Kawża C-517/07
Afton Chemical Ltd
vs
The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division)
“Direttiva 92/81/KEE — Dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali — Artikolu 2(2) u (3) kif ukoll Artikolu 8(1)(a) — Direttiva 2003/96/KE — Tassazzjoni tal-prodotti ta’ enerġija u tal-elettriku — Artikolu 2(2) sa (4)(b) — Kamp ta’ applikazzjoni — Addittivi għal karburant li għandhom il-kwalità ta’ żjut minerali jew ta’ prodotti ta’ enerġija, iżda li ma jintużawx bħala karburant — Sistema nazzjonali ta’ tassazzjoni”
Sommarju tas-sentenza
Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Strutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali — Direttiva 92/81 — Tassazzjoni tal-prodotti ta’ enerġija u tal-elettriku — Direttiva 2003/96 — Kamp ta’ applikazzjoni
(Direttivi tal-Kunsill 92/81, Artikoli 2(3) u 8(1), u 2003/96, Artikolu 2(3) u (4))
L-Artikoli 2(3) u 8(1) tad-Direttiva 92/81 dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali, fir-rigward tal-perijodu sal-31 ta’ Diċembru 2003, u l-Artikolu 2(3) u (4) tad-Direttiva 2003/96 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Ottubru 2004, għandhom jiġu interpretati fis-sens li addittivi għal karburant li għandhom il-kwalità ta’ “żjut minerali” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 92/81 jew ta’ “prodotti ta’ enerġija” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/96, iżda li mhumiex intenzjonati għall-użu, għall-bejgħ jew użati bħala karburant, għandhom jiġu suġġetti għas-sistema ta’ tassazzjoni prevista mill-imsemmija direttivi.
Fil-fatt, bil-frażi “[m]inbarra dawn il-prodotti taxxabli kif imniżżla fil-paragrafu 1”, l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 92/81 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/96 espressament jipprovdu l-inklużjoni, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħhom, tal-prodotti kollha li huma intiżi għall-użu, għall-bejgħ, jew jintużaw bħala karburant, bħala addittiv jew sabiex iżidu l-volum finali tal-karburanti, inkluż il-prodotti li jikkostitwixxu “żjut minerali” jew “prodotti ta’ enerġija” fis-sens ta’ dawn id-direttivi.
Barra minn hekk, mill-istruttura ġenerali u mill-għan tad-Direttivi 92/81 u 2003/96, li huma intiżi li jistabbilixxu sistema ta’ tassazzjoni armonizzata taż-żjut minerali u prodotti ta’ enerġija, jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jassimila mal-karburanti l-addittivi miżjuda magħhom, tkun xi tkun in-natura tagħhom, u dan mill-fatt biss li huma miżjuda mal-imsemmija karburanti, sabiex jissuġġettahom għall-istess sistema ta’ tassazzjoni bħal dawn tal-aħħar. Konsegwentement, l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 92/81 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/96 huma intiżi li jkopru kull prodott użat bħala addittiv, irrispettivament minn jekk jikkostitwixxix jew le “żejt minerali” jew “prodott ta’ enerġija” fis-sens ta’ dawn id-direttivi.
(ara l-punti 36, 38, 40, 42, 44 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
18 ta’ Diċembru 2008 (*)
“Direttiva 92/81/KEE – Dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali – Artikolu 2(2) u (3) kif ukoll Artikolu 8(1)(a) – Direttiva 2003/96/KE – Tassazzjoni tal-prodotti ta’ enerġija u tal-elettriku – Artikolu 2(2) sa (4)(b) – Kamp ta’ applikazzjoni – Addittivi għal karburant li għandhom il-kwalità ta’ żjut minerali jew ta’ prodotti ta’ enerġija, iżda li ma jintużawx bħala karburant – Sistema nazzjonali ta’ tassazzjoni”
Fil-Kawża C‑517/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Novembru 2007, fil-proċedura
Afton Chemical Ltd
vs
The Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, U. Lõhmus u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: R. Seres, Amministratur
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Ottubru 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Afton Chemical Ltd, minn P. Lasok, QC u V. Sloane, barrister, bħala rappreżentanti ta’ E. Philpott, solicitor,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn I. Rao, bħala aġent, assistita minn M. Angiolini, barrister,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,
– għall-Gvern Elleniku, minn K. Georgiadis u I. Bakopoulos kif ukoll minn V. Karra, bħala aġenti,
– għall-Gvern Taljan, minn R. Adam, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello stato,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u W. Mölls, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpetazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU L 76, p. 1), u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikou 2(3) u tal-Artikolu 8(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 316, p. 12), kif emendati mid-Direttiva tal-Kunsill 94/74/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994 (ĠU L 365, p. 46, iktar ’il quddiem, rispettivament, id-“Direttiva 92/12” u d-“Direttiva 92/81”), kif ukoll tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) u tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU L 283, p. 51).
2 Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn Afton Chemical Ltd (iktar ’il quddiem “Afton”) u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (iktar ’il quddiem il-“Commissioners”) li, fir-Renju Unit, huma responsabbli mit-tmexxija u mill-ġbir tad-dazji tas-sisa u tat-taxxi fuq il-prodotti ta’ enerġija, dwar il-ħlas ta’ dazji tas-sisa fuq l-addittivi tal-karburant matul il-perijodu mid-19 ta’ Novembru 2000 sal-31 ta’ Ottubru 2004.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjonit Komunitarju
Id-Direttiva 92/12
3 L-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/12 jipprovdi:
“1. Din id-Direttiva tistabbilixxi l-arranġamenti għal prodotti soġġetti għad-dazji tas-sisa u taxxi indiretti oħra li huma mposti direttament jew indirettament mal-konsum ta’ dawk il-prodotti, ħlief għat-taxxa fuq il-valur miżjud u t-taxxi stabbiliti mill-Komunità.
2. Id-dispożizzjonijiet partikolari li jirrelataw ma’ l-istrutturi u r-rati ta’ dazju fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandhom jiġi stabbiliti f’Direttivi speċifiċi.”
4 L-Artikolu 3(1) sa (3) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“1. Din id-Direttiva għandha tgħodd fil-livell tal-Komunità għall-prodotti li ġejjin kif definiti fid-Direttivi relevanti:
– żjut minerali,
[…]
2. Il-prodotti elenkati fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu soġġetti għal taxxi oħra indiretti għal għanijiet speċifiċi, iżda dawk it-taxxi jkunu jikkonformaw mar-regoli ta’ taxxa applikabbli għad-dazju tas-sisa u għall-għanijiet tal-VAT għal dak li għandu x’jaqsam mad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, il-ħlas tat-taxxa u l-immonitorjar tat-taxxa.
3. L-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jintroduċu jew iżommu taxxi li huma mposti fuq prodotti ħlief għal dawk li huma elenkati fil-paragrafu 1, b’dan illi, iżda, li dawk it-taxxi ma jagħtux lok għal formalitajiet mal-qsim tal-fruntieri fil-kummerċ bejn l-Istati membri.”
Id-Direttivi 92/81 u 92/82
5 Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 92/81:
“L-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta’ żjut minerali, japplikaw dazju tas-sisa armonizzat b’mod konformi ma’ din id-direttiva.”
6 L-Artikolu 2 tal-istess direttiva jipprovdi
“1. Għall-finijiet ta’ din id-direttiva, ‘żjut minerali’ jfissru:
[…]
k) il-prodotti taħt il-kodiċi [tan-nomenklatura magħquda, iktar ’il quddiem in-“NM”] 3811;
[…]
2. Iż-żjut minerali, minbarra dawk li fir-rigward tagħhom id-Direttiva [92/82] tistabbilixxi livell ta’ dazju ta’ sisa, huma suġġetti għal dazju tas-sisa jekk ikunu intiżi għall-użu, għall-bejgħ jew jintużaw bħala karburant li jsaħħan jew karburant. Ir-rata ta’ dazju ta’ sisa impost għandha tiġi stabbilita, skont l-użu, bir-rata applikabbli għall-karburant li jsaħħan jew għall-karburant għal mutur ekwivalenti.
3. Minbarra l-prodotti suġġetti għad-dazju li huma msemmija fil-paragrafu 1, kull prodott intiż għall-użu, għall-bejgħ jew jintużaw bħala karburant jew bħala addittiv jew sabiex iżid il-volum finali tal-karburanti huwa intaxxat bħala karburant. Kull idrokarbonu ieħor, minbarra l-faħam, faħam artab kannella, il-pit, jew kull idrokarbonu solidu simili jew gass naturali, intiż għall-użu, għall-bejgħ jew jintużaw fit-tisħin, huwa intaxxat bir-rata applikabbli għaż-żejt minerali ekwivalenti.
[…]
4. Il-kodiċi tan-[NM] imsemmija f’din id-direttiva huma dawk stabbiliti fil-verżjoni tan-[NM] fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 1994.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
7 L-Artikolu 8(1)(a) tad-Direttiva 92/81 jipprovdi:
“Minbarra d-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva [92/12] dwar l-eżenzjoni ta’ użu ta’ prodotti suġġetti għas-sisa u bla ħsara għal dispożizzjonijiet Komunitarji oħra, l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti li ġejjin mid-dazju tas-sisa armonizzat, skont il-kundizzjonijiet li huma jistabbilixxu bil-għan li jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawn l-eżenzjonijiet u li jipprevjenu l-frodi, l-evażjoni u l-abbużi:
a) iż-żjut minerali intiżi għal użu differenti minn dak ta’ karburant jew ta’ karburant li jsaħħan”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
8 Id-Direttiva tal-Kunsill 92/82/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-approssimazzjoni tar-rati tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, p. 19), kif emendata mid-Direttiva 94/74 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/82”), tistabbilixxi rata minima ta’ dazju tas-sisa għal ċerti żjut minerali. L-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/82 jelenka ż-żjut minerali stabbiliti minnha, li fosthom mhemmx il-prodotti li jaqgħu taħt it-testatura 3811 tan-NM.
Id-Direttiva 2003/96
9 L-ewwel sat-tielet premessi tad-Direttiva 2003/96 jipprovdu kif ġej:
“(1) L-iskop tad-Direttiva tal-Kunsill [92/81] u tad-[D]irettiva [92/82] hija ristretta għal żjut minerali.
(2) L-assenza ta’ proviżżjonijiet tal-Komunità li [jimponu] rata minima ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku u prodotti ta’ enerġija minbarra żjut minerali tista’ taffetwa ħażin il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern.
(3) Il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern u s-seħħ ta’ għanijiet ta’ politiki oħra tal-Kommunità jinħtieġu livelli minimi ta’ tassazzjoni li jkunu stabbiliti fuq livell Kommunitarju għall-bosta mill-prodotti tal-enerġija, u jinkludu l-elettriku, gass naturali u faħam.”
10 Barra minn hekk, il-premessa tnejn u għoxrin tad-Direttiva 2003/96 tipprovdi:
“Prodotti ta’ enerġija essenzalment għandhom ikunu suġġett għall-qafas fi ħdan il-Komunità meta jkunu użati bħala karburant li jsaħħan jew karburant għall-karrozzi. Għal dan il-għan, hija fin-natura u l-loġika tas-sistema ta’ taxxa li teskludi mill-iskop ta’ dan il-qafas l-użu doppju u użu ta’ prodotti ta’ enerġija li mhux karburant kif ukoll ipproċessar tal-mineraloġija. Elettriku użat bl-istess manjiera għandu jiġi ttrattat l-istess.”
11 L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija u tal-elettriku skont din id-direttiva.
12 L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“1. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminiloġija “prodotti ta’ enerġija” għandha tapplika għall-prodotti:
[…]
f) li huma deskritti taħt Kodiċi NM 3811;
[…]
3. Meta l-prodotti tal-enerġija, minbarra dawk li għalihom hemm livell ta’ tassazzjoni speċifikata f'din id-Direttiva, ikunu intenzjonati għal użu, għal bejgħ jew użati bħala karburant tal-karrozzi jew karburant li jsaħħan, dawn għandhom jiġu intaxxati skont l-użu, bl-istess rata tal-karburant li jsaħħan u l-karburant tal-karrozzi.
Minbarra dawn il-prodotti taxxabli kif imniżżla fil-paragrafu 1, kull prodott li se jintuża, jinbiegħ jew jiġi użat bħala karburant tal-karrozzi, jew bħala addittiv jew sustanza miżjuda fil-karburanti tal-karrozzi, għandu jiġi intaxxat bl-istess rata tal-karburant tal-karrozzi.
Minbarra dawn il-prodotti taxxabli kif imniżżla fil-paragrafu 1, kull idrokarbonju ieħor, minbarra l-pit, li se jintuża, jinbiegħ jew jiġi użat biex isaħħan għandu jiġi intaxxat b’rata ekwivalenti ta’ prodott ta’ enerġija.
4. Din id-direttiva ma tapplikax għal:
[…]
b) l-użu kif imniżżel hawn taħt ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku:
– prodotti ta’ enerġija użati mhux bħala karburant tal-karrozzi jew karburant biex isaħħan,
[…]
5. Referenzi f’din id-Direttiva għall-kodiċi ta’ [NM] għandhom ikunu għal dawk tar-[Regolament] tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001 tas-6 ta’ Awwissu 2001, li [jemenda] Annex I tar-[Regolament] tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 fuq it-tariffa u nomenklatura tal-istatistika u fuq it-tariffa doganali komuni [(ĠU L 279, p. 1)].”
13 L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi:
“Referenzi għad-Direttiva 92/12/KEE għal ‘żjut minerali’ u ‘taxxa tas-Sisa’, jekk kemm-il darba tapplika għal żjut minerali, għandha tiġi interpretata li tkopri il-prodotti ta’ enerġija kollha, elettriku u taxxi indiretti nazzjonali li hemm riferenza għalihom rispettivament fl-Artikoli 2 u 4(2) ta’ din id-Direttiva.”
14 L-Artikolu 28(1) u (2) tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi:
“1. Stati Membri għandhom jadottaw u jippublikaw il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrativi neċessarji biex iħarsu ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2003. Huma għandhom jinfurmaw b’dan mill-ewwel lil Kummissjoni.
2. Huma għandhom japplikaw dawn id-disposizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2004, ħlief id-disposizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 16 u 18(1), li jistgħu jiġu applikati minn Stati Membri mill-1 ta’ Jannar 2003.”
15 Skont l-Artikolu 30 tal-imsemmija direttiva:
“Minkejja l-Artikolu 28(2), Direttivi [92/81] u [92/82] għandhom jiġu mneħħija mill-31 ta’ Diċembru 2003.”
Il-leġiżlazzjoni dwar in-NM
16 Skont il-verżjonijiet tan-NM imsemmija mid-Direttivi 92/81 u 2003/96, it-testatura 3811 ta’ din in-nomenklatura tinkludi l-“[p]reparati anti-knock, inibituri tal-ossidazzjoni, inibituri tal-gomma, sustanzi li jtejbu l-viskożità, preparati kontra s-sadid u addittivi ppreparati oħra, għaż-żjut minerali (inkluża l-gażolina) jew għal-likwidi oħra użati għall-istess skopijiet bħala żjut minerali”.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
17 Mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati minn Afton, mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jirriżulta li l-Artikolu 6 A tal-Liġi tal-1979 dwar id-dazji tas-sisa fuq iż-żjut idrokarburanti (Hydrocarbon Oil Duties act 1979) huwa miktub kif ġej:
“1. Dazju tas-sisa għandu jiġi impost fuq riżerva ta’ użu taxxabbli għal kull persuna jew (jekk hija għadha ma ġietx intaxxata skont din is-sezzjoni) fuq l-użu taxxabbli minn kull persuna ta’ kull tip ta’ likwidu li mhuwiex
(a) idrokarburatur
(b) bijodiżil
(c) taħlita bijo
(d) bijoetanol, jew
(e) taħlita ta’ bijoetanol.
2. F’din is-sezzjoni, l-‛użu taxxabbli’ fir-rigward ta’ kull sustanza jfisser l-użu ta’ din is-sustanza
(a) bħala karburant għal kwalunkwe mutur jew magna, jew
(b) bħala addittiv jew sabiex iżid il-volum finali f’kull sustanza użata b’dan il-mod.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
18 Afton tipproduċi numru ta’ addittivi li jaqgħu taħt it-testatura 3811 tan-NM li huma intiżi sabiex jiġu miżjuda jew mħallta mal-karburanti, b’mod ġenerali fi kwantitajiet ta’ 1 għal 1000 jew 1 għal 2000.
19 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-addittivi mmanifatturati minn Afton mhumiex intenzjonati għall-użu, għall-bejgħ jew użati bħala karburant. B’mod partikolari, ebda wieħed minn dawn l-addittivi mhuwa maħsub sabiex jintuża bħala karburant fih innifsu jew sabiex iħaddem il-vetturi. L-imsemmija addittivi jinkludu, bil-kontra, wieħed jew aktar mill-komponenti segwenti: diterġent, prodott kontra r-ragħwa, demulsifikatur, likwidu tat-trasport, solvent, cetane improver u lubrikattiv kif ukoll sostanza li tipprevjeni l-korrużjoni. Dawn jinħarqu fil-mutur fil-kuntest tal-proċess tal-kombustjoni.
20 Afton ippreżentat rikors quddiem il-VAT and Duties Tribunal sabiex tikseb ir-rimbors tad-dazji tas-sisa mħallsa fuq dawn l-addittivi mingħand il-Commssioners fir-rigward tal-perijodu mid-19 ta’ Novembru 2000 sal-31 ta’ Ottubru 2004, li jammonta għal GBP 2 825 215.61.
21 Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2007, il-VAT and Duties Tribunal ċaħad ir-rikors peress li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 92/81 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/96 jissuġġettaw għat-taxxa l-addittivi għall-karburant, meta jkunu mmanifatturati minn żjut minerali jew minn sustanzi oħra, u fid-dawl tal-fatt li dawn l-addittivi huma kkunsidrati bħala karburanti, mhumiex eżenti skont l-Artikolu 8(1)(a) tad-Direttiva 92/81 jew l-ewwel subinċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96.
22 Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division, li ġie ppreżentat appell quddiemha, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) L-addittivi għal karburanti bħal dawk inkwistjoni, li mhumiex intenzjonati għall-użu, għall-bejgħ jew użati bħala karburant iżda li huma miżjuda mal-karburanti għal skopijiet differenti minn dak li jħaddmu vettura li fiha huwa użat il-karburant li jsaħħan, huma taxxabbli skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva [92/81]?
2) Fil-każ li r-risposta li tingħata għat-tielet domanda tkun fl-affermattiv, dawn l-addittivi jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva [92/81]?
3) L-addittivi għal karburant bħal dawk inkwistjoni, li ma jkunux intenzjonati għall-użu, għall-bejgħ jew użati bħala karburant iżda li huma miżjuda mal-karburant għal skopijiet differenti oħra minn dak li jħaddmu vettura li fiha huwa użat il-karburant għal-karrozzi, huma taxxabbli skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva [2003/96/KE]?
4) Fil-każ li r-risposta li tingħata għat-tielet domanda tkun fl-affermattiv, tali addittivi huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2003/96] skont l-ewwel subinċiż tal-Artikolu 4(b) ta’ din id-direttiva?
5) Id-dazju impost mir-Renju Unit fuq l-addittivi għall-karburant imsemmija iktar ’il fuq huwa eskluż mid-dritt Komunitarju u b’mod partikolari, mill-Artikolu 3 tad-Direttiva [92/12]?”
Fuq id-domandi preliminari
23 Permezz tal-erba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 92/81, minn naħa, u l-Artikolu 2(3) u (4) tad-Direttiva 2003/96 min-naħa l-oħra, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-addittivi għall-karburant, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandhom il-kwalità ta’ “żjut minerali” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ direttivi jew ta’ “prodotti ta’ enerġija” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tat-tieni waħda minnhom, imma li mhumiex intenzjonati għall-użu, għall-bejgħ jew użati bħala karburant, għandhomx jiġu suġġetti għas-sistema ta’ taxxa prevista mill-imsemmija direttivi.
24 Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, dawn id-domandi ġew issollevati fil-kuntest ta’ kawża dwar il-legalità ta’ dazji tas-sisa fuq l-addittivi għal karburanti li ġew imħallsa, skont il-Liġi tal-1979 dwar id-dazji tas-sisa fuq iż-żjut idrokarburanti, għal perijodu mid-19 ta’ Novembru 2000 sal-31 ta’ Ottubru 2004.
25 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, f’dak li jikkonċerna l-perijodu sal-31 ta’ Diċembru 2003, l-Istati Membri kellhom l-obbligu, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 92/81, li jissuġġettaw iż-“żjut minerali” skont din id-Direttiva għal dazju tas-sisa armonizzat. B’effett mill-1 ta’ Jannar 2004, l-Istati Membri għandhom l-obbligu, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96, li tirrevoka d-Direttiva 92/81, li jintaxxaw il-“prodotti ta’ enerġija” skont id-Direttiva 2003/96, peress li, kif jirriżulta mit-tieni u mit-tielet premessi, din hija intiża li timponi livelli minimi ta’ tassazzjoni fuq livell Komunitarju lilhinn mis-sempliċi żjut minerali għall-parti l-kbira tal-imsemmija prodotti ta’ enerġija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2007, Fendt Italiana, C‑145/06 u C‑146/06, Ġabra p. I‑5869, punt 32).
26 Skont l-Artikolu 2(1)(k) tad-Direttiva 92/81, moqri flimkien mal-Artikolu 2(4), kif ukoll l-Artikolu 2(1)(f) tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mal-Artikolu 2(5), il-prodotti li jaqgħu taħt it-testatura 3811 tan-NM, bħall-addittivi għal karburant inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu “żjut minerali” jew “prodotti ta’ enerġija” skont il-każ, skont dawn id-direttivi.
27 Skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 92/81 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/96, iż-żjut minerali u l-prodotti ta’ enerġija li għalihom, bħall-addittivi għal karburant inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mhemmx stabbilit livell ta’ tassazzjoni, la mid-Direttiva 92/82 fir-rigward tal-ewwel, u lanqas mid-Direttiva 2003/96 fir-rigward tat-tieni, għandhom jiġu intaxxati, jekk huma intiżi għall-użu, għall-bejgħ jew jintużaw bħala karburant li jsaħħan jew karburant, skont l-użu tagħhom bir-rata li tapplika għall-karburant li jsaħħan jew karburant ekwivalenti.
28 Fil-każ preżenti, huwa paċifiku, kif jirriżulta mill-kliem tat-tieni u t-tielet domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju, li l-addittivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk huma intiżi sabiex jiġu miżjuda mal-karburanti, u konsegwentement, għal użu fihom, mhumiex intenzjonati għall-użu, għall-bejgħ jew użati bħala karburant. Għalhekk, tali addittivi ma jaqgħux taħt it-tassazzjoni prevista fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 92/81 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/96.
29 Madankollu, skont l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 92/81 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/96, “[m]inbarra dawn il-prodotti taxxabli kif imniżżla fil-paragrafu 1, kull prodott li se jintuża, jinbiegħ jew jiġi użat bħala karburant tal-karrozzi, jew bħala addittiv jew sustanza miżjuda fil-karburanti tal-karrozzi” għandu jiġi intaxxat bl-istess rata tal-karburant.
30 Skont Afton, l-addittivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali madankollu ma jaqgħux taħt it-tassazzjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjonijiet. Fil-fatt, mill-kliem ċar tagħhom, jirriżulta li, b’mod partikolari, il-frażi “minbarra dawn il-prodotti taxxabli kif imniżżla fil-paragrafu 1”, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom natura residwa u japplikaw biss għal prodotti addizzjonali li mhumiex “żjut minerali” jew “prodotti ta’ enerġija” elenkati rispettivament fl-Artikolu 2(1) ta’ dawn id-direttivi. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet ikopru prodotti oħra. L-interpretazzjoni alternattiva, li tipprovdi li dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu l-prodotti diġà msemmija fil-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 2, tinjora l-użu tal-prepożizzjoni “minbarra” u hija żbaljata, peress li għandha bħala effett li teħtieġ li jiġu ntaxxati l-prodotti kollha intiżi għal użu bħala addittivi, minkejja li dan l-effett seta’ jinkiseb permezz ta’ dispożizzjoni iktar sempliċi, li ma tinkludix il-frażi introduttiva msemmija iktar ’il fuq. Interpretazzjoni bħal din għandha wkoll l-effett li dawn id-direttivi jeħtieġu, għat-tieni darba, li jiġu intaxxati ż-żjut minerali u l-prodotti ta’ enerġija intiżi għal użu bħala karburant. Barra minn hekk, ikun konformi mal-għan imfittex mid-dritt Komunitarju jekk iż-żjut minerali u l-prodotti ta’ enerġija jkunu suġġetti għat-taxxa fil-każijiet biss fejn jintużaw bħala karburant jew bħala karburant li jsaħħan.
31 Madankollu, għandu jiġi kkonstat li, fir-rigward tal-kliem kollu tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati tad-Direttivi 92/81 u 2003/96 kif ukoll tal-istruttura ġenerali u tal-għan ta’ dawn id-direttivi, din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi milqugħa.
32 Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kliem tal-imsemmija dispożizzjonijiet, għandu jiġi ċertament ammess li, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni stess matul is-seduta bħala risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kliem tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/81 u tad-Direttiva 2003/96 jistgħu jippreżentaw iktar kjarezza u preċiżjoni, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet li jipprevedu sistema ta’ tassazzjoni intiża, wara t-traspożizzjoni fid-dritt intern, li toħloq obbligi fir-rigward ta’ individwi. B’mod partikolari, peress li l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 92/81 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/96 jipprovdu t-tassazzjoni taż-żjut minerali u tal-prodotti ta’ enerġija, it-tassazzjoni tal-addittivi għal karburant li, bħal fil-kawża prinċipali, għandhom dawn il-karatteristiċi, għandha loġikament tiġi prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 28 ta’ din is-sentenza, dan mhuwiex il-każ.
33 Madankollu, mill-kliem tal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/96 jirriżulta b’mod suffiċjenti li l-addittivi għal karburant, bħal dawk fil-kawża prinċipali, jaqgħu taħt is-sistema ta’ tassazzjoni prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet.
34 Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni Afton, il-frażi “[m]inbarra dawn il-prodotti taxxabli kif imniżżla fil-paragrafu 1” li hija l-introduzzjoni ta’ kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tistax tinftiehem bħala li hija intiża li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom il-prodotti li jikkostitwixxu rispettivament “żjut minerali” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttivi.
35 Għall-kuntrarju, il-prepożizzjoni “minbarra”, skont is-sens komuni ta’ din il-kelma, m’għandhiex tali għan ta’ esklużjoni iżda, bil-kontra, għan ta’ inklużjoni. Dan l-għan jirriżulta minn diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 92/81 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/96 [ara, minbarra l-verżjoni Franċiża, per eżempju, il-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniza (“[n]eben”), bil-lingwa Spanjola (“[a]demás”), bil-lingwa Taljana (“[o]ltre”), bil-lingwa Olandiża (“[n]aast”), bil-lingwa Portugiża (“[p]ara além”) u bil-lingwa Ingliża (“[i]n addition to”)].
36 Isegwi li, bil-frażi “[m]inbarra dawn il-prodotti taxxabli kif imniżżla fil-paragrafu 1”, l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 92/81 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/96 huma intiżi li, b’mod epliċitu, jipprovdu għall-inklużjoni, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħhom, tal-prodotti kollha li huma intiżi intiżi għall-użu, għall-bejgħ, jew jintużaw bħala karburant, bħala addittiv jew sabiex iżidu l-volum finali tal-karburanti, inkluż il-prodotti li jikkostitwixxu “żjut minerali” jew “prodotti ta’ enerġija” fis-sens ta’ dawn id-direttivi.
37 Interpretazzjoni bħal din li hija bbażata fuq il-kliem tal-Artikoli 2 tal-imsemmija direttivi ma tistax tiġi kkontestata miċ-ċirkustanza li din tirriżulta, fir-rigward ta’ żjut minerali jew ta’ prodotti ta’ enerġija intiżi intiżi għall-użu, għall-bejgħ, jew jintużaw bħala karburant, fir-repetizzjoni tal-obbligu ta’ tassazzjoni li diġà huwa stabbilit mill-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 92/81 u mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/96. Fil-fatt, tali repetizzjoni parzjali tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi, għalkemm ta’ dispjaċir, hija ġġustifikata minħabba n-natura residwa tal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 92/81 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/96, li huma intiżi li jissuġġettaw prodotti ta’ natura differenti għall-obbligu ta’ tassazzjoni.
38 Fir-rigward, it-tieni nett, tal-istruttura ġenerali u tal-għan tad-Direttivi 92/81 u 2003/96, għandu jiġi mfakkar li dawn huma intiżi, skont l-Artikolu 1 tagħhom, li jistabbilixxu sistema ta’ tassazzjoni armonizzata taż-żjut minerali u prodotti ta’ enerġija.
39 Madankollu, l-esklużjoni ta’ addittivi għal karburant bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 92/81 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/96 twassal għal riżultat inkoerenti, anke assurd, li jipprovdi li l-addittivi, li għandhom il-kwalità ta’ żjut minerali jew ta’ prodotti ta’ enerġija, ma jkunux suġġetti għall-obbligu ta’ tassazzjoni previst minn dawn id-dispożizzjonijiet, minkejja li huwa paċifiku li l-addittivi għal karburant mhumiex żjut minerali jew prodotti ta’ enerġija li huma, min-naħa tagħhom, suġġetti għal dan l-obbligu skont l-imsemmija dispożizzjonijiet.
40 Fir-realtà, jidher, bil-kontra, li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jassimila mal-karburanti l-addittivi miżjuda magħhom, tkun xi tkun in-natura tagħhom, u dan mill-fatt biss li huma miżjuda mal-imsemmija karburanti, sabiex jissuġġettawhom għall-istess sistema ta’ tassazzjoni bħal dawn tal-aħħar.
41 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, barra minn hekk, kif osservaw il-Gvern Taljan u l-Gvern tar-Renju Unit, mill-mument li addittiv huwa miżjud ma’ karburant, mhuwiex iktar possibbli li jiġi identifikat il-karburant innifsu mill-addittiv li huwa mħallat miegħu mingħajr ma ssir analiżi kimika ddettaljata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk l-addittivi tal-karburant ma jistgħux jiġu suġġetti għat-taxxa bħala karburant, kif issostni Afton, minn dan jirriżulta riskju ta’ abbuż, peress li l-kontrolli jkunu inqas diffiċli peress li jkun neċessarju, f’kull każ partikolari, li jiġi analizzat il-kontenut tat-taħlita sabiex isir magħruf il-proporzjon tal-karburant u tal-addittiv f’din it-taħlita.
42 Konsegwentement, mill-kliem tal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 92/81 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/96 kif ukoll mill-istruttura ġenerali u mill-għan ta’ dawn iż-żewġ direttivi jirriżulta li, kif isostnu l-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Kummissjoni, l-imsemmija dispożizzjonijiet huma intiżi li jkopru kull prodott użat bħala addittiv, irrispettivament minn jekk jikkostitwixxix jew le “żejt minerali” jew “prodott ta’ enerġija” fis-sens ta’ dawn id-direttivi.
43 Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1)(a) tad-Direttiva 92/81 u mill-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96, li jipprovdu, li meta mhumiex użati bħala karburant jew karburant biex isaħħan, iż-żjut minerali u l-prodotti ta’ enerġija għandhom, rispettivament, jiġu eżenti mid-dazju tas-sisa armonizzat jew jiġu eklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/96. Fil-fatt, jekk dawn id-dispożizzjonijiet jiġu applikati għal addittivi bħala karburant, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma suġġetti għal obbligu espliċitu ta’ tassazzjoni skont l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 92/81 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/96, jitneħħa kull effett utli minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-10 ta’ Ġunju 1999, Braathens, C‑346/97, Ġabra p. I‑3419, punti 24 u 25, kif ukoll tal-25 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑437/01, Ġabra p. I‑9861, punti 31 sa 33).
44 Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel erba’ domandi għandha tkun li l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 92/81, fir-rigward tal-perijodu sal-31 ta’ Diċembru 2003, u l-Artikolu 2(3) u (4) tad-Direttiva 2003/96, fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Ottubru 2004, għandhom jiġu interpretati fis-sens li addittivi għal karburant, bħal dawk fil-kawża prinċipali, li għandhom il-kwalità ta’ “żjut minerali” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-ewwel waħda minn dawn id-direttivi u ta’ “prodotti ta’ enerġija” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tat-tieni waħda minnhom, iżda li mhumiex intenzjonati għall-użu, għall-bejgħ jew użati bħala karburant, għandhom jiġu suġġetti għas-sistema ta’ tassazzjoni prevista mill-imsemmija direttivi.
45 Fir-rigward ta’ din ir-risposta, mhuwiex neċessarju li tingħata risposta għall-ħames domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.
Fuq l-ispejjeż
46 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
L-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 94/74/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, fir-rigward tal-perijodu sal-31 ta’ Diċembru 2003, u l-Artikolu 2(3) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Ottubru 2004, għandhom jiġu interpretati fis-sens li addittivi għal karburant, bħal dawk fil-kawża prinċipali, li għandhom il-kwalità ta’ “żjut minerali” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-ewwel waħda minn dawn id-direttivi u ta’ “prodotti ta’ enerġija” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tat-tieni waħda minnhom, iżda li mhumiex intenzjonati għall-użu, għall-bejgħ jew użati bħala karburant, għandhom jiġu suġġetti għas-sistema ta’ tassazzjoni prevista mill-imsemmija direttivi.
Firem
** Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy