Kawża C-411/07
X BV
vs
Staatssecretaris van Financiën
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)
“Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura Magħquda — Klassifikazzjoni tat-tariffi — Intestaturi 8541, 8542 u 8543 — Optocoupleurs”
Sommarju tas-sentenza
Tariffa Doganali Komuni – Intestaturi tat-tariffi – Optocoupleurs
(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I, Intestaturi 8541, 8542 u 8543; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1832/2002)
In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, kif emendat bir-Regolament Nru 1832/2002, għandha tiġi interpretata fis-sens li optocoupler, indipendentement mill-kwistjoni jekk fihx ċirkuwitu li jamplifika jew le, jaqa’ taħt l-intestatura 8541. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni tat-tariffi ta’ octocouplers m’għandhiex tvarja skont il-preżenza jew le ta’ ċirkuwitu li jamplifika integrat, ladarba dan iservi biss sabiex jiżgura t-trażmissjoni tajba ta’ sinjali u ma jibdilx b’mod fundamentali l-karatteristiċi u l-proprjetajiet tal-optocoupler bħala mezz fotosensittiv semikonduttur. Għalhekk jidher li din il-klassifikazzjoni hija speċifika u xierqa.
(ara l-punti 23-25 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
2 ta’ Ottubru 2008 (*)
“Tariffa Doganali Komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tat-tariffi – Intestaturi 8541, 8542 u 8543 – Optocouplers”
Fil-kawża C‑411/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Settembru 2007, fil-proċedura
X BV
vs
Staatssecretaris van Financiën,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur) u J.-J. Kasel, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal X BV, minn H. de Bie u E. Zietse, advocaten,
– għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u C. ten Dam, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Wilms, bħala aġent, assistit minn R. de Bree, advocaat,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestaturi 8541, 8542 u 8543 tan-Nomenklatura Magħquda fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 256, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1832/2002, tal-1 ta’ Awwissu 2002 (ĠU L 290, p.1, iktar’il quddiem in-“NM”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn kumpannija stabbilita taħt id-dritt Olandiż, imsejħa mill-qorti tar-rinviju bħala “X BV” (iktar’il quddiem “X”) u Staatssecretaris van Financiën (Segretarju tal-Istat għall-Finanzi) dwar il-klassifikazzjoni tat-tariffi ta’ optocouplers.
Il-kuntest ġuridiku
3 In-NM, stabbilita permezz tar-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni ta’ oġġetti stabbilita mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, u ġiet adottata fil-konvenzjoni internazzjonali konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 (ĠU L 198, p. 1). Hija adottat l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri ta’ din is-sistema armonizzata, u s-seba’ u t-tmien ċifri biss jifformaw is-subdiviżjonijiet proprji tagħha.
4 Il-verżjoni tan-NM applikabbli fid-data ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali hija dik li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 1832/2002.
5 It-taqsima XVI tan-NM fiha żewġ kapitoli, fosthom il-Kapitolu 85, li huwa intitolat “Makkinarju u apparat elettriku u bċejjeċ tagħhom; magni li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss, magni li jirrekordjaw u jirriproduċu l-istampa u l-ħoss għat-televiżjoni, u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”. Dan il-kapitolu jinkludi partikolarment l-intestaturi u s-subintestaturi segwenti:
“8541 Diodes, transistors u mezzi simili semikondutturi; mezzi semikondutturi fotosensittivi, inklużi ċelluli fotovoltajki immuntati f’moduli jew magħmulin f’pannelli jew le; diodes jarmu [jixħtu] d-dawl; kristalli pjeżoelettriċi ingastati:
[…]
8541 40 – Mezzi fotosensittivi semikondutturi, inklużi ċelluli fotovoltajki mmuntati f’moduli jew magħmulin f’pannelli jew le; diodes jarmu [jixħtu] d-dawl; :
8541 40 10 – – Diodes jarmu [jixħtu] d-dawl, inklużi d-diodes lejżer
8541 40 90 – – Oħrajn
[…]
8542 Ċirkuwiti elettroniċi integrati u mikrommuntar:
8542 10 00 – Kards li fihom ċirkuwitu elettroniku integrat (kards “smart”)
– Ċirkuwiti monolitiċi integrati
8542 21 – – Diġitali:
[…]
8542 29 – – Oħrajn:
[…]
8542 29 60 – – – – Ċirkuwiti ta’ kontroll
8542 29 70 – – – – Ċirkuwiti jaħdmu flimkien (interface); ċirkuwiti jaħdmu flimkien (interface) li jistgħu jagħmlu funzjonijiet ta’ kontroll
[…]
8543 Magni u apparat elettriċi, b’funzjonijiet individwali, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra f’dan il-Kapitolu:
[…]
8543 89 – – Oħrajn:
[…]
8543 89 95 – – – – Oħrajn
[…]”
6 In-noti 2 u 5 tat-Taqsima XVI tan-NM jispeċifikaw li:
“2. Suġġett għan-nota 1 għal din it-taqsima, n-nota 1 għal Kapitolu 84 u nota 1 għal Kapitolu 85, bċejjeċ ta’ magni (li mhumiex bċejjeċ ta’ l-oġġetti ta’ l-intestatura 8484, 8544, 8545, 8546 jew 8547) għandhom jiġu kklassifikati skond dawn ir-regoli:
(a) Bċejjeċ li huma oġġetti inklużi f’xi waħda mill-intestaturi tal-Kapitolu 84 jew 85 (ħlief l-intestaturi 8409, 8431, 8448, 8466, 8473, 8485, 8503, 8522, 8529, 8538 u 8548) għandhom fil-każijiet kollha jiġu kklassifikati taħt l-intestaturi rispettivi tagħhom;
(b) Bċejjeċ oħrajn, jekk tajbin għal użu biss jew prinċipalment ma’ tip partikulari ta’ magna, jew ma’ numru ta’ magni ta’ l-istess intestatura (inkluża magna ta’ l-intestatura 8479 jew 8543) għandhom jiġu kklassifikati mal-magni ta’ dak it-tip jew fl-intestatura 8409, 8431, 8448, 8466, 8473, 8503, 8522, 8529 jew 8538 kif xieraq. Madankollu, bċejjeċ li huma ugwalment tajbin għal użu prinċipalment ma’ l-oġġetti ta’ l-intestaturi 8517 u 8525 sa 8528 għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 8517;
(ċ) Il-bċejjeċ l-oħrajn kollha għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 8409, 8431, 8448, 8466, 8473, 8503, 8522, 8529 jew 8538 kif xieraq jew, jekk le, fl-intestatura 8485 jew 8548.
[…]
5. Għall-għanijiet ta’ dawn in-noti, l-espressjoni ‘magna’ tfisser kull magna, makkinarju, impjant, tagħmir, apparat jew għodda imsemmijin fl-intestaturu tal-Kapitolu 84 jew 85.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
7 Matul l-2003, l-Ispettur van de Douane (iktar’il quddiem l-“ispettur” bagħat lil X erbatax-il informazzjoni li torbot dwar it-tariffa għal optocouplers.
8 Kif jirriżulta mill-proċess, l-optocouplers huma strumenti maħsuba sabiex jiżguraw separazzjoni galvanika. Separazzjoni galvanika hija iżolazzjoni li timpedixxi kull ċirkulazzjoni diretta ta’ kurrent elettriku bejn ċirkuwiti elettroniċi qrib xulxin. Optocoupler jippermetti tali iżolazzjoni bejn iċ-ċirkuwitu emittenti u ċ-ċirkuwitu kollettur billi l-ewwel nett jittrasforma, bl-għajnuna ta’ diode li jixħet id-dawl (“light emitting diode”, iktar’il quddiem “LED”), is-sinjali elettriċi taċ-ċirkuwitu emittenti f’sinjali bid-dawl u mbagħad wara jerġa’ jittrasforma, bl-għajnuna ta’ fotoditekter (magħmul minn photodiode jew phototransistor), is-sinjali tad-dawl f’sinjali elettriċi fiċ-ċirkuwitu kollettur. Minbarra LED u fotoditekter, optocoupler ikun fih dejjem film tal-plastik li huwa kkarratterizzat minn reżistenza elettrika għolja iżda li jħalli sinjali tad-dawl jgħaddu. Is-sinjali elettriċi li jidħlu huma wkoll ittrasportati minn ċirkuwitu elettroniku għal ieħor mingħajr ma dawn iċ-ċirkuwiti jkunu elettronikament konnessi bejniethom.
9 Ċerti optocouplers, fosthom dawk mibjugħa minn X, jinkludu barra minn hekk, ċirkuwitu integrat li permezz tiegħu s-sinjali elettriċi li jkunu ħerġin jiġu stabbilizzati u amplifikati.
10 Il-komponenti differenti deskritti hawn fuq huma ppakkjati f’kaxxa tal-plastik.
11 L-optocouplers huma użati fuq skala kbira fil-manifattura ta’ diversi apparati u strumenti, partikolarment, strumenti ta’ komunikazzjoni, kompjuters u magni industrijali.
12 Fl-informazzjoni li torbot dwar it-tariffa mogħtija lil X, ħdax-il tip ta’ optocouplers ġew ikklassifikati fis-subintestatura 8541 40 90, wieħed fis-subintestatura 8542 29 60 u tnejn fis-subintestatura 8542 29 70 tan-NM.
13 Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Novembru 2004, l-Ispettur van de Douane irtira din l-informazzjoni li torbot dwar it-tariffa minħabba l-fatt li wasal għal konklużjoni li l-prodotti kollha inkwistjoni kellhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 8543 89 95 tan-NM. Wara l-ilment imressaq minn X, huwa żamm din id-deċiżjoni.
14 Permezz ta’ sentenza mogħtija fit-22 ta’ Diċembru 2005, ir-Rechtbank te Haarlem ċaħad ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar. Huwa kkunsidra li l-optocouplers huma apparati li għandhom funzjoni individwali u li għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 8543 89 95 tan-NM.
15 Peress li kkunsidrat li l-optocouplers m’għandhom fl-ebda każ jaqgħu fl-intestatura 8543, X appellat quddiem il-qorti ta’ kassazzjoni, il-Hoge Raad der Nederlanden.
16 Il-Hoge Raad der Nederlanden osservat li l-optocouplers fihom komponenti msemmija fl-intestatura 8541 tan-NM. Skont din il-qorti, il-mistoqsija hija jekk il-klassifikazzjoni fl-intestatura 8541 hijiex ukoll possibbli meta l-optocoupler ikun fih ċirkuwitu li permezz tiegħu jiġu stabbilizzati u amplifikati s-sinjali elettriċi li joħorġu.
17 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Ċirkuwitu ottiku-elettriku magħluq ġo kaxxa tal-plastik u li, minbarra diode li jixħet id-dawl (light emitting diode, jew LED), film tal-plastik u fotoditekter, jinkludi wkoll ċirkuwitu li jamplifika, u li huwa intiż biex jiġi inkorporat, inter alia, fi strumenti ta’ komunikazzjoni u kompjuters, fi prodotti elettroniċi għall-użu tal-konsumatur u f’magni industrijali, għandu jiġi kkunsidrat bħala magna jew apparat elettriku fis-sens tal-intestatura 8543 tan-NM?
2) Jekk jirriżulta li huwa parti minn magna, il-kunċett ta’ mezzi semikondutturi fotosensittivi (inklużi ċelluli fotovoltajki immuntati f’moduli jew magħmulin f’pannelli) imsemmi fl-intestatura 8541 tan-NM, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi ċirkuwitu ottiku-elettriku kif deskritt iktar’il fuq, jew, minħabba l-preżenza ta’ ċirkuwitu li jamplifika, għandu jiġi kkunsidrat bħala ċirkuwitu elettroniku integrat skont l-intestatura 8542 tan-NM?”
Fuq id-domandi preliminari
18 Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinvju tistaqsi essenzjalment jekk optocoupler li jkun fih ċirkuwitu li jamplifika jaqax fl-instestatura 8541 tan-NM bħala mezz fotosensittiv semikonduttur, fl-intestatura 8542 tan-NM bħala ċirkuwitu elettroniku integrat jew fl-intestatura 8543 tan-NM bħala magna jew apparat elettriku b’funzjonijiet individwali.
19 Skont X, l-optocouplers, inklużi dawk li jkun fihom ċirkuwitu li jamplifika, għandhom ikunu kklassifikati fl-intestatura 8541 tan-NM. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija tal-istess opinjoni. Il-Gvern Olandiż, min-naħa l-oħra, iqis li optocoupler li ma jkunx fih biss LED u photodiodes, iżda jkollu wkoll ċirkuwitu li jamplifika integrat, għandu jiġi kklassifikat fl-intestatura 8543 tan-NM.
20 Jeħtieġ li jiġi mfakkar li, sabiex jiġu ggarantiti l-aspettattivi leġittimi u l-faċilità tal-istħarriġ, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tat-tariffi tal-oġġetti għandu jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu, kif definiti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli tagħha (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Techex, C-382/95, Ġabra p. I-7363, punt 11; tas-27 ta’ Settembru 2007, Medion u Canon Deutschland, C-208/06 u C-209/06, Ġabra p. I-7963, punt 34, u tat-22 ta’ Mejju 2008, Ecco Sko, C-165/07, Ġabra p. I-4037, punt 27)
21 L-intestatura 8541 tan-NM tirrigwarda b’mod partikolari l-mezzi fotosensittivi semikondutturi. Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa stabbilit li l-optocouplers huma mezzi bħal dawn.
22 Fin-nota tal-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Olandiż, barra minn hekk, irrikonoxxa li optocouplers mingħajr ċirkuwiti miżjuda għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 8541 tan-NM. Skont dan il-Gvern, huwa biss fil-każ meta optocoupler ikollu ċirkuwitu integrat li l-klassifikazzjoni f’din l-intestatura ma tkunx iktar possibbli. Huwa jsostni li l-optocouplers li jkun fihom ċirkuwitu integrat li jistabbilizza u jamplifika s-sinjali elettriċi li joħorġu ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala sempliċi mezzi fotosensittivi semikondutturi.
23 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-klassifikazzjoni tat-tariffi ta’ octocouplers m’għandhiex tvarja skont il-preżenza jew le ta’ ċirkuwitu li jamplifika integrat. Fil-fatt, mhuwiex ikkontestat li l-integrazzjoni ta’ tali ċirkuwitu f’optocouplers hija teknika użata ħafna li ma sservi biss sabiex tassigura t-trażmissjoni tajba ta’ sinjali. Il-preżenza ta’ dan iċ-ċirkuwitu għalhekk ma taffettwax b’mod fundamentali l-karatteristiċi u l-proprjetajiet tal-optocoupler bħala mezz fotosensittiv semikonduttur.
24 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-optocouplers jaqgħu fl-intestatura 8541 tan-NM, anki jekk ikun fihom ċirkuwitu li jamplifika.
25 Wara kollox, peress li mhuwiex ikkontestat li l-optocouplers huma mezzi fotosensittivi semikondutturi, il-klassifikazzjoni tagħhom fl-intestatura 8541 tan-NM tidher, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom imsemmija fil-punt 8 ta’ din is-sentenza, iktar speċifika u iktar xierqa milli klassifikazzjoni fl-intestatura 8542 tan-NM.
26 Finalment, kuntrarjament għal dak li jafferma l-Gvern Olandiż, l-optocouplers, tkun xi tkun il-kompożizzjoni eżatta tagħhom, m’għandhomx jiġu kklassifikati fl-intestatura 8543 tan-NM.
27 Fil-fatt, din l-intestatura tal-aħħar hija applikabbli biss jekk l-intestaturi l-oħra tal-Kapitolu 85 tan-NM ma jistgħux jiġu applikati. Madankollu, mill-punt 24 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-optocouplers jaqgħu fl-intestatura 8541 tan-NM, inklużi dawk li jkun fihom ċirkuwitu li jamplifika.
28 Fi kwalunkwe każ, l-optocouplers ma jistgħux jiġu kklassifikati fl-intestatura 8543 tan-NM ħlief jekk ikollhom funzjoni individwali. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala partijiet minn magni, iktar milli “magni u apparat elettriċi, b’funzjonijiet individwali” fis-sens tal-intestatura 8543 tan-NM. Fil-fatt, kif spjegat il-qorti tar-rinviju u kif enfasizzat ukoll X, l-optocouplers inkwantu tali ma jistgħux jaħdmu b’mod utli, indipendentament mill-apparat elettriku li għalih huma maħsuba.
29 Barra minn hekk, min-nota 2(1) tat-Taqsima XVI tan-NM jirriżulta li l-bċejjeċ tal-magni li huma oġġetti inklużi f’xi waħda mill-intestaturi tal-Kapitoli 84 jew 85 tan-NM, bħal fil-każ tal-intestatura 8541, jaqgħu f’din l-intestatura, tkun xi tkun il-magna li għaliha jkunu maħsuba. Huwa veru li n-nota 2(b) tal-istess taqsima tispjega li, meta bċejjeċ ta’ magni jkunu intiżi esklużivament jew prinċipalment għal tip partikolari ta’ magna fl-istess intestatura, dawn jaqgħu fl-intestatura marburta ma’ dawn il-magni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din ir-regola tal-aħħar m’għandhiex tapplika għall-optocouplers, peress li dawn huma maħsuba għal diversi tipi ta’ magni u ta’ apparati u mhux biss għall-kategorija residwali ta’ magni u ta’ apparati msemmija fl-intestatura 8543 tan-NM (“magni u apparat elettriċi, b’funzjonijiet individwali, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra f’dan il-Kapitolu”).
30 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li optocoupler, indipendentament mill-kwistjoni jekk fihx ċirkuwitu li jamplifika jew le, jaqa’ fl-intestatura 8541.
Fuq l-ispejjeż
31 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1832/2002, tal-1 ta’ Awwissu 2002, għandha tiġi interpretata fis-sens li optocoupler, indipendentament mill-kwistjoni jekk fihx ċirkuwitu li jamplifika jew le, jaqa’ fl-intestatura 8541.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy