9.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 37/12
Appell imressaq fis-27 ta' Novembru 2007 minn Philippe Combescot kontra s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tieni Awla) fit-12 ta' Settembru 2007 fil-Kawża T-250/04, Combescot vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-526/07 P)
(2008/C 37/16)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Philippe Combescot (rappreżentanti: A. Maritati u V. Messa, avvocati)
Parti oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew
Talbiet
—
Sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tirriforma s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Settembru 2007, fil-kawża T-249/04, billi tiddikjara l-eżistenza ta' danni professjonali u ta' danni għas-saħħa kkawżati mill-esklużjoni irregolari ta' l-applikazzjoni tas-Sur Combescot sabiex jipparteċipa fil-kompetizzjoni għall-kariga ta' Kap ta' Delegazzjoni fil-Kolombja; barra minn hekk, tiddefinixxi b'mod differenti d-dannu morali sabiex il-kumpens dovut jiġi ddeterminat b'mod adegwat; għal dan il-għan, tilqa' t-talbiet li diġà saru fl-ewwel istanza u li qed jiġu mtennija hawnhekk: “ir-rikonoxximent li s-Sur Combescot sofra danni għar-reputazzjoni u għall-professjonalità tiegħu b'riperkussjonijiet serji fuq il-bilanċ psikoloġiku tiegħu bħala riżultat ta' l-esklużjoni irregolari mill-kompetizzjoni; tillikwida, favur is-Sur Combescot, l-ammont ta' EUR 100 000 bħala kumpens għad-danni”.
—
Bl-ispejjeż tal-kawża kontra l-Kummissjoni.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan l-appell qed isir kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (It-Tieni Awla), tat-12 ta' Settembru 2007, fil-kawża T-250/04, mogħtija fuq rikors imressaq minn Philippe Combescot kontra l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Ir-rikors jikkonċerna l-esklużjoni ta' Philippe Combescot, dak iż-żmien konsulent residenti fil-Gwatemala, mill-kompetizzjoni COM/091/03 għall-kariga ta' Kap ta' Delegazzjoni fil-Kolombja (aktar 'il quddiem id-“deċiżjoni ta' esklużjoni”).
Filwaqt li ġġudikat din id-deċiżjoni bħala irregolari u għalhekk bħala li tiġġustifika t-talba għall-kumpens tad-danni mressqa mir-rikorrent, il-Qorti tal-Prim'Istanza madankollu eskludiet l-eżistenza ta' danni professjonali u ta' danni għas-saħħa u rrikonoxxiet biss dannu morali, mingħajr aktar preċiżjoni, li fir-rigward tiegħu llikwidat is-somma ta' EUR 3 000 favur l-uffiċjal.
Permezz ta' dan l-appell, id-difensuri tas-Sur Combescot qed jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha tirriforma s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej safejn eskludiet l-eżistenza tad-dannu professjonali u tad-dannu għas-saħħa sabiex, b'hekk, ma tiddeterminax il-likwidazzjoni abbażi ta' l-eżistenza tad-dannu morali msemmi biss; u, għalhekk, tikkonferma li l-uffiċjal, minħabba l-esklużjoni irregolari mill-kompetizzjoni, sofra danni evidenti għall-karriera, minbarra għar-reputazzjoni professjonali tiegħu; u li, fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni ta' esklużjoni kkawżat tbatija u inkwiet interjuri li, imbagħad, ikkawżaw stat serju ta' dipressjoni, kif jirriżulta mill-elementi ta' prova fil-proċess tal-kawża u, fuq kollox, kif ivverifikat mill-istituzzjoni permezz ta' l-esperti ta' fiduċja tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fi kwalunkwe każ, mitluba tevalwa komplessivament iċ-ċirkustanzi ta' fatt ta' dan il-każ u li tikkunsidrahom kollha bħala rilevanti għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni — anki jekk b'mod ekwu — tad-dannu morali f'ammont ċertament ikbar, direttament proporzjonali wkoll għall-prospetti professjonali li d-deċiżjoni ta' esklużjoni ċaħdet lill-uffiċjali u għall-konsegwenzi serji immaġinabbli li din ikkawżat.
Għalhekk, qed tiġi mtennija t-talba għall-kumpens tad-danni hekk kif tirriżulta fil-talbiet magħmula fir-rikors promotorju ta' din il-proċedura.
Huma kkontestati l-konklużjonijiet li għalihom waslet il-Qorti tal-Prim'Istanza dwar in-nuqqas ta' konkretezza fir-rigward tad-dannu professjonali, filwaqt li jiġi argumentat li, madankollu, minkejja li kien talabha, ir-rikorrent qatt ma ngħata informazzjoni dwar il-kriterji selettivi applikati mill-Kummissjoni fl-għażla tal-Kap ta' Delegazzjoni fil-Kolombja.
Fir-rigward tal-kumpens għad-dannu fiżiku, il-prova ta' l-effett ta' l-imġiba irregolari fuq il-kundizzjoni tas-saħħa tas-Sur Combesco toħroġ mir-rabta fiż-żmien li hemm bejniethom. L-esklużjoni mill-kompetizzjoni hija, madankollu, l-aħħar aġir minn sensiela ta' mġiba vessatorja min-naħa tal-Kummissjoni fil-konfront ta' l-uffiċjal. Dwar id-determinazzjoni tad-dannu morali, fl-aħħar nett, qed tintalab evalwazzjoni adegwata ta' l-istess, fuq il-bażi tal-prinċipji tad-determinazzjoni tad-danni skond l-ekwità, li tqis il-konsegwenzi dannużi f'termini ta' anzjetà, stress kif ukoll id-diffikultajiet sofferti mill-uffiċjal minħabba l-esklużjoni mill-kompetizzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy