SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
23 ta’ April 2009 (*)
“Direttiva 87/102/KEE – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kreditu lill-konsumatur – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ”
Fil-Kawża C‑509/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale di Bergamo (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Novembru 2007, fil-proċedura
Luigi Scarpelli
vs
NEOS Banca SpA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič, A. Tizzano, A. Borg Barthet u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Diċembru 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal L. Scarpelli, minn F. Maffettini u G. Pozzi, avukati,
– għal NEOS Banca SpA, minn S. Beccari, avukat,
– għall-Gvern Taljan, minn R. Adam, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Kemper, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ungeriż, minn J. Fazekas, R. Somssich u K. Borvölgyi, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn L. Pignataro-Nolin u W. Wils, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, tat-22 ta’ Dicembru 1986, għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn L. Scarpelli u NEOS Banca SpA (iktar ’il quddiem “NEOS Banca”) dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu konkluż bil-għan li tinxtara vettura bil-mutur li qatt ma ġiet ikkunsinnata.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Il-wieħed u għoxrin premessa tad-Direttiva 87/102 tipprovdi:
“Billi, f’dak li għandhu x’jaqsam ma’ oġġetti u servizzi li l-konsumatur ikkuntratta biex jixtri fuq kreditu, il-konsumatur għandu, għallanqas fiċ-ċirkostanzi mfissra hawn taħt, ikollu xi drittijiet rigward min ikun qed jagħti l-kreditu li huma miżjuda mad-dirttijiet tiegħu kuntrattwali normali kontrih u kontra min ikun qed jipprovdi l-merkanzija jew is-servizzi; billi ċ-ċirkostanzi msemmija [hawn taħt] huma dawk fejn min qed jagħti l-kreditu u min qed jipprovdi l-merkanzija jew is-servizzi jkollhom ftehim minn qabel li skontu l-kreditu jsir disponibbli biss minn dik il-persuna li tkun qiegħda tagħti l-kreditu lil min qed jixtri mingħand dik il-persuna li tipprovdi għall-iskop li tippermetti lill-konsumatur li jikseb il-merkanzija jew is-servizzi mingħand dan ta’ l-aħħar”.
4 Il-ħamsa u għoxrin premessa ta’ din id-direttiva tipprovdi:
“Billi, din id-Direttiva tipprovdi għal ċertu ammont ta’ approssimazzjoni fil-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattiv[i] ta’ l-Istati Membri dwar kreditu lill-konsumatur u għal ċertu livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur, l-Istati Membri m’għandhomx ma jitħallewx milli jżommu jew jadottaw miżuri aktar iebsa biex jipproteġu lill-konsumatur, b’konsiderazzjoni xierqa għall-obbligazzjonijiet tagħhom skond it-Trattat”.
5 L-Artikolu 11(1) u (2) tad-direttiva msemmija jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-eżiztenza ta’ ftehim ta’ kreditu m’għandu jaffettwa bl-ebda mod id-drittijeit tal-konsumatur kontra min jipprovdi xi oġġetti jew servizzi mixtrija permezz ta’ ftehim bħal dan f’każijiet meta l-merkanzija jew is-servizzi ma jiġux ipprovduti jew b’xi mod ieħor m’humiex konformi mal-kuntratt tal-provvista.
2. Fejn:
a) biex jixtri xi oġġetti jew jikseb xi servizzi l-konsumatur jidħol f’xi ftehim ta’ kreditu ma’ xi persuna li ma tkunx dik li tipprovdihom; u
b) min ikun qed jagħti l-kreditu u min jipprovdi l-merkanzija jew is-servizzi għandhom xi ftehim minn qabel li taħtu l-kreditu huwa disponibbli biss minn dik il-persuna li qiegħda tagħti l-kreditu lil min qed jixtri mingħand dik il-persuna li qiegħda tipprovdi għax-xiri tal-merkanzija jew tas-servizzi mingħand dik il-persuna li tipprovdihom; u
ċ) l-konsumatur imsemmi fis-subparagrafu (a) jikseb il-kreditu tiegħu skond dak il-ftehim li kien jeżisti minn qabel; u
d) l-merkanzija u s-servizzi li jaqgħu taħt il-ftehim ta’ kreditu m’humiex ipprovduti, jew parti tagħhom biss hija pprovduta, jew mhumiex konformi mal-kuntratt biex jiġu pprovduti; u
e) l-konsumatur ħa r-rimedji tiegħu kontra min jipprovdi iżda ma rnexxilux jikseb is-sodisfazzjon li għandu dritt għalih,
il-konsumatur ikollu d-dritt li jieħu r-rimedji kontra min jagħti l-kreditu. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sa fejn u taħt liema kundizzjonijiet dawn ir-rimedji jistgħu jiġu eżerċitati.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
6 L-Artikolu 42 tad-Digriet Legali Nru 206, tas-6 ta’ Settembru 2005 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 235, tat-8 ta’ Ottubru 2005), jipprovdi:
“Fil-każijiet fejn il-kuntratt ma jiġix eżegwit mill-fornitur tal-merkanzija jew tas-servizzi, il-konsumatur li jkun ippreżenta notifika mingħajr suċċess għandu d-dritt li jippreżenta rikors kontra min jagħti l-kreditu fil-limiti tal-kreditu li ngħata, bil-kundizzjoni li jkun jeżisti ftehim li jatribbwixxi lil min jagħti l-kreditu l-esklużività tal-għoti ta’ krediti lill-klijenti tal-fornitur. Ir-responsabbiltà testendi wkoll għat-terzi li min jagħti l-kreditu jkun ċeda lilhom id-drittijiet derivanti mill-ftehim ta’ kreditu”
7 Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li skont il-ġurisprudenza Taljana, id-drittijiet invokati mill-konsumatur mhumiex relatati mal-konklużjoni, jew le, ta’ ftehim ta’ esklużività bejn min jagħti l-kreditu u l-fornitur.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 Fl-20 ta’ Ġunju 2003, L. Scarpelli, ix-xerrej, li kien mar għand il-bejjiegħ, il-kumpannija Autobrembate, li tappartjeni lil Brioli Duilio, bil-għan li jixtri vettura bil-mutur tad-ditta Audi A4 1900 TD, iffirma, flimkien mal-kuntratt ta’ xiri ta’ din il-vettura, formula – ipprovduta mill-bejjiegħ – ta’ talba għal kreditu mingħand Finemiro SpA, li fid-drittijiet tagħha daħlet NEOS Banca, il-persuna li tat il-kreditu.
9 L. Scarpelli ħallas is-somma ta’ EUR 10 000 permezz ta’ ċekkijiet maħruġa f’isem Brioli Duilio, u bbenifika minn kreditu fl-ammont ta’ EUR 19 130, li ġie miżjud mal-EUR 10 000 li kienu diġà tħallsu. Huwa beda jħallas lura dan il-kreditu lill-imsemmi stabbiliment finanzjarju permezz ta’ rati mensili ta’ EUR 402.
10 Wara li ħallas 24 rata mensili, fl-ammont ta’ EUR 9 648, minbarra kummissjoni ta’ EUR 130, L. Scarpelli waqqaf il-ħlas tar-rati mensili minħabba li l-vettura kienet għadha ma ġietx ikkunsinnata lilu.
11 Finemiro SpA innotifikat lil L. Scarpelli b’digriet li jordnalu jħallas id-differenza li għadha dovuta, f’ammont stabbilit għal EUR 15 678.38, flimkien mal-interessi.
12 Wara, il-kumpannija Autobrembate ġiet iddikjarata falluta u l-vettura mixtrija minn L. Scarpelli qatt ma ġiet ikkunsinnata lilu.
13 L. Scarpelli kkontesta d-digriet li ordna l-ħlas, billi invoka li huwa ma kienx marbut li jħallas ir-rati mensili li kienu għadhom dovuti. Barra minn hekk, talab lil NEOS Banca tħallsu lura l-ammont ta’ EUR 9 778 li kienu diġà tħallsu permezz tar-rati mensili, flimkien mal-interessi legali u r-rievalwazzjoni monetarja.
14 NEOS Banca resqet proċeduri ġudizzjarji fejn ikkontestat it-talbiet ta’ L. Scarpelli għar-raġuni li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 87/102 jipprovdi għall-eżenzjoni tar-responsabbiltà ta’ min jagħti l-kreditu fil-każijiet kollha fejn tispiċċa r-relazzjoni ta’ esklużività bejn min jagħti l-kreditu u l-fornitur.
15 F’dan ir-rigward, NEOS Banca għamlet riferiment għad-dispożizzjonijiet nazzjonali u Komunitarji, b’mod partikolari għall-Artikolu 42 tad-Digriet Legali Nru 206, tas-6 ta’ Settembru 2005, fejn sostniet li, fil-każijiet ta’ finanzjament taħt is-sistema tan-non-esklużività, id-dritt tal-konsumatur li jaġixxi kontra min jagħti l-kreditu huwa eskluż, peress li din il-possibbiltà hija biss limitata għall-finanzjament taħt is-sistema tal-esklużività.
16 Huwa paċifiku li ma teżisti l-ebda relazzjoni ta’ esklużività bejn NEOS Banca u l-kumpannija Autobrembate.
17 Skont it-Tribunale di Bergamo, mhuwiex ċar, fid-dawl tal-indikazzjonijiet mogħtija mill-wieħed u għoxrin premessa tad-Direttiva 87/102, jekk ir-relazzjoni ta’ esklużività hijiex kundizzjoni neċessarja għall-għoti ta’ drittijiet iktar wiesgħin favur il-konsumatur.
18 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Bergamo ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
“L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 87/102 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ftehim bejn il-bejjiegħ u l-finanzjatur, li abbażi tiegħu min jagħti l-kreditu jqiegħed il-kreditu għad-dispożizzjoni tal-klijenti ta’ dak il-bejjiegħ, huwa kundizzjoni neċessarja għad-dritt tal-konsumatur li jieħu r-rimedji kontra min jagħti l-kreditu — f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni min-naħa tal-bejjiegħ — anki meta d-dritt invokat mill-konsumatur ikun (a) biss dak ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament, jew (b) dak ta’ tmiem ta’ kuntratt u ta’ rifużjoni sussegwenti tas-somom imħallsa lill-finanzjatur?”
Fuq id-domanda preliminari
19 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar in-neċessità li tkun teżisti klawżola ta’ esklużività bejn min jagħti l-kreditu u l-fornitur sabiex il-konsumatur ikun jista’ jressaq proċedura ġudizzjarja kontra min jagħti l-kreditu f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-bejjiegħ. B’mod partikolari, it-Tribunale di Bergamo jistaqsi jekk tali kundizzjoni hijiex neċessarja f’każ ta’ kawża għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament u fil-każ ta’ kawża għar-rifużjoni tas-somom diġà mħallsa lill-finanzjatur.
20 F’dak li jirrigwarda l-għanijiet tad-Direttiva 87/102 mill-premessi tagħha jirriżulta li din ġiet adottata bl-iskop doppju li tiżgura, minn naħa, it-twaqqif ta’ suq komuni tal-kreditu tal-konsumatur (mit-tielet sal ħames premessa) u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-konsumaturi li jirrikorru għal tali krediti (is-sitt, is-seba’ u d-disa premessi) (sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2000, Berliner Kindl Brauerei, C‑208/98, Ġabra p. I‑1741, punt 20, u tal-4 ta’ Marzu 2004, Cofinoga, C‑264/02, Ġabra p. I‑2157, punt‑25).
21 F’dan ir-rigward, minn naħa, l-Artikolu 11 tad-direttiva msemmija jistabbilixxi d-dritt tal-konsumatur li jressaq proċedura ġudizzjarja kontra min jagħti l-kreditu f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni ħażina tal-obbligi tal-fornitur tal-oġġetti jew tas-servizzi inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, jissuġġetta lil dan id-dritt għal sensiela ta’ kundizzjonijiet, fost liema hemm dik dwar l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ esklużività bejn min jagħti l-kreditu u l-fornitur.
22 Din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-wieħed u għoxrin premessa tad-Direttiva 87/102 li, filwaqt li tirreferi għas-sistema stabbilita mill-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, tipprovdi espressament li “il-konsumatur għandu, għallanqas fiċ-ċirkostanzi mfissra hawn taħt, ikollu xi drittijiet rigward min ikun qed jagħti l-kreditu li huma miżjuda mad-dirttijiet tiegħu kuntrattwali normali”. Dejjem skont l-istess premessa, “[i]ċ-ċirkostanzi msemmija [hawn taħt] huma dawk fejn min qed jagħti l-kreditu u min qed jipprovdi l-merkanzija jew is-servizzi jkollhom ftehim minn qabel li skontu l-kreditu jsir disponibbli biss minn dik il-persuna li tkun qiegħda tagħti l-kreditu lil min qed jixtri mingħand dik il-persuna li tipprovdi għall-iskop li tippermetti lill-konsumatur li jikseb il-merkanzija jew is-servizzi mingħand dan ta’ l-aħħar”.
23 Isegwi li d-dritt li jitressqu proċeduri ġudizzjarji stabbilit mill-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 87/102 jikkostitwixxi protezzjoni supplementari offruta minn din id-direttiva lill-konsumatur fir-rigward ta’ min jagħti l-kreditu, liema dritt jiżdied mad-drittijiet ta’ proċedura ġudizzjarja li l-konsumatur diġà jista’ jeżerċita abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għal kull relazzjoni kuntrattwali. Konsegwentement, is-sodisfazzjon tad-diversi kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu tista’ tiġi meħtieġa biss fir-rigward tal-proċeduri ġudizzjarji mressqa abbażi ta’ din il-protezzjoni supplimentari.
24 Sussegwentement, għandu jiġi osservat li tali qari tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 87/102 huwa konformi man-natura tal-armonizzazzjoni stabbilita minn din id-direttiva. B’hekk, skont il-ħamsa u għoxrin premessa tad-direttiva msemmija, din ma għandhiex twaqqaf lill-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw miżuri iktar iebsa sabiex jipproteġu lill-konsumatur, u għalhekk, din timponi armonizzazzjoni minima fil-qasam tal-kreditu lill-konsumatur. B’hekk, l-Istati Membri huma ħielsa li jistabbilixxu leġiżlazzjoni iktar favorevoli għall-konsumaturi.
25 Fil-kuntest tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 87/102, Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-għan imfittex minn din id-direttiva huwa li tiġi żgurata l-osservanza ta’ regola ta’ protezzjoni minima tal-konsumaturi fil-qasam tal-kreditu lill-konsumatur (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2007, Rampion u Godard, C‑429/05, Ġabra p. I‑8017, punt 47).
26 Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-Artikolu 14(1) tad-direttiva msemmija, li jobbliga lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-kuntratti ta’ kreditu ma jidderogawx, bi ħsara għall-konsumatur, mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jimplementaw lil din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, Rampion u Godard, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).
27 Barra minn hekk, il-konsumatur bl-ebda mod ma jista’ jinfluwenza r-relazzjoni bejn il-fornitur u min jagħti l-kreditu, liema ħaġa għandha l-konsegwenza li l-konsumatur ikun dipendenti fuq il-kundizzjonijiet kuntrattwali kif negozjati bejn dawn iż-żewġ negozjanti.
28 Barra minn hekk, ta’ spiss, min jagħti l-kreditu jippreżenta lill-konsumaturi formuli stampati minn qabel għall-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu. Konsegwentement, il-konsumatur, jiġifieri l-parti kontraenti l-iktar dgħajfa, normalment ma jkollux il-possibbiltà li jemenda t-test.
29 B’hekk, il-fatt li l-eżerċizzju ta’ kull dritt tal-konsumatur li jressaq proċeduri ġudizzjarji kontra min jagħti l-kreditu jiġi ssuġġettat għall-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ klawżola ta’ esklużività bejn min jagħti l-kreditu u l-fornitur imur kontra l-għan tad-Direttiva 87/102 li huwa, fl-ewwel lok, dak li jipproteġi lill-konsumatur bħala l-parti kontraenti l-iktar dgħajfa.
30 Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik deskritta mill-qorti nazzjonali fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għar-relazzjonijiet kuntrattwali tipprovdi l-possibbiltà li l-konsumatur jaġixxi kontra min jagħti l-kreditu sabiex jikseb it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ kreditu u r-rifużjoni tas-somom diġà mħallsa, id-Direttiva 87/102 ma teħtieġx li tali proċeduri jkunu suġġetti għall-kundizzjoni ta’ esklużività inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, is-sodisfazzjon ta’ tali kundizzjoni tista’ tkun meħtieġa sabiex jiġu invokati drittijiet oħra, mhux previsti mid-dispożizzjonijiet interni fil-qasam tar-relazzjonijiet kuntrattwali, bħad-dritt għall-kumpens tad-danni kkaġunati minn nuqqas tal-fornitur tal-oġġetti jew servizzi inkwistjoni.
31 Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda li saret għandha tkun fis-sens li l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 87/102 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik eżistenti fil-kawża prinċipali, l-eżistenza ta’ ftehim bejn min jagħti l-kreditu u l-fornitur, li abbażi tiegħu min jagħti l-kreditu jqiegħed il-kreditu għad-dispożizzjoni tal-klijenti ta’ dak il-bejjiegħ, mhijiex kundizzjoni neċessarja għad-dritt tal-klijenti li jieħdu r-rimedji kontra min jagħti l-kreditu f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-fornitur, sabiex jiksbu t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament u r-rifużjoni sussegwenti tas-somom imħallsa lill-finanzjatur.
Fuq l-ispejjeż
32 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, tat-22 ta’ Diċembru 1986, għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik eżistenti fil-kawża prinċipali, l-eżistenza ta’ ftehim bejn min jagħti l-kreditu u l-fornitur, li abbażi tiegħu min jagħti l-kreditu jqiegħed il-kreditu għad-dispożizzjoni tal-klijenti ta’ dak il-bejjiegħ, mhijiex kundizzjoni neċessarja għad-dritt tal-klijenti li jieħdu r-rimedji kontra min jagħti l-kreditu f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-fornitur, sabiex jiksbu t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament u r-rifużjoni sussegwenti tas-somom imħallsa lill-finanzjatur.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it‑Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy