9.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 37/4
Appell imressaq fid-19 ta' Novembru 2007 minn S.A.BA.R. SpA kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Ir-Raba' Awla) mogħtija fis-17 ta' Settembru 2007 fil-Kawża T-176/07, S.A.BA.R. SpA vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża C-501/07 P)
(2008/C 37/05)
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: S.A.BA.R. SpA (rappreżentanti: E. Coffrini u F. Tesauro, avvocati)
Parti oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla u/jew tibdel kompletament is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza li hija taħt appell hawnhekk, u tiddeċiedi konsegwentement.
—
tilqa' t-talbiet li diġà ġew magħmula fir-rikors fl-ewwel istanza.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tad-deċiżjoni tal-Kumissjoni tal-5 ta' Ġunju 2002 (1), dwar “l-għajnuna mogħtija mill-Istat fir-rigward ta' l-eżenzjonijiet fiskali u self b'kundizzjonijiet preferenzjali favur impriżi ta' servizzi pubbliċi b'kapital, fil-parti l-kbira, pubbliku”, ġiet iddikjarata bħala għajnuna mogħtija mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni s-sistema ta' eżenzjoni fiskali li saret disponibbli, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 3(70) tal-Liġi Nru 549/1995, l-Artikolu 66(14), tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 331/1993, kif mibdul u emendat, favur il-kumpanniji pubbliċi b'sehem fil-biċċa l-kbira pubbliku li jipprovdu servizzi pubbliċi lokali. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma rrigwardatx kumpanniji speċifiċi, iżda ġiet estiża għall-kumpanniji stabbiliti skond l-Artikolu 22 tal-Liġi 241/1990, b'kapital li huwa, fil-biċċa l-kbira, pubbliku. Għaldaqstant, ma ġiet innotifikata lill-ebda kumpannija (u lanqas lir-rikorrenti) peress li kellhiex destinatarji individwati b'mod speċifiku. L-Istat Taljan, permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 10 tal-15 ta' Frar 2007 implementa d-deċiżjoni msemmija iktar 'il fuq, u inkariga lill-Uffiċċju ta' Dħul (Agenzie delle Entrate) bil-ġbir. Għalhekk, l-Uffiċċju ta' Dħul ta' Guastalla, fl-20 ta' Marzu 2007, innotifika lill-kumpannija rikorrenti bit-talbiet għal ħlas Nru 3796 tal-15.3.2007, għas-somma kapitali ta' EUR 1 912 128,47 barra l-imgħaxijiet ta' EUR 2 192 225; Nru 3799 tal-15.3.2007, għas-somma kapitali ta' EUR 815 406,94, barra l-imgħaxijiet ta' EUR 783 529; Nru 3800 tal-15.3.2007, għas-somma kapitali ta' EUR 439 549,29 barra l-imgħaxijiet ta' EUR 712 588.
Madankollu, il-kumpannija rikorrenti mhijiex kumpannija b'kapital li huwa, fil-biċċa l-kbira, pubbliku, iżda huwa totalment pubbliku, u għalhekk ma jistgħux japplikaw għaliha “il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni u d-deċiżjoni tagħha”.
Hija għandha responsabbiltà interna għas-servizzi pubbliċi lokali li hija tipprovdi lil tmien komuni membri, peress li ġiet stabbilita speċifikatament għal dan il-għan, skond il-metodi previsti mil-liġi.
Din l-istess kumpannija tamministra s-servizzi pubbliċi taħt skema privata, f'kuntest essenzjament lokali, u ma tistax taffettwa l-kompetizzjoni ħielsa, li ma tistax jeżisti la ma jeżistix suq.
Kumpannija b'kapital li huwa totalment pubbliku mhijiex għajr korp indirett tal-komuni membri, li huma d-destinatarji reali ta' l-għajnuna fiskali, ikkontestata mill-Kummissjoni.
B'hekk, minħabba raġunijiet oġġettivi u suġġettivi, l-eżenzjoni fiskali mogħtija lir-rikorrenti ma tistax titqies bħala għajnuna indebita mogħtija mill-istat, li tmur kontra dak li jipprovdi l-Artikolu 87 tat-Trattat.
Minħabba r-raġunijiet mogħtija fil-qosor tressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, kontra d-deċiżjoni tal-Kummisjoni Ewropea msemmija iktar 'il fuq, li ta lok għall-kawża T-176/07, assenjata lir-Raba' Awla, li ġiet deċiża b'digriet ta' inammissibilità tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Settembru 2007, motivata bin-nuqqas ta' osservanza tat-terminu li jinsab fl-Artikolu 230(5) tat-Trattat KE, peress li r-rikors għal annullament kellu jitressaq fit-terminu ta' xahrejn li jibda jiddekorri, skond il-każ, mill-pubblikazzjoni ta' l-att ikkontestat, min-notifika tiegħu lir-rikorrent jew inkella, fin-nuqqas ta' dan, mill-ġurnata li fiha rikorrent ikun sar jaf bih, skond l-Artikolu 102 (1) tar-Regoli ta' Proċedura KE.
Ġie deċiż li din il-premessa mhijiex fondata, anki fid-dawl tas-sentenzi tas-17 ta' Settembru 1980 (730/79) (2); ta' l-14 ta' Novembre 1984 (323/82) (3); tat-12 ta' Diċembru 1996 (T-358/94) (4) u, fuq kollox, fid-dawl tad-deċiżjoni tat-Tielet Awla, tat-23 ta' Frar 2006, fil-kawża C-346/03 (5), li għaliha, bir-rikors li qed jiġi propost qed jintalab li tinbidel.
Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-fatt ġie ppreżentat hekk kif il-kumpannija rikorrenti saret taf li kienet fost id-destinatarji tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri meta rċeviet in-notifika tat-talba għal ħlas maħruġa mill-Uffiċju tad-Dħul.
Sussegwentement, għandu jitqies,, bħala motiv ieħor ta' kontestazzjoni tad-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li dan id-digriet applika l-Artikolu 225 tat-Trattat b'mod żbaljat.
Fil-fatt, it-talba għal annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, għadha titqies li hija marbuta fil-qrib mat-talba inerenti fin-nuqqas ta' ssuġġettar għall-istess deċiżjoni, u għaldaqstant qed jintalab li jinbidel id-digriet ta' l-ewwel istanza, ukoll mil-lat ta' l-inkompetenza ratione materiae ddikjarata mill-istess qorti.
(1) ĠU 2003, L 77, p. 21.
(2) Ġabra 1980, p. 2671.
(3) Ġabra 1984, p. 3809.
(4) Ġabra 1996, p. II-2109.
(5) Ġabra 2005, p. I-6159.
Full & Egal Universal Law Academy