9.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 37/10
Rikors imressaq fit-23 ta' Novembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju ta' l-Olanda
(Kawża C-521/07)
(2008/C 37/12)
Lingwa tal-kawża: L-Olandiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: P. van Nuffel u R. Lyal, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju ta' l-Olanda
It-talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikjara li r-Renju ta' l-Olanda naqas milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu skond l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE peress li ma eżentax id-dividendi mħallsa lill-kumpanniji stabbiliti fin-Norveġja jew fl-Iżlanda mit-taxxa f'ras il-għajn fuq id-dividendi taħt l-istess kundizzjonijiet bħad-dividendi mħallsa lill-kumpanniji Olandiżi;
—
tikkundanna lir-Renju ta' l-Olanda jbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Skond il-liġi fiskali Olandiża, it-taxxa fuq id-dividendi ma tinġabarx meta kumpannija Olandiża tħallas id-dividendi lil kumpannija oħra stabbilita fl-Olanda li jkollha mill-inqas 5 % ta' l-ishma tal-kumpannija li tħallas id-dividendi; min-naħa l-oħra, it-taxxa fuq id-dividendi tinġabar meta l-kumpannija li tirċievi d-dividendi tkun stabbilita fin-Norveġja jew fl-Iżlanda, sakemm il-kumpannija li tirċievi d-dividendi ma jkollhiex mill-inqas 25 % (Norveġja) jew l-10 % (Iżlanda) ta' l-ishma tal-kumpannija Olandiża li tħallas id-dividendi.
Il-Kummissjoni tqis li b'dan il-mod, il-liġi fiskali Olandiża toħloq diskriminazzjoni bejn il-kumpanniji li huma stabbiliti fin-Norveġja jew fl-Iżlanda u dawk li huma stabbiliti fl-Olanda. Dan huwa ostaklu għall-moviment liberu tal-kapitali bejn l-Olanda, in-Norveġja u l-Iżlanda, bi ksur ta' l-Artikolu 40 tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea (Ftehim ŻEE) (1), dwar il-moviment liberu tal-kapitali, dispożizzjoni li, essenzjalment, tikkorrispondi ma' l-Artikolu 56 KE. Is-sitwazzjoni tal-kumpanniji Norveġiżi u Iżlandiżi li għandhom ishma fil-kapital ta' kumpannija Olandiża hija oġġettivament paragunabbli ma' dik ta' kumpannija Olandiża li għandha sehem simili. Il-liġi Olandiża ma tistax tiġi ġġustifikata. L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri għall-prevenzjoni ta' abbużi, iżda dawn għandhom ikunu proporzjonati ma' l-għan persegwit, ħaġa li mhux qed issir f'dan il-każ.
(1) ĠU L 1, 3.1.1994.
Full & Egal Universal Law Academy