26.1.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 22/31
Talba għal domanda preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (Il-Portugall) fid-19 ta' Novembru 2007 — Associação Nacional de Transportes Rodoviários de Pesados de Passageiros (Antrop) et vs Conselho de Ministros et
(Kawża C-504/07)
(2008/C 22/56)
Lingwa tal-kawża: Il-Portugiż
Qorti tar-rinviju
Supremo Tribunal Administrativo
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Associação Nacional de Transportes Rodoviários de Pesados de Passageiros (Antrop) et
Konvenut: Conselho de Ministros et
Domandi preliminari
a)
Fid-dawl ta' l-Artikoli 73 KE, 87 KE u 88 KE tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 (1), l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jimponu obbligi ta' servizz pubbliku lil impriża pubblika inkarigata biex tassigura t-trasport pubbliku ta' passiġġieri f'muniċipalità?
b)
F'il-każ ta' risposta affermativa, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jikkumpensaw dawn l-obbligi?
c)
L-awtoritajiet nazzjonali għandhom, f'sitwazzjoni fejn huma mhumiex obbligati jagħmlu sejħiet għal offerti għall-konċessjoni ta' l-operat ta' netwerk ta' trasport, jestendu l-obbligu ta' kumpens lill-impriżi kollha li huma kkunsidrati, fir-rigward tal-dritt nazzjonali u fl-istess żona, bħala li jipprovdu t-trasport pubbliku ta' passiġġieri?
d)
Fl-affermativ, liema għandu jkun il-kriterju għal kumpens?
e)
Fil-każ ta' impriżi ta' trasport ta' passiġġieri b'xarabank li, permezz ta' konċessjoni ta' servizz pubbliku, jeżerċitaw l-attività tagħhom skond sistema ta' esklużività fi ħdan perimetri urbani speċifiċi, iżda li jeżerċitaw ukoll din l-attività in kompetizzjoni ma' operaturi privati barra miż-żoni urbani li huma s-suġġett ta' sistema ta' esklużività, li lilhom l-Istat jagħti, sena wara sena, għajnuna intiża sabiex tkopri l-iżbilanċi permanenti ta' operat ta' dawn l-impriżi, din l-għajnuna tikkostitwixxi għajnuna ta' l-Istat li hija illegali skond l-Artikolu 87(1) KE, meta:
i)
mhuwiex possibbli li tiġi stabbilita, abbażi ta' data li tista' tiġi fdata tal-kompatibbiltà rispettiva tagħhom, id-differenza bejn l-ispejjeż imputabbli għall-parti ta' l-attività ta' dawn l-impriżi fiż-żona li hija s-suġġett tal-konċessjoni u l-benefiċċju korrispondenti, u li konsegwentement mhuwiex possibbli li tiġi kkalkulata l-ispiża addizzjonali li tirriżulta mill-eżekuzzjoni ta' l-obbligu ta' servizz pubbliku li, minħabba l-konċessjoni, jistgħu jkunu s-suġġett ta' għajnuna mill-Istat;
ii)
il-provvista ta' servizzi ta' trasport mill-impriżi in kwistjoni tista' b'hekk tinżamm jew tiżdied, b'mod illi l-possibilitajiet għall-impriżi l-oħra stabbiliti f'dan l-Istat Membru jew f'Stat Membru ieħor li jipprovdu s-servizzi tagħhom ta' transport huma mnaqqsa,
iii)
u dan minkejja d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 73 KE?
f)
Fid-dawl tal-kundizzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja toħroġ mill-Artikolu 87(1) KE (li qabel kien l-Artikolu 92(1) tat-Trattat), b'mod partikolari, fis-sentenza tagħha ta' l-24 ta' Lulju 2003 (Altmark Trans) (2), għall-kwalifikazzjoni ta' għajnuna ta' l-Istat (“L-ewwel nett, irid ikun hemm intervent ta' l-Istat jew permezz tar-riżorsi ta' l-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent irid ikun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn Stat Membri. It-tielet nett, irid jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba' nett, irid iwassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni”), x'inhuwa is-sinjifikat u l-portata ta' l-esspressjonijiet 1) għoti ta' vantaġġ li 2) joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, f'sitwazzjoni fejn il-benefiċjarji għandhom l-esklużività tas-servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri fl-ibliet ta' Lisbona u Porto, iżda jipprovdu l-iktar servizzi lejn dawn l-ibliet, f'żoni li fihom huma attivi wkoll operaturi oħra? Fi kliem ieħor, liema kriterji għandhom jiġu applikati sabiex ikun jista' jiġi konkluż li l-għoti ta' vantaġġ joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni? Għal dan il-għan, huwa rilevanti li jsir magħruf il-perċentwali ta' l-ispejjeż li, fi ħdan dawn l-impriżi, huma imputabbli għall-linji ta'xarabanks li jaħdmu 'l barra miż-żona ta' esklużivvità? Fil-qosor, huwa neċessarju li l-għajnuna jkollha riperkussjonijiet fuq l-attività eżerċitata barra miż-żona ta' esklużività (Lisbona u Porto) b'mod konkretament sinjifikattiv?
g)
L-intervent tal-Kummissjoni previst fl-Artikoli 76 KE u 88 KE huwa l-uniku mezz legali li jippermetti li jiġu rrispettati r-regoli tat-Trattat fil-qasam ta' l-għajnuna ta' l-Istat, jew l-effett utli tad-dritt Komunitarju jeżiġi iktar, jiġifieri l-possibiltà ta' applikazzjoni diretta tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni mill-qrati nazzjonali fuq it-talba ta' individwi li jqisu lilhom infushom bħala effetwati negativament mill-għoti ta' sussidju jew ta' għajnuna li tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni?
(1) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69, tas-26 ta' Ġunju 1969, dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU L 156, p. 1).
(2) Kawża C-280/00, Ġabra p. I-7810.
Full & Egal Universal Law Academy