26.1.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 22/22
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d'Etat (Il-Belgju) fl-24 ta' Ottubru 2007 — Association générale de l'industrie du médicament ASBL, Bayer SA, Pfizer SA, Servier Benelux SA, Sanofi-Aventis Belgium SA vs L-Istat Belgjan
(Kawża C-472/07)
(2008/C 22/41)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Conseil d'Etat
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Association générale de l'industrie du médicament ASBL, Bayer SA, Pfizer SA, Servier Benelux SA, Sanofi-Aventis Belgium SA
Konvenut: L-Istat Belgjan
Domandi preliminari
1)
Billi t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru 1988 dwar it-trasparenza ta' miżuri li jirregolaw il-prezzijiet ta' prodotti mediċinali għall-użu tal-persuna u li jkunu parti mill-pjan ta' sistemi nazzjonali ta' assigurazzjoni tas-saħħa (89/105/KEE) (1) skada fil-31 ta' Diċembru 1989, l-Artikolu 4(1) ta' din id-direttiva għandu jkun ikkunsidrat direttament applikabbli fis-sistema legali interna ta' l-Istati Membri?
2)
L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/105/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988 jista' jiġi interpretat fis-sens li t-tkomplija għal sena, wara assenza ta' 18-il xahar, ta' friża ġenerali tal-prezzijiet tal-prodotti mediċinali rimborsabbli li kienet damet għal 8 snin, teżenta lill-Istat Membru milli jwettaq eżami, meta titkompla l-friża, tal-kundizzjonijiet makro-ekonomiċi li huma affetwati minn din il-friża?
3)
Il-kunċett ta' reviżjoni tal-kundizzjonijiet makro-ekonomiċi previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/105/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988, iċċitata iktar 'il fuq, għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi biss għall-eżami tal-kontroll ta' l-ispejjeż tas-saħħa pubblika, jew għandu jestendi wkoll għal kundizzjonijiet makro-ekonomiċi oħra, b'mod partikolari dawk tas-settur ta' l-industrija farmaċewtika li l-prodotti tiegħu jistgħu jkunu suġġetti għal friża tal-prezzijiet?
4)
Il-kunċett ta' reviżjoni tal-kundizzjonijiet makro-ekonomiċi previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/105/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988, iċċitata iktar 'il fuq, jista' jkun ibbażat fuq tendenza ġenerali waħda jew iktar, bħal per eżempju li jiġi assigurat il-bilanċ fil-kura tas-saħħa, jew għandu jkun ibbażat fuq kriterji aktar preċiżi?
(1) ĠU L 40, p. 8.
Full & Egal Universal Law Academy