Kawża C-416/07
Il‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir‑Repubblika Ellenika
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttivi 91/628/KEE u 93/119/KE — Regolament (KE) Nru 1/2005 — Protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u fil-ħin tat-tbiċċir jew tal-qtil tagħhom — Ksur strutturat u ġeneralizzat tar-regoli Komunitarji”
Sommarju tas-sentenza
1. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Suġġett tal-kawża — Determinazzjoni matul il-proċedura prekontenzjuża
(Artikolu 226 KE)
2. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Prova tan-nuqqas — Oneru tal-Kummissjoni
(Artikolu 226 KE)
3. Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport — Direttiva 91/628
(Direttiva tal-Kunsill 91/628, kif emendata bir-Regolament Nru 806/2003, Artikolu 5A(1)(a))
4. Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport — Direttiva 91/628
(Direttiva tal-Kunsill 91/628, kif emendata bir-Regolament Nru 806/2003, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5A(2)(d)(i), u l-punti (b) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8)
5. Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport — Direttiva 91/628
(Direttiva tal-Kunsill 91/628, kif emendata bir-Regolament Nru 806/2003, Anness, Kapitolu VII, punt 48(7)(b))
1. Fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għalkemm it-talbiet li jinsabu fir-rikors ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu estiżi lil hinn minn nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u fl-ittra ta’ intimazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirriżulta mill-verżjoni inizjali ta’ att Komunitarju, li sussegwentement ikun ġie emendat jew imħassar, u li jkun inżamm minn dispożizzjonijiet ta’ att Komunitarju ġdid. Min-naħa l-oħra, is-suġġett tal-kontroversja ma jistax jiġi estiż għal obbligi li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ġodda li ma jikkorrispondux għal obbligi li jirriżultaw mill-verżjoni inizjali tal-att ikkonċernat, mingħajr ma jkun hemm ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali li jirregolaw il-proċeduri li jikkonstataw in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.
(ara l-punt 28)
2. Fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza tal-allegat nuqqas. Hija għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni. Meta l-Kummissjoni tkun ipprovdiet biżżejjed provi li jippermettu li tiġi stabbilita l-materjalità tal-fatti li seħħew fit-territorju tal-Istat Membru konvenut, huwa dan tal-aħħar li għandu jikkontesta fis-sustanza u fid-dettall l-informazzjoni hekk imressqa u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha.
(ara l-punti 32, 33)
3. Mhuwiex tali li jipprova l-eżistenza ta’ prattika amministattiva li tippreżenta ċertu ammont ta’ konsistenza u ta’ ġeneralità bi ksur tal-obbligi ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 5A(1)(a) tad-Direttiva 91/628, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425 u 91/496, kif emendata bir-Regolament Nru 806/2003, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li ċerti trasportaturi ma għandhomx awtorizzazzjoni, jew li l-awtorizzazzjoni li kellhom skadiet, peress li dan ma jagħti l-ebda preċiżazzjoni, b’mod partikolari, dwar in-numru ta’ trasportaturi li ma għandhomx awtorizzazzjoni jew li l-awtorizzazzjoni tagħhom kienet skaduta, u lanqas dwar in-numru ta’ trasportaturi li kienu s-suġġett ta’ kontrolli.
Fir-rigward tal-argument li jgħid li r-reġistri tat-trasportaturi mhux dejjem jiġu aġġornati, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ preċiżazzjonijiet, b’mod partikolari fuq in-numru ta’ reġistri kkonċernati jew fuq in-numru totali ta’ reġistri kkontrollati, il-fatt biss li ċerti reġistri tat-trasportaturi mhumiex aġġornati mhuwiex biżżejjed sabiex jipprova li Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5A(1)(a) tad-Direttiva 91/628.
(ara l-punti 44, 45, 47-49)
4. Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5A(2)(d)(i), u tal-punti (b) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425 u 91/496, kif emendata bir-Regolament Nru 806/2003, Stat Membru li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jistgħu jikkontrollaw biss l-eżekuzzjoni tal-pjanti tar-rotta u mhux l-informazzjoni li hemm indikata fihom jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra stabbilixxew dawn il-pjanti.
Fil-fatt, il-kontroll tal-pjanti tar-rotta huwa intiż sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-ħtiġijiet stabbiliti mid-Direttiva 91/628. Għalhekk, il-kontroll ma jistax ikun limitat għall-verifika tal-eżistenza tal-pjanta tar-rotta jew għall-verifika tal-informazzjoni li tinsab fiha, iżda għandu jinkludi wkoll l-eżami tal-konformità tat-trasport tal-annimali mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi kontroll tal-informazzjoni msemmija fil-pjanti tar-rotta mhuwiex biżżejjed għall-eżekuzzjoni tal-obbligi imposti minn din id-Direttiva.
(ara l-punti 65-68)
5. Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt il-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425 u 91/496, kif emendata bir-Regolament Nru 806/2003, Stat Membru li ma jadottax il-miżuri xierqa sabiex jipprovdi, fil-portijiet għall-bastimenti tat-trasport jew fil-viċinanza tagħhom, installazzjonijiet li jippermettu l-mistrieħ tal-annimali wara li jinħattu minn fuq il-vapuri.
Fil-fatt, abbażi tad-dispożizzjoni msemmija, fil-każ ta’ trasport bil-baħar b’rabta regolari u diretta bejn żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali, dawn tal-aħħar iridu jingħataw mistrieħ għal 12-il siegħa wara li jinħattu fil-port ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanza immedjata tiegħu. Għalkemm din id-dispożizzjoni ma tipprovdix espressament li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw fil-portijiet installazzjonijiet ta’ mistrieħ għall-annimali, tali obbligu huwa intrinsiku għall-ħtieġa li l-annimali jistrieħu matul 12-il siegħa wara li dawn jinħattu fil-port ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanza tiegħu. Fil-fatt, huwa impossibbli li t-trasportaturi josservaw mistreħ ta’ 12-il siegħa jekk l-Istati Membri ma jiżgurawx li jkunu disponibbli installazzjonijiet għal dan il-għan.
(ara l-punti 75, 76, 79)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
10 ta’ Settembru 2009 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttivi 91/628/KEE u 93/119/KE – Regolament (KE) Nru 1/2005 – Protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u fil-ħin tat-tbiċċir jew tal-qtil tagħhom – Ksur strutturat u ġeneralizzat tar-regoli Komunitarji”
Fil-Kawża C‑416/07,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fl-4 ta’ Settembru 2007,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H. Tserepa‑Lacombe u F. Erlbacher, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn S. Charitaki, S. Papaïoannou u E.‑M. Mamouna, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, J. Klučka (Relatur), U. Lõhmus, P. Lindh u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2009,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ April 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji:
– sabiex kull trasportatur tal-annimali jikseb awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti u jitniżżel f’reġistru sabiex ikun jista’ jiġi individwat malajr mill-awtorità kompetenti, b’mod partikolari fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar il-benesseri tal-annimali waqt it-trasport;
– sabiex l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-kontrolli obbligatorji tal-pjanti tar-rotta/reġistri tal-vjaġġ;
– sabiex jiġu previsti installazzjonijiet fil-portijiet għall-bastimenti tat-trasport jew fil-viċinanzi tagħhom li jippermettu li l-annimali jistrieħu wara li jkunu tniżżlu minn fuq il-bastimenti;
– sabiex ikun żgurat it-twettiq ta’ spezzjonijiet tal-mezzi tat-trasport u tal-annimali;
– sabiex ikunu imposti pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ ta’ ksur ripetuti jew gravi tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport;
– sabiex tkun assigurata l-osservanza tar-regoli ta’ sturdament tal-annimali fil-mument tat-tbiċċir tagħhom, u
– sabiex l-ispezzjoni u l-kontroll tal-biċċeriji jsiru b’mod xieraq;
ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5A(1)(a)(i) u (ii), 5A(2)(b) u l-ewwel inċiż ta’ 5A(2)(d)(i), kif ukoll skont l-Artikoli 8, 9 u 18(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 12, p. 133), kif emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 806/2003, tal-14 ta’ April 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 301, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/628”), skont il-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tal-istess Direttiva u, sa mill-5 ta’ Jannar 2007, skont l-Artikoli 5(4), 6(1), 13(3) u (4), 15(1) u 25 sa 27(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU 2005, L 3, p. 1), kif ukoll skont l-Artikoli 3, 5(1)(d), 6(1) u 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/119/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1993, dwar il-protezzjoni ta’ annimali fil-ħin tat-tbiċċir jew qtil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 15, p. 421), kif emendata bir-Regolament Nru 1/2005 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/119”).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
Id-Direttiva 91/628
2 L-Artikolu 5A(1)(a)(i) u (ii) tad-Direttiva 91/628 jipprovdi li:
“A. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
1) kull trasportatur:
a) huwa:
reġistrat b’mod li jgħin lill-awtorità kompetenti tidentifika lill-persuna malajr fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regolamenti ta’ din id-Direttiva;
kopert[] minn awtorizzazzjoni valida għat-trasport kollu ta’ l-annimali bis-sinsla (vertebrati) li jitwettaq f’wieħed mit-territorji li għalihom issir referenza fl-Anness I tad-Direttiva 90/675/KEE, mogħtija mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment jew, jekk impriża stabbilita f’pajjiż terz hija involuta, minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ta’ l-Unjoni, bla ħsara għal impenn bil-miktub mill-persuna responsabbli għat-trasport li tintrabat li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-leġislazzjoni veterinarja tal-Komunità fis-seħħ.”
3 Skont l-Artikolu 5A(2)(b) tad-direttiva msemmija:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
[…]
2) it-trasportatur:
[…]
b) għall-annimali li għalihom issir referenza fl-Artikolu 1(1)(a) li sejrin jiġu negozjati bejn Stati Membri jew esportati lil pajjiżi terzi, u f’każijiet meta l-ħin tal-vjaġġ jeċċedi tmien sigħat, ifassal pjanta tar-rotta bi qbil mal-kampjun fil-Kapitolu VIII ta’ l-Anness, li għandu jiġi mehmuż maċ-ċertifikat tas-saħħa matul il-vjaġġ, u anke jindika kull post ta’ waqfien u [ta’] trasferiment.”
4 L-ewwel inċiż tal-Artikolu 5A(2)(d)(i) tal-istess direttiva jiddisponi:
“A. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
[…]
2) it-trasportatur:
d) jiżgura:
i) li l-kopja oriġinali tal-pjanta tar-rotta li għaliha ssir referenza f’(b)
– hija mfassla kif suppost u mimlija mill-persuni approprjati fiż-żmien xieraq”.
5 L-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 jiddisponi:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, bi qbil mal-prinċipji u r-regoli ta’ kontroll stabbiliti fid-Direttiva 90/425/KEE, l-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw li r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva ġew mħarsa, billi jwettqu spezzjonijiet mhux diskriminatorji dwar:
a) il-mezzi ta’ trasport u l-annimali matul it-trasport bit-triq;
b) il-mezzi ta’ trasport u l-annimali li jaslu fil-post tad-destinazzjoni tagħhom;
ċ) il-mezzi ta’ trasport u l-annimali fi swieq, f’postijiet ta’ tluq, f’postijiet ta’ waqfien u f’postijiet ta’ trasferiment;
d) id-dettalji fuq id-dokumenti li jintbagħtu magħhom.
Dawn l-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu fuq kampjun adegwat ta’ annimali trasportati kull sena f’kull Stat Membru, u jista’ jitwettaq fl-istess ħin bħall-kontrolli għal skopijiet oħrajn.
L-awtorità kompetenti f’kull Stat Membru għandha tissottometti lill-Kummissjoni rapport annwali li jiddikjara n-numru ta’ spezzjonijiet mwettqa fis-sena kalendarja preċedenti għar-rigward ta’ kull wieħed mill-punti (a), (b), (ċ) u (d) u inklużi d-dettalji ta’ kull ksur ta’ liġi rapportat u l-azzjoni meħuda b’riżultat ta’ dan mill-awtorità kompetenti.
Barra minn hekk, meta l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jkollha informazzjoni li jwassalha biex tissuspetta li sar xi ksur ta’ liġi, jistgħu jitwettqu wkoll spezzjonijiet matul it-trasport ta’ l-annimali fuq it-territorju tagħha.
L-Artikolu m’għandux jaffettwa l-ispezzjonijiet imwettqa bħala parti mix-xogħlijiet mwettqa f’manjera mhux diskriminatorja minn awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni ġenerali tal-liġijiet fi Stat Membru.”
6 Skont l-Artikolu 9(1) tad-direttiva msemmija:
“Jekk jinstab matul it-trasport li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma jkunux ġew imħarsa jew ma jkunx hemm konformità magħhom, l-awtorità kompetenti tal-lokal li fih issir dik is-sejba, għandha teħtieġ li l-persuna inkarigata mill-meżżi tat-trasport, li tieħu kull azzjoni li l-awtorità kompetenti tqis li jkunu meħtieġa sabiex ikun issalvagwardat il-ġid ta’ l-annimali kkonċernati.
Jiddependi miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, dik l-azzjoni tista’ tinkludi:
a) arranġamenti biex jitkompla l-vjaġġ jew li l-annimali jintbgħatu lura lejn il-post tat-tluq tagħhom b’rotta l-aktar diretta, basta li din l-azzjoni ma toħloqx tbatija żejda għall-annimali;
b) arranġamenti biex l-annimali jinżammu f’akkommodazzjoni addattata bil-kura approprjata sakemm tissolva l-problema;
ċ) arranġamenti għall-qtil mingħajr tbatija ta’ l-annimali. Id-destinazzjoni u l-użu tal-karkassi ta’ dawn l-annimali għandha tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 64/433/KEE.”
7 L-Artikolu 18(2) tal-istess direttiva jiddisponi:
“Fil-każ ta’ ksur ripetut ta’ din id-Direttiva jew ksur li tinvolvi tbatija serja għall-animali, Stat Membru għandu, mingħajr preġudizzju għal xi penali oħra provduti, jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jirrimedja n-nuqqasijiet innutati, sa u inkluża s-sospensjoni jew anke l-irtirar ta’ l-awtorizzazzjoni li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 5A(1)(a)(ii).
L-Istati Membri għandhom, meta jittrasponu d-dispożizzjonijiet fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, jistabbilixxu l-miżuri li huma sejrin jieħdu biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet osservati.”
8 Il-punt 48 tal-Anness tad-Direttiva 91/628, intitolat “Interval ta’ tisqija u ta’ tmigħ, il-ħinijiet tal-vjaġġ u l-perjodi ta’ mistrieħ”, jinkludi fih il-punt 7(b) li jipprovdi:
“Fil-każ ta’ trasport bil-baħar b’rabta regolari u diretta bejn iż-żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali, dawn ta’ l-aħħar iridu jingħataw mistrieħ għal 12-il siegħa wara li jinħattu fil-port ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanza immedjata [tiegħu] sakemm il-ħin tal-vjaġġ bil-baħar huwa tali li l-vjaġġ jista’ jiġi inkluż fl-iskema ġenerali tal-punti 2 sa 4 [tal-imsemmi punt 48].”
Id-Direttiva 93/119
9 L-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/119 jiddisponi:
“L-annimali għandhom jiġu meħlusa minn xi eċitament, uġigħ jew tbatija li jistgħu jiġu evitati waqt il-moviment, lairaging, żamma, sturdament, tbiċċir jew qtil.”
10 L-Artikolu 5(1)(d) tad-direttiva msemmija jipprovdi:
“Solipedi, ruminanti, ħnieżer, fniek u tjur miġjuba fil-biċċeriji għal tbiċċir għandhom ikunu:
[…]
d) skarnati skond id-disposizzjonijiet ta’ Anness D.”
11 Fi kliem l-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva:
“Strumenti, [il-materjal għaż-]żamma u tagħmir u installazzjonijiet oħra użati għall-isturdament jew [qtil] iridu jkunu diżinjati, magħmula, miżmuma u użati b’tali mod li [jassiguraw] sturdament jew qtil malajr u effettiv skont id-dispożizzjonijiet ma’ din id-Direttiva. L-awtorità kompetenti għandha tikkontrolla li l-istrumenti, [il-materjal għaż-]żamma u tagħmir ieħor użat għall-isturdament jew qtil jikkonformaw mal-prinċipji [msemmija] hawn fuq u għandha tikkontrolla regolarment biex tiżgura li huma fi stat tajjeb ta’ tiswija u [li jippermettu li] l-oġġettiv imsemmi hawn fuq jintlaħaq.”
12 L-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/119 jiddisponi:
“Spezzjonijiet u kontroll fil-biċċeriji għandhom jiġu magħmula taħt ir-responsabbilità ta’ l-awtorità kompetenti, li f’kull ħin ikollha aċċess liberu għall-partijet kollha tal-biċċerija sabiex taċċerta konformità ma’ din id-Direttiva. Iżda, spezzjonijiet u kontrolli bħal dawn jistgħu jsiru fl-istess ħin bħal kontrolli magħmula għal skopijiet oħra.”
Il-proċedura prekontenzjuża
13 Sa mill-1998, l-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju tad-Direttorat ġenerali tas-“Saħħa u l-ħarsien tal-konsumatur” tal-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“UAV”) wettaq missjonijiet fil-Greċja sabiex jikkontrolla l-effettività tal-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-protezzjoni tal-annimali, b’mod partikolari waqt it-trasport u matul it-tbiċċir tagħhom.
14 Matul diversi missjonijiet ta’ dan it-tip, imwettqa fil-perijodu bejn l-1998-2006, l-UAV ikkonstata li l-imsemmija dispożizzjonijiet Komunitarji ma kinux qed jiġu osservati. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-missjonijiet Nri 8729/2002 mit-18 sal-20 ta’ Novembru 2002; 9002/2003 mit-13 sas-17 ta’ Jannar 2003; 9176/2003 mill-21 sal-25 ta’ Lulju 2003; 9211/2003 mill-15 sad-19 ta’ Settembru 2003, u 7273/2004 mill-4 sat-8 ta’ Ottubru 2004.
15 Fit-13 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Ellenika fir-rigward tal-applikazzjoni u tal-implementazzjoni mhux adegwati ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttivi 91/628 u 93/119, kif ukoll tal-Artikolu 10 KE, li dan l-Istat Membru rrisponda għaliha permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Settembru 2005.
16 Wara diversi skambji ta’ informazzjoni u wara li wetqet, mill-21 ta’ Frar sal-1 ta’ Marzu 2006, il-missjoni Nru 8042/2006, fl-4 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fejn stiednet lir-Repubblika Ellenika sabiex tadotta l-miżuri neċessarji biex tikkonforma ruha mal-opinjoni msemmija f’terminu ta’ xahrejn minn meta tirċeviha. Dan l-Istat Membru rrisponda fit-8 ta’ Settembru 2006.
17 Mill-4 sal-15 ta’ Settembru 2006, l-UAV wettaq il-missjoni Nru 8167/2006 sabiex jivverifika l-osservanza tad-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-benesseri tal-annimali, u fir-rapport tiegħu kkonferma l-ksur u n-nuqqasijiet li kienu ġew ikkonstatati preċedentement f’dan il-qasam.
18 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
Fuq l-ammissibbiltà
L-argumenti tal-partijiet
19 Ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-approċċ globali adottat mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha. Hija tqis li l-imsemmi rikors, li fit-totalità tiegħu huwa impreċiż, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.
20 B’mod ġenerali, hija ssostni li l-Kummissjoni ma tinvokax fatti preċiżi, u ma tipprovdix provi li jippermettu li għal kull nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, tiġi kkonstatata s-sitwazzjoni eżistenti fiż-żmien meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Issa, skont dan l-Istat Membru, sabiex tkun tista’ twettaq evalwazzjoni ġuridika tal-fatti inkwistjoni fl-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, il-Kummissjoni kellha ssemmi numru raġonevoli ta’ fatti konkreti li, minħabba n-natura tagħhom, jistgħu jistabbilixxu, min-naħa waħda, il-ksur tad-dritt Komunitarju invokat u, min-naħa l-oħra, il-persistenza ta’ dan il-ksur, għall-inqas sal-mument meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.
21 Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li hija tista’ titratta b’mod globali, fi proċedura unika, il-kwistjoni tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u fil-mument tat-tbiċċir tagħhom. Xejn ma jipprekludiha milli tinvoka diversi motivi bbażati mhux fuq konstatazzjoni fattwali iżolata, iżda fuq numru kbir ta’ każijiet identifikati mill-UAV li jaġġornaw ksur strutturat u ġeneralizzat tal-obbligi tar-Repubblika Ellenika fil-qasam tal-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u matul it-tbiċċir.
22 Għalhekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, ir-rikors intiż sabiex jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 93/119 u 91/628 kif ukoll, sa mill-5 ta’ Jannar 2007, jiġifieri wara li skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005, huwa ammissibbli.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
23 Qabel kollox, f’dak li jirrigwarda l-approċċ globali adottat mill-Kummissjoni, għandu jiġi rilevat li, bla ħsara għall-obbligu tal-Kummissjoni li tosserva l-oneru tal-prova, li jaqa’ fuqha fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 226 KE, it-Trattat KE ma jipprovdi ebda regola li tipprekludi li numru kunsiderevoli ta’ sitwazzjonijiet jiġu ttrattati flimkien li fuqhom il-Kummissjoni ssostni li Stat Membru jkun naqas għal-żmien twil u b’manjiera ripetuta milli jimplementa l-obbligi tiegħu taħt id-dritt Komunitarju (sentenza tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑135/05, Ġabra p. I‑3475, punt 20).
24 Sussegwentement, għandu jiġi indikat li hija ġurisprudenza stabbilita li, anki jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli hija, minnha nnifisha, kompatibbli mad-dritt Komunitarju , nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jista jirriżulta mill-eżistenza ta’ prattika amministrattiva li tikser dan id-dritt meta tkun tippreżenta ċertu livell ta’ konsistenza u ta’ ġeneralità (ara, b’mod partikolari, sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑278/03, Ġabra p. I‑3747, punt 13, u tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).
25 Fl-aħħar, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat bħala ammissibbli r-rikorsi ppreżentati mill-Kummissjoni f’ċirkustanzi simili, b’mod partikolari fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑502/03), fejn il-Kummissjoni invokat preċiżament ksur strutturat u ġeneralizzat, min-naħa ta’ dan l-Istat Membru, tal-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta’ Marzu 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 3) jew, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2007, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑423/05), fejn ksur ta’ dawn l-istess Artikoli kif ukoll tal-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE, tas-26 ta’ April 1999, dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228) kienu invokati wkoll. Issa, l-ebda element ma jipprekludi li dan l-approċċ jista’ jiġi traspost fil-qasam tal-protezzjoni tal-annimali.
26 Konsegwentement, l-approċċ globali adottat mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-rikors tagħha huwa ammissibbli.
27 F’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tal-motivi tar-rikors dwar id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005 li ħassru u ħadu post id-Direttiva 91/628 sa mill-5 ta’ Jannar 2007, jiġifieri wara li skada t-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 226 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li kienet fis-seħħ meta skada t-terminu li l-Kummissjoni stabbilixxiet għall-Istat Membru kkonċernat sabiex jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata tagħha (ara, b’mod partikolari, sentenzi tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑61/94, Ġabra p. I‑3989, punt 42, u tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑377/03, Ġabra p. I‑9733, punt 33).
28 Madankollu, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm it-talbiet li jinstabu fir-rikors ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu estiżi lil hinn minn nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u fl-ittra ta’ intimazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirriżulta mill-verżjoni inizjali ta’ att Komunitarju, li sussegwentement ikun ġie emendat jew imħassar, u li jkun inżamm mid-dispożizzjonijiet ta’ att Komunitarju ġdid (ara, f’dan ir-rigward, sentenzi tad- 9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑365/97, Ġabra p. I‑7773, punt 36, u tat-12 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑363/00, Ġabra p. I‑5767, punt 22). Min-naħa l-oħra, is-suġġett tal-kontroversja ma jistax jiġi estiż għal obbligi li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ġodda li ma jikkorrispondux għal obbligi li jirriżultaw mill-verżjoni inizjali tal-att ikkonċernat, mingħajr ma jkun hemm ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali li jirregolaw il-proċeduri li jikkonstataw in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara, b’mod partikolari, sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).
29 Konsegwentement, it-talbiet li jinsabu fir-rikors tal-Kummissjoni intiżi sabiex jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005 huma, bħala prinċipju, ammissibbli, bil-kundizzjoni li l-obbligi tar-Regolament Nru 1/2005 ikunu simili għal dawk li jirriżultaw mid-Direttiva 91/628.
30 Madankollu, għandu jiġi rilevat li l-Kummissjoni ppreċiżat, b’risposta għal mistoqsija li saret matul il-proċedura orali, li dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jiġi interpretat fis-sens li fir-realtà jirrigwarda biss id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628, u mhux lil dawk tar-Regolament Nru 1/2005 li ġew invokati bil-għan li juru li l-prattika tal-awtoritajiet Elleniċi għandha ċertu livell ta’ konsistenza.
31 F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tiġi limitata għall-fondatezza tal-ilmenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628.
Fuq l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni
32 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza tal-allegat nuqqas. Hija għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, 96/81, Ġabra p. 1791, punt 6, u tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).
33 Meta l-Kummissjoni tkun ipprovdiet biżżejjed provi li jippermettu li tiġi stabbilita l-materjalità tal-fatti li seħħew fit-territorju tal-Istat Membru konvenut, huwa dan tal-aħħar li għandu jikkontesta fis-sustanza u fid-dettall l-informazzjoni hekk imressqa u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, 272/86, Ġabra p. 4875, punt 21; tad-9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 84 u 86).
34 F’dan il-każ, il-Kummissjoni tibbaża ruha fuq il-konstatazzjonijiet li saru waqt il-missjonijiet Nri 8729/2002, 9002/2003, 9176/2003, 9211/2003, 7273/2004, 8042/2006 u 8167/2006 sabiex tipprova l-fondatezza tar-rikors tagħha.
35 Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat, għal kull ilment, jekk il-konstatazzjonijiet imsemmija humiex, b’mod konformi mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, kapaċi li jipprovaw nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirriżulta mid-dritt Komunitarju.
Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 5A(1)(a)(i) u (ii) tad-Direttiva 91/628
– L-argumenti tal-partijiet
36 Abbażi tal-konstatazzjonijiet tal-UAV matul il-missjonijiet Nri 7273/2004 u 8042/2006, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Ellenika ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex kull trasportatur tal-annimali jiġi awtorizzat mill-awtorità kompetenti u jkun suġġett ta’ reġistrazzjoni li tippermetti li dan it-trasportatur jiġi identifikat mingħajr dewmien f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport tagħhom.
37 Il-Kummissjoni tenfasizza li, fil-kuntest tal-missjoni Nru 7273/2004, l-ispetturi tal-UAV ikkonstataw li ċerti trasportaturi ma kellhomx awtorizzazzjoni, jew li l-awtorizzazzjoni li kellhom kienet skadiet. Barra minn hekk, mill-missjoni Nru 8042/2006 jirriżulta li, minkejja xi titjib, ir-regoli dwar l-awtorizzazzjoni u l-identifikazzjoni tat-trasportaturi ma kinux ġew osservati b’mod suffiċjenti. Il-Kummissjoni tenfasizza li, għalkemm jeżistu reġistri ta’ trasportaturi, dawn mhux dejjem ġew aġġornati. Barra minn hekk, hija żżid li r-reġistri tat-trasportaturi mhumiex kompluti minħabba li ma fihomx l-informazzjoni dwar iż-żona tat-tagħbija tal-vetturi.
38 Essenzjalment, ir-Repubblika Ellenika tosserva li l-identifikazzjoni ta’ awtorizzazzjoni mhux valida waqt il-missjoni Nru 7273/2004, li tikkostitwixxi każ iżolat, ma tistax tkun bażi għall-evalwazzjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ insuffiċjenza tas-sistema minnha nnifisha, iktar u iktar meta l-imsemmija awtorizzazzjoni kienet diġà ġiet identifikata qabel mill-awtorità kompetenti nazzjonali.
39 Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jsostni li d-Direttiva 91/628 ma tipprevedix li r-reġistri tat-trasportaturi għandhom jinkludu fihom elementi dwar id-dikjarazzjoni bil-miktub tat-trasportaturi li biha jintrabtu li jikkonformaw ruħhom mal-ħtiġijiet tal-imsemmija direttiva jew f’dak li jirrigwarda l-post tat-tgħabija tal-annimali. Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni tqis li l-kliem tal-Artikolu 5A(1)(a)(i) u (ii) tad-Direttiva 91/628 jikkontradixxi dan l-argument.
40 Ir-Repubblika Ellenika tosserva wkoll li adottat miżuri sabiex tassigura l-osservanza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Skont hi, il-fatt, b’mod partikolari, li l-awtoritajiet reġjonali kienu informati bir-rakkomandazzjonijiet tal-ispetturi Komunitarji kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ laqgħat ta’ taħriġ intiżi għax-xufiera u għall-akkompanjaturi tal-annimali, iżda wkoll għall-veterinarji, għandu jiġi interpretat bħala element pożittiv, li juri li l-awtoritajiet Elleniċi jieħdu ħsieb b’mod permanenti li japplikaw il-leġiżlazzjoni Komunitarja b’mod korrett.
41 Madankollu, il-Kummissjoni tirrispondi li, għalkemm l-organizzazzjoni ta’ tali laqgħat ta’ taħriġ tikkostitwixxi miżura pożittiva, xorta jibqa’ l-fatt li dan ma jistax jissostitwixxi l-kontrolli uffiċjali tal-awtoritajiet nazzjonali b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
42 Fir-rigward tal-argument li jgħid li r-reġistri tat-trasportaturi mhumiex kompluti minħabba li ma fihomx l-informazzjoni dwar iż-żona tat-tagħbija tal-vetturi, għandu jiġi rilevat li mill-kliem tal-Artikolu 5A(1)(a) tad-Direttiva 91/628, bl-ebda mod ma jirriżulta li tali informazzjoni tista’ tkun imposta.
43 Għaldaqstant, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.
44 Fir-rigward tal-argument li jgħid li r-reġistri tat-trasportaturi mhux dejjem jiġu aġġornati, għandu jiġi kkonstatat li minħabba l-karattru mhux preċiż tiegħu, dan l-argument ma jaqbilx mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li tgħid li hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.
45 Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ preċiżazzjonijiet, b’mod partikolari fuq in-numru ta’ reġistri kkonċernati jew fuq in-numru totali ta’ reġistri kkontrollati, il-fatt biss li ċerti reġistri tat-trasportaturi mhumiex aġġornati mhuwiex biżżejjed sabiex jipprova li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5A(1)(a) tad-Direttiva 91/628.
46 F’kull każ, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, jidher li ma jistax jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet Elleniċi żviluppaw prattika amministattiva li tippreżenta ċertu ammont ta’ konsistenza u ta’ ġeneralità peress li l-provi mressqa mill-Kummissjoni insostenn ta’ dan l-ilment jirrigwardaw konstatazzjonijiet li saru matul l-2006, u mhux matul perijodu itwal li matulu żviluppat tali prattika.
47 Fir-rigward tal-argument li jgħid li ċerti trasportaturi ma kellhomx awtorizzazzjoni jew li l-awtorizzazzjoni li kienet ġiet mogħtija lilhom kienet skadiet, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument ma jistax jintlaqa’, peress li lanqas dan ma jaqbel mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza.
48 Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tagħti l-ebda preċiżazzjoni, b’mod partikolari, dwar in-numru ta’ trasportaturi li ma għandhomx awtorizzazzjoni jew li l-awtorizzazzjoni tagħhom kienet skaduta, u lanqas dwar in-numru ta’ trasportaturi li kienu s-suġġett ta’ kontrolli.
49 Minn dan jirriżulta li l-argument tal-Kummissjoni mhuwiex tali li jipprova l-eżistenza ta’ prattika amministattiva li tippreżenta ċertu ammont ta’ konsistenza u ta’ ġeneralità bi ksur tal-obbligi tar-Repubblika Ellenika taħt l-Artikolu 5A(1)(a) tad-Direttiva 91/628.
50 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ilment dwar il-ksur tal-Artikolu 5A(1)(a)(i) u (ii) tad-Direttiva 91/628 għandu jitqies bħala infondat.
Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 5A(2)(b) u l-ewwel inċiż ta’ 5A(2)(d)(i), kif ukoll tal-punti (b) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 u 9 tad-Direttiva 91/628
– L-argumenti tal-partijiet
51 Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Ellenika ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-kontrolli obbligatorji tal-pjanti tar-rotta, u konsegwentement, talli naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5A(2)(b) u l-ewwel inċiż ta’ 5A(2)(d)(i) tal-punti (b) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 kif ukoll l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/628.
52 Il-Kummissjoni tirrileva li, waqt il-missjonijiet Nri 9002/2003 u 7273/2004, l-ispetturi tal-UAV ikkonstataw insuffiċjenzi fir-rigward ta’ ċerti pjanti tar-rotta li ma kinux ġew individwati mill-awtorità kompetenti Griega. B’mod partikolari, il-ħinijiet tal-ivjaġġar indikati fil-parti l-kbira tal-pjanti tar-rotta li ġew ikkontrollati u li kienu jakkumpanjaw lil annimali destinati għat-tbiċċir, trasportati minn Stati Membri oħra, kienu illoġiċi u improbabbli.
53 Madankollu, ir-Repubblika Ellenika tosserva li ċirkolari tas-sena 2003 (iktar ’il quddiem iċ-“ċirkolari tal-2003”) kienet wasslet għall-introduzzjoni ta’ sistema adegwata għall-ispezzjoni u l-kontroll tal-informazzjoni li tinsab fil-pjanti tar-rotta. Barra minn hekk, hija ssostni li, peress li dawn il-pjanti huma mfassla mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra, mhumiex l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta’ destinazzjoni li għandhom jevalwaw il-validità tal-informazzjoni li tinsab f’dawn il-pjanti u tal-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni mill-awtorità li awtorizzat lil din il-pjanta. Skont ir-Repubblika Ellenika, hija biss l-osservanza ta’ dawn il-pjanti li tista’ tiġi kkontrollata.
54 Il-Kummissjoni tirrispondi li, kuntrarjament għal dak li jsostni dan l-Istat Membru, l-għan aħħari tal-kontrolli tal-pjanti tar-rotta bħala dokument ta’ akkumpanjament huwa dak li jiġu rispettati l-ħtiġijiet tad-Direttiva 91/628. Konsegwentement, huwa meħtieġ li jiġu kkontrollati mhux biss l-eżistenza ta’ pjanta tar-rotta jew l-informazzjoni li tinsab fiha, iżda anki l-legalità tat-trasport fil-konfront tal-leġiżlazzjoni dwar il-benesseri tal-annimali.
55 Il-Kummissjoni tenfasizza li din it-teżi hija b’mod partikolari kkonfermata mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 91/628, li jistabbilixxi l-miżuri li għandhom jiġu adottati fil-każ fejn nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-ħtiġijiet tad-direttiva msemmija jkun ikkonstatat waqt it-trasport tal-annimali. B’hekk, skont il-Kummissjoni, huwa ċar li s-sempliċi verifika tal-informazzjoni mniżżla fuq il-pjanti tar-rotta ma tikkostitwixxix kontroll konformi mal-ħtiġijiet tad-Direttiva 91/628.
56 F’dak li jirrigwarda l-argument tar-Repubblika Ellenika dwar is-sistema introdotta permezz taċ-ċirkolari tal-2003, il-Kummissjoni tqis li dan huwa kontradett minn numru kbir ta’ konstatazzjonijiet fuq il-post magħmula mill-ispetturi tal-UAV, li minnhom jirriżulta li l-verifiki ma sarux b’mod sodisfaċenti.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
57 Dan l-ilment jinqasam fi tliet partijiet.
58 Fir-rigward ta’ dik il-parti mill-ilment li tirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 5A(2)(b) tad-Direttiva 91/628, li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li t-trasportaturi jfasslu pjanta tar-rotta, mill-fajl ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-Kummissjoni ppreżentat xi provi li juru li t-trasportaturi ma kinux fasslu pjanta tar-rotta hekk kif inhuma obbligati li jgħamlu skont l-Artikolu 5A(2)(b) tad-Direttiva 91/628.
59 Peress li l-Kummissjoni ma pprovdietx lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, bil-provi neċessarji għall-verifika tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fuq dan il-punt, din il-parti ta’ dan l-ilment għandha tiġi miċħuda.
60 Fir-rigward ta’ dik il-parti mill-ilment li tirrigwarda l-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 5A(2)(d)(i) u l-punti (b) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628, għandu jitfakkar, min-naħa waħda, li mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 5A(2)(d)(i) jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw li l-pjanti tar-rotta tat-trasportaturi jkun fihom id-dettalji kollha msemmija fil-Kapitolu VIII tal-Anness tad-Direttiva 91/628 u li dawn id-dettalji jkunu korretti u xierqa. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rilevat li mill-punti (b) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jwettqu spezzjonijiet dwar il-mezzi ta’ trasport u l-annimali li jaslu fil-post tad-destinazzjoni tagħhom, kif ukoll li jivverifikaw id-dettalji mniżżla fuq id-dokumenti li jintbagħtu magħhom.
61 Issa, f’dan il-każ, il-provi mressqa mill-Kummissjoni juru, b’mod partikolari, li d-dokumenti li jintbagħtu mal-annimali waqt it-trasport ġewwa t-territorju tar-Repubblika Ellenika ma fihomx il-ħin tat-tluq u li l-ispetturi tal-UAV identifikaw xi irregolaritajiet f’dokumenti li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kienu diġà kkontrollaw. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat li xi kopji ta’ ċertifikati tas-saħħa u ta’ pjanti tar-rotta li ntbgħatu ma’ annimali li joriġinaw minn Spanja, minn Franza u mill-Olanda, destinati għall-qatla fir-Repubblika Ellenika, kienu illoġiċi, u li xi informazzjoni importanti kienet nieqsa. Barra minn hekk, skont il-konstatazzjonijiet magħmula mill-UAV, it-tul tal-vjaġġi ddikjarati mill-parti l-kbira tal-pjanti tar-rotta kienu illoġiċi u improbabbli. Bħala eżempju, il-Kummissjoni semmiet il-każ ta’ pjanta tar-rotta li fuqha l-mistrieħ intermedjarju, bejn post li jinsab fin-nofsinhar tal-Italja u l-post ta’ destinazzjoni fir-Repubblika Ellenika, ma kienx indikat.
62 Barra minn hekk, jirriżulta b’mod partikolari mir-rapport tal-missjoni Nru 8042/2006 li, fid-dipartiment ta’ Kilkis, l-awtorità kompetenti nazzjonali indikat li ma wetqet l-ebda kontroll tal-pjanti tar-rotta, u li fid-dipartiment ta’ Thesprotia, l-awtoritajiet kompetenti lokali żammew xi pjanti tar-rotta oriġinali minflok ma rritornawhom lit-trasportaturi li kellhom jagħtuwhom lura lill-awtorità kompetenti tal-post tal-oriġini. Barra minn hekk, f’Patras, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kkontrollaw il-pjanti tar-rotta sal-port biss, u mhux ukoll għall-vjaġġ li kien fadal sad-destinazzjoni finali, filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ma skoprewx li t-tul tal-vjaġġ bil-baħar, matul diversi trasporti lejn il-gżejjer ta’ Lesvos u ta’ Chios, kienu itwal mit-tul ta’ żmien awtorizzat.
63 Mill-preċiżazzjonijiet kollha mressqa mill-Kummissjoni jirriżulta li minkejja l-implementazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tal-pjanti tar-rotta wara ċ-ċirkolari tal-2003, xi kontrolli ma kinux saru fil-prefetturi kollha. B’hekk, l-awtoritajiet kompetenti ma setgħux jipproċedu għall-ispezzjonijiet obbligatorji tal-mezzi ta’ trasport stabbiliti fil-punti (b) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8, tad-Direttiva 91/628. Barra minn hekk, meta kienu saru xi kontrolli, minn dawn l-istess preċiżazzjonijiet jirriżulta li, diversi drabi, xi irregolaritajiet sostanzjali fir-rigward tal-pjanti tar-rotta mhux dejjem kienu identifikati mill-awtoritajiet kompetenti.
64 B’hekk, għandu jiġi konkluż li l-provi mressqa mill-Kummissjoni insostenn tal-ilmenti tagħha dwar l-2003 u l-2006 juru b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li r-Repubblika Ellenika ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5A(2)(d)(i) u l-punti (b) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628.
65 Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-argument tar-Repubblika Ellenika li jgħid li, jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra stabbilixxew pjanti tar-rotta, l-awtoritajiet kompetenti Elleniċi jistgħu biss jikkontrollaw l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-pjanti, u mhux l-informazzjoni li hemm indikata fihom.
66 Fil-fatt, hekk kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, il-kontroll tal-pjanti tar-rotta huwa intiż sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-ħtiġijiet stabbiliti mid-Direttiva 91/628. Għalhekk, il-kontroll ma jistax ikun limitat għall-verifika tal-eżistenza tal-pjanta tar-rotta jew għall-verifika tal-informazzjoni li tinsab fiha, iżda għandu jinkludi wkoll l-eżami tal-konformità tat-trasport tal-annimali mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport.
67 F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi kontroll tal-informazzjoni msemmija fil-pjanti tar-rotta mhuwiex biżżejjed għall-eżekuzzjoni tal-obbligi imposti mid-Direttiva 91/628.
68 Minn dak li ntqal jirriżulta li l-parti tal-ilment ibbażata fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 5A(2)(d)(i) u tal-punti (b) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 hija fondata.
69 Fir-rigward tal-parti tal-ilment ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/628, li jimponi li l-Istati Membri jadottaw kull miżura meqjusa bħala neċessarja sabiex jiġi żgurat il-benesseri tal-annimali f’każ ta’ xi irregolarità, għandu jiġi rilevat li l-Kummissjoni ma ressqet l-ebda prova li turi li l-awtoritajiet kompetenti ma aġixxewx b’mod xieraq f’konstatazzjoni li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 ma kinux ġew osservati.
70 Għaldaqstant, din il-parti tal-ilment ma tistax tiġi milqugħa.
Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628
– L-argumenti tal-partijiet
71 Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Ellenika ma pprovdietx, fil-portijiet għall-bastimenti tat-trasport Ġriegi jew fil-viċinanza tagħhom, installazzjonijiet li jippermettu li l-annimali jistrieħu għal 12-il siegħa wara li jinħattu mill-vapuri, meta t-tul tat-trasport ikun jeċċedi d-29 siegħa.
72 B’mod partikolari, il-Kummissjoni tenfasizza li fil-port ta’ Igoumenitsa, kien ġie kkonstatat li kienu jeżistu xi installazzjonijiet, iżda li dawn ma setgħux jintużaw minħabba nuqqas ta’ awtorizzazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti.
73 Qabel kollox, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Kummissjoni ma ssemmi l-ebda każ konkret ta’ qbiż tad-29 siegħa ta’ trasport. Sussegwentement, hija tosserva li l-punt 48(7)(b) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 ma jimponix lill-Istati Membri sabiex jipprevedu installazzjonijiet jew punti ta’ waqfien xierqa fejn ikun possibbli serħan ta’ 12-il siegħa tal-annimali, peress li dan l-obbligu jinsab biss fuq it-trasportaturi. Finalment, dan l-Istat Membru jqis li, f’kull każ, m’hemm l-ebda obbligu li jiġu previsti tali installazzjonijiet, peress li l-ebda trasport marittimu bejn port għall-bastimenti tat-trasport Grieg u port għall-bastimenti tat-trasport ta’ Stat Membru ieħor ma għandu tul li jeċċedi d-29 siegħa. F’dan ir-rigward, dan isemmi li t-tul tal-vjaġġ bejn Bari (l-Italja) u Igoumenitsa, li huwa l-port prinċipali għall-bastimenti tat-trasport Grieg, ma jeċċedix 10 jew 11-il siegħa, u li t-tul tal-vjaġġ bejn Bari u Patras ma jeċċedix 15-il siegħa.
74 Madankollu, il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti kollha. Min-naħa waħda, hija tosserva li mill-kliem tal-imsemmi punt 48(7)(b) jirriżulta b’mod ċar li l-Istati Membri huma marbuta li jipprovdu installazzjonijiet għall-annimali. Min-naħa l-oħra, hija tqis li l-każ imsemmi mir-Repubblika Ellenika, li jgħid li l-ebda vjaġġ bejn port għall-bastimenti tat-trasport Grieg u port għall-bastimenti tat-trasport ta’ Stat Membru ieħor ma jdum iktar minn 29 siegħa, ma jikkorrispondix mar-realtà.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
75 Għandu jitfakkar li abbażi tal-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628, fil-każ ta’ trasport bil-baħar b’rabta regolari u diretta bejn żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali, dawn tal-aħħar iridu jingħataw mistrieħ għal 12-il siegħa wara li jinħattu fil-port ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanza immedjata tiegħu (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2008, Interboves, C‑277/06, Ġabra p. I‑7433), punt 27).
76 Għalkemm din id-dispożizzjoni ma tipprovdix espressament li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw fil-portijiet installazzjonijiet ta’ mistrieħ għall-annimali, tali obbligu huwa intrinsiku għall-ħtieġa li l-annimali jistrieħu matul 12-il siegħa wara li dawn jinħattu fil-port ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanza tiegħu. Fil-fatt, huwa impossibbli li t-trasportaturi josservaw mistreħ ta’ 12-il siegħa jekk l-Istati Membri ma jiżgurawx li jkunu disponibbli installazzjonijiet għal dan il-għan.
77 B’hekk, għandu jiġi rilevat li r-Repubblika Ellenika kellha l-obbligu li tipprovdi tali installazzjonijiet fil-portijiet Griegi jew fil-viċinanza tagħhom.
78 Issa, f’dan il-każ, mhuwiex ikkontestat li, fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ma kienx hemm installazzjonijiet ta’ mistrieħ għall-annimali fil-maġġorparti tal-portijiet Griegi.
79 Għaldaqstant, għandu jitqies li, billi ma adottatx il-miżuri xierqa sabiex tipprovdi, fil-portijiet għall-bastimenti tat-trasport jew fil-viċinanza tagħhom, installazzjonijiet li jippermettu l-mistrieħ tal-annimali wara li jinħattu minn fuq il-vapuri, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628.
80 Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-argument invokat mir-Repubblika Ellenika li jgħid li ma kien hemm l-ebda obbligu li jiġu pprovduti tali installazzjonijiet, peress li l-ebda vjaġġ bil-baħar bejn port għall-bastimenti tat-trasport Grieg u port għall-bastimenti tat-trasport ta’ Stat Membru ieħor ma jdum iktar minn 29 siegħa.
81 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tagħha Interboves, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li r-regola magħrufa bħala tal-“14+1+14” stipulata fil-punt 48(4)(d) tal-Anness tad-Direttiva 91/628, għandha tinftiehem fis-sens li tawtorizza perijodu massimu ta’ trasport ta’ 28 siegħa, interrott minn perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ siegħa. B’hekk, huwa dan it-tul ta’ 28 siegħa li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.
82 Anki meta t-tul tal-vjaġġ bejn Bari u l-port prinċipali għall-bastimenti ta’ trasport Grieg ma jkunx jeċċedi l-10 jew 11-il siegħa, mhuwiex eskluż li xi annimali jistgħu jiġu ttrasportati bi provenjenza minn portijiet Komunitarji oħra, liema ħaġa timplika tul tal-vjaġġ bil-baħar itwal. Barra minn hekk, hekk kif sewwa rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 97 u 98 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa possibbli li, f’każijiet partikolari previsti mid-Direttiva 91/628, il-mistrieħ tal-annimali jiġi impost anki jekk il-vjaġġ bil-baħar ikun iqsar minn 28 siegħa.
83 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628 għandu jitqies bħala fondat.
Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628
– L-argumenti tal-partijiet
84 Il-Kummissjoni tosserva li mir-rapporti tal-missjonijiet Nri 9211/2003, 7273/2004 u 8042/2006 jirriżulta li r-Repubblika Ellenika ma adottatx il-miżuri sabiex l-ispezzjonijiet tal-mezzi tat-trasport u tal-annimali jsiru b’mod suffiċjenti fil-Greċja sabiex jiġi pprevenut it-trasport illegali bit-triq tal-annimali.
85 B’mod partikolari, hija tenfasizza li ċerti prefetturi Griegi, fosthom dawk ta’ Achaïe, ta’ Kilkis u ta’ Serres ma jipprovdux li jsiru tali spezzjonijiet, jew għaliex huma neqsin mill-persunal, jew għaliex il-kontrolli jkunu diġà saru fil-portijiet Griegi. Barra minn hekk, mir-rapport tal-missjoni Nru 9211/2003 jirriżulta li, fid-dipartimenti Griegi, l-ispezzjoni ssir biss fil-portijiet jew fil-postijiet tal-fruntiera, u fl-ebda mument ieħor tal-vjaġġ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-programm pilota li jipprevedi iktar ispezzjonijiet, diġà invokat mir-Repubblika Ellenika fl-istadju tal-proċedura prekontenzjuża, ma jinkludix fih lil ċerti prefetturi, fosthom dik ta’ Thessalia, filwaqt li xi nuqqasijiet f’dan il-proġett kienu ġew ikkonstatati waqt il-missjoni Nru 9211/2003.
86 Ir-Repubblika Ellenika tosserva li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 għandu jiġi interpretat fis-sens li sabiex ikun hemm ksur ta’ din id-dispożizzjoni, hemm bżonn li jiġi pprovat in-nuqqas totali ta’ kontrolli fir-rigward tal-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport tagħhom.
87 F’kull każ, dan l-Istat Membru jqis li l-applikazzjoni ta’ programm pilota li jipprevedi spezzjonijiet imwettqa minn gruppi mħallta f’ċerti dipartimenti kif ukoll l-impożizzjoni ta’ penali fuq it-trasportaturi u l-introduzzjoni ta’ diversi proċeduri ta’ assistenza reċiproka ma’ ċerti Stati Membri huma kollha ħjiel li juru li l-awtoritajiet Elleniċi jwettqu l-kontrolli meħtieġa mill-leġiżlazzjoni Komunitarja.
88 Il-Kummissjoni tirrispondi li, sabiex tkun konformi mad-dispożizzjonijiet Komunitarji, l-ispezzjoni tal-mezzi tat-trasport u tal-annimali għandha tkun xierqa, suffiċjenti u effettiva. Skont il-Kummissjoni, il-kontrolli tal-pjanti tar-rotta li wettqu l-awtoritajiet Elleniċi ma kinux effettivi u xierqa sabiex jipprevjenu t-trasport illegali bit-triq tal-annimali.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
89 Għandu jitfakkar li skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jikkontrollow l-osservanza tal-ħtiġijiet ta’ din id-direttiva billi jwettqu, b’mod mhux diskriminatorju, spezzjonijiet tal-mezzi ta’ trasport u tal-annimali matul il-vjaġġ bit-triq. It-tieni paragrafu tad-dispożizzjoni msemmija jippreċiża li dawn l-ispezzjonijiet għandhom isiru fuq kampjun xieraq ta’ annimali li jiġu ttrasportati ġewwa kull Stat Membru kull sena.
90 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-provi mressqa mill-Kummissjoni, fir-rigward tas-snin 2003 sal-2006, jirriżulta li, min-naħa waħda, diversi prefetturi ma jipprevedux li jiġu spezzjonati l-mezzi ta’ trasport u li, min-naħa l-oħra, meta saru tali spezzjonijiet, dawn saru biss fil-portijiet u fil-fruntieri, u mhux fit-toroq kif jimponi l-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628.
91 Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, peress li ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li jsiru spezzjonijiet tal-mezzi tat-trasport u tal-annimali matul it-trasport bit-triq, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628.
92 Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-argument tar-Repubblika Ellenika li jgħid li l-applikazzjoni ta’ programm pilota li jipprevedi spezzjonijiet minn gruppi mħallta f’ċerti dipartimenti kif ukoll l-impożizzjoni ta’ penalitajiet lit-trasportaturi u l-introduzzjoni ta’ diversi proċeduri ta’ assistenza reċiproka ma’ ċerti Stati Membri juru li l-awtoritajiet Elleniċi jwettqu l-kontrolli meħtieġa mill-leġiżlazzjoni Komunitarja.
93 Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza stess ta’ tali programm ma ppermettietx li jiġi żgurat it-twettiq tal-kontrolli neċessarji.
94 Minn dak li ntqal jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 huwa fondat.
Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 91/628
– L-argumenti tal-partijiet
95 Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Ellenika, abbażi tal-missjonijiet Nri 9002/2003 u 9211/2003, ma adottatx il-miżuri xierqa sabiex jiġu imposti penalitajiet effettivi, proporzjonati u dissważivi f’każ ta’ ksur ripetut jew gravi tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport tagħhom.
96 Madankollu, ir-Repubblika Ellenika tosserva li l-Kummissjoni ma semmiet l-ebda fatt konkret sabiex issostni l-ilmenti tagħha. B’mod kuntrarju, hija ssostni li l-awtoritajiet kompetenti jimponu penalitajiet effettivi, proporzjonati u disważivi, hekk kif tipprova l-lista tad-deċiżjonijiet li jimponu multi amministrattivi msemmija fil-punt 18 tan-nota tad-difiża tagħha.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
97 Għandu jiġi rilevat li l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 91/628 jorbot lill-Istati Membri sabiex f’każ ta’ ksur ripetut tad-direttiva msemmija, jew ta’ ksur li jinvolvi tbatija żejda għall-annimali, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirrimedjaw għan-nuqqasijiet ikkonstatati.
98 Il-Kummissjoni tipprova turi l-ineffettività tas-sistema implementata mir-Repubblika Ellenika billi tirrileva li l-kontrolli bażiċi huma dgħajfa, li n-numru ta’ twissijiet bil-miktub huwa żgħir wisq u li l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tal-penalitajiet huma problematiċi. Ir-rapport tal-missjoni tal-UAV Nru 9211/2003 jirrileva b’mod partikolari li matul l-2002, ġew mogħtija disa’ twissijiet orali, sittax-il twissija bil-miktub u multa amministrattiva, għal total ta’ 26 ksur. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda sospensjoni jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni ta’ trasport matul is-snin 2001 u 2002. L-imsemmi rapport jenfasizza wkoll li kienu ġew proposti erba’ multi f’ammont ta’ EUR 3 000 bħala penali għal ksur imwettaq f’dipartiment, iżda li dawn ma kinux ġew imposti.
99 Madankollu, hekk kif irrileva ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 141 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-konstatazzjonijiet imsemmija f’dawn ir-rapporti, apparti l-karattru mhux preċiż u ġenerali tagħhom, mhumiex tali li jipprovaw li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 91/628.
100 Fil-fatt, il-Kummissjoni ma ressqet l-ebda prova dwar ir-repetizzjoni tal-ksur u lanqas dwar il-gravità tat-tbatija sofferta mill-annimali waqt dan il-ksur. Issa, fin-nuqqas ta’ tali provi, nuqqas ta’ twettiq tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 91/628 ma jistax jiġi kkonstatat.
101 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 91/628 għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 3, 5(1)(d) u 6(1) tad-Direttiva 93/119
– L-argumenti tal-partijiet
102 Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Ellenika ma adottatx il-miżuri xierqa sabiex tassigura l-osservanza tar-regoli ta’ sturdament tal-annimali fil-mument tal-qtil tagħhom.
103 Il-Kummissjoni tindika li waqt il-missjonijiet Nri 9002/2003 u 7273/2004, l-UAV ikkonstatat li, f’ċerti biċċeriji li ġew miżjura, is-sorveljanza tal-isturdament tal-ħnieżer u tal-ovini ma kinitx suffiċjenti, u li konsegwentement, kien possibbli li l-annimali kollha ma kinux storduti b’mod effettiv, bi ksur tad-Direttiva 93/119. Ġie kkonstatat ukoll li bi ksur tal-Anness D(1) tal-istess Direttiva, l-intervalli bejn l-isturdament u l-iskarnar kienu twal ħafna, b’tali mod li l-annimali setgħu jerġgħu jiġu f’sensihom waqt li jiġi pprattikat l-iskarnar.
104 Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li, matul il-missjoni Nru 8042/2006, l-UAV għal darb’oħra rrileva nuqqasijiet fir-rigward tal-isturdament tal-annimali. B’mod partikolari, l-ispetturi tal-UAV ikkonstataw in-nuqqas ta’ manutenzjoni tal-apparat ta’ sturdament, it-tħaddim ħażin tal-apparati ta’ sturdament, in-nuqqas ta’ assistenza xierqa, u intervalli eċċessivi bejn l-isturdament u l-iskarnar.
105 Ir-Repubblika Ellenika għal darb’oħra tqis li l-Kummissjoni tibbaża l-konklużjonijiet tagħha fuq sempliċi dubji u fuq probabbilitajiet mingħajr ma ssemmi każijiet konkreti.
106 Dan l-Istat Membru jsostni li, f’kull każ, il-lakuni kkonstatati huma minimi u jirrigwardaw każijiet iżolati li għalihom ġew imposti penalitajiet. Barra minn hekk, dan josserva li l-eżistenza ta’ taħriġ kontinwu u t-trażmissjoni ta’ informazzjoni intiża b’mod partikolari għall-veterinarji tippermetti li dawn il-lakuni jiġu solvuti.
107 Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment tirrimarka li kuntrarjament għal dak li jidher li tikkunsidra r-Repubblika Ellenika, il-punt mhuwiex jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkonstata li l-annimali kienu totalment storduti fil-biċċeriji li ġew ikkontrollati. Madankollu, il-kwistjoni hija jekk l-apparat neċessarju għall-isturdament u l-qtil huwiex użat b’mod rapidu u effettiv sabiex eventwalment tiġi evitata t-tbatija tal-annimali, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/119.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
108 Għandu jitfakkar li l-Artikoli 3, 5(1)(d), u 6(1) tad-Direttiva 93/119 huma intiżi sabiex inaqqsu l-eċitament, l-uġiegħ u t-tbatija sofferta mill-annimali intiżi għall-użu mill-bniedem. B’mod partikolari, l-Artikolu 3 tagħha jimponi li għandha tiġi evitata t-tbatija evitabbli tal-annimali qabel u matul il-qtil tagħhom. Id-Direttiva 93/119 tipprovdi wkoll, rispettivament fl-Artikoli 5(1)(d), u 6(1) tagħha, li l-annimali għandhom jiġu skarnati b’mod rapidu u effettiv, u li l-installazzjonijiet użati għall-isturdament kif ukoll għall-qtil tagħhom għandhom ikunu miżmuma fi stat ta’ funzjonament tajjeb u għandhom jintużaw b’mod effettiv.
109 Issa, f’dan il-każ, il-provi mressqa mill-Kummissjoni, imsemmija fil-punti 153 sa 155 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, juru b’mod partikolari li għalkemm fit-tliet biċċeriji li kienu s-suġġett ta’ żjara mill-ispetturi tal-UAV waqt il-missjoni Nru 9002/2003, l-apparat intiż għall-isturdament tal-annimali u ż-żamma ta’ dan l-apparat kienu, essenzjalment, konformi mad-dispożizzjonijiet Komunitarji, ġie kkonstatat li f’waħda minn dawn il-biċċeriji, il-ħnieżer ma kinux qed jiġu storduti b’mod effettiv bl-apparat li jagħti x-xokkijiet. Instabu wkoll problemi oħra waqt l-isturdament tal-annimali. F’waħda mill-biċċeriji, l-immobbilizzazzjoni, l-isturdament u l-iskarnar ta’ tliet baqriet biss dam siegħa. Barra minn hekk, l-intervall bejn l-isturdament u t-tbiċċir ta’ żewġ bovini kien ta’ 120 sekonda, liema ħaġa tippermetti li l-annimal jerġa’ jiġi f’sensih. Bl-istess mod, waqt il-qtil tal-annimali ovini, l-intervall bejn l-isturdament u l-qtil tant kien twil (37 sekonda) li huwa possibbli li l-annimali reġgħu ġew f’sensihom.
110 Barra minn hekk, mir-rapport tal-missjoni Nru 7273/2004 jirriżulta li f’biċċerija fid-dipartiment ta’ Fthiotida, kien nieqes l-apparat biex l-annimali jingħataw jixorbu fiż-żoni temporanji fejn jinżammu, kif ukoll l-art ma kinitx orizzontali. F’biċċerija oħra li ġiet spezzjonata, ma kienx hemm kurrent għall-isturdament tal-annimali bl-elettriku. Fid-dipartiment ta’ Trikala, l-isturdament tal-ħnieżer fil-biċċerija li kienet is-suġġett taż-żjara min-naħa tal-ispetturi tal-UAV ma kienx effettiv, u l-intervall bejn l-isturdament u l-qtil kien twil wisq. Ġie kkonstatat ukoll li l-isturdament tal-bovini ma kienx effettiv u li t-tagħmir ta’ riżerva għall-isturdament ma kienx ipprovdut.
111 B’hekk, mill-preċiżazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li diversi irregolaritajiet ġew ikkonstatati f’biċċeriji li jinsabu f’diversi dipartimenti tar-Repubblika Ellenika. Qabel kollox, dawn l-irregolaritajiet jirrigwardaw il-proċedura ta’ sturdament tal-annimali, u wara, l-obbligu li dawn jiġu skarnati b’mod rapidu u effettiv, u fl-aħħar, l-obbligu ta’ manutenzjoni tajba u ta’ użu effettiv tal-installazzjonijiet intiżi għall-isturdament u għall-qtil.
112 B’hekk, għandu jiġi konkluż li l-provi mressqa mill-Kummissjoni, li jirrigwardaw is-snin mill-2003 sal-2006, juru, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li r-Repubblika Ellenika ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 3, 5(1)(d) u 6(1) tad-Direttiva 93/119.
113 Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-argument imressaq mir-Repubblika Ellenika li jgħid li l-Kummissjoni ma semmiet l-ebda każ konkret ta’ annimali li fil-konfront tagħhom kien hemm ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, u lanqas minn dak li jgħid li dan l-Istat Membru irrimedja għall-irregolaritajiet invokati mill-Kummissjoni bl-organizzazzjoni ta’ laqgħat ta’ taħriġ għall-veterinarji.
114 Fil-fatt, għandu jiġi rilevat, hekk kif osservat il-Kummissjoni, li l-kwistjoni mhijiex jekk din l-istituzzjoni setgħetx tikkonstata li l-annimali kinux ġew totalment sturduti fil-biċċeriji li ġew ikkontrollati u jekk hija setgħetx issemmi xi każijiet konkreti li juru li dawn ma kinux ġew sturduti. Xogħol il-Kummissjoni huwa li tistabbilixxi jekk l-apparat neċessarju għall-isturdament u l-qtil jintużax b’mod rapidu u effettiv sabiex tiġi limitata t-tbatija tal-annimali, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/119. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm l-organizzazzjoni ta’ laqgħat ta’ taħriġ għall-veterinarji tikkostitwixxi miżura pożittiva, xorta jibqa’ l-fatt li din ma tistax tiggarantixxi, waħedha, l-osservanza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-protezzjoni tal-annimali fil-mument tal-qtil tagħhom.
115 B’kunsiderazzjoni ta’ dak li ntqal, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 3, 5(1)(d) u 6(1) tad-Direttiva 93/119 għandu jitqies bħala fondat.
Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/119
– L-argumenti tal-partijiet
116 Il-Kummissjoni ssostni, abbażi tal-missjonijiet li matulhom ġew ikkonstatati irregolaritajiet kbar fil-biċċeriji, li r-Repubblika Ellenika ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex l-ispezzjoni u l-kontroll tal-biċċeriji jsiru b’mod xieraq.
117 B’mod partikolari, hija tilmenta li dan l-Istat Membru ma implementax b’mod sħiħ il-pjan ta’ azzjoni li kien ħabbar. Il-pjan imsemmi kien jipprevedi spezzjoni ġdida qabel tmiem l-2001 tal-biċċeriji kollha li jinsabu fil-prefetturi Griegi. Barra minn hekk, hija tenfasizza li l-awtoritajiet Griegi ma kkooperawx b’mod suffiċjenti mal-ispetturi tal-UAV peress li ċerti biċċeriji, li kellhom jiġu spezzjonati, kienu inaċċessibbli minħabba strajkijiet imħabbra ġurnata biss qabel il-missjoni.
118 Fid-difiża tagħha, ir-Repubblika Ellenika tosserva li huwa diffiċli għaliha li tiddetermina b’eżattezza n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu lmentat fil-konfront tagħha.
119 F’kull każ, dan l-Istat Membru jqis li ma jistax jiġi lmentat fil-konfront tiegħu nuqqas ta’ twettiq tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/119, peress li l-kontrolli xierqa jsiru mill-veterinarji kompetenti, peress li jiġu organizzati laqgħat ta’ taħriġ, u peress li l-biċċeriji kollha huma s-suġġett ta’ evalwazzjoni mill-ġdid.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
120 B’mod konformi mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/119, l-ispezzjoni u l-kontroll tal-biċċeriji jsiru taħt ir-responsabbiltà tal-awtorità kompetenti li b’mod permanenti għandha aċċess ħieles għall-partijiet kollha tal-biċċeriji sabiex tkun tista’ tassigura ruħha mill-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.
121 Għandu jiġi rilevat li, għalkemm ir-Repubblika Ellenika tosserva li l-awtoritajiet kompetenti wettqu l-kontrolli meħtieġa, dan l-istess Stat ma jikkontestax li l-pjan ta’ azzjoni, li jipprevedi spezzjoni ġdida tal-biċċeriji Griegi kollha qabel tmiem l-2001, ma kienx ġie implementat kompletament sad-data prevista. L-Istat Membru msemmi lanqas ma jikkontesta l-fatt li d-diversi termini mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti sabiex iwettqu l-ispezzjonijiet u jippreżentaw ir-riżultati tal-imsemmija spezzjonijiet, ġew imġedda kemm-il darba, u li fl-aħħar it-terminu ġie ffissat għat-30 ta’ Lulju 2005. Barra minn hekk, mill-missjoni Nru 7273/2004 jirriżulta li l-Ministeru għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel indika li l-awtoritajiet kompetenti kienu wettqu l-ispezzjoni tal-biċċeriji fi 38 biss mill-54 dipartiment.
122 Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex l-ispezzjoni u l-kontroll ikunu assigurati b’mod xieraq fil-biċċeriji, hekk kif kellha l-obbligu li tgħamel skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/119.
123 Minn dan jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/119 huwa fondat.
124 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx il-miżuri neċessarji:
– sabiex l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-kontrolli obbligatorji tal-pjanti tar-rotta;
– sabiex tipprovdi installazzjonijiet fil-portijiet għall-bastimenti tat-trasport jew fil-viċinanza tagħhom fejn l-annimali jistgħu jistrieħu wara li jinħattu minn fuq il-vapuri;
– sabiex effettivament isiru spezzjonijiet tal-mezzi ta’ trasport u tal-annimali;
– sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tal-isturdament tal-annimali fil-mument tal-qtil tagħhom, u
– sabiex l-ispezzjoni u l-kontroll tal-biċċeriji jsiru b’mod xieraq,
ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5A(2)(d)(i) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 u l-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tal-istess direttiva, kif ukoll skont l-Artikoli 3, 5(1)(d), 6(1) u 8 tad-Direttiva 93/119.
Fuq l-ispejjeż
125 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont il-paragrafu (3) tal-istess Artikolu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha, partikolarment jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.
126 Fil-każ preżenti, hemm lok li r-Repubblika Ellenika tiġi ordnata tbati ż-żewġ terzi tal-ispejjeż, u li l-Kummissjoni tiġi ordnata tbati terz minnhom.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi
1) Billi ma adottatx il-miżuri neċessarji:
– sabiex l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-kontrolli obbligatorji tal-pjanti tar-rotta;
– sabiex tipprovdi installazzjonijiet fil-portijiet għall-bastimenti tat-trasport jew fil-viċinanza tagħhom fejn l-annimali jistgħu jistrieħu wara li jinħattu minn fuq il-vapuri;
– sabiex effettivament isiru spezzjonijiet tal-mezzi ta’ trasport u tal-annimali;
– sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tal-isturdament tal-annimali fil-mument tal-qtil tagħhom, u
– sabiex l-ispezzjoni u l-kontroll tal-biċċeriji jsiru b’mod xieraq,
ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5A(2)(d)(i) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE, kif emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 806/2003, tal-14 ta’ April 2003, u skont il-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tal-istess Direttiva, kif emendata bir-Regolament Nru 806/2003, kif ukoll skont l-Artikoli 3, 5(1)(d), 6(1) u 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/119/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1993 dwar il-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir jew qtil.
2) Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.
3) Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata tbati żewġ terzi mill-ispejjeż. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata tbati terz mill-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.
Full & Egal Universal Law Academy