Kawża C-520/07 P
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
MTU Friedrichshafen GmbH
“Appell — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni — Deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni — Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 — Responsabbiltà in solidum”
Sommarju tas-sentenza
Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni u li tordna l-ħlas lura tagħha — Possibbiltà għall-Kummissjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq l-informazzjoni disponibbli
(Artikolu 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 13(1) u 14(1))
L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, jawtorizza lill-Kummissjoni, meta tikkonstata li għajnuna tkun twaqqfet jew ġiet emendata mingħajr ma tkun ġiet innotifikata, tadotta deċiżjoni li tiddikajara l-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà tagħha mas-suq komuni abbażi tal-informazzjoni disponibbli meta tiffaċċja Stat Membru li, huwa u jonqos mid-dmir tiegħu ta’ kollaborazzjoni, ma jagħtix l-informazzjoni li tkun talbitu. Barra minn hekk, jekk ikun il-każ, din id-deċiżjoni tista’, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 14 tal-imsemmi Regolament, teżiġi l-irkupru tal-ammont ta’ għajnuna diġà mħallas.
Madankollu, din il-possibbiltà, li għandha l-Kummissjoni, ma għandhiex tiġi interpretata li teżenta kompletament lil din tal-aħħar mill-obbligu li tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha fuq elementi ta’ ċerta affidabbiltà u koerenza, tali li jsostnu l-konklużjonijiet li tasal għalihom. Il-Kummissjoni hija, għall-inqas, marbuta li tiżgura li l-informazzjoni li jkollha, anki jekk inkompleta u frammentata, tkun tikkostitwixxi bażi suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li impriża tkun ibbenefikat minn vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-istat.
Dawn il-kunsiderazzjonijiet jieħdu iktar saħħa meta l-Kummissjoni tordna l-irkupru tal-għajnuna mill-benefiċjarju tagħha, peress li dan il-ħlas lura huwa intiż preċiżament li jelimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata minn vantaġġ kompetittiv speċifiku u jerġa’ jistabbilixxi s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel il-ħlas tal-għajnuna.
Il-Kummissjoni ma għandhiex b’hekk tissupponi li impriża bbenefikat minn vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-istat billi tibbaża ruħha sempliċement fuq preżunzjoni negattiva, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ informazzjoni li tippermetti li tasal għal konkużjoni kuntrarja, fin-nuqqas ta’ elementi oħra ta’ natura li jistabbilixxu pożittivament l-eżistenza ta’ tali vantaġġ.
(ara l-punti 54-58)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
17 ta’ Settembru 2009 (*)
“Appell – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni – Deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni – Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 – Responsabbiltà in solidum”
Fil-Kawża C‑520/07 P,
li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fil-21 ta’ Novembru 2007
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn K. Gross u B. Martenczuk, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija
MTU Friedrichshafen GmbH, irrappreżentata minn Th. Lübbig, u M. le Bell, avukati,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u J.‑J. Kasel, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: R. Grass,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Frar 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Bl-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tat-12 ta’ Settembru 2007, MTU Friedrichshafen GmbH vs Il‑Kummissjoni (T‑196/02, Ġabra 2007, p. II‑2889, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha hija annullat l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/898/KE, tad-9 ta’ April 2002, dwar għajnuna tal-Istat mogħtija mill-Ġermanja lil SKL Motoren- und Systembautechnik GmbH (ĠU L 314, p. 75, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din id-dispożizzjoni tordna l-ħlas lura in solidum mingħand MTU Friedrichshafen GmbH (iktar ’il quddiem “MTU”) ta’ somma ta EUR 2.71 miljun.
Il-kuntest ġuridiku
2 Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”):
“1. Fejn il-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni minn kwalunkwe sors li jirrigwarda allegata għajnuna kontra l-liġi, għandha teżamina dik l-informazzjoni mingħajr dewmien.
2. Jekk meħtieġ, għandha titlob l-informazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat. L-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 5(1) u (2) għandhom japplikaw mutatis mutandis.
3. Fejn, minkejja kif imfakkar skond l-Artikolu 5(2), l-Istat Membru kkonċernat ma jipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-perjodu preskritt mill-Kummissjoni, jew fejn tipprovdi informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni għandha permezz ta’ deċiżjoni teħtieġ li l-informazzjoni tkun provvduta (minn hawn ’l quddiem imsejjħa ‘inġunzjoni ta’ informazzjoni’). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa u tippreskrivi perjodu xieraq li fih għandha tingħata.”
3 L-Artikolu 13(1) tar-Regolament jiddisponi:
“L-eżami ta’ għajnuna llegali possibli għandu jirriżulta f’deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2), (3) jew (4). Fil-każ ta’ deċiżjonijiet sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-proċeduri għandhom jingħalqu permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 7. Jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma’ inġunzjoni ta’ informazzjoni, dik id-deċiżjoni għandha tittieħed abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli.”
4 Fl-aħħar nett, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament jipprevedi:
“1. Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni ta’ rkupru’). Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.
[…]”
Il-fatti li wasslu għall-kawża
5 B’ittra tad-9 ta’ April 1998, l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni numru ta’ għajnuniet finanzjarji mogħtija, permezz tal-Bundesanstalt für vereinigungsbedingte Sonderaufgaben (iktar ’il quddiem il-“BvS”), lil SKL Motoren-und Systemtechnik GmbH (iktar ’il quddiem “SKL-M”), impriża li topera fis-settur tal-produzzjoni ta’ muturi għall-vapuri u d-dgħajjes, fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tagħha.
6 Mill-1997, kienet ġiet stabbilita relazzjoni kuntrattwali bejn SKL-M u MTU, kumpannija li topera fil-qasam tal-produzzjoni ta’ muturi Dijżil ta’ qawwa kbira, fil-perspettiva tax-xiri ta’ SKL-M minn MTU.
7 B’mod partikolari, kienu ġew konklużi żewġ kuntratti, fil-5 ta’ Novembru 1997, bejn dawn il-kumpanniji. L-ewwel ftehim ta lil MTU għażla ta’ xiri tal-azzjonijiet ta’ SKL-M. It-tieni ftehim, bl-isem ta’ Wechselseitiger Lizenz- und Kooperationsvertag zwischen SKL-M und MTU (iktar ’il quddiem il-“WLKV”), u intiż għall-ħolqien ta’ impriża komuni, stabbilixxa l-modi ta’ użu komuni tal-kapaċitajiet (know-how) taż-żewġ impriżi, u, min-naħa l-oħra, l-istudju, il-manifattura, kif ukoll il-bejgħ ta’ żewġ tipi ġodda ta’ muturi.
8 Skont l-Artikolu 5 ta’ dan l-aħħar ftehim, fil-15 ta’ Ġunju 2000, MTU ġiet awtorizzata tuża b’mod esklużiv il-kapaċitajiet ta’ SKL-M imsemmija f’dan il-ftehim, li jinkludi d-drittijiet tal-proprjetà industrijali jew it-talbiet ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn id-drittijiet eżistenti f’dak iż-żmien. Bħala korrispettiv ta’ dan id-dritt, SKL-M irċeviet somma ta’ DEM 6.71 miljuni ta’ (EUR 3.43 miljuni), intiża li tkopri l-ispejjeż ta’ żvilupp sostnuti.
9 B’ittra tat-8 ta’ Awwissu 2000, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Ġermaniżi bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (ĠU L 2001, C 27, p. 5), u sejjħet lil partijiet interessati jissottometulha l-kummenti tagħhom. Hija saqsiet ukoll lill-awtoritajiet Ġermaniżi jekk MTU kinitx ibbenefikat mill-għajnuna mogħtija lil SKL-M jew jekk setgħatx tibbenefika minnha fil-futur.
10 Fl-1 ta’ Settembru 2000, inbdiet proċedura ta’ falliment fil-konfront ta’ SKL-M.
11 B’diversi messaġġi elettroniċi indirizzati fl-2000 u fl-2001, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssottomettiet lill-Kummissjoni l-kummenti tagħha fuq id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
12 Peress li ma kinitx sodisfatta b’dawn ir-risposti, il-Kummissjoni, b’ittra tad-19 ta’ Settembru 2001, stiednet lill-awtoritajiet Ġermaniżi jipprovdulha l-informazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuna mogħtija lil SKL-M, b’applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament. F’din l-ittra, il-Kummissjoni osservat b’mod partikolari li l-informazzjoni li hija kellha ma kinitx tippermettilha tiddetermina jekk parti mill-għajnuna mogħtjia lil SKL-M kinitx intużat fl-interess ta’ MTU iktar milli f’dak ta’ SKL-M, lanqas li tistabbilixxi jekk MTU kinitx użat l-għażla mniżżla fil-WLKV li tippermettilha takkwista l-kapaċità żviluppata minn SKL-M qabel u wara l-applikazzjoni tal-WLKV għal prezz stabbilit u jekk il-prezz imħallas jirriflettix il-valur tas-suq attwali jew previst. Il-Kummissjoni informat barra minn hekk li, fin-nuqqas ta’ din l-informazzjoni, hija kienet ser tadotta deċiżjoni finali abbażi tal-informazzjoni li kellha f’idejha, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament.
13 B’ittri tat-23 ta’ Jannar, tas-26 ta’ Frar u tal-11 ta’ Marzu 2002, l-awtoritajiet Ġermaniżi wieġbu għal din it-talba. Fil-5 ta’ Marzu 2002, huma għaddew lill-Kummissjoni xi kummenti indirizzati fl-1 ta’ Ottubru u fil-21 ta’ Novembru 2001, minn MTU lill-Bundesanstalt für vereinigungsbedingte Sonderaufgaben dwar l-użu tal-kapaċitajiet ta’ SKL-M u tal-prezz imħallas lil din tal-aħħar b’applikazzjoni tal-WLKV.
14 Fid-9 ta’ April 2002, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li fiha hija, minn naħa, ikkonstatat li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija lil SLK-M ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar tal-impriżi f’diffikultà (ĠU 1994, C 368, p. 12), u min-naħa l-oħra, qieset li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx tat l-informazzjoni li kienet tippermetti li jiġi eskluż li MTU kienet ibbenefikat indirettament, permezz tal-WLKV, mill-għajnuna li SKL-M kienet kisbet matul il-fażi ta’ ristrutturazzjoni sabiex tirkupra t-telf tagħha.
15 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni b’mod partikolari kkonstatat li l-prezz ta’ ċessjoni tal-kapaċitajiet imħallsa minn MTU lil SKL-M, ikkalkolat skont l-ispejjeż tal-iżvilupp stmat fl-1997, irriżulta li kien inqas b’DEM 5.30 miljuni mill-ispejjeż veri ta’ żvilupp sostnuti minn SKL-M.
16 Peress li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma tawx informazzjoni oġġettiva fuq il-valur kummerċjali veru jew prevedibbli ta’ dawn il-kapaċitajiet, il-Kummissjoni rrilevat li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija lil SKL-M setgħet isservi ta’ kumpens, almenu parzjalment, għat-telf imġarrab fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet li setgħu jintużaw iktar fl-interess ta’ MTU iktar mill dawk ta’ SKL-M. Din l-aħħar impriża, ikkontrollata mill-istat, kellha għaldaqstant issostni riskju finanzjarju mhux konformi mal-prinċipju ta’ investitur li jopera fl-ekonomija tas-suq. Konsegwentement, skont il-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata, it-trasferiment tal-kapaċitajiet seta’ jekwivali għal trasferiment lil MTU ta’ riżorsi statali għal ammont massimu ta’ DEM 5.30 miljuni.
17 Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna mill-Istat għal ammont ta’ DEM 67.017 miljun (EUR 34.26 miljun) mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi lil SKL-M kienet inkompatibbli mas-suq komuni u li, mis-somma totali li tagħha kellu jintalab ħlas lura minn dawn tal-aħħar, DEM 5.30 miljun (EUR 2.71 miljun) kellhom jitħallsu lura minn SKL-M u minn MTU in solidum (Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni kkontestata).
18 Fit-28 ta’ Ġunju 2002, MTU ressqet rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza intiż għall-annullament ta’ din id-dispożizzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
Is-sentenza appellata
19 Insostenn tar-rikors tagħha għal annullament, MTU ressqet żewġ motivi rispettivament ibbażati, l-ewwel, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u ta’ żbalji ta’ liġi dwar l-eżistenza tar-rekwiżiti ta’ għajnuna mill-Istat favuriha u, it-tieni, fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament, kif ukoll il-ksur tal-garanzija proċedurali tal-eżami korrett u imparzjali tal-fatti.
20 Il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ewwel nett, eżaminat it-tieni motiv u kkonstatat, fil-punti 39 sa 45 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet osservat ir-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament sabiex tkun tista’ tadotta d-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-informazzjoni disponibbli.
21 Hija madankollu rrilevat, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li l-imsemmi Artikolu 13(1) tar-Regolament ma jippermettix lill-Kummissjoni timponi, anki jekk in solidum, fil-konfront ta’ impriża partikolari obbligu ta’ ħlas lura ta’ parti speċifika tal-ammont ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, meta t-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat li minnu tkun ibbenefikat l-impriża jirriżulta minn ipoteżi.
22 Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li l-obbligu ta’ ħlas lura in solidum, impost fl-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni kkontestata, kien ġie stabbilit, f’dan il-każ, abbażi ta’ ipoteżi li l-informazzjoni fil-pussess tal-Kummissjoni la setgħet tikkonferma u lanqas tiċħad dan. B’mod partikolari, fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni sempliċement ikkonstatat li “l-informazzjoni disponibbli ma tħallix li jiġi eskluż” li MTU kienet ibbenefikat minn trasferiment ta’ riżorsi minn SKL-M fil-mument tal-akkwist tal-kapaċitajiet b’kundizzjonijiet meqjusa vantaġġjużi.
23 Il-Qorti tal-Prim’Istanza, barra minn hekk, qieset, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ ħlas lura in solidum ta’ parti mill-għajnuna fil-konfront ta’ impriża partikolari bis-saħħa tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament ma hija bl-ebda mod il-konsegwenza inevitabbli tal-implementazzjoni tal-proċedura stabbilita mit-Trattat KE dwar l-għajnuna mill-Istat, “peress li l-Istat Membru li jagħti l-għajnuna li l-ħlas lura tagħha huwa ordnat huwa, fi kwalunkwe każ, marbut li jeżiġi l-ħlas lura mingħand il-benefiċjarji effettivi taħt il-kontroll tal-Kummissjoni, mingħajr ma jkun indispensabbli li jissemma espressament dan fid-deċiżjoni ta’ ħlas lura u, a fortiori, li jkun ippreċiżat l-ammont tas-somom li l-ħlas lura huwa impost fuq kull benefiċjarju.”
24 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, u mingħajr ma eżaminat l-ewwel motiv imressaq insostenn tar-rikors li tiegħu ntalbet tieħu konjizzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat l-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn huwa jordna l-ħlas lura, minn MTU, in solidum, ta’ parti mill-għajnuna mogħtija lil SKL-M.
It-talbiet tal-partijiet
25 Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tannulla s-sentenza appellata;
– taqta’ definittivament il-kwistjoni billi tiċħad ir-rikors għal annullament bħala infondat; u
– tikkundanna lil MTU għall-ispejjeż sostnuti kemm fil-kuntest tal-appell kif ukoll fil-proċedura fl-ewwel istanza.
26 MTU titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tiddikjara l-appell inammissibbli;
– sussidjarjament, tiċħdu bħala infondat; u
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Fuq l-appell
27 Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tressaq żewġ aggravji bbażati fuq żball ta’ liġi li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet fl-interpretazzjoni tal-Artikoli 13(1) u 14(1) tar-Regolament.
Fuq l-ewwel aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
28 Bl-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ssupponiet, fil-punti 46 sa 51 tas-sentenza appellata, li deċiżjoni adottata abbażi biss tal-informazzjoni disponibbli, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament, ma kellhiex tkun tirrigwarda l-identifikazzjoni tal-benefiċjarju effettiv tal-għajnuna, li lilu kellu jintalab il-ħlas lura tagħha.
29 Skont il-Kummissjoni, interpretazzjoni bħal din ma għandha l-ebda bażi fil-formulazzjoni tar-Regolament, u b’mod partikolari fl-Artikoli 13(1) u 14(1) tiegħu.
30 Fil-fatt, id-“deċiżjoni ta’ rkupru”, imsemmija minn dan l-aħħar artikolu, hija parti mid-deċiżjoni negattiva li tista’ tiġi adottata abbażi tal-informazzjoni disponibbli fil-każijiet ta’ għajnuna illegali.
31 L-interpretazzjoni kuntrarja żviluppata mill-Qorti tal-Prim’Istanza għandha barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, konsegwenzi dannużi. Minn naħa, hija ma tkunx tista’ tiżgura l-effikaċja tal-kontroll Komunitarju tal-għajnuna mill-Istat, li għandu bħala għan prinċipali, kif ikkonfermat mit-tlettax-il premessa tar-Regolament, preċiżament li jelimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-għajnuna illegali billi jirkupra minnufih l-ammonti mħallsa indebitament. Min-naħa l-oħra, interpretazzjoni bħal din ikollha bħala konsegwenza li tneħħi lill-Kummissjoni l-parti l-kbira mill-“mezzi ta’ pressjoni” f’dan il-qasam u tirriskja, minħabb f’dan, li titlef ħafna mill-effikaċja tal-proċeduri ta’ rkupru tal-għajnuna illegali u b’hekk tiffavorixxi lil dawk l-Istati li jkunu ftit kooperattivi.
32 Skont MTU, dan l-aggravju huwa inammissibbli sa fejn il-Kummissjoni tirrifjuta affermazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza fir-realtà ma għamlet bl-ebda mod.
33 F’kull każ, skont MTU, peress li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu ttrażmettew regolarment l-informazzjoni kollha mitluba, il-Kummissjoni kisret ir-regoli proċedurali li għandhom jiġu osservati fil-każ tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni taħt l-Artikolu 13(1) tar-Regolament. Barra minn hekk ma jkunx neċessarju li tinqata’ l-kwistjoni sekondarja li jsir magħruf jekk il-Kummissjoni tistax, bħala prinċipju, tibbaża deċiżjoni dwar l-identifikazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna fuq l-informazzjoni disponibbli.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
34 Għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li l-preżenti aggravju huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-punti rilevanti tas-sentenza appellata.
35 Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, mill-imsemmija punti ma jirriżultax li l-Qorti tal-Prim’Istanza eskludiet b’mod ġenerali li deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 13(1) tar-Regolament tista’ tidentifika wieħed jew iktar benefiċjarji effettivi tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni u għaldaqshekk, tissottomettihom għall-obbligu ta’ ħlas lura.
36 Anzi, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod ċar affermat il-prinċipju li jgħid li “meta l-Istat Membru kkonċernat naqas li jagħti lill-Kummissjoni informazzjoni li hija talbet mingħandu, il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà tal-għajnuna abbażi ta’ informazzjoni disponibbli u tordna, jekk ikun il-każ, lill-Istat Membru kkonċernat li jieħu lura l-għajnuna mingħand il-benefiċjarji, skond l-Artikolu 14 tar-Regolament.”
37 Fil-verità, hekk kif jirriżulta mill-punti 46 sa 51 tas-sentenza appellata, huwa biss fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, u b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-parti tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fir-rikors għal annullament tistrieħ, skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, fuq sempliċi ipoteżi, li hija kkonkludiet fil-punt 51 li, f’dan il-każ, “il-Kummissjoni ma tistax validament tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 13(1) tar-Regolament […] sabiex timponi fuq MTU, bid-deċiżjoni kkontestata, obbligu ta’ ħlas lura in solidum ta’ parti mill-għajnuna mogħtija lil SKL-M”.
38 Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq it-tieni aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
39 Bit-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ssupponiet, bi żball, li l-parti tad-deċiżjoni kkontestata msemmija fir-rikors għal annullament hija bbażata fuq sempliċi ipoteżi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti applikabbli għad-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament.
40 Minn naħa, il-Kummissjoni ssostni li, kontra dak li affermat il-qorti tal-ewwel istanza, mhuwiex possibbli li wieħed jippretendi ċertezza totali fil-kuntest ta’ deċiżjoni adottata bbażata fuq l-informazzjoni disponibbli.
41 Fil-fatt, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament jawtorizza espressament lill-Kummissjoni tadotta t-tali deċiżjoni meta, minkejja inġunzjoni ta’ informazzjoni maħruġa regolarment, hija ma tkunx kisbet l-informazzjoni rilevanti mill-awtoritajiet nazzjonali. F’sitwazzjoni bħal din, ikun għaldaqstant possibbli li l-informazzjoni disponibbli tibqa’ mhux kompluta u frammentata, filwaqt li tkun, wara kollox, bażi suffiċjenti sabiex tibbaża l-preżunzjoni mogħtija mill-Kummissjoni. Dan huwa dak li jirriżulta, barra minn hekk, a contrario, mill-ġurisprudenza Komunitarja li tgħid li l-Kummissjoni tista’ tinvoka n-natura frammentata jew mhux kompluta tal-informazzjoni li jkollha biss meta tkun indirizzat talba għal informazzjoni lill-Istat Membru inkwistjoni, hija u tirreferi f’dan ir-rigward għas-sentenza tat-13 ta’ April 1994, Il‑Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni (C‑342/90 u C‑342/90, Ġabra p. I‑1173, punt 29).
42 Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkontesta lill-Qorti tal-Prim’Istanza li kkwalifikat bħala “sempliċi ipoteżi” l-informazzjoni li kellha, filwaqt li l-informazzjoni li kellha tippermettilha tissupponi li parti mill-għajnuna li kienet ingħatat lil MTU kienet informazzjoni tajba, li ġejja b’mod partikolari minn opinjoni ta’ amministratur ġuridiku ta’ SKL-M, kif jirriżulta mill-premessi 79 sa 86 tad-deċiżjoni kkontestata.
43 Skont MTU, dan it-tieni aggravju huwa inammissibbli sa fejn sempliċement jikkontesta parzjalment l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza u, parzjalment, jifformula osservazzjonijiet ġuridiċi ġenerali li ma għandhom l-ebda rabta diretta mal-kawża preżenti.
44 Fir-rigward tal-mertu, MTU ssostni sostanzjalment li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament qieset li, minn naħa, sempliċi ipoteżi mhumiex suffiċjenti sabiex fuqhom tiġi bbażata ordni ta’ rkupru u, min-naħa l-oħra, li, f’dan il-każ partikolari l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuq dawn l-ipoteżi kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-eżistenza ta’ vantaġġ fil-kap ta’ MTU kif ukoll fuq l-ammont tiegħu.
45 Fil-fatt, skont MTU, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda informazzjoni affidabbli li tippermettilha tibbaża ordni ta’ rkupru fil-konfront tagħha. Hija fil-verità bbażat ruħha fuq ipoteżi li tirriżulta minn eżami superfiċjali u parzjali tal-informazzjoni li kellha, li fosthom kien hemm il-kummenti dettaljati ta’ MTU li minnhom kien jirriżulta li hija ma kienet ibbenefikat minn ebda vantaġġ, għax id-dipożizzjonijiet kuntrattwali li jorbtuha ma’ SKL-M kienu ġew konklużi fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet tas-suq.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
46 F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-ammissibbilità ta’ dan l-aggravju, mill-Artikolu 225(1) KE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jkun limitat għal punti ta’ liġi u għandu jkun ibbażat fuq aggravju ta’ nuqqas ta’ kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ta’ ksur tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li tagħmel ħsara lill-interessi tal-appellant kif ukoll fuq il-ksur tad-dritt Komunitarju mill-Qorti tal-Prim’Istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2000, Il-Parlament vs Bieber, C‑284/98 P, Ġabra p. I‑1527, punt 30, kif ukoll id-digrieti tal-14 ta’ Lulju 2005, Gouvras vs Il-Kummissjoni, C‑420/04 P, Ġabra p. I‑7251, punt 48, u tal-20 ta’ Marzu 2007, Kallianos vs Il-Kummissjoni, C‑323/06 P, Ġabra p. I‑43, punt 10).
47 Issa, bil-kontra ta’ dak li ssostni MTU, dan l-aggravju ma jikkontestax biss l-evalwazzjoni tal-fatti mwettqa fl-ewwel istanza, imma jikkontesta wkoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament, li waslet għaliha l-Qorti tal-Prim’Istanza f’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti li jirregolaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni bbażata fuq l-informazzjoni disponibbli, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li tgħid li deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq ipoteżi bħal dik li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat l-eżistenza tagħha fil-każ inkwistjoni ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti. Kontestazzjoni bħal din, għaldaqstant, tirrigwarda kwistjoni ta’ dritt.
48 Isegwi li dan l-aggravju huwa ammissibbli, sa fejn huwa indirizzat kontra l-interpretazzjoni, imwettqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza, tar-rekwiżiti li għalihom hija suġġetta deċiżjoni taħt l-Artikolu 13(1) tar-Regolament.
49 Min-naħa l-oħra, l-argumenti żviluppati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan l-aggravju intiżi li jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-provi mwettqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li jikkritikaw lil din tal-aħħar li ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċerta informazzjoni indikata fid-deċiżjoni kkontestata, mhumiex ammissibbli
50 Fil-fatt, evalwazzjoni bħal din mhijiex suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-fatti u tal-provi prodotti quddiem il-qorti fl-ewwel istanza (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ Marzu 1994, Hilti vs Il‑Kummissjoni, C‑53/92 P, Ġabra p. I‑667, punt 42; tas-7 ta’ Jannar 2004, AalborgPortland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 49, kif ukoll tat-23 ta’ Marzu 2006, Mülhens vs UASI, C‑206/04 P, Ġabra p. I‑2717, punt 28) żnaturament li, f’dan il-każ, ma ġiex ipprovat u lanqas allegat mill-Kummissjoni.
51 Fir-rigward, it-tieni nett, tal-fondatezza tal-aggravju preżenti, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li, bil-kontra ta’ dak li qed tafferma l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza bl-ebda mod ma eżiġiet li din tal-aħħar tiddisponi minn ċertezza totali tal-finijiet ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni bis-saħħa tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament.
52 Fil-fatt, minn qari tal-punti 46 sa 48 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza, mhux talli ma talbitx dan il-livell ta’ ċertezza, imma sempliċement irrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet deċiża abbażi ta’ sempliċi ipoteżi, li ma kienet la kkonfermata u lanqas miċħuda mill-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni, peress li hija sempliċement ikkonstatat in-nuqqas ta’ elementi li jippermettulha teskludi li MTU kienet ibbenefikat minn trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.
53 Issa, billi pproċediet b’dan il-mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi.
54 Ċertament huwa minnu li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament, meta kkodifika ġurisprudenza stabbilita (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “Boussac Saint-Frères”, C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punt 22, tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑142/87, Ġabra p I-959, punt 18, kif ukoll tat-13 ta’ April 1994, Il-Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26), awtorizza lill-Kummissjoni, meta tikkonstata li għajnuna tkun twaqqfet jew ġiet emendata mingħajr ma tkun ġiet innotifikata, tadotta deċiżjoni li tiddikajara l-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà tagħha mas-suq komuni abbażi tal-informazzjoni disponibbli meta tiffaċċja Stat Membru li, huwa u jonqos mid-dmir tiegħu ta’ kollaborazzjoni, ma jagħtix l-informazzjoni li tkun talbitu. Barra minn hekk, jekk ikun il-każ, din id-deċiżjoni tista’, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 14 tar-Regolament, teżiġi l-irkupru tal-ammont ta’ għajnuna diġà mħallas.
55 Madankollu, hekk kif tissuġġerixxi wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tagħha, il-possibbiltà li għandha l-Kummissjoni ma għandhiex tiġi interpretata li teżenta kompletament lil din tal-aħħar mill-obbligu li tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha fuq elementi ta’ ċerta affidabbiltà u koerenza, tali li jsostnu l-konklużjonijiet li tasal għalihom.
56 B’hekk, f’każ bħal dak inkwistjoni, il-Kummissjoni hija, għall-inqas, marbuta li tiżgura li l-informazzjoni li jkollha, anki jekk inkompleta u frammentata, tkun tikkostitwixxi, kif irrikonoxxiet fl-appell tagħha, bażi suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li impriża tkun ibbenefikat minn vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-istat.
57 Dawn il-kunsiderazzjonijiet jieħdu iktar saħħa meta l-Kummissjoni tordna, bħal f’dan il-każ, l-irkupru tal-għajnuna mill-benefiċjarju tagħha, peress li dan il-ħlas lura huwa intiż preċiżament li jelimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata minn vantaġġ kompetittiv speċifiku u jerġa’ jistabbilixxi s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel il-ħlas tal-għajnuna (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2003, L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, C‑328/99 u C‑399/00, Ġabra p. I‑4035, punt 66, kif ukoll tad-29 ta’ April 2004, Il‑Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑277/00, Ġabra p. I‑3925, punti 74 sa 76).
58 Mill-prinċipji mfakkra fil-punti preċedenti ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma għandhiex tissupponi li impriża bbenefikat minn vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-istat billi tibbaża ruħha sempliċement fuq preżunzjoni negattiva, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ informazzjoni li tippermetti li tasal għal konkużjoni kuntrarja, fin-nuqqas ta’ elementi oħra ta’ natura li jistabbilixxu pożittivament l-eżistenza ta’ tali vantaġġ.
59 Issa, hekk kif tfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, huwa preċiżament fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tistrieħ fuq din il-preżunzjoni, li l-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li din id-deċiżjoni ma setgħetx validament tkun ibbażata fuq l-Artikolu 13(1) tar-Regolament.
60 Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li t-tieni aggravju jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.
61 Billi ebda wieħed mill-aggravji mressqa mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha ma jista’ jintlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
Fuq l-ispejjeż
62 Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli ta’ Proċedura, meta l-appell mhuwiex fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.
63 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.
64 Peress li MTU talbet il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet fl-aggravji mressqa, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ din l-istanza.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi;
1) L-appell huwa miċħud.
2) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għall-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy