26.1.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 22/24
Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula minn Centrale Raad van Beroep (L-Olanda) fil-5 ta' Novembru 2007 — Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen vs H. Akdas et
(Kawża C-485/07)
(2008/C 22/46)
Lingwa tal-kawża: L-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Centrale Raad van Beroep (L-Olanda).
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen.
Konvenuti: H. Akdas et
Domandi preliminari
1.
Fid-dawl tat-termini kif ukoll ta' l-għan u tan-natura tad-Deċiżjoni 3/80 (1) u tal-Ftehim (2), id-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 3/80 tikkostitwixxi obbligu ċar u preċiż li mhuwiex suġġett, fl-eżekuzzjoni jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta' xi att ulterjuri ieħor, b'tali mod li din id-dispożizzjoni jista' jkollha effett dirett?
2.
Jekk l-ewwel risposta tingħata risposta affermattiva:
2.1
Fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 3/80, għandhom jiġu kkunsidrati b'xi mod jew ieħor il-modifikazzjonijiet imwettqa lir-Regolament Nru 1408/71 (3) wara d-19 ta' Settembru 1980 fir-rigward ta' benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji?
2.2
L-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali (4) anness mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni huwa rilevanti f'dan ir-rigward?
3.
L-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, bħall-Artikolu 4a tat-TW Olandiża, li twassal għal distinzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità,
—
l-ewwel nett, safejn in-numru ta' persuni ta' nazzjonalità mhux Olandiża, fosthom grupp kbir ta' ċittadini Torok, li m'għandhomx (jew li m'għadx għandhom) dritt għal benefiċċju supplimentari peress li m'għadhomx residenti fl-Olanda huwa ogħla minn dak ta' persuni ta' nazzjonalità Olandiża u
—
it-tieni nett, safejn il-benefiċċji supplimentari taċ-ċittadini Torok residenti fit-Turkija twaqqfu mill-1 ta' Lulju 2003 filwaqt li l-benefiċċji supplimentari ta' persuni ta' nazzjonalità ta' Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea u ta' pajjiżi terzi, sakemm huma residenti fit-territorju ta' l-Unjoni Ewropea, ma bdewx jitwaqqfu (gradwalment) qabel l-1 ta' Jannar 2007?
(1) Deċiżjoni Nru 3/80 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, tad-19 ta' Settembru 1980, dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali ta' l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħaddiema Torok u għall-membri tal-familja tagħhom (ĠU 1983, C 110, p. 60).
(2) Il-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat fit-12 ta' Settembru 1963 f'Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u konkluż, approvat u kkonfermat f'isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta' Diċembru 1963 (ĠU 1964, 217, p. 3685).
(3) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU L 149, p. 2).
(4) Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta' Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f'isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta' Diċembru 1972 (ĠU L 293, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy