jistgħux jiġu pproċessati fi fdal permezz ta’ tkissir jew ta’ tfarrik, peress li din l-operazzjoni teskludi li jerġgħu jiġu pproċessati fi pjanċi, f’biċċiet u vireg jew f’wires, jew jekk l-unika possibbiltà ta’ użu li jibqa’ wara t-tkissir jew t-tfarrik, jiġifieri t-tidwib, fil-qafas tal-produzzjoni tal-azzar, tal-biċċiet miksuba minn tgħaqqid bis-sħana, jeskludix il-fatt li l-biċċiet u l-vireg il-qodma jiġu kkunsidrati bħala li żgur “mhumiex tajbin għall-użu bħala tali” fis-sens tan-nota 8(a) li tinsab fit-Taqsima XV tan-NM.
37 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Biċċiet u vireg tat-tungstenu (wolfram) jew tal-molibdenu ‘magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana’ li jaqgħu, rispettivament, taħt is-Subintestaturi 8101 94 00 u 8102 94 00 tan-[NM] jistgħu jiġu pproċessati, bit-tkissir jew bit-tfarrik, fi fdal li rispettivament jaqa’ taħt is-Subintestaturi 8101 97 00 u 8102 97 00 tan-[NM]?”
Fuq id-domanda preliminari
38 Fl-ewwel lok, għandu jingħad li d-deċiżjoni nazzjonali li stabbiliet il-klassifikazzjoni tariffarja kkontestata fil-kawża prinċipali ġiet adottata skont ir-Regolament Nru 2388/2000. Fil-fatt, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Metherma ppreżentat it-talba tagħha għal awtorizzazzjoni fil-5 ta’ Ottubru 2001 u li l-HZA Düsseldorf ċaħadha fit-3 ta’ Diċembru 2001.
39 F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li regolament li jippreċiża l-kundizzjonijiet ta’ klassifikazzjoni f’intestatura jew subintestatura tariffarja joħloq drittijiet u ma jistax ikollu effetti retroattivi (sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1979, Biegi, 158/78, Ġabra p. 1103, punt 11, u tas-7 ta’ Ġunju 2001, CBA Computer, C‑479/99, Ġabra p. I‑4391, punt 31). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun meħtieġa tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt Komunitarju li l-qorti tar-rinviju ma tkunx irreferiet għalihom fid-domanda preliminari tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 1986, Tissier, 35/85, Ġabra p. 1207, punt 9; tas-27 ta’ Marzu 1990, Bagli Pennacchiotti, C‑315/88, Ġabra p. I‑1323, punt 10; tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal, C‑107/98, Ġabra p. I‑8121, punt 39, u tas-26 ta’ Ġunju 2008, Wiedemann u Funk, C‑329/06 u C‑343/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 45).
40 F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif ġie ssuġġerit ġustament mill-Kummissjoni, id-domanda preliminari għandha tiġi eżaminata mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004, tas-7 ta’ Settembru 2004, li jemenda l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 (ĠU L 327, p. 1), kif jista’ jiġi mifhum mill-kliem tad-deċiżjoni ta’ rinviju, iżda fid-dawl tal-kliem tar-Regolament Nru 2388/2000.
41 Anki jekk jidher li Metherma, fin-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha, ibbażat fuq il-verżjoni tan-NM li tirriżulta mir-Regolament Nru 1810/2004, fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din ammettiet espressament li hija l-verżjoni tan-NM li tirriżulta mir-Regolament Nru 2388/2000 li tapplika fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, f’din is-seduta, ġie kkunsidrat bħala paċifiku li, b’eċċezzjoni għan-numerazzjoni u għat-tqassim tagħhom, id-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ regolamenti, huma identiċi f’dak li jirrigwarda l-kliem użat fis-subintestaturi tan-NM inkwistjoni f’din il-kawża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti ta’ Metherma, kemm dawk bil-miktub kif ukoll orali, għandhom jiġu mifhuma bħala li qed jirreferu għall-Intestaturi 8101 u 8102 tan-NM kif jirriżultaw mir-Regolament Nru 2388/2000.
42 Jeħtieġ li jingħad ukoll li s-subintestaturi inkwistjoni huma tal-istess livell u għalhekk jistgħu, skont il-punt 6 tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, jiġu mqabbla.
43 Fid-dawl ta’ dak li ngħad preċedentement, id-domanda preliminari għandha tiġi interpretata, essenzjalment, bħala li hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk in-NM, fil-verżjoni tagħha li kienet applikabbli matul is-sena 2001, jiġifieri dik li tirriżulta mir-Regolament Nru 2388/2000, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-biċċiet u l-vireg tat-tungstenu jew tal-molibdenu “magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana”, li jaqgħu taħt is-Subintestaturi 8101 91 10 u 8102 91 10, rispettivament, jistgħux jiġu pproċessati, permezz ta’ tkissir jew tfarrik, fi fdal li jaqa’ taħt is-Subintestaturi 8101 91 90 u 8102 91 90, rispettivament.
44 Dwar il-mertu, Metherma, filwaqt li tibbaża, b’mod partikolari, fuq in-noti ta’ spjega tas-SA, issostni essenzjalment li, minn naħa, il-biċċiet u l-vireg tat-tungstenu jew tal-molibdenu “magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana” mhumiex simili għall-metalli inkwistjoni mhux maħdumin u li, min-naħa l-oħra, anki jekk kellu jiġi aċċettat li fil-fatt dawn huma simili, huma jistgħu jiġu pproċessati fi fdal permezz ta’ tkissir jew tfarrik.
45 Il-Kummissjoni tesprimi ruħha b’mod kuntrarju għal dan u ssostni li tali biċċiet u vireg għandhom jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti għall-metalli inkwistjoni mhux maħdumin u li l-fatt li dawn il-biċċiet u l-vireg jitkissru jew jitfarrku ma jibdel xejn f’dan ir-rigward. Kif jirriżulta mill-punt 31 ta’ din is-sentenza, din il-pożizzjoni hija essenzjalment simili għal dik tal-HZA Düsseldorf, li ma ppreżentax osservazzjonijiet quddiem il-qorti.
46 Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet taċ-ċertezza legali u tal-faċilità ta’ verifika, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti għandu, b’mod ġenerali, jinstab fil-karatteristiċi tagħhom u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif definiti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 1982, Wünsche, 145/81, Ġabra p. 2493, punt 12; tas-27 ta’ April 2006, Kawasaki Motors Europe, C‑15/05, Ġabra p. I‑3657, punt 38, u tat-18 ta’ Lulju 2007, FTS International, C‑310/06, Ġabra p. I‑6749, punt 27).
47 Barra minn hekk, id-destinazzjoni tal-prodott tista’ tikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni peress li hija inerenti għall-imsemmi prodott, u din in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1995, Thyssen Haniel Logistic, C‑459/93, Ġabra p. I‑1381, punt 13; tal-5 ta’ April 2001, Deutsche Nichimen, C‑201/99, Ġabra p. I‑2701, punt 20, u tat-18 ta’ Lulju 2007, Olicom, C‑142/06, Ġabra p. I‑6675, punt 18).
48 Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-noti ta’ spjega elaborati mill-Kummissjoni, għal dak li jikkonċerna n-NM, u mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, għal dak li jikkonċerna s-SA, jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi, u dan madankollu mingħajr m’għandhom saħħa ta’ liġi (ara s-sentenzi tas-16 Ġunju 1994, Develop Dr. Eisbein, C‑35/93, Ġabra p. I‑2655, punt 21, u tal-11 ta’ Jannar 2007, B.A.S. Trucks, C‑400/05, Ġabra p. I‑311, punt 28). Għaldaqstant, il-kontenut ta’ dawn in-noti għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tan-NM u ma jistax jibdel il-portata tagħhom (sentenzi tad-9 ta’ Frar 1999, ROSE Elektrotechnik, C‑280/97, Ġabra p. I‑689, punt 23; tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C‑495/03, Ġabra p. I‑8151, punt 48, u tat-8 ta’ Diċembru 2005, Possehl Erzkontor, C‑445/04, Ġabra p. I‑10721, punt 20).
49 F’dan il-każ, għal dak li jikkonċerna l-punt dwar jekk il-biċċiet u l-vireg tat-tungstenu u tal-molibdenu “magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana” humiex simili għal dawn il-metalli mhux maħdumin, Metherma ssostni qabel kollox li f’dan il-każ il-kliem “mhux maħdum” pjuttost jirreferi għall-“forom, l-elementi fformati jew l-ifformar tal-materjal”.
50 Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, mill-kliem tas-subintestaturi tan-NM rilevanti għal din il-kawża u mill-kuntest li fih huma stabbiliti, jirriżulta li l-kliem “mhux maħdum”, kif inhu riprodott f’dawn is-subintestaturi, ma jirreferix għall-qisien tal-oġġetti tal-metall inkwistjoni, iżda jirreferi essenzjalment għall-istat tagħhom mhux maħdum. Interpretazzjoni bħal din tirriżulta b’mod partikolarment ċar minn ċerti verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament Nru 2388/2000, bħall-verżjoni Daniża (“ubearbejdet”), Ingliża (“unwrought”), Taljana (“greggio”), Finlandiża (“muokkaamaton”) u dik Żvediża (“i obearbetad form”).
51 Barra minn hekk, Metherma tikkunsidra li l-biċċiet u l-vireg tat-tungstenu u tal-molibdenu “magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana” ma jistgħux ikunu simili għall-forma mhux maħduma ta’ dawn il-metalli peress li permezz tat-tgħaqqid bis-sħana, it-tungstenu u l-molibdenu jiksbu proprjetajiet oħra li jibdluhom fi prodotti u għaldaqstant isiru “oġġetti tal-metall”.
52 Ċertament, fid-dawl tan-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-Intestaturi 81.01 u 81.02 tagħha, jista’ eventwalment jiġi ammess li, mit-tgħaqqid bis-sħana, it-tungstenu u l-molibdenu fil-forma ta’ trab jiksbu proprjetajiet addizzjonali, bħall-malleabbiltà. Madankollu, jibqa’ l-fatt li, kif jirriżulta minn dawn l-istess noti, il-biċċiet u l-vireg tat-tungstenu jew tal-molibdenu magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana jirriżultaw mit-“tgħaqqid tal-partikoli tat-trab f’massa solida u reżistenti, mingħajr ma jkun hemm diżintegrazzjoni f’biċċiet u vireg”. Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-aħħar parti tan-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-imsemmija Intestatura 81.01, fin-nuqqas ta’ xogħol jew ta’ pproċessar ulterjuri ta’ dawn il-biċċiet u l-vireg, il-fatt li, minħabba t-tgħaqqid bis-sħana, it-tungstenu jew il-molibdenu ma jiġux ippreżentati taħt il-forma ta’ trab iżda taħt il-forma ta’ massa solida, ma jistax, inkwantu tali, ikollu l-effett li l-metalli inkwistjoni ma jibqgħux jiġu kkunsidrati bħala mhux maħdumin, tal-inqas għall-finijiet tal-applikazzjoni tan-NM.
53 Fi kwalunkwe każ, kif sostniet il-Kummissjoni, mill-kliem tas-Subintestaturi 8101 91 10 u 8201 91 10 tan-NM, kif kien fid-data meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, jirriżulta li l-metall inkwistjoni mhux maħdum kien jinkludi, għall-finijiet tan-NM, “biċċiet u vireg magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana”. Madankollu, huwa paċifiku li, kif jirriżulta mit-termini tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-punti 32, 35 u 51 ta’ din is-sentenza, il-kawża prinċipali tirrigwarda tali biċċiet u vireg.
54 Minn dan isegwi li, peress li l-biċċiet u l-vireg tat-tungstenu u tal-molibdenu “magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana” jikkorrispondu għal dawn il-metalli mhux maħdumin għall-finijiet tal-Intestaturi 8101 u 8102 tan-NM, rispettivament, tali biċċiet u vireg ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu wkoll taħt il-kunċett ta’ “oġġetti minn metalli ta’ valur baxx” fis-sens tal-imsemmija intestaturi.
55 Madankollu, skont Metherma, irrispettivament mill-fatt jekk il-kawża prinċipali tirrigwardax il-metalli inkwistjoni mhux maħdumin jew oġġetti minn metalli ta’ valur baxx, jibqa’ l-fatt li l-biċċiet u l-vireg tat-tungstenu jew tal-molibdenu “magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana” jistgħu definittivament ma jibqgħux tajbin għall-użu bħala tali minħabba tkissir jew qtugħ. Fil-fatt, tali biċċiet u vireg mfarrka lanqas jistgħu, skont Metherma, jiġu pproċessati fi pjanċi, f’biċċiet u vireg jew f’wires. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, Metherma tirreferi għan-nota 8(a) tat-Taqsima XV tan-NM, li tipprovdi li t-tifsira ta’ “skart u fdal” hija skart u fdal ta’ metall mill-manifattura jew xogħol mekkaniku ta’ metalli, u b’mod partikolari, oġġetti tal-metall li żgur mhumiex tajbin għall-użu bħala tali minħabba tkissir jew qtugħ.
56 Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu sa fejn huma bbażati fuq il-premessa li l-biċċiet u l-vireg tat-tungstenu jew tal-molibdenu magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana jikkostitwixxu, fl-istat intatt tagħhom, oġġetti minn metalli ta’ valur baxx, peress li mill-punt 54 ta’ din is-sentenza jirriżulta li tali biċċiet u vireg jaqgħu taħt il-forma mhux maħduma tat-tungstenu jew tal-molibdenu għall-finijiet tal-Intestaturi 8101 u 8102 tan-NM, rispettivament.
57 F’dan il-kuntest, Metherma tikkontesta l-interpretazzjoni tal-qorti tar-rinviju li t-tungstenu jew il-molibdenu mhux maħdumin ma jistgħux, bħala regola, jiġu pproċessati fi skart u fdal. Minn naħa, hija ssostni, filwaqt li tirreferi għan-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-Intestatura 81.01 tagħha, li huma biss ċerti forom solidi tal-metall inkwistjoni li jistgħu jitqiesu simili għall-forma mhux maħduma, bħall-partikoli tat-trab ikkompressati f’ingotti jew biċċiet u vireg taħt il-forma ta’ priżma, peress li huma biss dawn il-forom li jistgħu jerġgħu jiġu pproċessati mekkanikament, bħall-ipproċessar f’wires. Min-naħa l-oħra, l-iskart u l-fdal jistgħu jinkisbu wkoll minn forom mhux maħdumin, kif jirriżulta min-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-Intestatura 72.04 ta’ din tal-aħħar, li tistabbilixxi li l-iskart u l-fdal jippreżentaw ruħhom taħt il-forma ta’ “fdal ta’ l-ingotti”.
58 Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn l-argumenti, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-kliem tas-subintestaturi tan-NM inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirreferu għat-tungstenu jew għall-molibdenu “mhux maħdum, inklużi biċċiet u vireg magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana”. Minn dan isegwi li dawn il-metalli jistgħu jkunu ppreżentati taħt forma mhux maħduma differenti minn dik tal-biċċiet u tal-vireg magħmulin b’dan il-mod. Għalhekk, il-possibbiltà li l-frammenti tal-biċċiet u tal-vireg tat-tungstenu jew tal-molibdenu “magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana” jikkostitwixxu wkoll il-metalli inkwistjoni mhux maħdumin, mhija bl-ebda mod eskluża.
59 Fir-rigward tat-tieni wieħed minn dawn l-argumenti, għandu jiġi rrilevat li Metherma tibbaża ruħha fuq qari selettiv tan-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-Intestatura 72.04 tagħha. B’mod partikolari, minn din in-nota jirriżulta espressament li l-iskart bħall-fdal tal-ingotti għandu jirriżulta mill-manifattura jew xogħol mekkaniku tal-metalli inkwistjoni. Madankollu, it-tkissir manwali tat-tungstenu jew tal-molibdenu mhux maħdumin, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax jikkorrispondi għal dan il-kliem.
60 Barra minn hekk, mis-siltiet tan-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-Intestaturi 81.01 u 81.02 tas-SA, riprodotti fil-punti 24 u 25 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-biċċiet u l-vireg tat-tungstenu jew tal-molibdenu magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana ma jikkorrispondux għal “prodotti” fis-sens tan-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-Intestatura 72.04 tagħha, li tipprovdi li l-kategorija ta’ skart u fdal la tinkludi l-prodotti li jistgħu jintużaw jew għall-użu oriġinali tagħhom, tali kwali jew wara tiswija, jew għal użi oħra, u lanqas il-prodotti li jistgħu jiġu pproċessati f’artikoli oħra mingħajr l-irkupru tal-metall. Fi kwalunkwe każ, anki jekk l-argument ta’ Metherma li l-biċċiet u l-vireg tat-tungstenu jew tal-molibdenu magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana jistgħu jikkostitwixxu “prodotti” kellu jiġi milqugħ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, li ma ġewx ikkontestati minn Metherma, jirriżulta, b’mod partikolari, li l-biċċiet u l-vireg imkissra, li huma inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu, mingħajr ma jkun hemm l-irkupru tal-metalli inkwistjoni, jiġi mdewba fil-kuntest tal-produzzjoni tal-azzar.
61 Fid-dawl ta’ dak li ngħad preċedentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li n-NM li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, fil-verżjoni tagħha applikabbli matul is-sena 2001, jiġifieri dik li tirriżulta mir-Regolament Nru 2388/2000, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-biċċiet u l-vireg tat-tungstenu jew tal-molibdenu “magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana” jaqgħu taħt is-Subintestaturi 8101 91 10 u 8102 91 10, rispettivament. Tali biċċiet u vireg, li jaqgħu taħt il-metalli inkwistjoni mhux maħdumin u mhux taħt oġġetti minn metalli ta’ valur baxx, ma jistgħux jiġu pproċessati, permezz ta’ tkissir jew tfarrik, fi fdal li jaqa’ taħt is-Subintestaturi 8101 91 90 u 8102 91 90, rispettivament, tal-imsemmija NM.
Fuq l-ispejjeż
62 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, fil-verżjoni tagħha applikabbli matul is-sena 2001, jiġifieri dik li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2388/2000, tat-13 ta’ Ottubru 2000, li jemenda l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-biċċiet u l-vireg tat-tungstenu jew tal-molibdenu “magħmulin sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana” jaqgħu taħt is-Subintestaturi 8101 91 10 u 8102 91 10, rispettivament. Tali biċċiet u vireg, li jaqgħu taħt il-metalli inkwistjoni mhux maħdumin u mhux taħt oġġetti minn metalli ta’ valur baxx, ma jistgħux jiġu pproċessati, permezz ta’ tkissir jew tfarrik, fi fdal li jaqa’ taħt is-Subintestaturi 8101 91 90 u 8102 91 90, rispettivament, tal-imsemmija Nomenklatura Magħquda.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy