Kawża C-498/07 P
Aceites del Sur-Coosur SA
vs
Koipe Corporación SL
“Appell — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 40/94 — Artikolu 8(1)(b) — Trade mark figurattiva La Española — Evalwazzjoni globali tal‑probabbiltà ta’ konfużjoni — Element determinanti”
Sommarju tas-sentenza
1. Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Xebh bejn it-trade marks ikkonċernati – Kriterji ta’ evalwazzjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))
2. Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti – Kriterji ta’ evalwazzjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))
1. L-evalwazzjoni globali tal‑probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja għandha, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fis-smigħ jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l‑elementi distintivi u dominanti tagħhom.
B’mod partikolari, fil-kuntest tal‑eżami tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, l-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tkun limitata għat-teħid inkunsiderazzjoni biss ta’ komponent ta’ trade mark kumplessa u għall-paragun tiegħu ma’ trade mark oħra. Għall-kuntrarju, hemm lok li l‑paragun isir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata fit-totalità tagħha.
F’dan ir-rigward, l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal‑pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun dominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha. Madankollu, huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat‑trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq il-bażi tal-element dominanti biss.
(ara l-punti 60-62)
2. Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li l-koeżistenza f’suq determinat ta’ żewġ trade marks tista’ eventwalment tikkontribwixxi, flimkien ma’ elementi oħra, sabiex titnaqqas il-probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, bejn dawn it-trade marks fil-moħħ tal-pubbliku rilevanti, xorta huwa meħtieġ li jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet. B’hekk, in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni jista’, b’mod partikolari, jiġi dedott min-natura “paċifika” tal‑koeżistenza tat-trade marks kunfliġġenti fis-suq inkwistjoni.
(ara l-punt 82)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
3 ta’ Settembru 2009 (*)
“Appell – Trade mark Komunitarja – Regolament (KE) Nru 40/94 – Artikolu 8(1)(b) – Trade mark figurattiva La Española – Evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni – Element determinanti”
Fil-Kawża C‑498/07 P,
li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fit-12 ta’ Novembru 2007,
Aceites del Sur-Coosur SA, li kienet Aceites del Sur SA, stabbilita f’Vilches (Spanja), irrappreżentata minn J.‑M. Otero Lastres u R. Jimenez Diaz, avukati,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:
Koipe Corporación SL, stabbilita f’San Sebastián (Spanja), irrappreżentata minn M. Fernández de Béthencourt, avukat,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. García Murillo, bħala aġent,
konvenut fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President tal-Awla, M. Ilešič, A. Tizzano (Relatur), A. Borg Barthet u J.‑J. Kasel, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Ottubru 2008,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Frar 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tal-appell tagħha, Aceites del Sur-Coosur SA, li qabel kienet Aceites del Sur SA (iktar ’il quddiem “Aceites del Sur”), titlob l‑annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta’ Settembru 2007, Koipe vs UASI – Aceites del Sur (La Española) (T‑363/04, Ġabra p. II-3355, iktar ’il quddiem is‑“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal‑Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tal-11 ta’ Marzu 2004 (Każ R 1109/2004, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Koipe Corporación SL (iktar ’il quddiem “Koipe”) u Aceites del Sur.
Il-kuntest ġuridiku
2 L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17 Vol. 1, p. 146) jipprovdi:
“Jekk issir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:
[...]
b) jekk minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.”
3 L-Artikolu 8(2) tal-istess regolament jipprovdi:
“għall-iskopijiet tal-Paragrafu 1, ‘Trade marks preċedenti’ tfisser:
a) trade marks tat-tip imsemmija hawn taħt b’data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tiġi qabel dik ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, wara li wieħed iqis, fejn dan ikun xieraq, il-prioritajiet mitluba fir-rigward ta’ dawk it-trade marks:
(i) trade marks Komunitarji;
(ii) trade marks reġistrati fi Stati Membru, jew, fil-każ tal-Belġju, l-Olanda jew il-Lussemburgu, fl-Uffiċċju tat-trade Marks tal-Benelux;
(iii) trade marks reġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fi Stat Membru;
[…]”
Il-fatti li wasslu għall-kawża
4 Fit-23 ta’ April 1996, Aceites del Sur, impriża Spanjola li tipproduċi żjut veġetali, ippreżentat, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 40/94, applikazzjoni għal trade mark Komunitarja quddiem l-UASI sabiex tikseb ir-reġistrazzjoni għal ċerti tipi ta’ prodotti, li fosthom huma inklużi ż-“żjut u xaħmijiet li jittieklu”, tat-trade mark figurattiva La Española kif irrappreżentata hawn taħt:
5 Fit-23 ta’ Novembru 1998, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 89/98.
6 Fit-23 ta’ Frar 1999, l-impriża Aceites Carbonell, li saret Koipe, ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark billi invokat probabbiltà ta’ konfużjoni, b’mod partikolari fis-sens tal‑Artikolu 8(1)(b), bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark figurattiva preċedenti li Koipe hija l-proprjetarja tagħha, jiġifieri Carbonell (iktar ’il quddiem it-“trade mark Carbonell”), irrappreżentata kif ġej:
7 Bħala prova tal-eżistenza tat-trade mark Carbonell, Koipe invokat sitt reġistrazzjonijiet ta’ din it-trade mark fi Spanja, ir-reġistrazzjoni Komunitarja “Carbonell” Nru 338681 (iktar ’il quddiem ir‑“reġistrazzjoni Komunitarja”), żewġ reġistrazzjonijiet internazzjonali kif ukoll reġistrazzjonijiet nazzjonali fl-Irlanda, fid-Danimarka, fl‑Iżvezja u fir-Renju-Unit.
8 Madankollu, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI qieset li Koipe kienet ipprovat biss l-eżistenza ta’ tliet reġistrazzjonijiet Spanjoli u tar-reġistrazzjoni Komunitarja għaż-“żejt taż-żebbuġa”.
9 Permezz tad-Deċiżjoni Nru 2084/2000, tal-21 ta’ Settembru 2000, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI ċaħdet l-oppożizzjoni ta’ Koipe. Hija kkunsidrat li s-sinjali inkwistjoni kienu joħolqu impressjoni viżiva globalment differenti u kienu totalment nieqsa minn elementi li jixxiebhu fuq livell fonetiku, u li r-rabta kunċettwali relatata man-natura u mal‑oriġini agrikola tal-prodotti kienet dgħajfa, b’tali mod li kienet eskluża kull probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti.
10 Fid-19 ta’ Jannar 2001, Koipe ppreżentat appell quddiem l-UASI mid‑deċiżjoni ta’ ċaħda tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Fil-11 ta’ Mejju 2004, ir‑Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI caħad dan l-appell billi adotta d‑deċiżjoni kontenzjuża li tikkonferma, essenzjalment, li l-impressjoni viżiva maħluqa mis-sinjali inkwistjoni hija globalment differenti.
11 L-ewwel nett, skont id-deċiżjoni kontenzjuża, l-elementi figurattivi, komposti essenzjalment mill-immaġini ta’ persuna bilqiegħda fi ġnien bis-siġar taż-żebbuġ, għandhom biss karattru distintiv dgħajjef fir-rigward taż-żejt taż‑żebbuġa, u dan għandu l-konsegwenza li jagħti importanza ewlenija lill‑elementi verbali “La Española” u “Carbonell”. Fir-rigward, it-tieni nett, tat‑tqabbil ta’ dawn is-sinjali fuq il-livell fonetiku u kunċettwali, ir-Raba’ Bord tal-Appell ikkonstata li Koipe ma kinitx ċaħdet in-nuqqas totali ta’ koinċidenza bejn l-elementi verbali, u lanqas id-dgħufija tar-rabta kunċettwali bejn is-sinjali kunfliġġenti. Fl-aħħar nett, filwaqt li rrikonoxxa li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kien imissha ddeċidiet dwar jekk it-trade marks preċedenti kinux magħrufa sewwa, ir-Raba’ Bord tal-Appell madankollu qies li din l-evalwazzjoni, kif ukoll l-evalwazzjoni tad‑dokumentazzjoni prodotta quddiem il-Bord tal-Appell sabiex jiġi ppruvat l-imsemmi fatt li t-trade marks kienu magħrufa sewwa, ma kinux strettament meħtieġa peress li waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa għall-evalwazzjoni ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark li għandha reputazzjoni jew li hija magħrufa sewwa, jiġifieri l-eżistenza ta’ xebh bejn is-sinjali, ma kinitx fi kwalunkwe każ sodisfatta.
Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata
12 Fl-31 ta’ Awwissu 2004, Koipe ppreżentat rikors quddiem il-Qorti tal‑Prim’Istanza intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.
13 Koipe invokat żewġ motivi insostenn tal-annullament ibbażati, minn naħa, fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u, min‑naħa l-oħra, fuq l-obbligu tal-UASI li jeżamina l-provi tar‑reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.
14 Qabel ma ddeċidiet fuq il-mertu, il-Qorti tal-Prim’Istanza, preliminarjament, irrilevat, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, li kien hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet rigward liema reġistrazzjonijiet kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tad-dritt ta’ oppożizzjoni invokat minn Koipe. Din il-kwistjoni kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-fatt li, skont l-UASI u Aceites del Sur, id-data tal‑preżentata tar-reġistrazzjoni Komunitarja kienet sussegwenti għal dik tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, u għaldaqstant il-Bord tal-Appell ma kienx imissu ħa inkunsiderazzjoni din ir‑reġistrazzjoni.
15 Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li din il-kwistjoni kienet nieqsa minn rilevanza għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kwistjoni u ddeċidiet dan li ġej fil-punt 48 tas-sentenza appellata:
“[...] Fil-fatt, id-deċiżjoni [kontenzjuża] hija essenzjalment ibbażata fuq in-nuqqas ta’ xebh bejn l-element figurattiv tat-trade mark Carbonell u dak tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. Issa, l-element figurattiv tat-trade mark Carbonell huwa identiku fir-reġistrazzjonijiet kollha invokati [minn Koipe], kemm f’dawk meħuda inkunsiderazzjoni mill-Bord ta’ l-Appell kif ukoll f’dawk li huwa eskluda”.
16 Wara din il-kunsiderazzjoni preliminari, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat l-ewwel motiv li permezz tiegħu Koipe sostniet li, fid‑deċiżjoni kontenzjuża, l-UASI ma ħax inkunsiderazzjoni la l-fatt li t‑trade marks kunfliġġenti kienu jixxiebhu globalment mal-ewwel daqqa ta’ għajn, xebh li kien ta’ natura li joħloq konfużjoni fis-suq, u lanqas il-fatt li l‑prodott li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, f’din il-kawża ż-żejt taż-żebbuġa, huwa identiku għall-prodott kopert mit-trade mark preċedenti.
17 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punti 75 sa 78 tas-sentenza appellata, li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Bord tal-Appell sempliċement irrileva, sabiex jissostanzja l-konklużjoni tiegħu dwar il-karattru distintiv dgħajjef tal-elementi figurattivi tat-trade marks kunfliġġenti, li r-rappreżentazzjoni inkwistjoni, li essenzjalment hija komposta minn persuna bilqiegħda fi ġnien bis-siġar taż-żebbuġ, mhijiex waħda li mhijiex komuni fil-qasam tat-trade marks taż-żejt taż-żebbuġa. Madankollu, skont il‑Qorti tal‑Prim’Istanza, ir-raġunijiet għalfejn l-imsemmi Bord tal‑Appell ikkonkluda f’dan is-sens ma kinux indikati u dan ma ċċita ebda trade mark, minbarra dawk kunfliġġenti, li għandhom element figurattiv li jixbah lil dak użat minn dawn tal-aħħar.
18 Minn dan il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell kien żbaljat meta ddeċieda li l-elementi figurattivi tat-trade marks kunfliġġenti kellhom karattru distintiv dgħajjef.
19 Fil-punti 88 u 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-Bord tal-Appell kien ikkunsidra b’mod żbaljat li l-paragun tal-element verbali tat-trade marks kunfliġġenti kien akkwista, fil-każ ineżami, importanza primarja minħabba l-karattru distintiv dgħajjef tal-elementi figurattivi tat-trade marks imsemmija.
20 Fil-punt 91 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-element figurattiv għandu pożizzjoni ħafna iktar importanti, f’termini ta’ superfiċi, mill-element verbali.
21 F’dan ir-rigward, fil-punti 92 u 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat b’mod partikolari li, kif barra minn hekk “[l]-UASI stess [kien] adotta, [sostna] fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni oħrajn”, “l-element verbali ‘La española’ għandu biss karattru distintiv dgħajjef ħafna. Din il-kelma hija komunement użata fi Spanja u hija mifhuma bħala deskrittiva ta’ l-oriġini ġeografika tal-prodotti”.
22 Fir-rigward tax-xebh tat-trade marks u tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, ġie deċiż kif ġej fil-punt 103 tas-sentenza appellata:
“Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-elementi komuni għaż-żewġ trade marks in kwistjoni kkunsidrati flimkien joħolqu impressjoni viżiva globali ta’ xebh kbir, peress li t-trade mark La Española tirriproduċi bi preċiżjoni kbira l-essenzjal tal-messaġġ u l-impressjoni viżiva maħluqa mit-trade mark Carbonell: il-mara liebsa libsa tradizzjonali, bilqiegħda b’ċertu mod, viċin fergħa ta’ siġra taż-żebbuġ, bi ġnien bis-siġar taż-żebbuġ fl-isfond, li globalment jinkludu arranġament kważi identiku ta’ l-ispazji, tal-kuluri, tal-postijiet fejn huma miktuba d‑denominazzjonijiet u tal-mod kif saret din il-kitba”.
23 Fil-punti 104 u 105 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li din l-impressjoni globali li tixxiebah b’mod inevitabbli toħloq, għall-konsumatur, probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti u li din il-probabbiltà ta’ konfużjoni mhijiex imnaqqsa mill-eżistenza ta’ element verbali differenti fid-dawl tal-karattru distintiv dgħajjef ħafna ta’ element verbali li jagħmel riferiment għall-oriġini ġeografika ta’ prodott.
24 Fl-aħħar, wara li fakkret, fil-punt 107 tas-sentenza appellata, il‑ġurisprudenza Komunitajra li ddefinixxiet il-profil tal-konsumatur medju bħala l-konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u prudenti, li l-livell ta’ attenzjoni tiegħu madankollu jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew servizzi inkwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punti 108 u 109 tal-istess sentenza, li ż-żejt taż-żebbuġa huwa prodott ikkunsmat b’mod regolari fi Spanja u li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-bejgħ ta’ dan il-prodott, l‑element figurattiv tat-trade marks kunfliġġenti jakkwista iktar importanza, liema fatt ikabbar il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks inkwistjoni.
25 Konsegwentement, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal‑Prim’Istanza ddeċidiet li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta ddeċieda li kull probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti kienet eskluża. Skont dik il-qorti, il-konstatazzjonijiet kollha li hija wettqet juru li teżisti probabbiltà reali ta’ konfużjoni bejn it‑trade marks imsemmija.
26 Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet l-ewwet motiv tar-rikors, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, u, mingħajr ma kien neċessarju li teżamina t-tieni motiv imressaq minn Koipe insostenn tar-rikors tagħha, hija laqgħetu billi emendat id-deċiżjoni kontenzjuża u kkonkludiet li l-oppożizzjoni mressqa minn din il-kumpannija kienet fondata.
It-talbiet tal-partijiet
27 Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha u, konsegwentement,
– taqta’ b’mod definittiv il-kawża hija stess, jekk din tkun fi stat li jagħmel dan possibbli, jew,
– tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza “sabiex tiddeċiedi skont il-kriterji imperattivi tal-Qorti tal-Ġustizzja”, u
– tikkundanna lil Koipe kif ukoll lill-UASI għall-ispejjeż.
28 Koipe titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.
29 L-UASI jitlob iċ-ċaħda tal-ewwel aggravju invokat insostenn tal-appell u jħalli f’idejn il-ġudizzju tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda t-tieni aggravju.
Fuq l-appell
30 Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1) u 2(a)(i) u (ii) tar‑Regolament 40/94. It-tieni aggravju, li fih żewġ partijiet, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tal-imsemmi regolament.
31 L-ewwel aggravju u l-ewwel parti tat-tieni aggravju, li fil-kuntest tagħhom l-appellanti tiżviluppa argumenti parzjalment simili u parzjalment komplementari, għandhom jiġu eżaminati flimkien.
Fuq l-ewwel aggravju u fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
32 Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssosnti li l-Qorti tal‑Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi sa fejn ikkunsidrat, fil-punt 48 tas‑sentenza appellata, li, peress li l-elementi figurattivi kollha tad-diversi reġistrazzjonijiet invokati minn Koipe kienu identiċi, “mhijiex rilevanti” l-kwistjoni li jiġi ddefinit, fost dawn ir-reġistrazzjonijiet, liema huma dawk li jissodisfaw il-kundizzjoni li jkollhom bħala suġġett “trade marks preċedenti”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ oppożizzjoni.
33 Minħabba dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza essenzjalment ammettiet, kuntrarjament għat-termini tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94 u għall-prinċipju ta’ prijorità tar-reġistrazzjoni li jirregola l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, li trade mark sussegwenti, fil-kawża preżenti r‑reġistrazzjoni Komunitarja, tista’ titqajjem bħala oppożizzjoni għal applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark preċedenti, fil-kawża preżenti t-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni, minħabba s-sempliċi fatt li l-element figurattiv tat-trade mark sussegwenti huwa identiku għal dak ta’ trade marks preċedenti oħra tal-istess parti li qed topponi. Barra minn hekk, dan l-iżball imwettaq mill-Qorti tal‑Prim’Istanza kellu konsegwenzi importanti fuq il‑verifika tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tat-territorju u tal-pubbliku rilevanti.
34 Koipe u l-UASI jsostnu li l-appellanti qed tipprova tagħti lill-formulazzjoni tal‑punti 47 u 48 tas-sentenza appellata importanza u portata sproporzjonati sa fejn, b’mod kuntrarju għal dak li hija tallega, il‑Qorti tal-Prim’Istanza qatt ma kkunsidrat ir-reġistrazzjoni Komunitarja bħala li tikkostitwixxi dritt preċedenti għall-finijiet tal‑eżerċizzju tad-dritt ta’ oppożizzjoni u ma tatha ebda valur fil‑kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it‑trade marks kunfliġġenti. Fir-realtà, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza dejjem analizzat il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dawn it-trade marks fit-“territorju Spanjol” u fis-“suq Spanjol” biss.
35 Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li, billi ma eskludietx espressament ir-reġistrazzjoni Komunitarja mill‑grupp tat-trade marks opposti minn Koipe, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet indebitament ħadet inkunsiderazzjoni din ir-reġistrazzjoni u, konsegwentement, iddeterminat b’mod żbaljat il-pubbliku u t-territorju rilevanti billi evalwat il-probabbiltà ta’ konfużjoni fil-konfront tal‑pubbliku tat-territorju Komunitarju u mhux fid-dawl ta’ dak tat‑territorju Spanjol.
36 F’dan ir-rigward, l-appellanti tenfasizza li, minkejja li l-Qorti tal‑Prim’Istanza tagħmel riferiment għas-“suq Spanjol” taż-żejt taż‑żebbuġa fis-sentenza appellata, tali riferiment ma twettaqx fil‑kuntest tal‑evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni iżda f’kuntest ieħor u għal għan ħafna iktar ristrett, b’mod partikolari dak tal-evalwazzjoni tal‑“karattru distintiv tal-elementi figurattivi” tat-trade marks kunfliġġenti, li jikkostitwixxi biss fattur wieħed, fost ħafna oħra, li għandu jiġi evalwat sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-eżistenza tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, jiġifieri dak tax-xebh bejn it-trade marks.
37 Koipe u l-UASI jwieġbu, essenzjalment, li, meta l-Qorti tal-Prim’Istanza analizzat il-karattru distintiv tal-elementi figurattivi u verbali tat-trade marks kunfliġġenti, hija għamlet dan preċiżament bil-għan li ssib soluzzjoni għall-kwistjoni dwar jekk fi Spanja teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dawn it-trade marks. Huma jżidu li, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod ċar u korrett illimitat għal dan l-Istat Membru l-analiżi tal-pubbliku u tat-territorju rilevanti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
38 Qabel kollox għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma għandhiex tintlaqa’ jekk, minħabba identiċità jew xebh bejn iż‑żewġ trade marks u minħabba l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il‑pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Tali probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, skont l‑Artikolu 8(2)(a) tal-istess regolament, trade marks preċedenti jfissru t-trade marks Komunitarji, it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru jew li kienu s‑suġġett ta’ reġistrazzjoni internazzjonali, li d-data tal-preżentata tagħhom tiġi qabel dik tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.
39 Fil-kawża preżenti, l-oppożizzjoni ta’ Koipe għar-reġistrazzjoni tat‑trade mark La Española kienet ibbażata fuq diversi reġistrazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali kif ukoll fuq ir-reġistrazzjoni Komunitarja, li d-data tal-preżentata tagħhom tiġi wara dik tal-applikazzjoni għar‑reġistrazzjoni ppreżentata minn Aceites del Sur.
40 Issa, huwa minnu li minn qari tal-punti rilevanti tas-sentenza appellata ma jirriżultax li l-Qorti tal-Prim’Istanza eskludiet b’mod espress l-imsemmija reġistrazzjoni Komunitarja mit-trade marks li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-eżami tal‑fondatezza tal-oppożizzjoni mressqa minn Koipe.
41 Madankollu, anki jekk jitqies li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l‑Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 40/94 meta mxiet b’dan il‑mod, dan l-iżball ta’ liġi mhuwiex ta’ natura li jivvizzja s-sentenza appellata.
42 Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza validament irrikonoxxiet id-dritt ta’ Koipe li topponi r-reġistrazzjoni tat-trade mark La Española billi għamlet riferiment għar-reġistrazzjonijiet kollha invokati minn din il-kumpannija, li kienu jinkludu diversi trade marks li d-data tal-preżentata tagħhom kienet effettivament qabel dik tat-trade mark li saret applikazzjoni għar‑reġistrazzjoni tagħha. Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li, billi ma injoratx espliċitament ir-reġistrazzjoni Komunitarja fil-kuntest tal‑evalwazzjoni tagħha tal-fondatezza tal-oppożizzjoni ta’ Koipe, il‑Qorti tal-Prim’Istanza kienet ħaditha inkunsiderazzjoni u kienet b’hekk stabbilixxiet, kif tallega l-appellanti, il-prinċipju li trade mark sussegwenti tista’ titqajjem f’oppożizzjoni għal applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ippreżentata preċedentement.
43 Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-iżball allegatament imwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza lanqas ma rriżulta f’konsegwenzi determinanti għall-finijiet tad-definizzjoni tat-territorju u tal-pubbliku rilevanti fil-kuntest tal-verifika tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti.
44 B’hekk jirriżulta b’mod ċar mill-punti 53, 63, 77 sa 80, 92 u 111 tas‑sentenza appellata li l-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat l-eżistenza tal-imsemmija probabbiltà billi għamlet riferiment preċiżament u b’mod konsistenti għat-“territorju Spanjol” u għas-“suq Spanjol”, mingħajr qatt ma għamlet riferiment għal territorju jew għal pubbliku differenti, kif irrikonoxxiet barra minn hekk l-appellanti stess waqt is-seduta.
45 Konsegwentement, l-ewwel aggravju u l-ewwel parti tat-tieni aggravju invokati insostenn tal-appell għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment infondati u parzjalment ineffettivi.
Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
46 Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni l‑ewwel nett li, minkejja l-fatt li, skont ġurisprudenza Komunitarja, il‑probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata b’mod globali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-kawża ineżami (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, Ġabra p. I‑6191, punt 22, kif ukoll tat-12 ta’ Jannar 2006, Ruiz-Picasso et vs UASI, C‑361/04 P, Ġabra p. I‑643, punt 18), il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni żewġ fatturi importanti u rilevanti ħafna, jiġifieri, minn naħa, il-koeżistenza preċedenti waqt perijodu twil tat-trade marks kunfliġġenti fis-suq Spanjol taż-żejt taż-żebbuġa u, min-naħa l-oħra, il-fatt li dawn kienu magħrufa sewwa fis-suq. B’hekk il-Qorti tal-Prim’Istanza ma evalwatx debitament l-element relatat max-xebh bejn l-imsemmija trade marks.
47 It-tieni nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza mhux talli ma kkonformatx ruħha mar-regola ta’ “evalwazzjoni globali” u ta’ “impressjoni ġenerali” fis-sens tal‑ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti, iżda “applikat metodu analitiku” u b’hekk ipproċediet għall‑eżami distint u suċċessiv tal-elementi figurattivi u tal-elementi verbali tat-trade marks kunfliġġenti, billi tat b’mod żbaljat importanza deċiżiva lill-elementi figurattivi u billi rrifjutat b’mod żbaljat li tagħti l‑iċken importanza lill-elementi verbali tagħhom.
48 Minħabba dan, billi tat lill-element figurattiv importanza “dominanti” fil-konfront tal-elementi kollha l-oħra li jikkostitwixxu t-trade mark La Española u billi b’hekk rendiethom immaterjali għall-finijiet tal-impressjoni ġenerali prodotta minn din it-trade mark, il-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-punti ta’ fatt u l-provi fl-atti tal-proċess.
49 It-tielet nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma evalwatx b’mod korrett l-element “pubbliku”, li huwa determinanti għall-evalwazzjoni globali tal‑probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, inkwantu tat lill-konsumatur medju Spanjol taż-żejt taż-żebbuġa il-profil ta’ konsumatur b’nuqqas ta’ attenzjoni u li ma jirriflettix u mhux dak ta’ “konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u prudenti”, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza Komunitarja.
50 Għall-kuntrarju, Koipe tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat b’mod adegwat il-kriterju tal-evalwazzjoni globali peress li, fis-sentenza appellata, eżaminat b’mod korrett l-eżistenza tal-probabbiltà ta’ konfużjoni billi ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal‑kawża, inkluża l-koeżistenza mhux paċifika tat-trade marks kunfliġġenti fis-suq Spanjol.
51 Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza Komunitarja, l-elementi kollha li jikkostitwixxu trade mark ma għandhomx l-istess valur u lanqas l-istess importanza. Konsegwentement, il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza tat lill‑element figurattiv karattru dominanti, li ppermettilha tikkonstata l‑eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-element verbali, ma jikser ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju dwar it-trade marks inkwantu ma ġewx injorati l-kriterji legali u ġurisprudenzjali li jirregolaw l‑evalwazzjoni ta’ din il-probabbiltà.
52 Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet dwar l-allegata kwalifika żbaljata tal‑konsumatur Spanjol taż-żejt taż-żebbuġa mwettqa mill-Qorti tal‑Prim’Istanza, Koipe tqis li dawn huma sempliċi allegazzjonijiet ta’ fatt li huma inammissibbli fl-istadju tal-appell.
53 Minn naħa tiegħu, l-UASI jsostni l-ewwel nett li l-fatt li l-Qorti tal‑Prim’Istanza ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-koeżistenza tas-sinjali fuq it-territorju rilevanti u l-fatt li t-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni kienet magħrufa sewwa fi Spanja ma għandu ebda konsegwenza determinanti fuq ir-riżultat li waslet għalih dik il-qorti f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.
54 It-tieni nett, fir-rigward tal-metodu użat mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tivverifika l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, l‑UASI jenfasizza li dik il-qorti għamlet paragun tas-sinjali kunfliġġenti minn perspettiva viżiva, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni biss l-elementi figurattivi u injorat l-impatt li jista’ jkollhom l-elementi verbali fuq l-impressjoni ġenerali taż-żewġ sinjali, fid-dawl tal-grad dgħajjef tal-karattru distintiv tas-sinjal verbali “La Española”.
55 Madankollu, l-UASI ma jiħux pożizzjoni dwar il-fondatezza ta’ tali metodu iżda jħalli f’idejn il-ġudizzju tal-Qorti tal-Ġustizzja filwaqt li jindika żewġ soluzzjonijiet possibbli.
56 Minn naħa, l-imsemmija evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiġi vvalidata biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tammetti li, fid-dawl tal-karattru mhux sinjifikattiv tal-elementi l-oħra li jikkostitwixxu t-trade marks kunfliġġenti, il-qorti fl-ewwel istanza setgħat ġustament tagħmel paragun bejn is-sinjali rappreżentattivi tagħhom fuq il‑bażi biss tal-elementi figurattivi tagħhom u jekk, minħabba x-xebh stabbilit bejn dawn iż-żewġ sinjali, ma kienx neċessarju li jsir paragun tad-denominazzjonijiet tagħhom minn perspettiva verbali u kunċettwali.
57 Min-naħa l-oħra, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tasal, għall-kuntrarju, għall-konklużjoni li r-raġunament żviluppat mill-Qorti tal‑Prim’Istanza huwa insuffiċjenti sabiex tibbaża l-analiżi tagħha tas‑sinjali inkwistjoni jew inkella li l-ġustifikazzjonijiet li fuqhom din tal-aħħar ibbażat ruħha ma jikkonformawx mal-liġi, is-sentenza appellata jkollha tiġi annullata minħabba ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u l-kawża jkollha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din twettaq paragun ġdid bejn is-sinjali inkonformità mal‑interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri billi jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sinjali fit-totalità tagħhom.
58 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kontestazzjonijiet dwar il-kwalifika tal-konsumatur Spanjol taż-żejt taż-żebbuġa, l-UASI jsostni, bħall-appellanti, li l-pubbliku meħud inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata jippreżenta profil iktar viċin tal-konsumatur negliġenti milli dak tal-konsumatur raġonevolment attent.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
59 F’dak li jirrigwarda l-argumenti tal-appellanti rigward l-iżbalji mwettqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest tal-verifika tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, għandu jitfakkar qabel kollox li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l‑eżistenza ta’ tali probabbiltà fil-moħħ tal-pubbliku għandha tiġi evalwata b’mod globali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal‑kawża ineżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi SABEL, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22, u tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 18; digriet tat-28 ta’ April 2004, Matratzen Concord vs UASI, C‑3/03 P, Ġabra p. I‑3657, punt 28; sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2005, Medion, C‑120/04, Ġabra p. I‑8551, punt 27, u tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, Ġabra p. I‑4529, punt 34).
60 Skont ġurisprudenza daqstant stabbilita, l-evalwazzjoni globali tal‑probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fis-smigħ jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-elementi distintivi u dominanti tagħhom (ara s-sentenza UASI vs Shaker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
61 B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest tal‑eżami tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, l-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tkun limitata għat-teħid inkunsiderazzjoni biss ta’ komponent ta’ trade mark kumplessa u għall-paragun tiegħu ma’ trade mark oħra. Għall-kuntrarju, hemm lok li l‑paragun isir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata fit-totalità tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet Matratzen Concord vs UASI, iċċitat iktar ’il fuq, punt 32, u s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Medion, punt 29 u UASI vs Shaker, punt 41).
62 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal‑pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun dominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha. Madankollu, huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat‑trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq il-bażi tal-element dominanti biss (sentenzi UASI vs Shaker, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 u 42, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, punti 42 u 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
63 Huwa għaldaqstant fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata t-tieni parti tat-tieni aggravju invokat mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha.
64 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat qabel kollox, fil-punti 88 sa 90 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell kien ikkonferixxa b’mod żbaljat importanza primarja lill-element verbali tat-trade marks kunfliġġenti fid-dawl tal-karattru distintiv dgħajjef tal-elementi figurattivi tat-trade marks imsemmija.
65 Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet tali importanza fir-rigward tal-element figurattiv billi affermat b’mod ċar, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, li dan l-element kellu post ħafna iktar importanti, f’termini ta’ superfiċi, minn dak tal-element verbali, u b’hekk ikkonferixxiet fuq dan tal-aħħar karattru sussidjarju fil-konfront tal-element figurattiv. Skont il-punt 109 tal-istess sentenza, l-imsemmi element figurattiv kellu għalhekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal‑bejgħ tal-prodott inkwistjoni, iktar importanza.
66 Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonferixxiet lill-element figurattiv tat-trade marks kunfliġġenti karattru ta’ element dominanti fil-konfront tal-elementi l-oħra li minnhom huma komposti dawn tal-aħħar, b’mod partikolari tal-element verbali. Dan ippermettilha li tibbaża ġustament l‑analiżi tagħha fuq ix-xebh bejn is-sinjali u fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks La Española u Carbonell billi kkonferixxiet karattru essenzjali lill-paragun viżiv tal-imsemmija sinjali.
67 B’mod kuntrarju għal dak li tafferma l-appellanti, tali approċċ madankollu ma wassalx lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex ma tikkunsidrax l-impatt tal-element verbali.
68 B’hekk, wara li wettqet, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, analiżi komparattiva dettaljata tat-trade marks kunfliġġenti fuq livell viżiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza mbagħad ikkonstatat, fil-punti 103 u 104 tal‑istess sentenza, li l-elementi kollha komuni għaż-żewġ trade marks kienu joħolqu impressjoni viżiva globali ta’ xebh kbir, peress li t-trade mark La Española tirripproduċi bi preċiżjoni kbira l-essenzjal tal‑messaġġ u l‑impressjoni viżiva maħluqa mit-trade mark Carbonell, u għaldaqstant toħloq b’mod inevitabbli, fil-moħħ tal-konsumatur, probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dawn it-trade marks.
69 Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreċiżat, fil-punti 105 u 111 tas‑sentenza appellata, li tali probabbiltà ta’ konfużjoni ma titnaqqasx mill-eżistenza tal-element verbali differenti, fid-dawl tal‑karattru distintiv dgħajjef tal-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, li jagħmel riferiment għall-oriġini ġeografika tal-prodott.
70 Fi kliem ieħor, filwaqt li kkunsidrat l-element figurattiv tal-imsemmija trade marks bħala element dominanti fil-konfront tal-elementi l-oħra li huma komposti minnhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma naqsitx milli tikkunsidra l-element verbali. Għall-kuntrarju, huwa preċiżament fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ dan l-element li l-qorti fl-ewwel istanza attribwietlu, essenzjalment, karattru negliġibbli minħabba, b’mod partikolari, li d-differenzi bejn is-sinjali verbali tat-trade marks kunfliġġenti ma jippermettux li tiġi invalidata l-konklużjoni li kienet waslet għaliha wara l-eżami komparattiv tagħhom fuq livell viżiv.
71 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża preżenti, għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza applikat b’mod korrett ir-regola dwar l-evalwazzjoni globali, kif iddefinita mill-ġurisprudenza Komunitarja mfakkra fil-punti 59 sa 62 tas-sentenza preżenti, fil-kuntest tal-verifika tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti.
72 Konsegwentement, lanqas ma jista’ jiġi sostnut, kif tagħmel l‑appellanti, li l-Qorti tal-Prim’Istanza mhux talli ma kkonformatx ruħha mal-imsemmija ġurisprudenza iżda żnaturat il-punti ta’ fatt u l-provi fl-atti tal-proċess.
73 Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tal-appellanti intiż sabiex tikkontesta l-kwalifika tal-konsumatur Spanjol taż-żejt taż-żebbuġa mwettqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza, hemm lok, minn naħa, li jiġi kkonstatat li l-analiżi mwettqa minn din tal-aħħar f’dan ir-rigward tikkonfroma mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir‑rigward.
74 B’hekk, kif fakkret ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 107 tas-sentenza appellata, il-perċezzjoni tat-trade marks li għandu l‑konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, SABEL, punt 23, kif ukoll Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 25) u, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni globali, il-konsumatur medju huwa meqjus li huwa normalment informat u raġonevolment attent u prudenti, għalkemm il-livell ta’ attenzjoni tiegħu jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew servizzi inkwistjoni (sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar’ il fuq, punt 26).
75 Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat b’mod partikolari, fil-punti 108 u 109 tas-sentenza appellata, li ż-żejt taż-żebbuġa huwa prodott ikkunsmat b’mod regolari fi Spanja, li f’ħafna mill-każijiet jinxtara mis-supermarkets jew mill-istabbilimenti fejn il‑prodotti jkunu esposti fuq xkafef u li l-konsumatur huwa qabel kollox immexxi mill-impatt viżiv tat-trade mark li jkun qed ifittex.
76 Għaldaqstant, minn dan il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħat ġustament tiddeduċi, fil‑punti 109 u 110 tas-sentenza appellata, li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l‑element figurattiv tat-trade marks kunfliġġenti jakkwista iktar importanza, fatt dan li jżid il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom, u li s-sinjali li jidentifikawhom huma iktar diffiċli sabiex jiġu distinti peress li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tippreċiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, UASI vs Shaker, punt 35, kif ukoll Nestlé vs UASI, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark bħala ħaġa sħiħa u ma jagħmilx evalwazzjoni tad-diversi dettalji tagħha.
77 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument tal-appellanti dwar il‑konstatazzjonijiet imwettqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza rigward il‑livell ta’ attenzjoni tal-imsemmi konsumatur, għandu jiġi rrilevat li dan huwa bbażat esklużivament fuq elementi ta’ natura fattwali.
78 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza biss hija kompetenti sabiex, minn naħa, tikkonstata l-fatti, ħlief f’każijiet fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha jirriżultaw mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati lilha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. L-evalwazzjoni tal-fatti b’hekk ma tikkostitwixxix, ħlief f’każijiet ta’ żnaturament tal-elementi ppreżentati lilha, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara s-sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, Ġabra p. I‑5089, punti 41 u 56, kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI, C‑238/06 P, Ġabra p. I‑9375, punt 97).
79 Issa, fil-kawża preżenti, peress li ebda żnaturament ma ġie pprovat u lanqas allegat mill-appellanti, dan l-argument għandu jiġi kkunsidrat bħala manifestament inammissibbli.
80 Fl-aħħar, f’dak li jirrigwarda l-kontestazzjonijiet tal-appellanti fis-sens li, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fis-sentenza appellata, l-koeżistenza preċedenti waqt perijodu twil tat-trade marks kunfliġġenti fis-suq Spanjol taż-żejt taż-żebbuġa u l-fatt li kienu magħrufa sewwa f’dan is-suq, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma evalwatx debitament l-element relatat max-xebh bejn dawn it-trade marks, hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.
81 F’dan ir-rigward, minkejja li l-Qorti tal-Prim’Istanza effettivament ma evalwatx ir‑rilevanza ta’ dawn iż-żewġ elementi, f’dan il-każ, dan il-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma kellu ebda konsegwenza determinanti fuq ir-riżultat li waslet għalih dik il-qorti f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.
82 Fil-fatt, minn naħa, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li l-koeżistenza f’suq determinat ta’ żewġ trade marks tista’ eventwalment tikkontribwixxi, flimkien ma’ elementi oħra, sabiex titnaqqas il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dawn it-trade marks fil-moħħ tal-pubbliku rilevanti, xorta huwa meħtieġ li jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet. B’hekk, kif jissuġerixxi l-Avukat Ġenerali fil-punti 28 u 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni jista’, b’mod partikolari, jiġi dedott min-natura “paċifika” tal-koeżistenza tat-trade marks kunfliġġenti fis-suq inkwistjoni.
83 Madankollu, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, f’dan il-każ, il-koeżistenza bejn it-trade marks La Espanôla u Carbonell b’ebda mod ma kienet “paċifika”, peress li l‑kwistjoni tax-xebh bejn dawn it-trade marks ilha għal diversi snin tressaq liż-żewġ impriżi quddiem il-qrati nazzjonali.
84 Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq il-fatt li t-trade marks huma magħrufa sewwa, għandu qabel kollox jiġi ppreċiżat li hija r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, fil-kawża preżenti t-trade mark Carbonell, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk ix-xebh bejn iż-żewġ prodotti identifikati minn żewġ trade marks huwiex suffiċjenti sabiex jagħti lok għal probabbiltà ta’ konfużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 24). Għaldaqstant, fil-kawża preżenti, l-appellanti ma tistax tikkontesta l-fatt li t-trade mark La Española hija magħrufa sewwa fis-suq Spanjol taż-żejt taż-żebbuġa, kif barra minn hekk diġà għamlet mingħajr suċċess fl-ewwel istanza, sabiex tafferma n-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it‑trade marks kunfliġġenti peress li huwa paċifiku li din it-trade mark hija sussegwenti għat-trade mark Carbonell. Barra minn hekk, fir-rigward tar-reputazzjoni ta’ din it-trade mark tal-aħħar, l-appellanti ma tispeċifikax b’liema mod il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet, li kieku kkunsidrat dan l-element, tikkonferixxi karattru distintiv ikbar lit-trade mark La Espanôla u b’hekk teskludi l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn l-imsemmija trade marks.
85 F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.
86 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li ebda wieħed miż-żewġ motivi invokati mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha ma jista’ jirnexxi u, għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud.
Fuq il-kunsiderazzjonijiet finali tal-UASI dwar ċerti eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma fl-ewwel istanza
87 Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-UASI jiżviluppa, flimkien mar‑risposta tiegħu għall-aggravji, numru ta’ kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw ċerti eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà miċħuda mill‑Qorti tal-Prim’Istanza u jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu pożizzjoni f’dan ir-rigward fid-dawl tal-fatt li tali kwistjonijiet għandhom impatt fuq id-difiża, minn dan il-korp, ta’ diversi kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
88 B’mod partikolari l-UASI jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet ksur tal-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94 sa fejn din id‑dispożizzjoni ma tippermettilhiex, kif għamlet fis-sentenza appellata, li tagħti deċiżjoni li twassal għal riżultat kuntrarju għal dak konkluż f’deċiżjoni kkontestata ta’ Bord tal-Appell.
89 Barra minn hekk, skont l-UASI, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tiddikjara inammissibbli numru ta’ dokumenti prodotti fl-ewwel istanza minħabba l-fatt li, skont l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, dawn kellhom jiġu ppreżentati quddiem il-Bord tal-Appell.
90 Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, sabiex jikkontesta l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-UASI kellu jew jippreżenta appell kontra s-sentenza appellata jew jippreżenta appell inċidentali sa fejn tali argumenti ma ġewx invokati fl-appell.
91 Peress li l-UASI ma ppreżentax appell kontra s-sentenza appellata, hemm madankollu lok li jiġi vverifikat jekk il-kontestazzjonijiet tiegħu jistgħux jiġu kkunsidrati bħala ta’ natura li jikkostitwixxu appell inċidentali.
92 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kwalifika ta’ argument bħala appell inċidentali teħtieġ, skont l-Artikolu 117(2) tar-Regoli tal‑Proċedura, li l-parti li tinvokah tkun trid tikseb l-annullament, totali jew parzjali, tas-sentenza appellata fuq motiv li ma kienx tqajjem fl-appell. Sabiex jiġi stabbilit jekk dan huwiex il-każ hawnhekk, għandha tiġi eżaminata d-diċitura, l-għan u l-kuntest tas-silta inkwistjoni fir-risposta tal-UASI (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951), punt 186).
93 Issa, fil-kawża preżenti, huwa paċifiku, minn naħa, li, fir-risposta tiegħu, l-UASI f’ebda parti ma uża l-espressjoni “appell inċidentali”, iżda pjuttost jippreżenta l-argumenti tiegħu bħala kunsiderazzjonijiet finali intiżi, essenzjalment, sabiex jinkisbu xi kjarifiki min-naħa tal-Qorti tal‑Ġustizzja fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 40/94. Min-naħa l-oħra, huwa ma jitlobx lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza appellata.
94 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-imsemmija kunsiderazzjonijiet ma jikkostitwixxux appell inċidentali u, għaldaqstant, m’hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni f’dan ir-rigward.
Fuq l-ispejjeż
95 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall‑proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż ta’ Koipe, kif mitlub minn din tal-aħħar. Peress li l-UASI ma talabx li l-appellanti tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż, huwa għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-appell huwa miċħud.
2) Aceites del Sur-Coosur SA għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż ta’ Koipe Corporación SL.
3) L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.
Full & Egal Universal Law Academy