Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ Diċembru 2008 – Il-Kummissjoni vs L-Awstrija
(Kawża C‑524/07)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 28 KE u 30 KE – Reġistrazzjoni ta’ vetturi antiki użati preċedentement irreġistrati fi Stati Membri oħra – Rekwiżiti tekniċi dwar l-emissjonijiet li jniġġsu u l-livell tal-ħoss – Saħħa pubblika – Protezzjoni tal-ambjent”
1. Approssimazzjoni tal-liġijiet - Vetturi bil-mutur - Proċeduri għal approvazzjoni Komunitarja - Direttivi 92/97 u 93/59 - Kamp ta’ applikazzjoni (Direttivi tal-Kunsill 92/97 u 93/59) (ara l-punti 45-47)
2. Moviment liberu tal-merkanzija - Restrizzjonijiet kwantitattivi - Miżuri li għandhom effett ekwivalenti (Artikoli 28 KE u 30 KE) (ara l-punti 49-52, 56-64)
Suġġett
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ksur tal-Artikoli 28 u 30 KE - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta r-reġistrazzjoni ta’ vetturi użati importati u preċedentement irreġistrati fi Stati Membri oħra għal ċerti rekwiżiti tekniċi, meta l-vetturi użati li jinsabu diġà fis-suq nazzjonali u li għandhom l-istess karatteristiċi mhumiex suġġetti għal tali rekwiżiti fil-każ ta’ reġistrazzjoni ġdida.
Dispożittiv
1)
Billi teżiġi li, bl-għan li jiġu rreġistrati għall-ewwel darba fl-Awstrija, vetturi preċedentement irreġistrati fi Stati Membri oħra, li ma ġewx suġġetti, minħabba l-fatt li huma antiki, għal approvazzjoni Komunitarja, jissodisfaw il-valuri ta’ limitu fir-rigward ta’ emissjonijiet li jniġġsu u ta’ ħoss iktar stretti minn dawk li kellhom jissodisfaw inizjalment, b’mod partikolari, il-valuri stabbiliti bid-Direttiva tal-Kunsill 93/59/KEE, tat-28 ta’ Ġunju 1993, li temenda d-Direttiva 70/220/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta ma’ miżuri li għandhom jittieħdu kontra t-tniġġis tal-arja mill-emissjonijiet minn vetturi bil-mutur, u bid-Direttiva tal-Kunsill 92/97/KEE, tal-10 ta’ Novembru 1992, li temenda d-Direttiva 70/157/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardjaw il-livell permissibbli tal-ħoss u s-sistema tal-exhaust tal-vetturi bil-mutur, filwaqt li l-vetturi li għandhom l-istess karatteristiċi u li huma diġà awtorizzati sabiex jiċċirkulaw fl-Awstrija mhumiex suġġetti għal dan ir-rekwiżit meta jiġu rreġistrati mill-ġdid f’dan l-Istat Membru, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 28 KE.
2)
Ir-Repubblika tal-Awstrija hija kkundannata għall-ispejjeż.
Full & Egal Universal Law Academy