Kawża C-505/07
Compañía Española de Comercialización de Aceite SA
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taż-żjut u x-xaħmijiet — Regolament Nru 136/66/KEE — Artikolu 12a — Ħażna taż-żejt taż-żebbuġa mingħajr finanzjament Komunitarju — Kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni”
Sommarju tas-sentenza
1. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Żjut u xaħmijiet — Żejt taż-żebbuġa
(Regolament tal-Kunsill Nru 136/66, Artikolu 12a)
2. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Żjut u xaħmijiet — Żejt taż-żebbuġa
(Regolament tal-Kunsill Nru 136/66, Artikolu 12a)
3. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Żjut u xaħmijiet — Żejt taż-żebbuġa
(Regolament tal-Kunsill Nru 136/66, Artikolu 12a)
4. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Żjut u xaħmijiet — Żejt taż-żebbuġa
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 26, Artikolu 2(1), u Nru 136/66, Artikolu 12a)
1. Kumpannija b’responsabbiltà limitata, li l-kapital tagħha huwa fil-parti l-kbira kkontrollat minn produtturi taż-żejt taż-żebbuġa, imtieħen taż-żejt taż-żebbuġa u kooperattivi ta’ kultivaturi tas-siġar taż-żebbuġ u li l-kumplament tal-kapital tagħha huwa kkontrollat minn istituzzjonijiet finanzjarji, tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ korp, skont l-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66 dwar l-istabbiliment ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet, kif emendat permezz tar-Regolament Nru 1638/98, li jista’ jiġi awtorizzat biex jikkonkludi kuntratt relatat mal-ħażna privata taż-żejt taż-żebbuġa taħt dan l-artikolu, bil-kundizzjoni li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni.
(ara l-punt 35 u d-dispożittiv 1)
2. L-“approvazzjoni mill-Istat” li l-korpi skont l-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66, dwar l-istabbiliment tal-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet, kif emendat permezz tar-Regolament Nru 1638/98, għandhom jingħataw tista’ tinkiseb fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal eżenzjoni (“awtorizzazzjoni”) individwali ppreżentata lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, bil-kundizzjoni li dawn l-awtoritajiet ikollhom mezzi effettivi li jippermettu l-verifikazzjoni tal-kapaċità tal-korp li ppreżenta din l-applikazzjoni sabiex jipproċedi, fl-osservanza tar-rekwiżiti legali, għall-ħażna privata taż-żejt taż-żebbuġa. Fil-fatt, sabiex jiġi mħares l-effett utli tal-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66, l-awtorità li tapprova minn korp għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ kuntratti taħt dan l-artikolu għandha tkun tista’ tiġi ċarament identifikata. Din l-awtorità nazzjonali għandha tkun tista’ twettaq il-verifiki kollha meħtieġa sabiex tiżgura ruħha li l-korp li ppreżenta talba għal approvazzjoni jista’ jipproċedi għall-ħażna privata taż-żejt filwaqt li josserva d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni agrikola u joffri, f’dan ir-rigward, garanziji suffiċjenti.
(ara l-punti 39-41 u d-dispożittiv 2)
3. L-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66, dwar l-istabbiliment tal-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet, kif emendat permezz tar-Regolament Nru 1638/98, ma jipprekludix mekkaniżmu ta’ xiri u ta’ ħażna taż-żejt taż-żebbuġa, miftiehem u ffinanzjat b’mod privat, li ma ġiex suġġett għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni li għaliha tirreferi din id-dispożizzjoni. L-istabbiliment ta’ dispożittiv bħal dan eżentat mill-għajnuna Komunitarju ma għandux, madankollu, ikollu bħala effett li l-ħażna taż-żejt taż-żebbuġa tiġi eżentata mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju u tad-dritt nazzjonali li jirregolaw is-suq taż-żejt taż-żebbuġa u kif ukoll mir-regoli tal-kompetizzjoni.
(ara l-punti 47, 48 u d-dispożittiv 3)
4. Sakemm jastjenu, minn naħa, milli jieħdu kull miżura li hija tali li tidderoga jew tippreġudika l-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żejt taż-żebbuġa u, min-naħa l-oħra, milli jmorru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u lanqas jagħtu lok għal tali kunflitt, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu japplikaw id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni għal akkordju li jista’ jaffettwa s-suq taż-żejt taż-żebbuġa fuq livell Komunitarju. Għaldaqstant l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jikkontrollaw, u għalhekk, jipprojbixxu, mekkaniżmu ta’ ħażna taż-żejt taż-żebbuġa miftiehem u ffinanzjat barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66, dwar l-istabbiliment tal-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet, kif emendat permezz tar-Regolament Nru 1638/98, u li jista’ jaffettwa s-suq Komunitarju.
(ara l-punti 57, 58 u d-dispożittiv 4)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
1 ta’ Ottubru 2009 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taż-żjut u x-xaħmijiet – Ir-Regolament Nru 136/66/KEE – L-Artikolu 12a – Ħażna taż-żejt taż-żebbuġa mingħajr finanzjament Komunitarju – Kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni”
Fil-Kawża C‑505/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Novembru 2007, fil-proċedura mressqa minn
Compañía Española de Comercialización de Aceite SA,
fil-preżenza ta’:
Asociación Española de la Industria y Comercio Exportador de Aceite de Oliva (Asoliva),
Asociación Nacional de Industriales Envasadores y Refinadores de Aceites Comestibles (Anierac),
Administración del Estado,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, K. Schiemann, J. Makarczyk (Relatur) u C. Toader, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Compañía Española de Comercialización de Aceite SA, minn R. Illescas Ortiz, abogado,
– għal Asociación Española de la Industria y Comercio Exportador de Aceite de Oliva (Asoliva), minn M. Albarracín Pascual, procuradora, u C. Ortega Martínez, abogada,
– għal Asociación Nacional de Industriales Envasadores y Refinadores de Aceites Comestibles (Anierac), minn F. Bermúdez de Castro Rosillo, procurador, u A. Ruiz-Giménez Aguilar, abogado,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Jimeno Fernández u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Frar 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12a tar-Regolament tal-Kunsill Nru 136/66/KEE, tat-22 ta’ Settembru 1966, dwar l-istabbiliment tal-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol 1, p. 77-87), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1638/98, tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU L 210, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 136/66”) u tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 26, tal-4 ta’ April 1962, li japplika ċerti regoli tal-kompetizzjoni għall-produzzjoni u għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol 1, p. 6-7).
2 Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ appell ippreżentat minn Compañía Española de Comercialización de Aceite SA (iktar ’il quddiem “Cecasa”) mid-deċiżjoni tat-Tribunal de Defensa de la Competencia tal-5 ta’ Marzu 2002, li tirrifjutalu awtorizzazzjoni individwali bl-għan tal-ħolqien ta’ impriża komuni ta’ kummerċjalizzazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
Il-leġiżlazzjoni dwar l-applikabbiltà tar-regoli ta’ kompetizzjoni fis-settur agrikolu
3 Skont l-ewwel premessa tar-Regolament Nru 26:
“[…] bis-saħħa ta' l-Artikolu 42 tat-Trattat waħda mill-kwistjonijiet li trid tiġi deċiża fl-ambitu tal-politika agrikola komuni hija jekk ir-regoli dwar il-kompetizzjoni stabiliti fit-Trattat għandhomx japplikaw għall-produzzjoni u għall-kummerċ fil-prodotti agrikoli […]”.
4 L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 26 jipprovdi:
“Mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-Artikoli [81] sa [86] tat-Trattat u d-dispożizzjonijiet magħmula għall-implimentazzjoni tagħhom għandhom, bla ħsara għall-Artikolu 2 ta’ hawn taħt, japplikaw għall-[akkordji], għad-deċiżjonijiet u għall-prattiki kollha miftiehma li għalihom hemm referenza fl-Artikoli [81] (1) u [82] tat-Trattat li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni jew il-kummerċ tal-prodotti mniżżla fil-lista fl-Anness [I] tat-Trattat.”
5 Iż-żejt taż-żebbuġ huwa inkluż fil-lista tal-prodotti agrikoli li tinsab fl-Anness I għat-Trattat tal-KE.
6 Skont l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 26:
“1. L-Artikolu [81] (1) tat-Trattat ma għandux japplika għal [dawk l-akkordji], deċiżjonijiet u prattiki li għalihom hemm referenza fl-Artikolu preċedenti li jifformaw parti integrali minn organizzazzjoni tas-suq nazzjonali jew li huma meħtieġa għall-kisba tal-miri ddikjarati fl-Artikolu [33] tat-Trattat. B’mod partikolari, dan m’għandux japplika għall-ftehim, għad-deċiżjonijiet u għall-prattiki tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, jew l- assoċjazzjonijiet ta' dawn l-assoċjazzjonijiet li jappartjienu għal Stat Membru wieħed u li jirrigwardaw il-produzzjoni jew il-bejgħ ta' prodotti agrikoli jew l-użu ta' faċilitajiet konġunti għall-ħażna, għat-trattament jew għall-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli, u li dwarhom ma hemm l-ebda obbligu li jintalbu prezzijiet identiċi, għajr jekk il-Kummissjoni ssib illi l-kompetizzjoni hija b’hekk eskluża jew li l-miri ta' l-Artikolu [33] tat-Trattat huma mhedda.
2. Wara li tikkonsulta lill-Istati Membri u tisma’ lill-impriżi jew lill-assoċjazzjonijiet ta’ l-impriżi konċernati u lil kull persuna naturali jew legali oħra li tikkonsidra xierqa, il-Kummissjoni għandu jkollha l-kompetenza esklussiva, suġġetta għar-reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tistabilixxi, permezz ta' deċiżjoni li għandha tiġi ppubblikata, liema [akkordji], deċiżjonijiet jew prattiki jissodisfaw il-kondizzjonijiet speċifikati fil-paragrafu 1.”
Il-leġiżlazzjoni dwar is-settur taż-żjut u x-xaħmijiet
7 L-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66 jipprovdi:
“Fil-każ ta’ tfixkil serju tas-suq f’ċerti reġjuni tal-Komunità, sabiex ikun irregolarizzat is-suq, deċiżjoni tista’ tkun meħuda skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38 sabiex jiġu awtorizzati korpi li joffru garanziji suffiċjenti, u approvati mill-Istati Membri, sabiex jikkonkludu kuntratti għall-ħażna taż-żejt taż-żebbuġa li huma jpoġġu fuq is-suq.
Fost il-korpi kkonċernati, prijorità għandha tingħata lill-gruppi tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom irrikonoxxuti skond ir-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 952/97 [tal-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-gruppi tal-produtturi u l-assoċazzjonijiet tagħhom ] (ĠU L 142, p. 30)].
Il-miżuri li hemm referenza dwarhom fl-ewwel paragrafu jistgħu jiġu implimentati inter alia meta l-prezz medju rreġistrat fuq is-suq matul perjodu rappreżentattiv huwa anqas minn 95 % tal-prezz ta’ l-intervent applikabbli matul is-sena tas-suq 1997/98.
L-ammont ta’ l-għajnuna għat-twettiq ta’ kuntratti u r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari l-kwantitajiet, il-kwalitajiet u t-tul tal-ħażna taż-żjut ikkonċernati, għandhom ikunu stabbiliti permezz tal-proċedura stabbilita skond l-Artikolu 38 b’tali mod li tassigura impatt sinjifikanti fuq is-suq. L-għajnuna tista’ tingħata permezz ta’ offerti.”
8 L-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 136/66 jirreferi għal proċedura ta’ komitatoloġija.
9 Jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 952/97 li dan ir-regolament stabbilixxa għal ċerti reġjuni skema ta’ inkuraġġiment għall-formazzjoni tal-gruppi ta’ produtturi u l-assoċazzjonijiet tagħhom.
10 L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 952/97 jipprovdi kif ġej:
“Sabiex jiġu kkumpensati n-nuqqasijiet strutturali fuq il-livell tal-offerta u tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti agrikoli kkonstatati f’ċerti reġjuni, nuqqasijiet ikkaratterizzati permezz ta’ grad insuffiċjenti ta’ organizzazzjoni tal-produtturi, dan ir-regolament jistabbilixxi għal dawn ir-reġjuni skema ta’ inkuraġġiment għall-formazzjoni tal-gruppi ta’ produtturi u tal-assoċazzjonijiet tagħhom. [traduzzjoni mhux uffiċjali]”
11 Ir-Regolament Nru 952/97 ġie mħassar mingħajr ma ġie ssostitwit, mit-3 ta’ Lulju 1999, permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti regolamenti (ĠU L 160, p. 80).
12 Jirriżulta mill-erba’ u erbgħin premessa tar-Regolament Nru 1257/1999 li fid-dawl tal-eżistenza tal-għajnuna lill-gruppi ta’ produtturi u lill-assoċjazzjonijiet tagħhom f’numru ta’ organizzazzjonijiet komuni tas-swieq, ma jidhirx iktar neċessarju li jingħata sostenn partikolari lill-gruppi ta’ produtturi fil-kuntest tal-iżvilupp rurali.
13 Il-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 1638/98 tipprovdi kif ġej:
“Billi s-sistema ta’ buying-in pubbliku tikkostitwixxi inċentiv għall-produzzjoni li għandha l-possibilità li tiddistabilizza s-suq; billi l-buying-in għalhekk għandu jkun imwaqqaf u r-riferenzi għall-prezz ta’ l-intervent għandhom ikunu mħassra jew mibdula.”
14 It-tnax-il premessa tal-imsemmi regolament jipprovdi kif ġej:
“[…] jekk il-provvista taż-żejt taż-żebbuġa għandha tkun irregolata meta jkun hemm tfixkil serju tas-suq, hemm bżonn ta’ sistema ta’ għajnuna għall-kuntratti ta’ ħażna privati, bil-prijorità għall-kuntratti bħal dawn tingħata lill-gruppi ta’ produtturi u l-assoċjazzjonijiet ta’ dawn irrikonoxxuti permezz tar-[Regolament Nru 952/97].”
15 L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2768/98 tal-21 ta’ Diċembru 1998 fuq l-iskema ta’ għajnuna għall-ħażna privata taż-żejt taż-żebbuġa (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol 24, p. 203-208) jipprovdi:
“Il-korpi kompetenti fi Stati Membri produtturi għandhom jikkonkludu kuntratti għall-ħażna privata ta’ żejt verġni taż-żebbuġa bil-massa bil-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.”
16 Skont l-Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni tista’ tagħmel sejħiet għall-offerti għal perijodu limitat sabiex tistabbilixxi l-għajnuna li għandha tingħata biex isiru kuntratti għall-ħażna privata ta’ żejt verġni taż-żebbuġa.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
17 Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 16/1989, tas-17 ta’ Lulju 1989, dwar il-ħarsien tal-kompetizzjoni (Ley 16/1989 de Defensa de la Compentencia), tas-17 ta’ Lulju 1989 (BOE Nru 170, tat-18 ta’ Lulju 1989, p. 22747, iktar ’il quddiem l-‘LDC’):
“1. Huma pprojbiti l-akkordji, id-deċiżjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet komuni jew il-prattiki miftiehma jew paralleli li għandhom bħala għan, effett jew li jista’ jkollhom l-effett li jimpedixxu, jillimitaw jew ifixklu l-kompetizzjoni fuq is-suq nazzjonali kollu jew f’parti minnu, u b’mod partikolari dawk li jikkonsistu:
a) fl-iffissar direttament jew indirettament ta’ prezzijiet jew ta’ kundizzjonijiet kummerċjali oħrajn jew ta’ servizz;
b) fil-limitazzjoni jew fil-kontroll tal-produzzjoni, tad-distribuzzjoni, tal-iżvilupp tekniku jew tal-investimenti;
ċ) fit-tqassim tas-swieq jew tal-fonti ta’ provvista. […]
2. L-akkordji, id-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet ipprojbiti bis-saħħa tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu huma awtomatikament nulli u mhumiex koperti mill-eżenzjonijiet previsti minn din il-liġi. […]”.
18 L-Artikolu 3 tal-LDC, intitolat “[i]l-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni”, jipprovdi kif ġej:
“1 Jistgħu jiġu awtorizzat l-akkordji, id-deċiżjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-prattiki li jissemmew fl-Artikolu 1 jew il-kategoriji tagħhom li jikkontribwixxu sabiex itejbu l-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi jew sabiex jippromwovu l-progress tekniku jew ekonomiku, sakemm:
a) jippermettu lill-konsumaturi u lill-utenti li jibbenefikaw, b’mod adegwat, mill-vantaġġi tagħhom;
b) ma jimponux fuq l-impriżi kkonċernati restrizzjonijiet li ma jkunux indispensabbli sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet; u
ċ) ma jagħtux lil dawn l-impriżi l-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni għal ammont sostanzjali tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni.
2. Bl-istess mod, jistgħu jiġu awtorizzati, sakemm ikunu ġġustifikati mis-sitwazzjoni ekonomika ġenerali u mill-interess pubbliku, l-akkordji, id-deċiżjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-prattiki msemmija fl-Artikolu 1 jew il-kategoriji ta’ dawn tal-aħħar li:
a) jkollhom l-għan li jipproteġu jew jippromwovu l-esportazzjonijiet, sakemm ma jfixklux il-kompetizzjoni fis-suq intern u jkunu kompatibbli mal-obbligi li jirriżultaw mill-konvenzjonijiet internazzjonali rratifikati minn Spanja,
b) jiddeterminaw żieda suffiċjentement kbira fil-livell soċjali u ekonomiku ta’ żoni jew ta’ setturi żvantaġġati, jew
ċ) fid-dawl tal-ftit importanza li għandhom, ma jippreġudikawx il-kompetizzjoni b’mod sinjifikattiv.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
19 Jirriżulta mill-inkartament ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li Cecasa hija kumpannija b’responsabbiltà limitata tad-dritt Spanjol, li 68 % mill-kapital tagħha huwa kkontrollat minn produtturi taż-żejt, imtieħen u kooperattivi, filwaqt li 32 % l-oħra jinqasam bejn aġenziji ta’ kreditu u entitajiet oħrajn. Il-kultivaturi tas-siġar taż-żebbuġ affiljati ma’ din l-impriża jirrapreżentaw 50 % sa 60 % tal-produzzjoni Spanjola taż-żejt taż-żebbuġa.
20 Fil-5 ta’ April 2001, Cecasa ressqet, quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, talba għal awtorizzazzjoni individwali, skont l-Artikolu 3 tal-LDC, bl-għan li toħloq impriża għall-kummerċjalizzazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, li l-għan finali tagħha jkun li tevita illi l-prezzijiet taż-żejt jaqgħu iktar minn ċertu limitu, stabbilit għal madwar 95 % tal-prezz preċedenti ta’ intervent, billi tixtri ż-żejt minn dan il-livell tal-prezz u billi terġa’ tqegħdu fuq is-suq meta l-prezzijiet jerġgħu jibdew telgħin.
21 Billi kkunsidra li t-talba għal awtorizzazzjoni individwali mressqa minn Cecasa kellha l-għan li tistabbilixxi akkordju bejn kompetituri sabiex iżommu l-prezz taż-żejt taż-żebbuġa stabbli matul is-snin ta’ fdal (surplus), it-Tribunal de Defensa de la Competencia, b’deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2002, ċaħad din it-talba.
22 Din id-deċiżjoni ġiet, sostanzjalment, ikkonfermata minn sentenza tal-awla għall-kwistjonijiet amministrattivi tal-Audiencia Nacional tat-22 ta’ Lulju 2005, li minnha Cecasa appellat quddiem il-qorti tar-rinviju.
23 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo ddeċieda li jissospendi l‑proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s‑segwenti domandi preliminari:
“1) L-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66 […] jippermetti li fost il-‛korpi’ awtorizzati biex jikkonkludu kuntratti għall-ħażna taż-żejt taż-żebbuġa tiġi inkluża kumpannija, li l-parti l-kbira tal-azzjonisti tagħha jkunu produtturi, mgħasar [imtieħen] taż-żejt u kooperattivi ta’ kultivaturi tas-siġar taż-żebbuġ, kif ukoll istituzzjonijiet finanzjarji? Kumpannija li jkollha dawn il-karatteristiċi tista’ tiġi kkunsidrata bħala ekwivalenti għall-gruppi ta’ produtturi u l-assoċazzjonijiet tagħhom rikonoxxuti mir-Regolament […] Nru 952/97?
2) F’każ li l-kumpannija tista’ tiġi inkluża fost il-“korpi” li jistgħu jeżerċitaw attivitajiet ta’ ħżin, l-“approvazzjoni mill-Istat” li dawn il-korpi għandu jkollhom skont l-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66 tista’ tinkiseb fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal eżenzjoni (“awtorizzazzjoni”) individwali ppreżentata lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni?
3) L-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66 jeżiġi imperattivament li l-Kummissjoni tawtorizza f’kull każ il-ħżin privat taż-żejt taż-żebbuġa jew, fil-każ kuntrarju, dan l-artikolu huwa kompatibbli mal-eżistenza ta’ mekkaniżmu miftiehem bejn il-produtturi biex jinxtara u jinħażen l-imsemmi żejt taż-żebbuġa, iffinanzjat b’mod privat, li jiġi attivat biss taħt l-istess termini u kundizzjonijiet bħal dawk li jattivaw il-ħżin privat iffinanzjat mill-Komunità, bil-għan tat-twettiq ta’ dan il-ħżin u tal-effettività tiegħu, mingħajr ma jinqabżu l-limiti tiegħu?
4) Il-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti [...] fis-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003 [Milk Marque u National Farmers’ Union (C-137/00, Ġabra p. I-7975),] fir-rigward tal-applikazzjoni, mill-awtoritajiet nazzjonali, tar-regoli nazzjonali dwar il-kompetizzjoni għall-akkordji bejn produtturi li jistgħu, bħala regola, jaqgħu taħt l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 26 [...] jista’ jiġi estiż għall-akkordji li, minħabba l-karatteristiċi tagħhom u minħabba l-karatteristiċi tas-settur inkwistjoni, jistgħu jinfluwenzaw is-suq Komunitarju taż-żejt taż-żebbuġa b’mod ġenerali?
5) F’każ li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni huma awtorizzati japplikaw ir-regoli nazzjonali għall-imsemmija akkordji li jistgħu jaffettwaw l-organizzazzjoni komuni tas-suq tax-xaħmijiet, dawn l-awtoritajiet jistgħu jirrifjutaw b’mod assolut li kumpannija bħar-rikorrenti tkun tista’ tuża l-mekkaniżmi ta’ ħażna taż-żejt taż-żebbuġa, anke f’każijiet ta’ ‘tfixkil serju’ fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
24 Fit-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tirreferi għar-Regolament Nru 952/97, li ma kienx iktar fis-seħħ meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tal-kawża prinċipali.
25 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sa fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta li tiddeċiedi dwarhom (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki, C-213/07, Ġabra p. I-9999, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
26 Ir-rifjut li tingħata deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kontroversja fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt meħtieġa sabiex tagħti risposti utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenza Michaniki ċċitata iktar ’il fuq, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 Kif innota l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-Regolament Nru 952/97 ma tilifx ir-rilevanza tiegħu minħabba t-tħassir tiegħu.
28 F’dan il-każ, peress li huma espressament identifikati fil-kuntest tal-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66, il-gruppi ta’ produtturi u l-assoċazzjonijiet tagħhom għandhom rwol preċiż fil-kuntest tal-imsemmi artikolu. Fil-fatt, huwa għal dawn il-gruppi ta’ produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom li l-leġiżlatur Komunitarju attribwixxa prijorità fil-konklużjoni tal-kuntratti ta’ ħażna taż-żejt taż-żebbuġa.
29 F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari tiġi kkunsidrata bħala li hija ammissibbli.
Fuq l-ewwel domanda
30 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk kumpannija b’responsabbiltà limitata, li l-kapital tagħha huwa fil-parti l-kbira kkontrollat minn produtturi taż-żejt taż-żebbuġa, imtieħen taż-żejt u kooperattivi ta’ kultivaturi tas-siġar taż-żebbuġ u li l-kumplament tal-kapital huwa kkontrollat minn istituzzjonijiet finanzjarji, taqax taħt il-kunċett ta’ “korpi” li jistgħu jiġu awtorizzati biex jikkonkludu kuntratti għall-ħażna skont l-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66.
31 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 1638/98, fid-dawl ta’ riskju ta’ distabbilizzazzjoni tas-suq min-naħa tas-sistema ta’ buying-in, il-Kunsill iddeċieda, fil-kuntest tar-riforma tas-suq taż-żejt taż-żebbuġa, wara l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, li jneħħi s-sistema ta’ buying-in.
32 Jirriżulta mit-tnax-il premessa tar-Regolament Nru 1638/98 li, sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi rregolata l-offerta taż-żejt taż-żebbuġ f’każ ta’ tfixkil serju tas-suq, ġiet stabbilita skema ta’ għajnuna għall-kuntratti relatati mal-ħażna privata. Il-karatteristiċi ta’ din l-iskema jinsabu fl-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66.
33 Kif jirriżulta mill-Artikolu 12a, moqri flimkien mat-tnax-il premessa tar-Regolament Nru 1638/98, jistgħu jkunu awtorizzati sabiex jikkonkludu kuntratti relatati mal-ħażna privata l-korpi li joffru garanziji suffiċjenti u li huma approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Fost dawn il-korpi, jinsabu l-gruppi ta’ produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom skont ir-Regolament Nru 952/97, li jingħataw prijorità.
34 Għandu jiġi kkonstatat li, bla ħsara għall-osservanza tar-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66, kemm l-impriżi privati u kif ukoll l-impriżi pubbliċi, irrispettivament mill-kompożizzjoni jew mill-mod ta’ finanzjament tagħhom, jistgħu jkunu awtorizzati sabiex jikkonkludu kuntratti taħt dan l-artikolu.
35 Għaldaqstant, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fis-sens li kumpannija b’responsabbiltà limitata, li l-kapital tagħha huwa fil-parti l-kbira kkontrollat mill-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa, imtieħen taż-żejt u kooperattivi ta’ kultivaturi tas-siġar taż-żebbuġ u li l-kumplament tal-kapital tagħha huwa kkontrollat minn istituzzjonijiet finanzjarji, tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ korp, skont l-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66, li jista’ jiġi awtorizzat biex jikkonkludi kuntratt relatat mal-ħażna privata taż-żejt taż-żebbuġa taħt dan l-artikolu, bil-kundizzjoni li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti minn dan l-artikolu.
Fuq it-tieni domanda
36 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, fuq il-kundizzjonijiet ta’ għoti, minn Stat Membru, tal-approvazzjoni prevista fl-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66.
37 Mill-bidu nett, għandu jiġi rrilevat li dan l-artikolu ma jippreċiżax in-natura tal-proċedura nazzjonali li twassal għall-għoti ta’ approvazzjoni lil korp li jixtieq jipproċedi għal ħażna privata taż-żejt taż-żebbuġa. Lanqas ma jippreċiża l-kwalità tal-awtorità nazzjonali li tkun tista’ tagħti approvazzjoni tali.
38 Għalkemm l-Istati Membri għandhom, f’dan ir-rigward, marġni diskrezzjonali fl-organizzazzjoni tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-ħażna privata taż-żejt taż-żebbuġa, skont l-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66, madankollu huma jibbenefikaw minn id-diskrezzjoni sakemm josservaw b’mod sħiħ l-għanijiet u l-obbligi stabbiliti minn dan ir-regolament.
39 Għaldaqstant, l-awtorità stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru għall-għoti tal-approvazzjoni għandha tkun tista’ twettaq il-verifiki kollha meħtieġa sabiex tiżgura ruħha li l-korp li ressaq talba għal approvazzjoni jista’ jipproċedi għall-ħażna privata taż-żejt filwaqt li josserva d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni agrikola u joffri, f’dan ir-rigward, garanziji suffiċjenti.
40 Barra minn dan, sabiex jiġi mħares l-effett utli tal-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66, l-awtorità li tapprova minn korp għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ kuntratti taħt dan l-artikolu għandha tkun tista’ tiġi ċarament identifikata.
41 Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun fis-sens li l-“approvazzjoni mill-Istat” li l-korpi skont l-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66, għandhom jingħataw tista’ tinkiseb fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal eżenzjoni (“awtorizzazzjoni”) individwali ppreżentata lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, bil-kundizzjoni li dawn l-awtoritajiet ikollhom mezzi effettivi li jippermettu l-verifikazzjoni tal-kapaċità tal-korp li ppreżenta din l-applikazzjoni sabiex jipproċedi, fl-osservanza tar-rekwiżiti legali, għall-ħażna privata taż-żejt taż-żebbuġa.
Fuq it-tielet domanda
42 Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk l-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66 jipprekludix l-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ xiri u ta’ ħażna taż-żejt taż-żebbuġa, miftiehem u ffinanzjat b’mod privat, li ma ġiex suġġett għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni msemmija f’dan l-artikolu.
43 F’dan ir-rigward, kif ġie mfakkar fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tar-riforma tas-suq taż-żejt taż-żebbuġa, wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1638/98, ġiet stabbilita, fl-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66, skema ta’ għajnuna Komunitarja għat-twettiq ta’ kuntratti ta’ ħażna privata taż-żejt taż-żebbuġa.
44 Fid-dawl tad-diċitura ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi rrilevat li l-mekkaniżmu stabbilit mill-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66 japplika biss għall-każijiet ta’ ħażna privata li jibbenefikaw minn finanzjament Komunitarju.
45 Min-naħa l-oħra, jekk l-operaturi mhumiex interessati li jiksbu għajnuna Komunitarja, il-ħażna privata taż-żejt taż-żebbuġa ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 136/66.
46 Għalhekk, l-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66 ma jipprekludix li jiġi stabbilit mekkaniżmu tal-ħażna privata ffinanzjat b’mod privat.
47 L-istabbiliment ta’ dispożittiv bħal dan eżentat mill-għajnuna Komunitarju ma għandux, madankollu, ikollu bħala effett li l-ħażna taż-żejt taż-żebbuġa tiġi eżentata mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju u tad-dritt nazzjonali li jirregolaw is-suq taż-żejt taż-żebbuġa u kif ukoll mir-regoli tal-kompetizzjoni.
48 Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun fis-sens li l-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66 ma jipprekludix mekkaniżmu ta’ xiri u ta’ ħażna taż-żejt taż-żebbuġa, miftiehem u ffinanzjat b’mod privat, li ma ġiex suġġett għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni li għaliha tirreferi din id-dispożizzjoni.
Fuq ir-raba’ u l-ħames domandi
49 Permezz tar-raba’ u l-ħames domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq l-estenzjoni tal-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-każ fejn akkordju bejn impriżi li jaġixxu fuq is-suq nazzjonali taż-żejt taż-żebbuġa jkollu riperkussjonijiet fuq livell Komunitarju.
50 F’dan ir-rigward, jeħtieġ jiġi mfakkar li d-dritt Komunitarju u d-dritt nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni japplikaw parallelament, peress li dawn jikkunsidraw il-prattiċi restrittivi minn aspetti differenti. Filwaqt li l-Artikoli 81 KE u 82 KE jikkunsidrawhom fid-dawl tal-ostakoli li dawn jistgħu joħolqu għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, il-leġiżlazzjonijiet interni, ibbażati fuq kunsiderazzjonijiet speċifiċi għal kull waħda minnhom, jikkunsidraw il-prattiċi restrittivi biss f’dan il-kuntest (ara s-sentenza Milk Marque u National Farmers’ Union, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61 u ġurisprudenza ċċitata).
51 Fid-dawl ta’ din l-applikazzjoni parallela tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u ta’ dawk tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, il-fatt li akkordju konkluż bejn impriżi li jaġixxu fil-qasam irregolat mill-organizzazzjoni komuni tas-suq ikun tali li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri ma jistax jirriżulta fl-applikazzjoni esklużiva tad-dritt Komunitarju.
52 Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli Komunitarji ta’ kompetizzjoni mhuwiex identiku għal dak tar-regoli nazzjonali ta’ kompetizzjoni, iċ-ċirkustanza biss li, permezz tal-Artikolu 36 KE u r-Regolament Nru 26, il-leġiżlatur Komunitarju wettaq konċiljazzjoni bejn l-għanijiet tal-politika agrikola komuni u l-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni ma għandhiex neċessarjament bħala konsegwenza li kull applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni hija kunfliġġenti mal-Artikolu 36 KE u r-Regolament Nru 26 (sentenza Milk Marque u National Farmers’ Union, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66).
53 Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 26, kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-esklużività tal-kompetenza tal-Kummissjoni, li tippermettilha tikkonstata l-applikabbiltà tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament għal akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi ma tirriżulta lanqas fil-preklużjoni tal-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni.
54 Fil-fatt, l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 26 huwa ntiż biss sabiex jiddetermina l-awtorità kompetenti biex tapplika d-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni.
55 Madankollu, jeħtieġ jiġi mfakkar li meta huma jaġixxu fil-qasam irregolat mill-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur inkwistjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ kompetizzjoni huma obbligati li jastjenu ruħhom minn kull miżura li tkun tali li tidderoga jew tippreġudika din l-organizzazzjoni komuni (sentenza Milk Marque u National Farmers’ Union, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94).
56 Barra minn dan, fir-rigward tal-każijiet li jaqgħu kemm fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 81(1) KE kif ukoll f’dak tal-liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux imorru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni u lanqas jagħtu lok għal tali kunflitt (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB, C‑344/98, Ġabra p. I‑11369, punti 51 u 52).
57 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet li jsir riferiment għalihom fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, huwa permess li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jikkontrollaw, u għalhekk, jipprojbixxu, mekkaniżmu ta’ ħażna taż-żejt taż-żebbuġa miftiehem u ffinanzjat barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66 u li jista’ jaffettwa s-suq Komunitarju.
58 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-raba’ u l-ħames domandi għandhom jiġu mwieġba fis-sens li sa fejn jastjenu, minn naħa, milli jieħdu kull miżura li hija tali li tidderoga jew tippreġudika l-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żejt taż-żebbuġa u, min-naħa l-oħra, milli jmorru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni u lanqas jagħtu lok għal tali kunflitt, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu japplikaw id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni għal akkordju li jista’ jaffettwa s-suq taż-żejt taż-żebbuġa fuq livell Komunitarju.
Fuq l-ispejjeż
59 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Kumpannija b’responsabbiltà limitata, li l-kapital tagħha huwa fil-parti l-kbira kkontrollat mill-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa, imtieħen taż-żejt u kooperattivi ta’ kultivaturi tas-siġar taż-żebbuġ u li l-kumplament tal-kapital tagħha huwa kkontrollat minn istituzzjonijiet finanzjarji, tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ korp, skont l-Artikolu 12a tar-Regolament tal-Kunsill Nru 136/66KEE, tat-22 ta’ Settembru 1966, dwar l-istabbiliment tal-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1638/98, tal-20 ta’ Lulju 1998, li jkun jista’ jiġi awtorizzat biex jikkonkludi kuntratt relatat mal-ħażna privata taż-żejt taż-żebbuġa taħt dan l-artikolu, bil-kundizzjoni li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti minn dan l-artikolu.
2) L-“approvazzjoni mill-Istat” li l-korpi skont l-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66, kif emendat permezz tar-Regolament Nru 1638/98, għandhom jingħataw tista’ tinkiseb fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal eżenzjoni (“awtorizzazzjoni”) individwali ppreżentata lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, bil-kundizzjoni li dawn l-awtoritajiet ikollhom mezzi effettivi li jippermettu l-verifikazzjoni tal-kapaċità tal-korp li ppreżenta din l-applikazzjoni sabiex jipproċedi, fl-osservanza tar-rekwiżiti legali, għall-ħażna privata taż-żejt taż-żebbuġa.
3) L-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66, kif emendat permezz tar-Regolament Nru 1638/98, ma jipprekludix mekkaniżmu ta’ xiri u ta’ ħażna taż-żejt taż-żebbuġa, miftiehem u ffinanzjat b’mod privat, li ma ġiex suġġett għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni li għaliha tirreferi din id-dispożizzjoni.
4) Sa fejn jastjenu, minn naħa, milli jieħdu kull miżura li hija tali li tidderoga jew tippreġudika l-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żejt taż-żebbuġa u, min-naħa l-oħra, milli jmorru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u lanqas jagħtu lok għal tali kunflitt, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu japplikaw id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni għal akkordju li jista’ jaffettwa s-suq taż-żejt taż-żebbuġa fuq livell Komunitarju.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.
Full & Egal Universal Law Academy