9.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 37/6
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de La Coruña (Spanja) fl-20 ta' Novembru 2007 — Lubricantes y Carburantes Galaicos, S. L. (Lubricarga) vs Petrogal Española S.A., attwalment “GALP Energía España SAU”
(Kawża C-506/07)
(2008/C 37/07)
Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Audiencia Provincial de La Coruña (Spanja).
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Lubricantes y Carburantes Galaicos, S. L. (Lubricarga).
Konvenuta: Petrogal Española S.A., attwalment “GALP Energía España SAU”.
Domandi preliminari
1)
Jekk il-kuntratt li sar bejn “Lubricarga S.L.” u “Petrogal S.A.” huwa “de minimis”, l-applikazzjoni ta' l-Artikolu [81] tat-Trattat hija eskluża f'kull ipoteżi jew inkella dan l-artikolu huwa applikabbli għall-kuntratt, minkejja din il-kwalifika, fl-ipoteżi fejn l-operatur ta' l-istazzjon tal-petrol huwa obbligat iżomm il-prezz finali tal-bejgħ għall-pubbliku ffissat mill-fornitur u/jew huwa marbut b'xiri esklużiv u bil-projbizzjonijiet ta' kompetizzjoni, mingħajr ma jiġu osservati l-limiti ta' tul ta' zmien stabbiliti mir-Regolamenti Nru 1984/83 (1) u 2790/99 (2)?
2)
Safejn l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1984/93 — fl-ipoteżi fejn dan huwa applikabbli — jipprovdi, permezz ta' deroga għall-projbizzjoni għall-ftehim vertikali ta' esklużività għall-istazzjonijiet tal-petrol milli jkunu għal tul ta' żmien indeterminat jew ta' aktar minn 10 snin, li “meta l-ftehim jikkonċerna stazzjon tal-petrol li l-fornitur ikun kera lill-bejjiegħ mill-ġdid, jew li jkun tah it-tgwadija ta' tali stazzjoni fid-dritt u fil-fatt, l-obbligi ta' xiri esklużiv u l-projbizzjonijiet ta' kompetizzjoni msemmija minn dan it-titolu jistgħu jiġu imposti fuq il-bejjiegħ mill-ġdid matul il-perijodu kollu li matulu huwa effettivament jopera l-istazzjon tal-petrol”, din id-deroga tapplika wkoll għal każ bħal dak in kwistjoni fejn, skond il-kuntratt privat tas-27 ta' Lulju 1990 u l-att notarili ta' l-10 ta' Ottubru 1995, Lubricarga, propretarja ta' biċċa art, assenjat lil Galp kirja għall-bini u l-iżviluppar għal 25 sena, fejn din ta' l-aħħar obbligat ruħha li tibni stazzjon tal-petrol bil-kundizzjoni li tassenja l-istallazzjonijiet lil Lubricarga sabiex jiġu operati minnha matul l-istess perijodu ta' żmien, flimkien ma' l-obbligu li takkwista l-karburanti u l-kombustibbli kollha esklużivament mingħand il-kumpannija taż-żejt?
3)
Safejn l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2790/1999 — fl-ipoteżi fejn dan huwa applikabbli, jipprovdi li “il-limitu ta' żmien ta' ħames snin m'għandux japplika fejn l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt jinbiegħu mill-bejjiegħ minn bini u art li hija l-proprjetà tal-fornitur jew imwellija lill-fornitur minn partijiet terzi li m'huwiex konnessi max-xerrej, sakemm id-dewmien ta' l-obbligu li ma jikkompetix ma jaqbiżx il-perjodu ta' okkupanza tal-bini u art mix-xerrej”, din id-dergoa tapplika wkoll għal każ bħal dak in kwistjoni fejn, skond il-kuntratt privat tas-27 ta' Lulju 1990 u l-att notarili ta' l-10 ta' Ottubru 1995, Lubrcarga, propretarja ta' biċċa art, assenjat lil Falp kirja għall-bini u l-iżviluppar għal 25 sena, fejn din ta' l-aħħar obbligat ruħha li tibni stazzjon tal-petrol bil-kundizzjoni li tassenja l-istallazzjonijiet lil Lubricarga sabiex jiġu operati minnha matul l-istess perijodu ta' żmien, flimkien ma' l-obbligu li takkwista l-karburanti u l-kombustibbli kollha esklużivament mingħand il-kumpannija taż-żejt?
4)
Safejn l-Artikolu [81](1)(a) tat-Trattat KE jipprojbixxi l-iffissar indirett tal-prezzijiet tax-xiri jew tal-bejgħ, u fejn it-tmien premessa tar-Regolament (KEE) Nru 1984/83 jippreċiża li “dispożizzjonijiet restrittivi oħra tal-kompetizzjoni, u b'mod partikolari dawk li jillimitaw il-libertà tal-bejjiegħ mill-ġdid li jiffissa l-prezzijiet jew il-kundizzjonijiet tal-bejgħ mill-ġdid jew li jagħżel il-klijenti tiegħu, ma jistgħux jiġu eżentati minn dan ir-regolament”, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għal kuntratt bħal dak in eżami, fejn l-għaxar klawżola u l-Anness I ta' l-imsemmi kuntratt jirreferu għall-għan li jiġu ffissati prezzijiet kompetittivi u jeħtieġu li t-tnaqqis fil-prezz mogħti lill-proprjetarju ma jkunx “inqas mill-medja tal-kummissjonijiet miġbura mill-operaturi tat-tliet impriżi (bħala volum) li joperaw fiż-żona ġeografika fejn jinsab l-istazzjon tal-petrol”, għar-raġuni li dan il-kuntratt jista' f'kull każ jirrestrinġi l-fakultà tax-xerrej li jiddetermina l-prezz tal-bejgħ?
5)
Safejn l-Artikolu [81](1)(a) tat-Trattat KEE jipprojbixxi l-iffissar indirett tal-prezzijiet ta' xiri jew tal-bejgħ u fejn ir-Regolament (KEE) Nru 2790/99 jinkludi bħala restrizzjoni partikolarment gravi tal-kompetizzjoni l-ftehim li jimponu l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għal kuntratt bħal dak in kwistjoni, fejn l-għaxar klawżola u l-Anness I ta' l-imsemmi kuntratt jirreferu għall-għan li jiġu ffissati prezzijiet kompetittivi u jeħtieġu li t-tnaqqis fil-prezz mogħti lill-proprjetarju ma jkunx “inqas mill-medja tal-kummissjonijiet miġbura mill-operaturi tat-tliet impriżi (bħala volum) li joperaw fiż-żona ġeografika fejn jinsab l-istazzjon tal-petrol”, għar-raġuni li dan il-kuntratt jista' f'kull każ jirrestrinġi l-fakultà tax-xerrej li jiddetermina l-prezz tal-bejgħ?
(1) Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1984/83, tat-22 ta' Ġunju 1983, dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehim ta' xiri esklużiv. ĠU L 173, p. 5.
(2) Ir-Regoalment tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999 tat-22 ta' Diċembru 1999 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehim vertikali u prattiċi miftiehma. ĠU L 336, p. 21.
Full & Egal Universal Law Academy