29.3.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 79/11
Appell ippreżentat fil-25 ta' Lulju 2007 minn Focus Magazin Verlag GmbH kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tielet Awla) tas-16 ta' Mejju 2007 fil-Kawża T-491/04 — Merant GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Intervenjenti: Focus Magazin Verlag GmbH
(Kawża C-344/07 P)
(2008/C 79/20)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Focus Magazin Verlag GmbH (rappreżentanti: M. Herrmann u B. Müller, avukati)
Partijiet oħra fil-kawża:
1.
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
2.
Merant GmbH
Talbiet ta' l-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (It-Tielet Awla) tas-16 ta' Mejju 2007 fil-kawża T-491/04 u tiċħad ir-rikors imressaq imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.
Aggravji u argumenti prinċipali
1.
Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (1) u għalhekk fuq ksur gravi tad-drittijiet ta' l-intervenjenti/appellanti f'din il-kawża.
2.
Dan il-ksur jirriżulta minn evalwazzjoni żbaljata u żbrigattiva tal-fatti u minn interpretazzjoni estensiva tal-kunċett ta' “probabbiltà ta' konfużjoni” skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.
3.
L-interpretazzjoni li għamlet il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-kontenut kunċettwali tas-sinjal “MICRO FOCUS” bħala “fokus żgħir” ma tikkorrispondix mal-prinċipji ġenerali dwar il-kwistjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni. Tali interpretazzjoni tista' tiġi attribwita lil dan il-kunċett fil-każ fejn ir-regoli grammatikali tal-lingwa Ġermaniża jiġu applikati b'mod żbaljat. Fuq il-bażi ta' din l-interpretazzjoni tas-sinjal “MICRO FOCUS”, il-Qorti tal-Prim'Istanza waslet għal konklużjoni żbaljata li tipprovdi li huwa biss l-element “Focus” tat-trade mark kumplessa figurattiva u verbali “MICRO FOCUS” li għandu jiġi kkonfrontat mas-sinjal “FOCUS”, li fir-rigward tiegħu ġiet magħmula t-talba. Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Prim'Istanza, filwaqt li wettqet żball ta' liġi, ikkonfermat il-probabbiltà ta' konfużjoni. Kieku l-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat it-trade mark figurattiva u verbali “MICRO FOCUS” fl-intier tagħha, hija kienet tasal għal interpretazzjoni korretta ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.
(1) ĠU L 11, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy