26.1.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 22/33
Rikors imressaq fil-21 ta' Novembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu
(Kawża C-511/07)
(2008/C 22/59)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: G. Rozet u U. Wölker, aġenti)
Konvenut: Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu
Talbiet
—
tikkonstata li, minħabba n-nuqqas ta' komunikazzjoni ta' l-informazzjoni meħtieġa skond l-Artikolu 3(1)(f) tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Nru 280/2004/KE, tal-11 ta' Frar 2004, li tikkonċerna l-mekkaniżmu għall-moniteraġġ [ta'] l-emissjonijiet ta' gass serra tal-Komunità u biex jiġi implimentat il-Protokoll ta' Kyoto (1), flimkien ma' l-Artikoli 2 u 4(1)(b) u (d) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2005/166/KE, ta' l-10 ta' Frar 2005, li tistabbilixxi r-regoli ta' implementazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (2), il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu skond dawn id-dispożizzjonijiet ;
—
tordna li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tallega li l-konvenut wettaq implementazzjoni inkompleta ta' l-obbligi li jinsabu fid-Deċiżjoni 280/2004/KE, moqrija flimkien mad-Deċiżjoni 2005/166/KE. Fil-fatt, minn naħa, il-konvenut ma pprovdiex fir-rapport annwali tiegħu informazzjoni kompleta rigward il-metodi użati u rigward it-tipi ta' data ta' attività u ta' fatturi ta' emissjoni użati fis-sorsi prinċipali tal-Komunità. Min-naħa l-oħra, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu lanqas ma kkomunika lill-Kummissjoni stima ġenerali ta' l-inċertezza li taffettwa l-elementi tar-rapport Lussemburgiż fuq l-inventarju nazzjonali.
(1) ĠU L 49, p. 1.
(2) ĠU L 55, p. 57.
Full & Egal Universal Law Academy