Kawża C‑484/07
Fatma Pehlivan
vs
Staatssecretaris van Justitie
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank’s-Gravenhage)
“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Riunifikazzjoni tal-familja — L-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni — Wild ta’ ħaddiem Tork li għex ma’ dan il-ħaddiem għal iktar minn tliet snin, iżda żżewweġ qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet snin previst fl-imsemmija dispożizzjoni — Dritt nazzjonali li jqiegħed inkwistjoni, għal din ir-raġuni, il-permess ta’ residenza tal-parti kkonċernata”
Sommarju tas-sentenza
Ftehim internazzjonali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf bil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Deċiżjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema — Riunifikazzjoni tal-familja
(Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7)
L-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jiġi interpretat f’dan is-sens li:
- din id-dispożizzjoni tipprekludi li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li skont din il-membru tal-familja debitament awtorizzat li jingħaqad ma’ ħaddiem immigrant Tork li diġà jappartjeni għas-suq legali tax-xogħol ta’ dan l-Istat jitlef kull benefiċċju tad-drittijiet ibbażati fuq ir-riunifikazzjoni tal-familja abbażi tal-istess dispożizzjoni minħabba l-fatt biss li, peress li sar maġorenni, huwa jiżżewweġ, anki meta jkompli jirrisjedi ma’ dak il-ħaddiem fl-ewwel tliet snin tar-residenza tiegħu fl-Istat Membru li jospita;
- ċittadin Tork li jaqa’ taħt l-imsemmija dispożizzjoni jista’ validament jeżiġi dritt ta’ residenza fl-Istat Membru li jospita fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, minkejja ċ-ċirkustanza li huwa żżewweġ qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ tliet snin previst fl-imsemmi l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu, fil-każ fejn, f’dan il-perijodu kollu, huwa effettivament irrisjeda taħt l-istess saqaf bħall-ħaddiem immigrant Tork li permezz tiegħu huwa ddaħħal fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja.
Fil-fatt, jirriżulta kemm mis-supremazija tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-effett dirett ta’ dispożizzjoni bħall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li l-Istati Membri ma humiex awtorizzati jemendaw unilateralment il-portata tas-sistema ta’ integrazzjoni gradwali taċ-ċittadini Torok fl-Istat Membru ospitanti u huma ma jiddisponux mill-fakoltà li jadottaw miżuri b’mod li jxekklu l-istatus ġuridiku speċifikament rikonoxxut lil tali ċittadini mil-liġi li tirregola l-Assoċjazzjoni KEE-Turkija. B’hekk, membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 jista’ jitlef id-drittijiet li din id-dispożizzjoni tagħtih biss f’żewġ każijiet, jiġiferi meta l-preżenza tal-immigrant Tork fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti tikkostitwixxi, minħabba l-aġir personali tiegħu, periklu reali u gravi għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika, skont l-Artikolu 14(1) tal-imsemmija deċiżjoni, jew meta l-persuna kkonċernata tkun ħalliet it-territorju ta’ dan l-Istat għal perijodu sinjifikattiv u mingħajr raġunijiet leġittimi.
(ara l-punti 56, 62, 66 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
16 ta’ Ġunju 2011 (*)
“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Riunifikazzjoni tal-familja – L-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni – Wild ta’ ħaddiem Tork li għex ma’ dan il-ħaddiem għal iktar minn tliet snin, iżda żżewweġ qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet snin previst fl-imsemmija dispożizzjoni – Dritt nazzjonali li jqiegħed inkwistjoni, għal din ir-raġuni, il-permess ta’ residenza tal-parti kkonċernata”
Fil-Kawża C‑484/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Rechtbank ’s-Gravenhage (il-Pajjizi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Ottubru 2007, fil-proċedura
Fatma Pehlivan
vs
Staatssecretaris van Justitie,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.‑J. Kasel (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ April 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal F. Pehlivan, minn P. H. Hillen, advocaat,
– għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, M. de Mol u B. Koopman, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,
– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Rozet u M. van Beek, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Lulju 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”). Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni twaqqaf permezz tal-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turikija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat‑Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn F. Pehlivan, ċittadina Torka, kontra l-iStaatssecretaris van Justitie (Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja, iktar ’il quddiem l-“iStaatssecretaris”) dwar ir-revoka tad-dritt ta’ residenza mogħti lilha kif ukoll ta’ proċedura ta’ deportazzjoni tagħha mit-territorju Olandiż.
Il-kuntest ġuridiku
Assoċjazzjoni KEE-Turkija
3 L-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill Nru 2760/72/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41), jgħid kif ġej:
“Fl-oqsma koperti minn dan il-Protokoll it-Turkija ma għandhiex tirċievi trattament iktar favorevoli minn dak li l-Istati Membri jagħtu lil xulxin skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
4 It-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tad-Deċiżjoni Nru 1/80, intitolata “Dispożizzjonijiet soċjali”, tittratta l-“[k]wistjonijiet dwar l-impjieg u l-moviment liberu tal-ħaddiema”. Din it-taqsima tinkludi l-Artikoli 6 sa 16 tal-imsemmija deċiżjoni.
5 Skont l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80:
“Suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għal xogħol għal membri tal-familja tiegħu, ħaddiem Tork, li huwa legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru:
– għandu dritt, f’dak l-Istat Membru, wara sena ta’ impjieg skont il-liġi, għat-tiġdid tal-permess tax-xogħol tiegħu sabiex jaħdem għall-istess persuna li timpjega, jekk din għandha xogħol x’toffri;
– għandu d-dritt, f’dak l-Istat Membru, wara tliet snin ta’ impjieg skont il-liġi u suġġett għall-prijorità li tingħata lill-ħaddiema ta’ Stati Membri tal-Komunità, li jirrispondi għall-offerta oħra ta’ impjieg fl-istess professjoni ma’ persuna li timpjega tal-għażla tiegħu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali, irreġistrata mas-servizzi ta’ xogħol ta’ dak l-Istat Membru;
– wara erba’ snin ta’ impjieg skont il-liġi, jibbenefika, f’dak l-Istat Membru, minn aċċess liberu għall-attivitajiet kollha bi ħlas tal-għażla tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].”
6 L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jgħid kif ġej:
“Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li huwa legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru, li ġew awtorizzati jingħaqdu miegħu:
– għandhom ikunu intitolati – bla ħsara għall-prijorità mogħtija lill-ħaddiema ta’ Stati Membri tal-Komunità – sabiex jirrispondu għal kwalunkwe offerta ta’ impjieg wara li jkunu ilhom residenti legalment għal ta’ mill-inqas tliet snin f’dak l-Istat Membru;
– għandhom igawdu aċċess liberu għal kwalunkwe impjieg bi ħlas li jagħżlu huma kemm-il darba jkun ilhom residenti hemmhekk legalment għal mill-inqas ħames snin.
It-tfal ta’ ħaddiema Torok li jkunu kkompletaw kors ta’ taħriġ vokazzjonali fil-pajjiż ospitanti jistgħu jirrispondu għal kwalunkwe offerta ta’ impjieg hemmhekk, irrispettivament mit-tul ta’ żmien li jkun ilhom residenti f’dak l-Istat Membru, kemm-il darba wieħed mill-ġenituri tagħhom ikun ilu impjegat legalment fl-Istat Membru kkonċernat għal ta’ mill-inqas tliet snin.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
7 L-Artikolu 14 tal-istess deċiżjoni jipprovdi:
“1. “Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima għandhom ikunu applikabbli ħlief għal limitazzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubblika.
2. Huma ma jippreġudikawx id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew ftehim bilaterali eżistenti bejn it-Turkija u l-Istati Membri tal-Komunità, sa fejn huma jipprovdu, sistema iktar favorevoli liċ-ċittadini tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
8 Il-liġi li tipprovdi għal reviżjoni ġenerali tal-Liġi dwar Ċittadini Barranin (Wet tot algehele herziening van de Vreemdelingenwet), tat-23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 495, iktar ’il quddiem il-“Vw 2000”), daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 2001. Huwa wara din l-aħħar imsemmija data li huma applikabbli wkoll għall-Pajjiżi l-Baxxi d-Digriet dwar Ċittadini Barranin tal-2000 (Vreemdelingenbesluit 2000, Stb. 2000, Nru 497, iktar ’il quddiem il-“Vb 2000”) kif ukoll ir-Regolament dwar Ċittadini Barranin tal-2000 (Voorschrift Vreemdelingen 2000, Stcrt. 2001, Nru 10). Fiċ-ċirkulari dwar Ċittadini Barranin tal-2000 (Vreemdelingencirculaire 2000, iktar ’il quddiem il-“Vc 2000”), l-iStaatssecretaris spjega l-mod li permezz tiegħu kellu l-intenzjoni li japplika l-Vw 2000 u l-Vb 2000.
9 L-Artikolu 14 tal-Vw 2000 jipprovdi:
“1. Il-ministru tagħna għandu s-setgħa:
a) jilqa’, jiċħad jew ma jikkunsidrax mingħajr ma jeżamina l-applikazzjoni għal għoti ta’ permess ta’ residenza b’terminu fiss;
b) jilqa’, jiċħad jew ma jikkunsidrax mingħajr ma jeżamina l-applikazzjoni għall-estensjoni tat-terminu ta’ validità ta’ dan il-permess;
c) jimmodifika permess ta’ residenza b’terminu fiss kemm fuq talba tat-titolari tiegħu, kif ukoll ex officio minħabba tibdil taċ-ċirkustanzi;
d) jirtira permess ta’ residenza b’terminu fiss;
[…]
2. Permess ta’ residenza b’terminu fiss jinħareġ b’restrizzjonijiet li jirrigwardaw ir-raġunijiet li għalihom ir-residenza hija awtorizzata. Kundizzjonijiet oħra jistgħu jiġu imposti. Ir-regoli applikabbli għar-restrizzjonijiet u l-kundizzjonijiet l-oħra jistgħu jiġu stabbiliti bir-regolamenti amministrattivi b’portata ġenerali.
3. Il-permess ta’ residenza b’terminu fiss huwa maħruġ għall-perijodu li ma jistax jeċċedi ħames snin konsekuttivi. Regolamenti amministrattivi b’portata ġenerali jistabbilixxu r-regoli li jirrigwardaw it-terminu ta’ validità ta’ permess ta’ residenza u għall-estensjoni ta’ dan it-terminu.”
10 Skont l-Artikolu 18(1) tal-Vw 2000:
“Applikazzjonii għall-estensjoni tal-validità ta’ permess ta’ residenza b’terminu fiss fis-sens tal-Artikolu 14 tista’ tiġi miċħuda jekk:
[…]
c) il-barrani ta informazzjoni żbaljata jew naqas milli jikkomunika informazzjoni li kienet twassal għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni inizjali;
[…]
f) ir-restrizzjoni għall-permess jew kundizzjoni oħra marbuta mal-ħruġ tiegħu ma ġietx irrispettata;
[…]”
11 Skont l-Artikolu 19 tal-Vw 2000, il-permess ta’ residenza b’terminu fiss jista’ jiġi rtirat għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 18(1) tal-istess liġi.
12 Skont l-Artikolu 3.24 tal-Vb 2000, il-permess ta’ residenza maħruġ għal terminu fiss previst fl-Artikolu 14 tal-Vw 2000 jista’ jinħareġ b’restrizzjoni li tirrigwarda riunifikazzjoni tal-familja ma’ membru tal-familja ta’ persuna Olandiża jew ta’ barrani li huwa residenti legalment skont din il-liġi minbarra l-konjuġi, is-sieħeb irreġistrat jew mhux irreġistrat jew tfal minorenni jekk, fl-opinjoni tal-iStaatssecretaris, il-barrani realment jifforma parti u kien diġà realment jifforma parti, fl-Istat tal-oriġini, tal-familja tal-persuna li għandha, għandu l-intenzjoni li jirrisjedi u li s-separazzjoni ta’ dik il-persuna mill-barrani tammonta għal miżura severa b’mod sproporzjonat.
13 L-Artikolu 3.51(1) tal-Vb 2000 jipprovdi:
“Il-permess ta’ residenza b’terminu fiss, fis-sens tal-Artikolu 14 tal-Vw 2000, suġġett għal restrizzjoni relatata ma’ residenza kontinwa jista’ jingħata lil ċittadin barrani li jkun għex fil-Pajjiżi l-Baxxi għal tliet snin bħala d-detentur ta’ permess ta’ residenza fil-każijiet segwenti:
a) riunifikazzjoni tal-familja jew ħolqien ta’ familja ma’ persuna titolari ta’ dritt ta’ residenza permanenti;
[…]”
14 L-Artikolu 3.52 tal-Vb 2000 jipprovdi li l-permess ta’ residenza b’terminu fiss fis-sens tal-Artikolu 14 tal-Vw 2000 jista’ jinħareġ, suġġett għar-restrizzjoni li tirrigwarda l-“estensjoni tar-residenza”, f’każijiet oħra apparti dawk previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 3.51, lil barrani li jirrisjedi legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi fis-sens ta’ din l-istess liġi u li, minħabba ċirkustanzi personali partikolari, ma jkunx meħtieġ, fl-opinjoni tal-iStaatssecretaris, li jitlaq mit-territorju Olandiż.
15 Il-Vc 2000 tesponi, b’mod partikolari, il-politika mħaddna mill-awtoritajiet Olandiżi fil-kuntest tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Fit-Taqsima B11/3.5 ta’ din iċ-ċirkulari, hekk kif redatta fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, kien imsemmi b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 7 tal-imsemmija deċiżjoni:
“Spjegazzjoni rigward il-kunċetti ta’: ‘membri tal-familja’: ir-raġel/mara tal-ħaddiem/a Tork/a u l-qraba tagħhom mid-demm fil-linja dixxendenti taħt l-età ta’ 21 sena jew dipendenti fuqhom, flimkien mal-qraba mid-demm fil-linja axxendenti ta’ dak/dik il-ħaddiem/a u l-mara/raġel tiegħu/tagħha li jkunu dipendenti fuqhom […]
‘legalment residenti’: dan it-terminu jippresupponi li l-membru tal-familja attwalment ikun għex mal-ħaddiem Tork għal perijodu kontinwu ta’ tliet snin jew ħamsa […]. Meta jiġi kkalkulat dan il-perijodu, madankollu, għandha ssir konċessjoni għal interruzzjonijiet qosra fil-koabitazzjoni mingħajr l-intenzjoni li tiġi abbandunata tali koabitazzjoni. Eżempju jista’ jkun assenza mir-residenza komunali għal perijodu raġonevoli li għaliha jkun hemm raġunijiet validi jew żjara ta’ inqas minn sitt xhur mill-persuna kkonċernata fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha […]”
16 Għal dak li jirrigwarda l-estensjoni tar-residenza tal-membri tal-familja, it-Taqsima B11/3.5.1 tal-Vc 2000 tipprovdi b’mod partikolari:
“[…] ir-regoli nazzjonali li jirregolaw ir-riunifikazzjoni tal-familja u l-kostituzzjoni tal-familja […] ġeneralment jikkonferixxu lill-membri tal-familja d-dritt li jaħdmu. Huma b’hekk imorru oltre l-obbligi kkreati permezz tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti, fuq talba tiegħu, lil membru minorenni tal-familja, li għandu bħala minuri, permess ta’ residenza minħabba r-riunifikazzjoni tal-familja ma’ persuna li għandha dritt ta’ residenza permanenti, wara li tagħlaq sena, awtorizzazzjoni (personalment) ta’ estensjoni tar-residenza […]
‘Jirrisjedi legalment għal mill-inqas tliet snin’: wara tliet snin ta’ residenza legali tapplika r-regola ġenerali li skont din il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jappartjeni għas-suq legali tax-xogħol li kisbu permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi fil-kuntest ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma’ dan il-ħaddiem Tork għandhom aċċess liberu għal kull xogħol tal-għażla tagħhom. Iċ-ċirkustanza li l-membru tal-familja twieled fil-Pajjiżi l-Baxxi u b’hekk ma kellux bżonn awtorizzazzjoni sabiex jingħaqad mal-ħaddiem Tork fil-Pajjiżi l-Baxxi fil-kuntest ta’ riunifikazzjoni tal-familja hija irrilevanti hawnhekk […]”.
17 Din l-aħħar imsemmija preċiżazzjoni tal-Vc 2000 tfisser li, skont il-liġi Olandiża, l-aċċess ħieles għas-suq tax-xogħol, kif definit fit-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, bħala regola jseħħ fl-iskadenza tal-perijodu ta’ residenza legali ta’ tliet snin. Din ir-regola li tiffavorixxi lill-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork tammonta għal eċċezzjoni għall-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Din ir-regola iktar favorevoli għandha tiġi applikata dejjem.
18 Barra minn hekk, l-imsemmija membri tal-familja jistgħu, wara tliet snin ta’ residenza legali fil-Pajjiżi l-Baxxi, japplikaw għal permess ta’ residenza għalihom stess għall-estenzjoni tar-residenza tagħhom. Dan il-permess jiftħilhom l-aċċess liberu għal kull impjieg tal-għażla tagħhom.
19 Wara tliet snin ta’ residenza legali fil-Pajjiżi l-Baxxi, ir-residenza ta’ membru tal-familja ma hijiex suġġetta għal kundizzjonijiet, skont l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Iċ-ċirkustanza li, fl-iskadenza ta’ dan il-perijodu ta’ tliet snin, il-ħaddiem Tork ma jappartjenix iktar għas-suq legali tax-xogħol jew li r-rabtiet familjari jkunu ntemmew ma għandhiex iktar effett fuq id-dritt ta’ residenza tal-membru tal-familja kkonċernata. Din ir-regola tapplika kemm jekk il-membru tal-familja għandu jew le personalment permess ta’ residenza.
20 It-Taqsima B2/8.3 tal-Vc 2000, fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, tipprovdi kif ġej:
“Il-permess ta’ residenza ma għandux jingħata jekk it-tifel/tifla li jkun/tkun maġġorenni, de facto ma jifformax/tifformax jew, fil-pajjiż ta’ oriġini, ma kienx/kinitx diġà jifforma/tifforma parti mill-familja tal-ġenitur. ‘De facto ma jifformax/tifformax parti mill-familja’ tfisser li:
– ir-rabta tal-familja kienet diġà teżisti fil-pajjiż barrani;
– hemm dipendenza morali u finanzjarja fuq il-ġenituri, li diġà kienet teżisti fil-pajjiż barrani; u
– iċ-ċittadin barrani irid ikun sejjer jirrisjedi mal-ġenitur(i).
Tfal li jkunu laħqu l-età ta’ maġġorenni fil-fatt ma jibqgħux jifformaw parti mill-familja jekk ir-relazzjoni attwali tal-familja tista’ titqies li tkissret. Dan huwa dejjem il-każ f’waħda jew iktar miċ-ċirkustanzi li ġejjin:
– iċ-ċittadin barrani jintegra ruħu b’mod permanenti f’familja oħra u l-persuna li għandha għandu l-intenzjoni li jirrisjedi mgħandhiex iktar awtorità (reali) fuqu;
– iċ-ċittadin barrani jintegra ruħu b’mod permanenti f’familja oħra u l-persuna li għandha għandu l-intenzjoni li jirrisjedi ma tħallax iktar għall-ispejjeż tal-edukazzjoni tiegħu u sabiex tieħu ħsiebu;
– iċ-ċittadin barrani għandu residenza indipendenti u jieħu ħsieb huwa stess għall-għajxien tiegħu;
– iċ-ċittadin barrani jifforma familja separata billi jidħol fi żwieġ jew f’relazzjoni;
– iċ-ċittadin barrani jkun responsabbli għal jew ikollu l-kustodja ta’ tifel/tifla leġittimu/a jew illeġittimu/a, tifel/tifla taħt fostering jew adottat/a jew membri tal-familja dipendenti oħrajn […]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
21 Jirriżulta mill-proċess fil-kawża prinċipali li F. Pehlivan, li twieldet fit-Turkija fis-7 ta’ Awwissu 1979, tħalliet tidħol fit-territorju Olandiż fil-11 ta’ Mejju 1999, fuq il-bażi ta’ riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tagħha, fejn għal-inqas wieħed minnhom kien diġà jappartjeni għas-suq legali tax-xogħol tal-Pajjiżi l-Baxxi.
22 Din hija r-raġuni li għaliha l-iStaatssecretaris tagħha, fl-1 ta’ Awwissu 1999, permess ta’ residenza b’terminu fiss, li jidħol fis-seħħ fid-9 ta’ Awwissu segwenti, bil-kundizzjoni li tirrigwarda r-“riunifikazzjoni tal-familja estiża mal-ġenituri”. L-awtoritajiet Olandiżi estendew it-terminu ta’ validità ta’ dan il-permess għall-aħħar darba sal-24 ta’ Lulju 2003.
23 Ma huwiex ikkontestat li, sa mit-12 ta’ Awwissu 1999 u għal perijodu ta’ iktar minn tliet snin, F. Pehlivan irrisjediet fir-residenza Olandiża tal-ġenituri tagħha.
24 Fit-22 ta’ Diċembru 2000, F. Pehlivan, waqt żjara qasira fit-Turkija, iżżewġet ċittadin Tork. Madankollu, kien biss fit-3 ta’ Mejju 2002 li hija infurmat lid-Dipartiment taċ-ċittadini barranin dwar l-eżistenza taż-żwieġ, li ġie rreġistrat fl-1 ta’ Lulju segwenti fid-dipartiment kompetenti tal-komun tar-residenza tal-parti kkonċernata.
25 Mill-imsemmija unjoni, twieled wild fit-30 ta’ Marzu 2002.
26 Skont l-indikazzjonijiet ta’ F. Pehlivan, ir-raġel tagħha daħal fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-2002 bħala sewwieq tat-trakk Tork u ppreżenta f’dan l-Istat Membru applikazzjoni għal permess ta’ residenza. Wara ċ-ċaħda ta’ dik l-applikazzjoni, huwa ġie ddeportat mit-teritorju Olandiż. Skont F. Pehlivan, ir-raġel tagħha kien, sa mix-xahar ta’ Ġunju 2002, jgħix għal disa’ xhur magħha u l-ġenituri tagħha fir-residenza tal-familja.
27 Fl-10 ta’ Frar 2004, ix-xoljiment taż-żwieġ ta’ M. u F. Pehlivan ġie ppronunċat minn qorti Torka.
28 Fl-1 ta’ April 2005, F. Pehlivan telqet mir-residenza tal-ġenituri tagħha u marret tgħix mat-tifel tagħha f’indirizz ieħor fil-Pajjiżi l-Baxxi.
29 Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2003, l-iStaatssecretaris jirtira, b’effett retroattiv fit-22 ta’ Diċembru 2000, li hija d-data taż-żwieġ ta’ M. u F. Pehlivan, il-permess ta’ residenza ta’ din tal-aħħar. Dan l-irtirar kien immotivat minn ċirkustanza li, skont id-dritt Olandiż, F. Pehlivan kienet ikkunsidrata li kisret definittivament ir-rabta familjari effettiva mal-ġenituri tagħha minħabba l-fatt li hija żżewġet.
30 L-awtoritajiet Olandiżi kkonkludew li F. Pehlivan kienet irrisjediet b’mod legali fil-Pajjiżi l-Baxxi biss sat-22 ta’ Diċembru 2000, jiġifieri għal perijodu ta’ inqas minn tliet snin, b’mod li hija ma setgħetx tipprevalixxi iktar mill-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u li b’hekk hija kellha tiġi ddeportata.
31 Peress li r-residenza effettiva tagħha għand il-ġenituri tagħha kienet baqgħet għadejja wara t-22 ta’ Diċembru 2000 u li s-sitwazzjoni tagħha fir-rigward tal-imsemmija dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80 fl-ebda mument ma ġiet affettwata miż-żwieġ tagħha, F. Pehlivan ippreżentat, fis-7 ta’ Novembru 2003, ilment kontra d-deċiżjoni ta’ deportazzjoni ppronunċata fir-rigward tagħha. Wara ċ-ċaħda ta’ dan l-ilment, hija ressqet fid-29 ta’ Diċembru 2005, rikors quddiem ir-Rechtbank ’s-Gravenhage, fejn talbet fost l-oħrajn għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ deportazzjoni.
32 Skont il-qorti tar-rinviju, huwa stabbilit li missier F. Pehlivan għandu jiġi kkunsidrat bħala ħaddiem Tork fis-sens tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u li jappartjeni għas-suq legali tax-xogħol tal-Istat Membru li jospita.
33 Lanqas ma ġie kkontestat bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li F. Pehlivan, mit-12 ta’ Awwissu 1999, għexet effettivament taħt l-istess saqaf mal-ġenituri tagħha għal perijodu mhux interrott ta’ għall-inqas tliet snin.
34 Peress li kkunsidrat li s-soluzzjoni għall-kawża li kienet qed titratta kienet tiddependi fuq jekk din l-aħħar imsemmija ċirkustanza kienet suffiċjenti sabiex F. Pehlivan tissodisfa l-kundizzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 dwar ir-residenza legali għal tliet snin fl-Istat Membru li jospita, u b’hekk tista’ validament tagħmel użu mid-drittijiet li din id-dispożizzjoni tagħtiha, ir-Rechtbank ’s-Gravenhage ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) a) L-ewwel inċiż tal-[ewwel paragrafu tal-]Artikolu 7 tad-Deċiżjoni ta’ Assoċjazzoni Nru 1/80 [tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija] għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika meta membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork ikun effettivament għex ma’ dan il-ħaddiem għal tliet snin mingħajr mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu kkontestaw id-dritt ta’ residenza tiegħu matul dan il-perijodu ta’ tliet snin?
b) L-ewwel inċiż tal-[ewwel paragrafu tal-]Artikolu 7 tad-Deċiżjoni ta’ Assoċjazzjoni Nru 1/80 jipprekludi li matul dawn it-tliet snin Stat Membru jkun jista’ jiddeċiedi li jekk il-membru tal-familja li jkun tħalla jidħol fit-territorju jiżżewweġ, ma jibqax jibbenefika mid-drittijiet taħt din id-dispożizzjoni, anki jekk huwa jibqa’ jgħix mal-ħaddiem Tork?
2) L-ewwel inċiż tal-[ewwel paragrafu tal-]Artikolu 7, jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra u/jew prinċipju tad-dritt Komunitarju jipprekludi li, wara li jiskadu t-tliet snin, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkontestaw, retroattivament, id-dritt ta’ residenza tal-barrani billi jibbażaw rwieħhom fuq il-kwalità tiegħu ta’ membru tal-familja u/jew il-legalità tar-residenza tiegħu matul dawn it-tliet snin?
3) a) Il-fatt li barrani, intenzjonalment jew le, naqas milli jressaq provi li d-dritt nazzjonali jqis li huma importanti għall-finijiet tad-dritt ta’ residenza tiegħu, huwa rilevanti għar-risposta għad-domandi preċedenti, u jekk dan huwa l-każ, b’liema mod?
b) Il-fatt li dawn il-provi ġew magħrufa matul il-perijodu ta’ tliet snin jew biss wara li skada dan il-perijodu, huwa rilevanti? F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, ladarba informati, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom iwettqu analiżi (fil-fond) qabel ma jieħdu deċiżjoni. Jekk dan huwa l-każ, b’liema mod?”
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
35 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari tar-Rechtbank ’s-Gravenhage tirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ ċittadina Torka li, bħala tarbija u, b’hekk, membru tal-familja ta’ koppja ta’ immigranti Torok li minnhom għall-inqas wieħed jappartjeni għas-suq legali tax-xogħol tal-Pajjiżi l-Baxxi, ġiet awtorizzata tingħaqad mal-ġenituri tagħha fit-territorju tal-Istat Membru li jospita għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, fuq il-bażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.
36 Il-Qorti tar-rinviju kkonstatat li F. Pehlivan għexet taħt l-istess saqaf mal-ġenituri tagħha għal perijodu mhux interrott ta’ iktar minn tliet snin, iżda l-awtoritajiet Olandiżi sussegwentement qiegħdu inkwistjoni d-dritt tagħha ta’ residenza fl-Istat Membru li jospita għar-raġuni li hija kienet iżżewġet qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ tliet snin previst fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. L-imsemmija awtoritajiet ibbażaw ruħhom f’dan ir-rigward fuq id-dritt nazzjonali li skont dan ir-rabta tal-familja effettiva ta’ wild li huwa maġorenni mal-ġenituri tiegħu hija kkunsidrata li nqatgħat minħabba l-fatt taż-żwieġ ta’ dan tal-aħħar, peress li ma teżistix iktar d-dipendenza morali u finanzjarja ta’ dan il-wild fir-rigward tal-ġenituri, b’mod li, f’każ bħal dan, il-permess ta’ residenza ma jistax ikun ibbażat iktar fuq ir-riunifikazzjoni tal-familja.
37 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi deċiż mill-bidu, hekk kif essenzjalment intalab mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha, jekk ċittadin Tork li jinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jistax effettivament jirrikorri għall-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.
38 Għal dan il-għan, għandu jiġi stabbilit b’mod iktar partikolari jekk l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jistax jiġi interpretat fis-sens li l-fatt għal membru tal-familja ta’ ħaddiem immigrant Tork, li tħalla jidħol fi Stat Membru fuq il-bażi ta’ riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu, li jiżżewweġ qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ tliet snin previst għal din id-dispożizzjoni għandux awtomatikament bħala effett li jagħmel illegali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ir-residenza tal-parti kkonċernat fl-Istat Membru li jospita u jekk, konsegwentement, dan tal-aħħar jistax validament japplika leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tar-residenza tat-tip deskritt fil-punt 20 tas-sentenza preżenti għal ċittadin Tork bħal dak fil-kawża prinċipali fejn huwa stabbilit li, f’dan il-perijodu kollu, huwa effettivament għex mal-ġenituri tiegħu.
Fuq l-ewwel domanda
39 Sabiex tingħata risposta b’mod effettiv għall-ewwel domanda kif definit fiż-żewġ punti preċedenti, għandu jiġi mfakkar li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu effett dirett, b’mod li ċ-ċittadini Torok li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni għandhom id-dritt li jirrikorru direttament għall-qrati tal-Istati Membri sabiex ma jiġux applikati r-regoli tad-dritt intern li jmorru kontra din id-dispożizzjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ April 1997, Kadiman, C‑351/95, Ġabra p. I‑2133, punt 28, u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bozkurt, C‑303/08, Ġabra p. I‑0000, punt 31).
40 Hekk kif jirriżulta mill-kliem stess tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7, il-kisba tad-drittijiet previsti minn din id-dispożizzjoni hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi minn qabel, jiġifieri, minn naħa, il-fatt li l-persuna kkonċernata għandha tkun membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork li diġà tappartjeni legalment għas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru li tospitaha u, min-naħa l-oħra, li hija ġiet awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat sabiex tingħaqad mal-imsemmija ħaddiem (ara s-sentenza Bozkurt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26). Hekk kif intqal fil-punti 21 sa 23 tas-sentenza preżenti, huwa stabbilit li, fil-każ preżenti, dawn il-kundizzjonijiet kienu sodisfatti minn F. Pehlivan.
41 Peress li l-imsemmija kundizzjonijiet minn qabel huma sodisfatti, għandu jiġi vverifikat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel paragrfu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, jekk iċ-ċittadina Torka kkonċernata kinitx tirrisjedi regolarment għal ċertu perijodu fit-territorju tal-Istat Membru li jospita (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Aydinli, C‑373/03, Ġabra p. I‑6181, punt 29).
42 Issa, il-perijodi ta’ residenza hekk kif imsemmija fiż-żewġ inċiżi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-istess deċiżjoni jeħtieġu, jekk ma jsirux totalment bla effett, ir-rikonoxximent lill-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork awtorizzati li jingħaqdu fl-Istat Membru li jospita ta’ dritt ta’ residenza korrelattiv f’dawn il-perijodi (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kadiman, punt 29, kif ukoll Bozkurt, punti 31 u 36). Fil-fatt, ir-rifjut ta’ dritt bħal dan irendi bla sens l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat lil membru tal-familja ta’ ħaddiem immigrant Tork li jingħaqad ma’ dan l-aħħar imsemmi u jammonta għan-negazzjoni stess tal-fakoltà b’hekk miftuħa għall-parti kkonċernata li tirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru li jospita.
43 Konsegwentement, membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork li, bħal fil-każ ta’ F. Pehlivan, kien jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet minn qabel imsemmija fil-punt 40 tas-sentenza preżenti u li jirrisjedi regolarment għal iktar minn tliet snin fit-territorju tal-Istat Membru li jospita, huwa neċessarjament titolari fl-imsemmi Stat ta’ dritt ta’ residenza direttament ibbażat fuq din id-dispożizzjoni.
44 Għal dak li huwa iktar speċifikament il-kriterju tar-residenza legali qabel l-iskadenza tal-perijodu inizjali ta’ tliet snin, imsemmi fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li t-termini użati mid-dispożizzjonijiet differenti tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huma kunċetti tad-dritt tal-Unjoni li għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni uniformi fil-livell tal-Unjoni Ewropea, b’kunsiderazzjoni tal-ispirtu u tal-finalità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni kif ukoll tal-kuntest li fih dawn jaqgħu, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni omoġenja fl-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1997, Ertanir, C‑98/96, Ġabra p. I‑5179, punt 59, kif ukoll tat-30 ta’ Settembru 2004, Ayaz, C‑275/02, Ġabra p. I‑8765, punti 39 u 40).
45 F’dan ir-rigward, b’mod konformi mal-għan ġenerali mħaddan mid-deċiżjoni msemmija, li jikkonsisti fit-titjib fil-qasam soċjali tas-sistema li jibbenefikaw minnha l-ħaddiema Torok u l-membri tal-familja tagħhom bil-għan li jitwettaq progressivament il-moviment ħieles (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2000, Ergat, C‑329/97, Ġabra p. I‑1487, punt 43), is-sistema implementata b’mod iktar partikolari mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-istess deċiżjoni għandha l-għan li tikkrea kundizzjonijiet favorevoli għar-riunifikazzjoni tal-familja fl-Istat Membru li jospita. L-ewwel nett, jiġifieri qabel l-iskadenza tal-perijodu inizjali ta’ tliet snin previst fl-ewwel inċiż tal-imsemmija dispożizzjoni, dan għandu l-għan li jiffavorixxi l-impjieg u r-residenza fl-Istat Membru li jospita ta’ ħaddiem immigrant Tork diġà legalment preżenti fit-territorju ta’ dan l-Istat bil-preżenza, għand dak il-ħaddiem, tal-membri tal-familja tiegħu. Sussegwentement, it-tieni inċiż ta’ din l-istess dispożizzjoni ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-membri tal-familja tal-ħaddiem immigrant Tork billi tagħtihom il-possibbiltà li hija mogħtija lilhom, li huma stess jaċċedu għas-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru, għall-finijiet li jkun hemm sitwazzjoni awtonoma fir-rigward ta’ dan il-ħaddiem u li b’hekk tiġi msaħħa l-inklużjoni fit-tul tal-familja fl-Istat Membru li jospita (ara s-sentenza Bozkurt, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 u 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
46 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li, il-membru tal-familja huwa, bħala prinċipju u ħlief għal motivi leġittimi, marbut li effettivament jirrisjedi mal-ħaddiem immigrant tant li huwa stess ma għandux id-dritt jaċċedi għas-suq tax-xogħol, kemm qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ tliet snin kif previst fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (ara s-sentenza Bozkurt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35). Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet fil-punti 42 u 44 tas-sentenza Kadiman, iċċitata iktar ’il fuq, is-sitwazzjoni kienet tkun differenti biss kieku ċirkustanzi oġġettivi ġġustifikaw li l-membru tal-familja kkonċernata ma jgħix, fl-Istat Membru li jospita, taħt l-istess saqaf bħall-ħaddiem immigrant Tork.
47 Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat f’dan il-kuntest li, fir-rigward kemm tal-għan aħħari tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 kif ukoll tal-ispirtu ta’ din id-dispożizzjoni, ir-riunifikazzjoni tal-familja, li ġġustifikat id-dħul tal-membru tal-familja fit-territorju tal-Istat Membru li jospita, għandha timmanifesta ruħha b’mod konkret permezz tal-preżenza kontinwa tal-imsemmi membru għand il-ħaddiem, fejn din il-preżenza timmaterjalizza ruħha permezz tal-għajxien flimkien tal-partijiet ikkonċernati, sa kemm il-membru tal-familja jkollu, wara tliet snin, il-fakoltà li jgħix indipendentement mill-ġenitur tiegħu li ppermettilu jintegra ruħu fl-Istat li jospita (ara s-sentenza Ergat, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).
48 Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat ukoll l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li Stat Membru li jospita jissuġġetta d-dritt ta’ residenza tal-membru tal-familja fl-ewwel tliet snin għall-kundizzjonijiet ta’ natura li jiggarantixxu li l-preżenza tal-imsemmi Stat Membru fit-territorju tiegħu tkun ikkonfermata mill-ispirtu u l-għan ta’ dan l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 (sentenza Kadiman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).
49 Sabiex tiġi stabbilita l-portata eżatta ta’ din l-interpretazzjoni, għandha tiġi mfakkra l-loġika tas-sistema li fuqha huwa bbażat l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 kif stabbilita mill-partijiet kontraenti nfushom.
50 F’dan ir-rigward, jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, minn naħa, l-ewwel dħul fi Stat Membru ta’ membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork li diġà jappartjeni għas-suq legali tax-xogħol ta’ dan l-Istat li bħala regola jaqa’ taħt id-dritt nazzjonali tal-imsemmi Stat, din il-kompetenza timmanifesta ruħha permezz tal-awtorizzazzjoni mogħtija lill-parti kkonċernata, mill-qrati nazzjonali kompetenti, sabiex tingħaqad ma’ dan il-ħaddiem (ara s-sentenza Ayaz, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 35).
51 Min-naħa l-oħra, ladarba jiskadi l-perijodu inizjali ta’ tliet snin hekk kif previst fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, l-Istat Membru ma huwiex iktar intitolat li jimponi xi kundizzjoni oħra fuq ir-residenza fit-territorju tiegħu ta’ membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork (ara s-sentenzi Ergat, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38, u tal-11 ta’ Novembru 2004, Cetinkaya, C‑467/02, Ġabra p. I‑10895, punt 30).
52 Fir-rigward tal-fażi intermedja, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-perijodu ta’ tliet snin sa mill-bidu tad-dħul tal-membru tal-familja kkonċernata fit-territorju tal-Istat Membru li jospita, dan għandu ċerti kompetenzi sabiex jirregola r-residenza tal-parti kkonċernata, mingħajr madankollu ma dan ikun mingħajr limiti.
53 B’mod iktar partikolari, hekk kif jirriżulta mill-kliem stess tal-punt 33 tas-sentenza Kadiman, iċċitata iktar ’il fuq, l-Istat Membru li jospita għandu d-dritt li jissuġġetta r-residenza tal-membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork biss għall-kundizzjonijiet li għandhom bħala għan li jiżguraw l-osservanza sħiħa tal-għan imħaddan mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, billi jiżgura li l-persuna kkonċernta ma jirresjedix fit-territorju tiegħu li jmur kontra l-ispirtu u l-għan aħħari ta’ din id-dispożizzjoni, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 45 tas-sentenza preżenti.
54 Peress li, f’dawn it-tlett snin, il-membri tal-familja tal-ħaddiem Tork ikkonċernati ma għandhomx id-dritt, bħala prinċipju u suġġett għal sistema iktar favorevoli hekk kif previst fl-Artikolu 14(2) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li jgħixu b’mod indipendenti billi jkollhom impjieg, ir-residenza tagħhom fl-Istat Membru li jospita għandha, fl-imsemmi perijodu, bħala l-unika ġustifikazzjoni r-riunifikazzjoni tal-familja, li tippermetti lill-ħaddiem Tork li minħabba fiha huma ġew awtorizzati jidħlu fit-territorju ta’ dan l-Istat li jirrisjedu fih fil-preżenza tal-membri tal-familja tagħha.
55 Konsegwentement, l-Istat Membru li jospita jista’ validament jeħtieġ li, fil-perijodu inizjali ta’ tliet snin, il-membru tal-familja inkwistjoni jkompli jirrisjedi effettivament mal-ħaddiem immigrant Tork ikkonċernat.
56 Min-naħa l-oħra, dan l-Istat Membru ma huwiex awtorizzat jipprovdi f’dan ir-rigward leġiżlazzjoni ta’ natura differenti minn dik li tirriżulta mid-Deċiżjoni Nru 1/80 jew li timponi kundizzjonijiet oħra minn dawk previsti minn din. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta kemm mis-supremazija tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-effett dirett ta’ dispożizzjoni bħall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li l-Istati Membri ma humiex awtorizzati jemendaw unilateralment il-portata tas-sistema ta’ integrazzjoni gradwali taċ-ċittadini Torok fl-Istat Membru ospitanti u huma b’hekk ma jiddisponux iktar mill-fakoltà li jadottaw miżuri b’mod li jxekklu l-istatus ġuridiku speċifikament rikonoxxut lil tali ċittadini mil-liġi li tirregola l-Assoċjazzjoni KEE-Turkija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2000, Eyüp, C‑65/98, Ġabra p. I‑4747, punti 40 u 41; tad-19 ta’ Novembru 2002, Kurz, C‑188/00, Ġabra p. I‑10691, punti 66 sa 68, kif ukoll tal-4 ta’ Frar 2010, Genc, C‑14/09, Ġabra p. I‑931, punti 36 sa 38).
57 Issa, dan huwa preċiżament il-każ ta’ leġiżlazzjoni tat-tip bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. B’hekk, leġiżlazzjoni bħal dik li tidher fit-Taqsima B2/8.3 tal-Vc 2000, li mhux sempliċement tipprovdi li l-membru tal-familja tal-ħaddiem immigrant Tork għandu effettivament jirrisjedi taħt l-istess saqaf bħal dan tal-aħħar fl-ewwel tliet snin tar-residenza tiegħu fl-Istat Membru li jospita, tistabbilixxi regola li skont din, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanza li l-wild maġorenni tiżżewweġ jew tidħol f’relazzjoni hija, fiha nnfisha, ikkunsidrata li kisret ir-rabta familjari effettiva. Din il-leġiżlazzjoni konsegwentement tawtorizza lill-awtoritajiet nazzjonali li jirtiraw awtomatikament il-permess ta’ residenza lill-membru tal-familja li jinsab f’sitwazzjoni bħal dik, anki jekk il-persuna kkonċernata kompliet tgħex ma’ dan il-ħaddiem.
58 Għalhekk, għandu jingħad li leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip teċċedi manifestament il-limiti tal-miżuri li l-Istat Membru li jospita huwa awtorizzat jadotta abbażi tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Kundizzjonijiet bħal dawk imsemmija fil-punt preċedenti bl-ebda mod ma jidhru fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li r-redazzjoni tiegħu huwa għal kuntrarju ġenerali u mingħajr kundizzjonijiet, u ma huwiex appoġġat mill-ispirtu li kien preżenti matul l-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.
59 Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari s-sitwazzjoni ta’ membru tal-familja bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jirriżulta mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju li, sa mid-dħul tagħha fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi fl-1999 u sal-1 ta’ April 2005, data li fiha hija telqet mir-residenza tal-familja sabiex tirrisjedi f’indirizz ieħor, F. Pehlivan qatt ma rresjediet separatament, qatt ma waqfet milli tirrisjedi mal-ġenituri tagħha, legalment preżenti fl-Istat Membru li jospita u fejn għall-inqas wieħed minnhom jappartjeni għas-suq legali tax-xogħol ta’ dan l-Istat.
60 B’hekk jirriżulta mill-informazzjoni disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-każ preżenti, F. Pehlivan irrisjediet fl-Istat Membru li jospita, għal perijodu ta’ iktar minn tliet snin mingħajr interruzzjoni, f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 kif ukoll mal-għan li fuqu hija bbażata din id-dispożizzjoni, jiġifieri r-riunifikazzjoni tal-familja.
61 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-parti kkonċernata għandha tiġi kkunsidrata bħala li dejjem irrisjediet b’mod legali fit-territorju Olandiż, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, id-dritt ta’ residenza ta’ F. Pehlivan fl-Istat Membru li jospita b’hekk, fi kwalunkwe każ, bl-ebda mod ma ġie affettwat miż-żwieġ li hija daħlet għalih qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ tliet snin previst fl-ewwel inċiż tal-istess dispożizzjoni, peress li dan iż-żwieġ, fil-każ preżenti, ma wassalx għall-waqfien tal-għajxien flimkien effettiv tal-parti kkonċernata ma’ dan il-ħaddiem Tork li permezz tiegħu hija ddaħħlet fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja.
62 Din l-interpretazzjoni hija min-naħa l-oħra koerenti mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li skont din membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jista’ jitlef id-drittijiet li din id-dispożizzjoni tagħtih biss f’żewġ każijiet, jiġiferi meta l-preżenza tal-immigrant Tork fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti tikkostitwixxi, minħabba l-aġir personali tiegħu, periklu reali u gravi għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika, skont l-Artikolu 14(1) tal-imsemmija deċiżjoni, jew meta l-persuna kkonċernata tkun ħalliet it-territorju ta’ dan l-Istat għal perijodu sinjifikattiv u mingħajr raġunijiet leġittimi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Bozkurt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
63 Minn dan jirriżulta, b’mod iktar partikolari li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet u kuntrarjament għal dak li tipprovdi l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iċ-ċirkustanza li, fil-mument kontenzjuż, il-parti kkonċernata kienet maġorenni ma għandha l-ebda effett fuq id-drittijiet li hija kisbet taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Ergat, iċċitata iktar ’il fuq, punti 26 u 27, kif ukoll tas-16 ta’ Frar 2006, Torun, C‑502/04, Ġabra p. I‑1563, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
64 Minn dawn il-kunsderazzjonijiet kollha, għandu jiġi dedott li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, iż-żwieġ, li daħal għalih membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ tliet snin previst fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, huwa irrilevanti fir-rigward taż-żamma tad-dritt ta’ residenza għall-benefiċċju tat-titolari ta’ dan, sakemm, f’dan il-perijodu kollu, dan tal-aħħar effettivament jgħix taħt l-istess saqaf bħall-ħaddiem. L-Istat Membru kkonċernat b’hekk ma kienx fondat li jqiegħed inkwistjoni fil-każ preżenti d-dritt ta’ residenza li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikseb mid-dritt tal-Unjoni u hija responsabbiltà tal-qrati nazzjonali li japplikaw totalment dan kif ukoll li jipproteġu d-drittijiet li dan jagħti direttament lill-individwi, billi jħalli mhux applikat kull dispożizzjoni eventwalment kuntrarja tal-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Eyüp, punt 42, u Kurz, punt 69).
65 Fl-aħħar nett għandu jiġi ppreċiżat li l-interpretazzjoni mogħtija lill-punt preċedenti ma hijiex inkompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 59 tal-Protokoll addizzjonali ffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970. Fil-fatt, għal motivi analogi għal dawk żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 62 sa 67 tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Derin (C‑325/05, Ġabra p. I‑6495), fil-punt 21 tas-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2007, Polat (C‑349/06, Ġabra p. I‑8167), kif ukoll fil-punt 45 tas-sentenza Bozkurt, iċċitata iktar ’il fuq, is-sitwazzjoni ta’ membru tal-familja ta’ ħaddiem immigrant Tork ma tistax tiġi raġonevolment imqabbla ma’ dik tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, minħabba d-differenzi kunsiderevoli li jeżistu bejn is-sitwazzjoni legali rispettiva tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, Bekleyen, C‑462/08, Ġabra p. I‑563, punti 37, 38 u 43).
66 Konsegwentement, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat f’dan is-sens li:
– din id-dispożizzjoni tipprekludi li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li skont din il-membru tal-familja debitament awtorizzat li jingħaqad ma’ ħaddiem immigrant Tork li diġà jappartjeni għas-suq legali tax-xogħol ta’ dan l-Istat jitlef kull benefiċċju tad-drittijiet ibbażati fuq ir-riunifikazzjoni tal-familja abbażi tal-istess dispożizzjoni minħabba l-fatt biss li, peress li sar maġorenni, huwa jiżżewweġ, anki meta jkompli jirrisjedi ma’ dak il-ħaddiem fl-ewwel tliet snin tar-residenza tiegħu fl-Istat Membru li jospita;
– ċittadin Tork li, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jaqa’ taħt l-imsemmija dispożizzjoni, jista’ validament jeżiġi dritt ta’ residenza fl-Istat Membru li jospita fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, minkejja ċ-ċirkustanza li huwa żżewweġ qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ tliet snin previst fl-imsemmi l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu, fil-każ fejn, f’dan il-perijodu kollu, huwa effettivament irrisjeda taħt l-istess saqaf bħall-ħaddiem immigrant Tork li permezz tiegħu huwa ddaħħal fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja.
67 Fir-rigward tar-risposta mogħtija lill-ewwel domanda, ma hemmx iktar lok li tingħata risposta għad-domandi l-oħra li saru mill-qorti tar-rinviju.
Fuq l-ispejjeż
68 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembri 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf permezz tal-Ftehim li joħloq Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, għandu jiġi interpretat f’dan is-sens li:
– din id-dispożizzjoni tipprekludi li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li skont din il-membru tal-familja debitament awtorizzat li jingħaqad ma’ ħaddiem immigrant Tork li diġà jappartjeni għas-suq legali tax-xogħol ta’ dan l-Istat jitlef kull benefiċċju tad-drittijiet ibbażati fuq ir-riunifikazzjoni tal-familja abbażi tal-istess dispożizzjoni minħabba l-fatt biss li, peress li sar maġorenni, huwa jiżżewweġ, anki meta jkompli jirrisjedi ma’ dak il-ħaddiem fl-ewwel tliet snin tar-residenza tiegħu fl-Istat Membru li jospita;
– ċittadin Tork li, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jaqa’ taħt l-imsemmija dispożizzjoni, jista’ validament jeżiġi dritt ta’ residenza fl-Istat Membru li jospita fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, minkejja ċ-ċirkustanza li huwa żżewweġ qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ tliet snin previst fl-imsemmi l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu, fil-każ fejn, f’dan il-perijodu kollu, huwa effettivament irrisjeda taħt l-istess saqaf bħall-ħaddiem immigrant Tork li permezz tiegħu huwa ddaħħal fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja.
Firem
*Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy