26.1.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 22/24
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgericht Wien (L-Awstrija) fil-25 ta' Ottubru 2007 — Budějovický Budvar vs Rudolf Ammersin GmbH
(Kawża C-478/07)
(2008/C 22/45)
Lingwa tal-kawża: Il-Germaniż
Qorti tar-rinviju
Handelsgericht Wien
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Budějovický Budvar narodni podnik
Konvenuta: Rudolf Ammersin GmbH
Domandi preliminari
1)
Fir-rigward tal-kompatibbiltà ma' l-Artikolu 28 KE tal-protezzjoni ta' isem bħala indikazzjoni ġeografika li fil-pajjiż ta' oriġini la huwa l-isem ta' post u lanqas mhuwa l-isem ta' reġjun, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat-18 ta' Novembru 2003 (C-216/01), stabbiliet ir-rekwiżiti li skondhom isem bħal dan għandu
—
skond iċ-ċirkustanzi fattwali u
—
l-kunċetti prevalenti fil-pajjiż ta' oriġini, jindika reġjun jew post fit-territorju ta' dan l-Istat
—
u l-protezzjoni tiegħu għandha tkun iġġustifikata abbażi tal-kriterji ta' l-Artikolu 30 KE.
Dawn ir-rekwiżiti jfissru
1.1
li l-isem jissodisfa, bħala tali, funzjoni konkreta ta' indikazzjoni ġeografika ta' post speċifiku jew ta' reġjun speċifiku jew huwa biżżejjed li l-isem assoċjat mal-prodott li huwa kopert minnu jkun idoneu biex jindika lill-konsumaturi li dan il-prodott ġej minn post speċifiku jew minn żona speċifika tat-territorju tal-pajjiż ta' oriġini;
1.2
li t-tliet kundizzjonijiet jikkostitwixxu kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu eżaminati separatament;
1.3
li jeħtieġ li jitwettaq sondaġġ mal-konsumaturi sabiex jiġu ddeterminati l-kunċetti prevalenti fil-pajjiż ta' oriġini u — fl-affermattiv — li għall-finijiet ta' protezzjoni huwa meħtieġ grad baxx, medju jew għoli ta' fama u ta' rikonoxximent;
1.4
li l-isem ġie effettivament użat bħala indikazzjoni ġeografika fil-pajjiż ta' oriġini minn diversi impriżi, u mhux minn waħda biss, u li l-użu ta' trade mark minn impriża waħda biss jipprekludi l-protezzjoni?
2)
Il-fatt li isem la jkun ġie nnotifikat fit-terminu ta' sitt xhur previst fir-Regolament (KE) Nru 918/2004 (1), u lanqas b'xi mod ma tkun saret xi applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (2), għandu bħala effett li jinvalida protezzjoni nazzjonali eżistenti jew, f'kull każ, protezzjoni estiża bilateralment lil Stat Membru ieħor jekk l-isem jikkostitwixxi, skond id-dritt nazzjonali ta' l-Istat ta' oriġini, indikazzjoni ġeografika kkwalifikata?
3)
Il-fatt li, fil-kuntest tat-Trattat ta' Adeżjoni bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u Stat Membru ġdid, dan l-Istat Membru jkun talab il-protezzjoni ta' diversi indikazzjonijiet ġeografiċi kkwalifikati għal oġġett ta' l-ikel skond ir-Regolament (KE) Nru 510/2006, għandu bħala konsegwenza li protezzjoni nazzjonali mogħtija lil isem ieħor li jindika l-istess prodott jew, f'kull każ, protezzjoni estiża bilateralment lil Stat Membru ma tistax tinżamm iktar u li, f'dan ir-rigward, ir-Regolament (KE) Nru 510/2006 għandu effett preklużiv?
(1) ĠU L 163, p. 88.
(2) ĠU L 93, p. 12.
Full & Egal Universal Law Academy