26.1.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 22/35
Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Korkein hallinto-oikeus (Il-Finlandja) fit-23 ta' Novembru 2007 — A
(Kawża C-523/07)
(2008/C 22/63)
Lingwa tal-kawża: Il-Finlandiż
Qorti tar-rinviju
Korkein hallinto-oikeus
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Korkein hallinto-oikeus
Konvenuta: A
Domandi preliminari
1
(a)
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 (1), dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ir-Regolament Brussell IIa) japplika għall-infurzar ta' deċiżjoni bħal dik li ttieħdet fil-kawża preżenti, li tordna t-teħid immedjat taħt kura u t-tqegħid ta' minuri barra mill-familja oriġinali tiegħu għal ma' familja tar-rispett, meta dik id-deċiżjoni tieħu l-forma ta' deċiżjoni unika adottata fil-kuntest tar-regoli tad-dritt pubbliku dwar il-protezzjoni tat-tfulija?
(b)
Fin-nuqqas ta' dan, fid-dawl ta' l-Artikolu 1(2)(d) tar-regolament, japplikax biss għal dik il-parti mid-deċiżjoni dwar it-tqegħid barra mill-familja oriġinali għal ma' familja tar-rispett?
2
Il-kunċett tar-residenza abitwali fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament, bħal fl-Artikolu 13(1), għandu jiġi interpretat fil-liġi Komunitarja, b'mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni li fiha minuri għandu residenza permanenti fi Stat Membru iżda qiegħed joqgħod fi Stat Membru ieħor, fejn qed jgħix ħajja peripatetika?
3
(a)
Jekk huwa kkunsidrat li r-residenza abitwali tal-minuri mhijiex f'dan l-aħħar Stat Membru, madankollu f'liema kundizzjonijiet tista' tittieħed miżura urġenti (bħat-teħid immedjat taħt kura) f'dak l-Istat Membru abbażi ta' l-Artikolu 20(1) tar-regolament?
(b)
Miżura protettiva skond it-tifsira ta' l-Artikolu 20(1) tar-regolament hija biss miżura li tista' tittieħed skond il-liġi nazzjonali? u d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar din il-miżura jorbtu meta l-Artikolu jiġi applikat?
(ċ)
Wara li tittieħed il-miżura protettiva, il-każ għandu jiġi ttrasferit ex officio lill-qorti kompetenti ta' l-Istat Membru?
4
Jekk il-qorti ta' Stat Membru ma għandhiex ġurisdizzjoni, għandha tiċħad ir-rikors bħala inamissibbli jew għandha tittrasferixxi dan lill-qorti ta' l-Istat Membru l-ieħor?
(1) ĠU L 338, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy