Kawżi magħquda C-522/07 u C-65/08
Dinter GmbH
vs
Hauptzollamt Düsseldorf
u
Europol Frost-Food GmbH
vs
Hauptzollamt Krefeld
(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf)
“Tariffa Doganali Komuni — Regolament (KEE) Nru 2658/87 — Nomenklatura magħquda — Klassifikazzjoni tat-tariffi — Validità — Nota addizzjonali — Meraq konċentrat tat-tuffieħ”
Sommarju tas-sentenza
Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Noti ta’ Spjega tan-Nomenklatura Magħquda
(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 1776/2001, Nru 2031/2001 u Nru 1810/2004)
In-nota addizzjonali 5(b) tal-Kapitolu 20 tal-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, li tirriżulta mir-Regolamenti Nru 1776/2001, Nru 2031/2001 u Nru 1810/2004, li jemendaw l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, hija invalida sa fejn hija teskludi l-meraq tat-tuffieħ naturali konċentrat mill-intestatura 2009.
Fil-fatt, il-formulazzjoni tas-subintestatura 2009 79 tippermetti li jiġi konkluż b’mod ċar li l-meraq tat-tuffieħ naturali konċentrat b’valur Brix ftit inqas minn 67 ma tilifx il-karattru tiegħu ta’ meraq tal-frott, kuntrarjament għal dak li tindika l‑imsemmija nota addizzjonali. Din in-nota teskludi l-meraq konċentrat tat-tuffieħ permezz ta’ kalkolu fittizzju tal-kontenut ta’ zokkor miżjud li jagħti riżultat ogħla minn 50 % tal-piż meta l-meraq konċentrat tat-tuffieħ li jkun ġie deidratat u li għaldaqstant jilħaq valuri Brix għoljin, iżomm il-karattru naturali tiegħu. Ladarba ma hemm ebda żieda ta’ zokkor u l-kontenut għoli ta’ zokkor miżjud, li jagħti riżultat ogħla minn 50 % tal-piż, ġej biss mill-konċentrazzjoni li tirriżulta mid‑deidratazzjoni, in-nota addizzjonali inkwistjoni, billi teskludi l-meraq konċentrat tat-tuffieħ mill-intestatura 2009, tibdel b’mod ċert il-kontenut tal‑intestaturi tat-tariffi inkwistjoni, u b’hekk tmur lil hinn mis-setgħat li l‑Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2658/87 jattribwixxi lill-Kummissjoni.
(ara l-punti 40-42 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
29 ta’ Ottubru 2009 (*)
“Tariffa Doganali Komuni – Regolament (KEE) Nru 2658/87 – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tat-tariffi – Validità – Nota addizzjonali – Meraq konċentrat tat-tuffieħ”
Fil-Kawżi magħquda C‑522/07 u C‑65/08,
li għandhom bħal suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-8 ta’ Novembru 2007 u tat-12 ta’ Frar 2008, li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Novembru 2007 u fit-18 ta’ Frar 2008, fil-proċeduri
Dinter GmbH (C-522/07)
vs
Hauptzollamt Düsseldorf,
u
Europol Frost-Food GmbH (C-65/08)
vs
Hauptzollamt Krefeld,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn G. Arestis (Relatur), fil-funzjoni ta’ President tat-Tmien Awla, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Mejju 2009,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Dinter GmbH, minn H. Bleier, Rechtsanwalt,
– għal Europol Frost-Food GmbH, minn A. Erben, Rechtsanwalt,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Wilms u A. Sipos, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw il-validità tan-nota addizzjonali 5(b) tal-Kapitolu 20 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tagħha li kienet fis-seħħ fil-mument tal-fatti (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2658/87”).
2 Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, Dinter GmbH (iktar ’il quddiem “Dinter”) u Hauptzollamt Düsseldorf (Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana ta’ Düsseldorf), u min-naħa l-oħra, Europol Frost-Food GmbH (iktar ’il quddiem “Europol”) u Hauptzollamt Krefeld (Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana ta’ Krefeld), fir-rigward tal-klassifika fin-NM tal-meraq konċentrat tat-tuffieħ.
Il-kuntest ġuridiku
3 Il-Konvenzjoni Internazzjonali, li stabbiliet is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), konkluża fi Brussell, fl-14 ta’ Ġunju 1983, u l-Protokoll li Jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”) ġew approvati f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).
4 Bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull Parti Kontraenti timpenja ruħha li n-nomenklaturi tat-tariffi u l-istatistiċi tagħhom ikunu jikkonformaw mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żidiet jew modifiki, kif ukoll il-kodiċijiet relatati, u li ssegwi s-sekwenza numerika tal-imsemmija sistema. Kull Parti Kontraenti timpenja ruħha wkoll li tapplika r-Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-Noti kollha tas-Sezzjonijiet, tal-Kapitoli u tas-Subintestaturi tas-SA u li ma tibdilx il-portata ta’ dawn tal-aħħar.
5 L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2658/87 jistabbilixxi l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni meta tadotta n-noti addizzjonali:
“1. Miżuri li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-affarijiet msemmija hawn taħt għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10:
(a) applikazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u tat-Taric, partikolarment rigward:
– il-klassifika ta’ l-oġġetti li fin-nomenklatura huma msemmija fl-Artikolu 8
– noti [addizzjonali],
– [...].
(b) emendi fin-nomenklatura magħquda biex jitqiesu t-tibdiliet fil-ħtiġijiet dwar statistika jew politika kummerċjali;
(c) emendi fl-Anness II;
(d) emendi fin-nomenklatura magħquda u aġġustamenti fid-dazji skond deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni;
(e) emendi fin-nomenklatura magħquda bil-ħsieb li din tkun adattata biex tqis l-iżviluppi teknoloġiċi jew kummerċjali jew biex kliem ikun jaqbel u mfisser sewwa;
(f) emendi fin-nomenklatura magħquda li jiġu minn tibdiliet fin-nomenklatura tas-sistema armonizzata
(g) kwestjonijiet rigward l-applikazzjoni, il-funzjonament u l-immaniġġjar tas-sistema armonizzata għandhom jiġu diskussi fi ħdan il-Kunsill għall-Koperazzjoni tad-Dwana, kif ukoll l-implimentazzjoni tagħhom mill-Komunità.
2. Id-dispożizzjonijiet adottati skond dan il-paragrafu ma għandhomx jemendaw:
– ir-rati tad-dazji tad-dwana;
– imposti fuq l-agrikultura, rimborsi u ammonti oħra applikabbli fil-qafas tal-politka agrikola komuni jew f’dak ta’ skemi spreċifiċi applikabbli għal ċerti oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli;
– restrizzjonijiet kwantitattivi stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet tal-Komunità;
– nomenklaturi adottati fil-qafas ta’ politika komuni fl-agrikultura.
3. Jekk ikun meħtieġ, emendi fis-sub-titoli NM għandhom jinġabru mill-ewwel bħala sub-titoli TARIC. Dawn għandhom jinġabru biss fin-NM skond il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12.”
6 Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2388/2000, tat-13 ta’ Ottubru 2000, li jemenda l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 (L 264, p. 1), daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2001. Permezz ta’ corrigendum tal-imsemmi regolament (L 276, p. 92), in-numru oriġinali 2263/2000 ġie mibdul bin-Nru 2388/2000.
7 Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2031/2001, tas-6 ta’ Awwissu 2001, emenda l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 (ĠU L 279, p. 1), u wkoll daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002.
8 L-aħħar emenda tal-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, li tikkonċerna l-fatti fil-kawża prinċipali, saret permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1810/2004, tas-7 ta’ Settembru 2004 (L 327, p. 1), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2005.
9 Skont ir-Regolament Nru 2388/2000, is-subintestatura “Meraq tat-tuffieħ”, hija fformulata b’dan il-mod:
“2009 70 – Meraq tat-tuffieħ:
- - Ta’ densità li taqbeż 1.33 g/cm3 b’temperatura ta’ 20°C:
2009 70 11 - - - Ta’ valur li ma jaqbiżx it-22 € għal 100 kg piż nett
2009 70 19 - - - Oħrajn
- - Ta’ densità li ma taqbiżx 1.33 g/cm3 b’temperatura ta’ 20°C:
2009 70 30 - - - Ta’ valur li jaqbeż it-18-il € għal 100 kg piż nett, fihom zokkor miżjud
- - - Oħrajn:
2009 70 91 - - - - B’kontenut ta’ zokkor miżjud ogħla minn 30 % tal-piż
2009 70 93 - - - - B’kontenut ta’ zokkor miżjud mhux ogħla minn 30 % tal-piż
2009 70 99 - - - - Ma fihomx zokkor miżjud”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
10 Ir-Regolamenti Nri 2031/2001 u 1810/2004 fihom linji tat-tariffi identiċi għas-subintestaturi li jaqgħu taħt l-intestatura “Meraq tat-tuffieħ”.
11 Skont l-imsemmija regolamenti, din is-subintestatura, li qabel kienet in-Nru 2009 70, hija fformulata bil-mod li ġej:
“− Meraq tat-tuffieħ:
2009 71 - - b’valur Brix mhux ogħla minn 20:
2009 71 10 - - - Ta’ valur jaqbeż it-18-il € kull 100 kg piż nett, fihom zokkor miżjud
- - - Oħrajn:
2009 71 91 - - - - Li fihom zokkor miżjud
2009 71 99 - - - - Ma fihomx zokkor miżjud
2009 79 - - Oħrajn:
- - - Ta’ valur Brix aktar minn 67:
2009 79 11 - - - - Ta’ valur taħt it-22 € kull 100 kg piż nett
2009 79 19 - - - - Oħrajn
- - - B’valur Brix ogħla minn 20 iżda taħt is-67:
2009 79 30 - - - - Ta’ valur jaqbeż it-18-il € kull 100 kg piż nett, fihom zokkor miżjud
- - - - Oħrajn:
2009 79 91 - - - - - B’kontenut ta’ zokkor miżjud ogħla minn 30 % tal-piż
2009 79 93 - - - - - B’kontenut ta’ zokkor miżjud mhux ogħla minn 30 % tal-piż
2009 79 99 - - - - - Ma fihomx zokkor miżjud”.
12 In-nota addizzjonali 5 tal-Kapitolu 20 tan-NM ġiet emendata diversi drabi fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali.
13 Skont ir-Regolament Nru 2388/2000, l-imsemmija nota tistabbilixxi:
“Il-kontenut ta’ zokkor miżjud tal-prodotti tal-intestatura 2009 jikkorrispondi għall-kontenut ta’ zokkor imnaqqas miċ-ċifri indikati iktar ’il quddiem, skont it-tip ta’ meraq:
- meraq tal-lumi jew tat-tadam: 3,
- meraq tat-tuffieħ: 11,
- meraq tal-għeneb: 15,
- meraq ta’ frott jew ħxejjex oħrajn, inklużi t-taħlitiet ta’ meraq: 13.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
14 Sussegwentement, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1776/2001, tas-7 ta’ Settembru 2001, li jemenda l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 (ĠU L 240, p. 3), żied in-nota addizzjonali 5(b) fil-Kapitolu 20 tan-NM, li tipprovdi li:
“Il-meraq tal-frott b’zokkor miżjud, li jkollu densità li ma taqbiżx 1.33 g/cm3 b’temperatura ta’ 20°C u li jkun fih inqas minn 50 % tal-piż tal-meraq tal-frott fl-istat naturali tiegħu, kif miksub minn frott jew biż-żieda ta’ meraq tal-frott konċentrat, jitlef il-karattru oriġinali tiegħu ta’ meraq tal-frott li jaqa’ taħt l-intestatura 2009.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
15 Ir-Regolament Nru 2031/2001 emenda n-nota addizzjonali 5(b), bil-mod li ġej:
“Il-meraq tal-frott b’zokkor miżjud, b’valur Brix mhux ogħla minn 67 u li jkun fih inqas minn 50 % tal-piż tal-meraq tal-frott fl-istat naturali tiegħu, kif miksub minn frott jew biż-żieda ta’ meraq konċentrat, jitlef il-karattru oriġinali tiegħu ta’ meraq tal-frott li jaqa’ taħt l-intestatura 2009.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
16 In-nota addizzjonali 5 tar-Regolament Nru 1810/2004 tipprovdi li:
“(a) Il-kontenut ta’ zokkor miżjud ta’ prodotti ta’ titlu 2009 jikkorrespondi għall-“kontenut ta’ zokkor” bin-nuqqas taċ-ċifri mogħtijin hawn taħt, skond il-każ ta’ meraq involut:
– meraq tal-lumi jew tat-tadam: 3,
– meraq tal-għeneb: 15,
– meraq ta’ frott u ħxejjex oħrajn, inklużi taħlitiet ta’ meraq: 13.”
(b) Il-meraq tal-frott b’zokkor miżjud, b’valur Brix mhux ogħla minn 67 u li fih inqas minn 50 % bil-piż ta’ meraq tal-frott fl-istat naturali tiegħu kif miksub minn frott jew biż-żieda ta’ meraq konċentrat, jitlef il-karattru oriġinali tiegħu ta’ meraq tal-frott ta’ titlu 2009.”
17 In-nota addizzjonali 5(b) tal-Kapitolu 20 tan-NM ġiet reċentement emendata bir-Regolament (KE) Nru 360/2008, tat-18 ta’ April 2008 (ĠU L 111, p. 9) bil-mod li ġej:
“5. Dan li ġej għandu japplika għall-prodotti hekk kif huma ppreżentati:
[…]
(b) Il-meraq tal-frott biz-zokkor miżjud, ta’ valur Brix li ma jaqbiżx 67 u li fih anqas minn 50 % bħala piż ta’ meraq tal-frott, jitlef il-karattru oriġinali tiegħu ta’ meraq tal-frott ta’ titlu 2009.
Il-Punt (b) ma għandux japplika għal meraq tal-frott naturali kkonċentrat. Konsegwentement, meraq tal-frott naturali kkonċentrat mhux eskluż minn titlu 2009.”
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Kawża C-522/07
18 Fis-27 ta’ Ottubru 2005, l-Uffiċċju tad-Dwana aċċetta l-klassifika tat-tariffi tal-meraq konċentrat tat-tuffieħ mingħajr zokkor miżjud, b’valur Brix ta’ 66.8, importat minn Dinter, bħala li jaqa’ taħt is-subintestatura 2009 79 99 tan-NM. Il-meraq tat-tuffieħ kien biss deidratat.
19 Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2006, il-Hauptzollamt Düsseldorf talab l-irkupru a posteriori tad-dazji doganali relatati mal-meraq tat-tuffieħ importat minn Dinter, għar-raġuni li, skont in-noti addizzjonali 2(a) u 5(b) tal-Kapitolu 20 tan-NM, il-meraq tat-tuffieħ importat li jkun tilef il-karattru oriġinali tal-meraq tal-frott ma jaqax taħt l-intestatura 2009, iżda taħt is-subintestatura 2106 90 98 tan-NM.
20 Dinter ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht Düsseldorf, mingħajr ma saret il-proċedura amministrattiva preliminari, u li għalih Hauptzollamt Düsseldorf ta l-kunsens tiegħu.
21 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:
“1. In-nota addizzjonali 5(b) tal-Kapitolu 20 tan-Nomenklatura Magħquda għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ ‘meraq tal-frott b’zokkor miżjud’ ikopri wkoll il-meraq tal-frott li fil-fatt ma ġiex miżjud b’zokkor iżda li l-kontenut ta’ zokkor miżjud ġie stabbilit b’mod konformi man-nota addizzjonali 5(a) tal-Kapitolu 20 tan-[NM]?
2. In-nota addizzjonali 5(b) tal-Kapitolu 20 tan-Nomenklatura Magħquda għandha tiġi interpretata fis-sens li l-użu tal-kliem ‘miksub minn frott jew biż-żieda ta’ meraq konċentrat’ sempliċement jispeċifika l-kunċett ta’ ‘meraq tal-frott fl-istat naturali tiegħu’ imsemmi fl-istess nota u li din tal-aħħar tapplika fil-fatt għat-tipi kollha ta’ meraq ta’ frott (mhux fermentat u mingħajr żieda ta’ alkoħol) irrispettivament mill-istat li fih jiġu ppreżentati fid-dwana?
3. Fil-każ li r-risposta għaż-żewġ domandi preċedenti tkun fl-affermattiv: in-nota addizzjonali 5(b) tal-Kapitolu 20 tan-Nomenklatura Magħquda hija valida?”
Kawża C-65/08
22 Mit-13 ta’ Novembru 2001 sal-11 ta’ Ottubru 2002, Europol importat meraq konċentrat tat-tuffieħ li l-valur Brix tiegħu huwa ta’ 65, billi fl-2001 iddikjarat il-merkanzija bħala li taqa’ taħt is-subintestatura 2009 70 30 u fl-2002, bħala li taqa’ taħt is-subintestatura 2009 79 19 tan-NM.
23 Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Awwissu 2003, Hauptzollamt Krefeld, filwaqt li qies li skont in-nota addizzjonali 5 tal-Kapitolu 20 tan-NM il-meraq importat kien tilef il-kwalità tiegħu ta’ meraq tal-frott li jaqa’ taħt l-intestatura 2009, u għaldaqstant kellu jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 2106 90 98 tan-NM, talab l-irkupru a posteriori tad-dazji doganali relatati.
24 Fil-15 ta’ Marzu 2005, l-appell amministrattiv ippreżentat minn Europol kontra din id-deċiżjoni ta’ rkupru, ġie miċħud bħala infondat.
25 Ir-rikorrenti talbet lill-Finanzgericht Düsseldorf tannulla l-imsemmija deċiżjoni ta’ ċaħda.
26 Fit-12 ta’ Frar 2008, il-Finanzgericht Düsseldorf ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminari:
“In-nota addizzjonali 5(b) tal-Kapitolu 20 tan-[NM] fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolamenti (KE) Nri 2388/2000 u 2031/2001 hija valida?”
27 Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 2008, il-Kawżi C‑522/07 u C‑65/08 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.
Fuq id-domandi preliminari
28 Permezz tad-domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-nota addizzjonali 5(b) tal-Kapitolu 20 tan-NM, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolamenti Nri 1776/2001, 2031/2001 u 1810/2004, hijiex valida. B’mod iktar partikolari, hija tistaqsi jekk l-imsemmija nota għandhiex tiġi interpretata bħala li tfisser li l-kunċett ta’ meraq tal-frott miżjud b’zokkor jinkludix ukoll il-meraq konċentrat tal-frott mingħajr zokkor miżjud, u jekk il-frażi “miksub minn frott jew biż-żieda ta’ meraq konċentrat” tirreferix għall-meraq tal-frott kollu fl-istat naturali tiegħu irrispettivament mill-preżentazzjoni tiegħu.
29 Preliminarjament, jeħtieġ li jsir riferiment għal ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li, fl-interess taċ-ċertezza legali u t-tħaffif tal-verifiki, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tat-tariffi tal-merkanzija għandu jiġi mfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-Noti tas-Sezzjoni jew tal-Kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Olicom, C‑142/06, Ġabra p. I‑6675, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2008, C‑362/07, Kip Europe et, C‑362/07, Ġabra p. I‑9489, punt 26).
30 F’dan ir-rigward, in-Noti tal-Kapitolu tan-NM, bl-istess mod bħan-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-SA, huma mezzi importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta’ din it-tariffa u jipprovdu, inkwantu tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħhom (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1994, Siemens Nixdorf, C‑11/93, Ġabra p. I‑1945, punt 12; tat-18 ta’ Diċembru 1997, Techex, C‑382/95, Ġabra p. I‑7363, punt 12; tad-19 ta’ Ottubru 2000, Peacock, C‑339/98, Ġabra p. I‑8947, punt 10, u Olicom, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).
31 Għaldaqstant, it-tenur tal-imsemmija noti għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tan-NM u dawn ma jistgħux jibdlu l-portata tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Frar 1999, ROSE Elektrotechnik, C‑280/97, Ġabra p. I‑689, punt 23; tas-26 ta’ Settembru 2000, Eru Portuguesa, C‑42/99, Ġabra p. I‑7691, punt 20, u tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C‑495/03, Ġabra p. I‑8151, punt 48).
32 F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kunsill, filwaqt li aġixxa b’kooperazzjoni mal-esperti tad-dwana tal-Istati Membri, attribwixxa lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tippreċiża l-kontenut tal-intestaturi tat-tariffi li fihom għandha tiġi kklassifikata merkanzija partikolari. Madankollu, is-setgħa tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-miżuri msemmija fl-Artikolu 9(1)(a), (b), (d) u (e) tar-Regolament Nru 2658/87, bħan-noti addizzjonali, ma tawtorizzahiex tibdel il-kontenut tal-intestaturi tat-tariffi li ġew stabbiliti fuq il-bażi tas-SA, mill-Konvenzjoni dwar is-SA, u li l-Komunità, abbażi tal-Artikolu 3 ta’ din tal-aħħar, impenjat ruħha li ma tibdilx il-kontenut tagħhom (sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑267/94, Ġabra p. I‑4845, punti 19 u 20, kif ukoll tas-27 ta’ April 2006, Kawasaki Motors Europe, C‑15/05, Ġabra p. I‑3657, punt 35).
33 Għalhekk, f’din il-kawża, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni, billi adottat in-noti addizzjonali 5(b) fir-Regolamenti Nri 1776/2001, 2031/2001 u 1810/2004, biddlitx l-intestatura 2009 7 tan-NM, u għaldaqstant marritx lilhinn mil-limiti tas-setgħat tagħha taħt l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2658/87.
34 In-nota addizzjonali 5(b) tal-Kapitolu 20 tan-NM, fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-fatti fiż-żewġ kawżi prinċipali, tipprovdi li l-meraq tal-frott b’zokkor miżjud, b’valur Brix li ma jaqbiżx 67 u li jkun fih inqas minn 50 % tal-piż tal-meraq tal-frott fl-istat naturali tiegħu, miksub minn frott jew biż-żieda ta’ meraq konċentrat, jitlef il-karattru oriġinali tiegħu ta’ meraq tal-frott taħt l-intestatura 2009. Jeħtieġ li jiġi stabbilit li l-kriterju ta’ densità li ma taqbiżx 1.33 g/cm3 b’temperatura ta’ 20°C jikkorrispondi għall-valur Brix ta’ 67, u konsegwentement, il-kontenut tan-noti addizzjonali 5(b) fir-Regolamenti Nri 1776/2001, 2031/2001 u 1810/2004 huwa identiku. F’dan ir-rigward, mhuwiex ikkontestat li l-applikazzjoni ta’ din in-nota teskludi l-meraq konċentrat tat-tuffieħ b’valur Brix ftit inqas minn 67 mill-intestatura 2009.
35 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew li, skont il-kliem tal-linji tat-tariffi tal-intestatura 2009, il-kontenut ta’ zokkor fil-frott stess mhuwiex limitat. F’dan il-każ, skont in-nota addizzjonali 5(b) tal-Kapitolu 20 tan-NM, il-kontenut ta’ zokkor miżjud ġie kkalkolat mill-awtoritajiet nazzjonali b’mod fittizzju. Il-meraq konċentrat tat-tuffieħ importat kellu kontenut ta’ meraq tal-frott li kien jifforma 100 % tal-piż u ma kienx ġie suġġett għal trasformazzjoni oħra ħlief għal deidratazzjoni li ma għandha ebda effett fuq il-karattru oriġinali tal-meraq tal-frott. Fil-fatt, huma jsostnu li din in-nota mhijiex applikabbli għall-meraq konċentrat tat-tuffieħ mingħajr zokkor miżjud. Barra minn hekk, is-SA ma tipprovdix għal esklużjoni ta’ meraq konċentrat tat-tuffieħ li jkollu valur Brix ftit inqas minn 67 mill-intestatura 2009.
36 Fil-Kawża C‑522/07, il-Kummissjoni ssostni li l-għan tan-nota addizzjonali 5(b) tal-Kapitolu 20 tan-NM huwa li teskludi l-prodotti li jitilfu l-karattru oriġinali tagħhom ta’ meraq tal-frott minħabba l-kontenut għoli ta’ zokkor. Skont il-Premessi 1 u 5 tar-Regolament Nru 1776/2001, l-għan tal-imsemmi regolament li jiġu esklużi dawk il-prodotti li l-kontenut tagħhom ta’ meraq ta’ frott naturali jkun inqas minn 50 % tal-piż jirrikjedi li din in-nota tiġi interpretata b’tali mod li z-zokkor miżjud jiġi kkalkolat b’mod purament matematiku.
37 Skont il-Kummissjoni, in-nota addizzjonali 5(b) tal-Kapitolu 20 tan-NM tapplika għat-tipi kollha ta’ meraq tal-frott irrispettivament mill-preżentazzjoni tagħhom u konsegwentement għall-meraq konċentrat tat-tuffieħ. Madankollu, l-istruttura tal-intestatura 2009 u l-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li meraq tal-frott li minħabba r-riħa u t-togħma tiegħu jżomm il-karattru oriġinali tiegħu ta’ meraq tal-frott, tirrendi din in-nota inapplikabbli għal każ bħal dak fil-kawża prinċipali fejn il-prodott inkwistjoni jżomm il-karattru tiegħu ta’ meraq tat-tuffieħ minħabba r-riħa u t-togħma tiegħu.
38 Barra minn hekk, fil-Kawża C‑65/08, il-Kummissjoni tammetti li, billi adottat in-nota addizzjonali 5(b) tal-Kapitolu 20 tan-NM, hija marret lilhinn mis-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2658/87. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni biddlet din in-nota billi adottat ir-Regolament Nru 360/2008 u billi żiedet dispożizzjoni ġdida li tippreċiża li l-punt (b) ta’ din in-nota ma japplikax għall-meraq tal-frott naturali konċentrat.
39 Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi indikat li l-intestatura 2009, li tirriżulta mir-Regolamenti Nri 2388/2000, 2031/2001 u 1810/2004, kemm fis-SA kif ukoll fin-NM, tkopri l-meraq konċentrat tat-tuffieħ. Ir-Regolamenti Nri 2031/2001 u 1810/2004 jistabbilixxu linji tat-tariffi identiċi għas-subintestaturi li jaqgħu taħt is-subintestatura intitolata “Meraq tat-tuffieħ” u jinkludu n-nota addizzjonali 5(b) tal-Kapitolu 20 tan-NM inkwistjoni. Ir-Regolament Nru 2388/2000 ma jinkludix din in-nota u juża l-kriterju “[t]a’ densità li taqbeż 1.33 g/cm3 b’temperatura ta’ 20°C”, li jikkorrispondi għall-valur Brix ta’ 67. Minn dan isegwi li l-intestaturi tat-tariffi stabbiliti mir-Regolament Nru 2388/2000 fihom differenzi simili għal dawk stabbiliti mir-Regolamenti Nri 2031/2001 u 1810/2004.
40 Fil-fatt, il-kliem użat fid-deskrizzjoni tat-tipi differenti ta’ meraq tat-tuffieħ li jaqgħu taħt l-intestatura 2009 jiddistingwi bejn il-prodotti kklassifikati fis-subintestatura 2009 71 b’valur Brix li ma jaqbiżx 20, u l-prodotti li jaqgħu taħt is-subintestatura 2009 79 “[o]ħrajn”. Is-subintestatura 2009 79 tinkludi ż-żewġ kategoriji ta’ meraq tat-tuffieħ: dawk b’valur Brix li jaqbeż is-67 u dawk b’valur Brix li jaqbeż 20, iżda li ma jaqbiżx 67. Iż-żewġ subintestaturi 2009 71 u 2009 79 fihom subkategoriji bid-deskrizzjoni “[m]a fihomx zokkor miżjud”. La l-kliem u lanqas l-istruttura ta’ din l-intestatura 2009 ma jeskludu l-applikazzjoni tagħha għall-meraq konċentrat tat-tuffieħ b’valuri Brix partikolari.
41 Konsegwentement, il-formulazzjoni tas-subintestatura 2009 79 tippermetti li jiġi konkluż b’mod ċar li l-meraq tat-tuffieħ naturali konċentrat b’valur Brix ftit inqas minn 67 ma tilifx il-karattru oriġinali ta’ meraq tal-frott, kuntrarjament għal dak li tindika n-nota addizzjonali 5(b) tal-Kapitolu 20 tan-NM inkwistjoni, li teskludi dan il-meraq mill-imsemmija subintestatura. Din in-nota teskludi l-meraq konċentrat tat-tuffieħ permezz ta’ kalkolu fittizzju tal-kontenut ta’ zokkor miżjud li jagħti riżultat ogħla minn 50 % tal-piż. Il-meraq konċentrat tat-tuffieħ inkwistjoni li ġie deidratat u li għaldaqstant jilħaq valuri Brix għoljin, iżomm il-karattru naturali tiegħu. F’dan il-każ, ma hemm ebda żieda ta’ zokkor. Il-kontenut għoli ta’ zokkor miżjud, li jagħti riżultat ogħla minn 50 % tal-piż, ġej biss mill-konċentrazzjoni li tirriżulta mid-deidratazzjoni. Konsegwentement, in-nota addizzjonali 5(b) tal-Kapitolu 20 tan-NM, billi teskludi l-meraq konċentrat tat-tuffieħ min-numru 2009, tibdel b’mod ċert il-kontenut tal-intestaturi tat-tariffi inkwistjoni, u b’hekk tmur lilhinn mis-setgħat li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2658/87 jattribwixxi lill-Kummissjoni.
42 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li n-nota addizzjonali 5(b) tal-Kapitolu 20 tan-NM, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolamenti Nri 1776/2001, 2031/2001 u 1810/2004, hija invalida sa fejn hija teskludi l-meraq tat-tuffieħ naturali konċentrat mill-intestatura 2009.
Fuq l-ispejjeż
43 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
In-nota addizzjonali 5(b) tal-Kapitolu 20 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1776/2001, tas-7 ta’ Settembru 2001, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001, tas-6 ta’ Awwissu 2001, u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004, tas-7 ta’ Settembru 2004, li jemendaw l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, hija invalida sa fejn hija teskludi l-meraq tat-tuffieħ naturali konċentrat mill-intestatura 2009.
Firem
** Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy