Kawża C-473/07
Association nationale pour la protection des eaux et rivières-TOS
u
Association OABA
vs
Ministère de l’Ecologie, du Développement et de l’Aménagement durables
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza))
“Tniġġis u inkonvenjenzi — Direttiva 96/61/KE — Anness I — Punt 6.6(a) — Trobbija intensiva ta’ tjur — Definizzjoni — Kunċett ta’ ‘tajra’ — Numru massimu ta’ annimali għal kull installazzjoni”
Sommarju tas-sentenza
1. Ambjent — Prevenzjoni u kontroll sħiħ tat-tniġġis — Direttiva 96/61
(Direttiva tal-Kunsill 96/61, Anness I, punt 6.6(a))
2. Ambjent — Prevenzjoni u kontroll sħiħ tat-tniġġis — Direttiva 96/61
(Direttiva tal-Kunsill 96/61, Anness I, punt 6.6(a)
1. Il-kunċett ta’ “tajra” msemmi fil-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis, kif emendata bir-Regolament Nru 1882/2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi s-summien, il-perniċi u l-ħamiem.
(ara l-punt 34 u d-dispożittiv 1)
2. Peress li l-għan tad-Direttiva 96/61 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis, kif emendata bir-Regolament Nru 1882/2003, huwa l-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis provenjenti minn ċerti attivitajiet, fosthom it-trobbija intensiva ta’ tjur, l-użu ta’ metodu ta’ annimali-ekwivalenti għandu jiġi aċċettat biss jekk jiżgura l-osservanza sħiħa ta’ dan l-għan. Min-naħa l-oħra, l-użu tal-metodu msemmi ma jistax ikollu l-effett li jneħħi mis-sistema stabbilita mill-imsemmija direttiva installazzjonijiet li jaqgħu taħtha fir-rigward tan-numru ta’ postijiet tagħhom.
Konsegwentement, il-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li twassal sabiex il-limiti għall-għoti ta’ permess għal installazzjoni ta’ trobbija intensiva jiġu kkalkolati skont sistema ta’ annimali-ekwivalenti li hija bbażata fuq it-tqassim ta’ annimali f’postijiet skont l-ispeċi sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ nitroġenu realment rilaxxat mid-diversi għasafar.
(ara l-punti 40, 45 u d-dispożittiv 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
22 ta’ Jannar 2009 (*)
“Tniġġis u inkonvenjenzi – Direttiva 96/61/KE – Anness I – Punt 6.6(a) – Trobbija intensiva ta’ tjur – Definizzjoni – Kunċett ta’ ‘tajra’ – Numru massimu ta’ annimali għal kull installazzjoni”
Fil-Kawża C‑473/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Mejju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ottubru 2007, fil-proċedura
Association nationale pour la protection des eaux et rivières‑TOS,
Association OABA
vs
Ministère de l’Écologie, du Développement et de l’Aménagement durables,
fil-preżenza ta’:
Association France Nature Environnement,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, K. Schiemann, J. Makarczyk, P. Kūris (Relatur) u C. Toader, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Settembru 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Association nationale pour la protection des eaux et rivières‑TOS, minn P. Jeanson, viċipresident tal-assoċjazzjoni,
– għall-assoċjazzjoni France Nature Environnement, minn R. Léost, viċipresident tal-assoċjazzjoni,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A.-L. During, bħala aġenti,
– għall-Gvern Grieg, minn V. Kontolaimos u S. Papaioannou, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Alcover San Pedro u J.-B. Laignelot, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Novembru 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU L 257, p. 26), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2003 (ĠU L 284, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 96/61”).
2 Din it-talba ġiet imressqa mill-Conseil d’État fil-kuntest ta’ kawża dwar abbuż ta’ poter imressqa mill-Association nationale pour la protection des eaux et rivières-TOS kif ukoll mill-assoċjazzjoni OABA intiża għall-annullament tad-Digriet Legali Nru 2005‑989, tal-10 ta’ Awwissu 2005, li jemenda n-nomenklatura tal-installazzjonijiet ikklassifikati (JORF tat-13 ta’ Awwissu 2005, test 52).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/61 jiddisponi:
“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tinkiseb prevenzjoni u kontroll sħiħ ta’ tniġġiż li jinħoloq mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I. Tippreskrivi miżuri maħsuba għall-prevenzjoni jew, meta dan ma jkunx prattiku, għal tnaqqis ta’ emissjonijiet fl-arja, fil-baħar u fl-art mill-attivitajiet imsemmija hawn fuq, inklużi miżuri dwar skart, sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent kollu kemm hu, bla ħsara għad-Direttiva [tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, p. 40)] u għad-dispożizzjonijiet oħra relevanti tal-Komunita.”
4 L-Artikolu 2 tad-Direttiva 96/61 jiddisponi:
“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva,
[...]
3) “stallazzjoni” għandha tfisser unita teknika stazzjonarja li fiha titwettaq attivita waħda jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness I, [...]
4) “stallazzjoni eżistenti” għandha tfisser stallazzjoni li titħaddem jew, skond il-leġislazzjoni eżistenti qabel id-data li fiha tidħol fis-seħħ din id-Direttiva, stallazzjoni awtorizzata jew skond il-fehma ta’ l-awtorita kompetenti s-suġġett ta’ talba sħiħa għal awtorizzazzjoni, iżda li dik l-istallazzjoni tibda titħaddem mhux aktar tard minn sena wara d-data li fiha tidħol fis-seħħ din id-Direttiva;
[...]
9) “permess” għandha tfisser dik il-parti minn deċiżjoni bil-miktub jew id-deċiżjoni bil-miktub kollha kemm hi (jew diversi deċiżjonijiet bħal dawk) li tagħti l-awtorizzazzjoni biex titħaddem stallazzjoni sħiħa jew parti minnha, bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet li jiggarantixxu li l-istallazzjoni tkun tikkonforma mal-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva. [...]
[…]”
5 L-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/61 jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li ebda stallazzjoni ġdida ma titħaddem mingħajr ma jkun inħareġ permess skond din id-Direttiva […]”
6 L-Artikolu 9 tad-Direttiva 96/61, bit-titolu “Kondizzjonijiet tal-permess”, jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-permess ikun jinkludi l-miżuri kollha meħtieġa għall-konformita mal-ħtiġijiet ta’ l-Artikoli 3 u 10 għall-għoti ta’ permessi sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni għall-ambjent kollu kemm hu [permezz] tal-protezzjoni ta’ l-arja, l-ilma u l-art.
2. Fil-każ ta’ stallazzjoni ġdida jew bidla sostanzjali fejn japplika l-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/337/KEE kull informazzjoni relevanti miksuba jew konklużjonijiet milħuqa skond l-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dik id-Direttiva għandhom jiġu meqjusa għall-għanijiet ta’ l-għoti tal-permess.
3. Il-permess għandu jinkludi l-limiti tal-valuri ta’ emissjoni għal oġġetti li jniġġsu, b’mod partikolari, dawk elenkati fl-Anness III, li x’aktarx joħorġu mill-istallazzjoni konċernata fi kwantitajiet sinifikanti, wara li tkun ikkunsidrata n-natura u l-potenzjal tagħhom li jitrasferixxu t-tniġġiż minn mezz għal ieħor (ilma, arja u art). Jekk ikun meħtieġ, il-permess għandu jinkludi ħtiġijiet adattati li jiżguraw il-protezzjoni tal-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art u miżuri li jikkonċernaw l-immaniġġar ta’ l-iskart ġenerat mill-istallazzjoni. Fejn xieraq, il-limiti tal-valuri jistgħu jiġu supplimentati jew mibdula b’parametri ekwivalenti jew miżuri tekniċi.
Għal stallazzjonijiet li jaqgħu taħt is-subintestatura 6.6 fl-Anness I, il-valuri tal-limiti ta’ emissjoni stabbiliti skond dan il-paragrafu għandhom jieħdu f’konsiderazzjoni l-prattiċi adattati għal dawn il-kategoriji ta’ stallazzjonijiet.
[...]
4. Bla ħsara għall-Artikolu 10, il-valuri tal-limiti ta’ emissjoni u l-parametri ekwivalenti u l-miżuri tekniċi msemmijin fil-paragrafu 3 għandhom jiġu bażati fuq l-aħjar tekniki disponibbli, mingħajr ma jiġi preskritt l-użu ta’ xi teknika jew teknoloġija speċifika, iżda billi jkunu meqjusa l-karatteristiċi tekniċi ta’ l-istallazzjoni konċernata, il-lokazzjoni ġeografika tagħha, u l-kundizzzjonijiet lokali ambjentali. Fiċ-ċirkostanzi kollha, l-kundizzjonijiet tal-permess għandhom ikunu fihom dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis ta’ tniġġiż f’distanzi fit-tul jew bejn il-fruntieri u jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni għall-ambjent kollu kemm hu.
[…]”
7 L-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 96/61 jipprovdi:
“Il-Kummissjoni għandha torganizza l-bdil ta’ tagħrif bejn l-Istati Membri u l-industriji konċernati dwar l-aħjar tekniċi disponibbli, osservazzjoni assoċjata u żviluppi fihom. Kull tlett snin il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultati tal-bdil ta’ tagħrif.”
8 Fl-Anness I tagħha, id-Direttiva 96/61 tistabbilixxi l-kategoriji ta’ attivitajiet industrijali msemmija fl-Artikolu 1 tagħha. Fil-punt 2 tad-daħla tiegħu, l-imsemmi Anness I jipprovdi:
“Il-[limiti massimi] mogħtija hawn taħt ġeneralment jirreferu għal kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew ta’ output. […]”
9 Fil-punt 6.6(a) tiegħu jissemmew ukoll, bħala kategoriji ta’ attività industrijali msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/61, l-“[i]stallazzjonijiet għat-trobbija intensiva tat-tjur [...] b’aktar minn [...] 40 000 post għat-tjur”.
10 L-Anness III tad-Direttiva 96/61, bit-titolu “Lista indikattiva tas-sustanzi prinċipali ta’ tniġġiż li għandhom ikunu meqjusa jekk ikunu relevanti għall-iffissar tal-valuri ta’ limiti ta’ emissjonijiet”, isemmi diversi sustanzi li jniġġsu l-arja u l-ilma. Isemmi wkoll, b’mod partikolari fir-rigward tal-arja, l-ossidi tan-nitroġenu u komposti oħra tan-nitroġenu kif ukoll il-metalli u l-komposti tagħhom. Fir-rigward tal-ilma, b’mod partikolari jsemmi l-komposti organofosforużi, il-metalli u l-komposti tagħhom kif ukoll is-sustanzi li jikkontribwixxu għall-ewtrofikazzjoni, b’mod partikolari n-nitrati u l-fosfati.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
11 B’mod partikolari, l-Anness I tad-Digriet Legali Nru 2005-989, li jemenda n-nomenklatura tal-installazzjonijiet ikklassifikati, jikkontjeni t-taqsima segwenti:
NUMRU
DEŻINJAZZJONI TAT-TAQSIMA
P.D.S. (1)
R (2)
[…]
2111
Tjur, annimali bir-rix (attività ta’ trobbija, bejgħ, eċċ.) bl-esklużjoni ta’ attivitajiet speċifiċi kkontemplati f’taqsimiet oħra:
1. Iktar minn 30 000 annimali-ekwivalenti………………...
Minn 5000 sa 30 000 annimali-ekwivalenti…………….
Nota. - It-tjur u l-annimali bir-rix jingħaddu billi jintużaw il-valuri segwenti espressi f’annimali-ekwivalenti:
summien = 0.125;
ħamiem, perniċi = 0.25;
gallett = 0.75;
kapuċċelli ħfief = 0.85;
tiġieġ, kapuċċelli standard, kapuċċelli tad-“ditta”, kapuċċell bijoloġiku, tiġieġ żgħir, tiġieġ tal-bajd, tiġieġ għar-riproduzzjoni, faġani, pollam u papri selvaġġi = 1;
tiġieġ tqal = 1.15;
papra brojler, papra tas-simna u papra għar-riproduzzjoni = 2;
dundjan ħafif = 2.20;
dundjan medju, dundjan għar-riproduzzjoni, wiżż = 3;
dundjan tqil = 3.50;
palmipedi grassi tas-simna = 7;
P
D
3
[…]
(1) P : permess, D : dikjarazzjoni, S : servitù fl-interess pubbliku
(2) Medda ta’ avviż f’kilometri
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
12 L-Association nationale pour la protection des eaux et rivières‑TOS kif ukoll l-assoċjazzjoni OABA jsostnu, insostenn tar-rikors tagħhom għall-annullament tad-Digriet Legali Nru 2005-989 jew ta’ parti minnu ippreżentat quddiem il-Conseil d’État, li dan id-Digriet Legali jikser il-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61. Fil-fatt, dan tal-aħħar jipprevedi, fit-taqsima 2111 tan-nomenklatura tal-installazzjonijiet ikklassifikati, limitu ta’ 30 000 annimali-ekwivalenti li lil hinn minnu t-trobbija ta’ tjur u ta’ annimali bir-rix ma jistax isir mingħajr il-ksib ta’ permess bil-quddiem għal dan il-għan, b’mod partikolari bid-determinazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ konverżjoni ta’ 0.125 għas-summien u ta’ 0.25 għall-ħamiem u l-perniċi. B’hekk, b’applikazzjoni tal-imsemmija koeffiċjenti, trobbija ta’ iktar minn 40 000 summiena, perniċi jew ħamiema ma jilħaqx dan il-limitu ta’ 30 000 “annimali-ekwivalenti” u jista’ jseħħ taħt is-sistema tad-dikjarazzjoni.
13 Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/6, il-Conseil d’État josserva, fil-motivi tad-deċiżjoni tiegħu, li:
– l-installazzjonijiet intiżi għat-trobbija intensiva ta’ tjur ta’ iktar minn 40 000 post għandhom ikunu suġġetti għall-għoti ta’ permess;
– din id-Direttiva ma tagħtix definizzjoni tal-ispeċi li għandhom jiġu kkunsidrati bħala “tjur” skont l-imsemmi anness, filwaqt li d-direttivi applikabbli għat-tjur abbażi ta’ leġiżlazzjonijiet oħra jistabbilixxu b’mod espliċitu lill-ispeċi li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, jew billi jeskludu s-summien, il-perniċi u l-ħamiem, jew billi jinkluduwhom.
14 Kien għalhekk li l-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejjin:
“Il-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61 […] li jirrigwarda lill-installazzjonijiet intiżi għat-trobbija intensiva ta’ tjur ta’ iktar minn 40 000 post, għandu jiġi interpretat:
– bħala li jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu s-summien, il-perniċi u l-ħamiem,
– f’każ ta’ risposta fl-affermattiv, bħala li jippermetti dispożizzjoni li twassal sabiex il-kalkolu tal-limiti tal-permess isir abbażi ta’ mekkaniżmu ta’ ‘annimali-ekwivalenti’, li jqassam in-numru ta’ postijiet għall-annimali skont l-ispeċi, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut tan-nitroġenu effettivament irrilaxxat mid-diversi speċi?”
Fuq id-domanda preliminari
15 Preliminarjament, għandu jiġi osservat li mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/61 u mill-punt 6.6(a) tal-Anness I tagħha, jirriżulta li l-installazzjonijiet intiżi għat-trobbija intensiva ta’ tjur li għandhom iktar minn 40 000 post huma suġġetti għall-sistema ta’ permess bil-quddiem.
16 Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huwa ddeterminat minn tliet elementi kumulattivi, jiġifieri li t-trobbija għandha tkun ta’ natura intensiva, li għandha tkun trobbija ta’ tjur u li l-installazzjonijiet milquta għandu jkollhom numru minimu ta’ 40 000 post.
17 Barra minn hekk, huwa paċifiku li d-Direttiva 96/61 ma tagħti definizzjoni la tal-kunċett ta’ “trobbija intensiva”, la ta’ dak ta’ “tajra” u lanqas ta’ “post”.
Fuq l-ewwel parti tad-domanda
18 Permezz tal-ewwel parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “tajra”, użat fil-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61, jinkludix fih is-sumien, il-perniċi u l-ħamiem.
19 Preliminarjament, il-Gvern Franċiż josserva, b’mod partikolari, li s-summien, il-perniċi u l-ħamiem ma jistgħux ikunu suġġetti għal trobbija intensiva. Konsegwentement, il-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61 ma jistax ikun applikabbli għal dawn it-tjur.
20 Tali raġunament ma jistax jiġi aċċettat.
21 Fil-fatt, il-Gvern Franċiż ma pproduċa l-ebda prova xjentifika li turi l-impossibbiltà tat-trobbija ta’ dawn it-tjur b’mod intensiv u l-fatt waħdu li t-trobbija Franċiża tas-summien u ta’ ħamiem bħala medja tinkludi 3 000 annimal ma jistax jistabbilixxi li t-trobbija ta’ iktar minn 40 000 tajra ma jistax jeżisti.
22 Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-eżistenza ta’ trobbija intensiv ta’ xi wħud minn dawn it-tjur hija kkontemplata mil-leġiżlazzjoni Franċiża, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet stess tad-Digriet Ministerjali tat-18 ta’ Settembru 1985 li jistabbilixxi l-koeffiċjenti ta’ ekwivalenza għall-produzzjonijiet mhux fuq l-art (JORF tat-8 ta’ Ottubru 1985, p. 11683) li jiddefinixxi s-superfiċi minima għal produttur agrikolu ta’ installazzjoni għat-trobbija mhux fuq l-art għal 200 000 summiena mibjugħa ħajja jew 120 000 summiena mibjugħa mejta.
23 Fir-rigward tal-kunċett ta’ tajra, li mhuwiex iddefinit b’mod speċifiku mid-Direttiva 96/61, għandu jiġi osservat li t-tifsira komuni ta’ dan it-terminu tirreferi għall-għasafar kollha mrobbija għall-bajd jew għal-laħam. Issa, is-summien, il-perniċi u l-ħamiem, li huma speċi ta’ għasafar, jistgħu jitkabbru għall-konsum tal-bajd jew tal-laħam tagħhom.
24 Din l-interpretazzjoni tista’ wkoll tibbaża ruħha fuq l-istruttura ġenerali u l-għan ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C‑72/95, Ġabra p. I‑5403, punt 38).
25 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-għan tad-Direttiva 96/61, kif definit mill-Artikolu 1 tagħha, huwa li tinkiseb prevenzjoni u kontroll sħiħ ta’ tniġġis permezz tal-implementazzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex jiġu evitati jew jitnaqqsu l-emissjonijiet li jinħolqu mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I tagħha fl-arja, l-ilma u l-art, sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent.
26 Kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-approċċ integrat iseħħ permezz ta’ koordinazzjoni xierqa tal-proċedura u tal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-installazzjonijiet industrijali li l-potenzjal ta’ tniġġis tagħhom huwa kbir, li tippermetti li jinkiseb l-ogħla livell ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu, fejn dawn il-kundizzjonijiet għandhom, f’kull każ, jinkludu dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis ta’ tniġġis fuq distanzi twal jew bejn il-fruntieri u jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu.
27 Peress li l-għan tad-Direttiva 96/61 ġie definit b’mod wiesgħa, ma jistax jitqies li l-punt 6.6(a) tal-Anness I tagħha jista’ jiġi interpretat b’tali mod li ma jinkludix is-summien, il-perniċi u l-ħamiem.
28 Il-fatt, invokat mill-Gvern Franċiż, li l-punt 17(a) tal-Anness I tad-Direttiva 85/337, fil-verżjoni ta’ dan l-anness li tirriżulta mid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997 (ĠU L 73, p. 5), jirreferi għall-installazzjonijiet intiżi għat-trobbija intensiva ta’ tjur ta’ iktar minn 85 000 post għall-kapuċċelli jew ta’ iktar minn 60 000 post għat-tiġieġ ma jistax jinfluwenza l-interpretazzjoni li għandha tingħata fir-rigward tal-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61. Din ta’ l-aħħar tikkostitwixxi leġiżlazzjoni speċifika li, hekk kif jirriżulta mill-kliem tagħha, tolqot lit-tjur fis-sens wiesgħa u tipprevedi limitu differenti minn dawk li jistabbilixxi l-imsemmi punt 17(a).
29 Barra minn hekk, l-argument tal-Gvern Franċiż intiż sabiex jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61 għat-tiġieġ tal-bajd, kapuċċelli tal-laħam, dundjani, papri u pollam biss, minħabba li tali delimitazzjoni saret fid-dokument dwar l-aħjar tekniċi disponibbli għat-trobbija intensiva ta’ tjur u ħnieżer, bl-isem ta’ BREF, u ppubblikat mill-Kummissjoni matul ix-xahar ta’ Lulju 2003 (ĠU C 170, p. 3) b’applikazzjoni tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 96/61, għandu jiġi miċħud.
30 Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi osservat li d-document BREF stess jenfasizza li l-interpretazzjoni tat-terminu “tajra” huwa speċifiku għal dan id-dokument u, min-naħa l-oħra, li tali dokument m’għandu l-ebda valur vinkolanti u lanqas natura interpetattiva tad-Direttiva 96/61, peress li dan jillimita ruħu sabiex jipprovdi rapport fuq it-tagħrif tekniku dwar l-aħjar tekniki ta’ trobbija disponibbli.
31 Konsegwentement, il-fatt li d-dokument BREF inkwistjoni ma jsemmi la s-summien, la l-perniċi, u lanqas il-ħamiem, bl-ebda mod ma jfisser li dawn it-tliet tipi ta’ għasafar mhumiex kopert mill-kunċett ta’ “tjur” imsemmi fil-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61.
32 Fl-aħħar nett, għandha tiġi miċħuda t-teżi tal-Gvern Franċiż li tgħid li l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (prevenzjoni u kontroll integrat tat-tniġġis), ippreżentata mill-Kummissjoni fil-21 ta’ Diċembru 2007 [COM(2007) 844 finali] u li hija intiża sabiex tirrevedi u tgħaqqad f’test ġuridiku wieħed diversi strumenti Komunitarji, fosthom id-Direttiva 96/61, twassal sabiex issaħħah l-interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ “tajra” skont din l-aħħar direttiva.
33 Fil-fatt, proposta ta’ direttiva, għalkemm tkun tillimita ruħha sabiex tgħaqqad flimkien dokumenti legali li jkunu fis-seħħ, ma tistax tkun il-bażi tal-interpretazzjoni ta’ direttiva li tkun fis-seħħ.
34 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel parti tad-domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-kunċett ta’ “tajra” msemmi fil-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61 għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi s-summien, il-perniċi u l-ħamiem.
Fuq it-tieni parti tad-domanda preliminari
35 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk il-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61 jipprekludix lil Stat Membru milli jistabbilixxi sistema, msejħa “sistema ta’ ‘annimali-ekwivalenti’”, li tikkonsisti fl-iffissar tal-limiti għall-għoti tal-permess bil-quddiem għall-installazzjonijiet ta’ trobbija intensiva ta’ tjur billi jirregolaw in-numru ta’ annimali għal kull post skont l-ispeċi, sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-kontenut ta’ nitroġenu realment rilaxxat mid-diversi għasafar.
36 L-assoċjazzjonijiet rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-użu ta’ sistema ta’ annimali-ekwivalenti mhijiex ipprojbita sakemm il-livell sabiex jingħata l-permess jibqa’ ugwali għal jew inqas minn 40 000 tajra fiżikament preżenti f’kull mument f’installazzjoni.
37 Il-Gvern Franċiż josserva li l-leġiżlazzjoni Franċiża tipprevedi li permess huwa meħtieġ għat-trobbija ta’ tjur jew ta’ annimali bir-rix li jinvolvi iktar minn 30 000 annimali-ekwivalenti u tistabbilixxi koeffiċjent ta’ qsim ugwali għal 0.125 għas-summien u ta’ 0.25 għall-perniċi u għall-ħamiem. Dawn il-koeffiċjenti ġew ikkalkulati b’tali mod li jieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kwantità ta’ nitroġenu rilaxxat mid-diversi speċi abbażi tal-informazzjoni ppubblikata mill-Comité d’orientation pour les pratiques agricoles respectueuses de l’environnement (Corpen), korp imqiegħed taħt is-superviżjoni tal-Ministeru tal-Agrikoltura u l-Ministeru tal-Ambjent, iżda anki l-impatti l-oħra kollha fuq l-ambjent bħall-kwantità ta’ eskrementi li huma prodotti f’sena jew l-inkonvenjenzi marbuta mal-istorbju u mal-irwejjaħ.
38 Il-Kummissjoni tosserva li għalkemm l-interpretazzjoni mogħtija mill-Gvern Franċiż tista’ tidher li hija ġustifikata, din tirriżulta, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, f’interpretazzjoni contra legem. Fil-fatt, skont hi, l-espressjoni “aktar minn 40 000 post għat-tjur” li tinsab fil-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61 tirreferi għal kapaċità ta’ produzzjoni simultanja ta’ iktar minn 40 000 tajra u mhux għal limitu għall-għoti ta’ permess li huwa skont it-tniġġis iġġenerat minn kull speċi ta’ tajra.
39 F’dan ir-rigward, għalkemm huwa kostanti li l-kunċett ta’ “post” mhuwiex iddefinit mid-Direttiva 96/61, għandu madankollu jiġi osservat li l-punt 2 tad-daħla tal-Anness I ta’ din id-direttiva jippreċiża li “[i]l-[limiti massimi] mogħtija hawn taħt ġeneralment jirreferu għal kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew ta’ output”. Għaldaqstant, id-Direttiva 96/61 mhijiex intiża, mingħajr madankollu ma teskludi dan il-fatt, li tiddetermina l-limitu ta’ għoti tal-permess skont metodu ta’ annimali-ekwivalenti.
40 Peress li l-għan tad-Direttiva 96/61 huwa l-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis provenjenti minn ċerti attivitajiet, fosthom it-trobbija intensiva ta’ tjur, l-użu ta’ metodu ta’ annimali-ekwivalenti għandu jiġi aċċettat biss jekk jiżgura l-osservanza sħiħa ta’ dan l-għan. Min-naħa l-oħra, l-użu tal-metodu msemmi ma jistax ikollu l-effett li jneħħi mis-sistema stabbilita mill-imsemmija direttiva lil installazzjonijiet li jaqgħu taħtha fir-rigward tan-numru ta’ postijiet tagħhom.
41 Barra minn hekk, f’dan il-każ, ir-rabta li teżisti bejn il-kontenut tal-leġiżlazzjoni Franċiża u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-livell ta’ nitroġenu effettivament rilaxxat minn dawn l-għasafar, mhuwiex ipprovat mill-Gvern Franċiż.
42 Fil-fatt, biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-informazzjoni li tirriżulta mill-Annessi għaċ-ċirkolari tal-Ministère de l’Écologie, du Développement et de l’Aménagement durables, tas-7 ta’ Settembru 2007, dwar l-installazzjonijiet ikklassifikati (trobbija, tjur) użu ta’ regoli ġodda għall-emissjonijiet (Bulletin uffiċjali, 30 ta’ Ottubru 2007, MEDAD 2007/20, test 15, p. 1), turi li r-relazzjoni bejn l-emissjonijiet ta’ nitroġenu ta’ summiena, ta’ perniċi jew ta’ ħamiema u dawk ta’ kapuċċell standard ma jikkorrispondux għall-qsim stabbilit mid-Digriet Legali Nru 2005-989. Dan id-Digriet Legali jipprevedi li kapuċċell standard huwa ekwivalenti għal tmien summieniet, erba’ perniċi jew ħamiem filwaqt li l-informazzjoni msemmija iktar ’il fuq turi li l-eskrementi ta’ summiena jew ta’ perniċi jikkontjenu livell ta’ nitroġenu ekwivalenti għal nofs dak ta’ kapuċċell standard, filwaqt li ħamiema tipproduċi ħames darbiet iktar. Skont l-istess informazzjoni, il-livell ta’ fosforu, ram u żingu fl-eskrementi tas-summien, tal-perniċi u tal-ħamiem ukoll huwa superjuri għal dak li jinsab fl-eskrementi tal-kapuċċelli standard.
43 Sabiex jiġġustifika dan in-nuqqas ta’ proporzjonalità, il-Gvern Franċiż spjega lill-udjenza li l-effetti l-oħra fuq l-ambjent kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni, madankollu mingħajr ma ppreżenta l-ebda prova xjentifika li tistabbilixxi n-natura u s-sehem ta’ dawn l-effetti l-oħra fuq l-ambjent.
44 F’dawn iċ-ċirkustanzi, u kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, jidher li d-Digriet Legali Nru 2005-989 iwassal sabiex jiġu eżentati mill-proċedura ta’ permess bil-quddiem prevista mid-Direttiva 96/61 dawk l-installazzjonijiet ta’ trobbija intensiva li għandhom bejn 40 001 sa 240 000 summiena jew bejn 40 001 sa 120 000 perniċi jew ħamiem filwaqt li dawn l-installazzjonijiet jistgħu jipproduċu kwantità ta’ nitroġenu, ta’ fosfru, ta’ ram u ta’ żingu superjuri għal dak prodott mill-installazzjonijiet intiżi għat-trobbija intensiva ta’ 40 000 kapuċċell standard.
45 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni parti tad-domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li twassal sabiex il-limiti għall-għoti ta’ permess għal installazzjoni ta’ trobbija intensiva jiġu kkalkolati skont sistema ta’ annimali-ekwivalenti li hija bbażata fuq it-tqassim ta’ annimali f’postijiet skont l-ispeċi sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ nitroġenu realment rilaxxat mid-diversi għasafar.
Fuq l-ispejjeż
46 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Il-kunċett ta’ “tajra” msemmi fil-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis, kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi s-summien, il-perniċi u l-ħamiem
2) Il-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61, kif emendata bir-Regolament Nru 1882/2003, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li twassal sabiex il-limiti għall-għoti ta’ permess għal installazzjoni ta’ trobbija intensiva jiġu kkalkolati skont sistema ta’ annimali-ekwivalenti li hija bbażata fuq it-tqassim ta’ annimali f’postijiet skont l-ispeċi sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ nitroġenu realment rilaxxat mid-diversi għasafar.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy