9.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 37/2
Appell imressaq fit-2 ta' Novembru 2007 minn SELEX Sistemi Integrati SpA, preċedentement Alenia Marconi Systems SpA, kontra d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tieni Awla) tad-29 ta' Awwissu 2007 fil-Kawża T-186/05, SELEX Sistemi Integrati SpA vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża C-481/07 P)
(2008/C 37/02)
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Appellanti: SELEX Sistemi Integrati SpA, preċedentement Alenia Marconi Systems SpA (rappreżentanti: F. Sciaudone, R. Sciaudone u A. Neri, avvocati)
Parti oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet ta' l-appellanti
—
tannulla d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza mogħti fid-29 ta' Awwissu 2007, fil-Kawża T-186/05, u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu fid-dawl ta' l-indikazzjonijiet li jogħġobha tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż ta' din il-kawża u dawk tal-kawża T-186/05.
Motivi u argumenti prinċipali
In sostenn tat-talbiet tagħha, l-appellanti tibbaża fuq:
a)
l-esklużjoni żbaljata mill-kunċett ta' dannu kumpensabbli ta' l-ispejjeż legali sostnuti fil-kuntest tal-Kawża T-155/04. Skond l-appellanti, il-Qorti tal-Prim'Istanza:
—
fehmet, b'mod żbaljat, ir-rikors għal ħlas ta' kumpens għal danni bħala tentattiv “sabiex tinqaleb id-deċiżjoni fuq l-ispejjeż [fis]-sentenza” fir-rigward tal-Kawża T-155/04;
—
interpretat, b'mod żbaljat, l-Artikolu 87 et seq tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, fir-rigward tal-prinċipji ta' ħlas ta' kumpens għal danni;
—
kkonstatat, b'mod żbaljat, li l-ġurisprudenza Montorio kienet applikabbli fil-każ in eżami;
b)
l-iżball tal-Qorti tal-Prim'Istanza li eskludiet, mill-kunċett ta' dannu kumpensabbli, l-ispejjeż legali sostnuti fil-kuntest tal-proċedimenti amministrattivi prekontenzjużi. Skond l-appellanti, l-iżball tal-Qorti tal-Prim'Istanza jinsab fl-applikazzjoni u fl-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 87 et seq tar-Regoli tal-Proċedura b'referenza għal tip ta' azzjoni għad-danni, li m'għandha x'taqsam xejn mal-kamp ta' applikazzjoni tagħhom;
c)
l-iżnaturament u d-distorsjoni ta' l-elementi ta' prova ppreżentati mill-appellanti. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ma analizzatx b'mod korrett il-faxxikolu ppreżentat mill-appellanti u d-dokumenti misjuba fih;
d)
il-motivazzjoni illoġika u kontradittorja u l-ksur tal-ġurisprudenza Komunitarja fir-rigward tal-ħlas ta' kumpens għal danni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma applikatx b'mod korrett il-prinċipji stabbiliti fil-kawżi Mulder et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (C-104/89 u C-37/90) (1) u Agraz et vs Il-Kummissjoni (C-243/05 P) (2);
e)
il-ksur ta' l-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Skond l-appellanti, interpretazzjoni korretta ta' din id-dispożizzjoni ma tirrikjedix li r-rikors għandu “bil-fors” jinkludi l-provi, imma li, għall-kuntrarju, id-dispożizzjoni tkun ibbażata fuq il-kunċett ta' “possibbiltà”, fis-sens li tobbliga lill-parti tippreżenta provi fil-każ biss li dan ikun possibili;
f)
in-nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward tal-ħlas ta' kumpens għad-danni sofruti mill-appellanti minħabba l-ksur tal-prinċipju li l-proċeduri amministrativi li jiġu determinati fi żmien raġonevoli. Fil-fatt il-Qorti tal-Prim'Istanza ma mmotivatx iċ-ċaħda tat-talba għal ħlas ta' kumpens fir-rigward ta' dan l-allegat ksur imqajjem speċifikatament mill-appellanti;
g)
l-iżnaturament ta' l-argumenti u ta' l-elementi ta' prova, kif ukoll il-motivazzjoni illoġika u kontradittorja inkonsistenti mal-ġurisprudenza Komunitarja fir-rigward tal-ħlas ta' kumpens għal danni morali. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ma setgħetx tuża argumenti li jirrigwardaw esklużivament l-esklużjoni jew in-nuqqas ta' għoti ta' kuntratti pubbliċi għal provvisti sabiex tiċħad it-talba għall-ħlas ta' kumpens għal danni minħabba ksur tal-prinċipju li l-proċeduri amministrativi jiġu ddeterminati fi żmien raġonevoli jew minħabba ksur tad-dmir ta' sorveljanza mill-Kummissjoni.
(1) Sentenza tas-27 ta' Jannar 2000, Ġabra p. I-203.
(2) Sentenza tad-9 ta' Jannar 2006, Ġabra p. I-10833.
Full & Egal Universal Law Academy