26.1.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 22/36
Appell imressaq fid-29 ta' Novembru 2007 mill-Association de la presse internationale ASBL (API) kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Awla Manja) fit-12 ta' Settembru 2007 fil-Kawża T-36/04: Assocation de la presse internationale ASBL (API) vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża C-528/07 P)
(2008/C 22/65)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Association de la presse internationale ASBL (API) (rappreżentanti: S. Völcker, Rechtsanwalt, F. Louis, avocat u C. O'Daly, Solicitor)
Parti oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet ta' l-appellanti
L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fil-Kawża T-36/04, API vs Il-Kummissjoni, tat-12 ta' Settembru 2007 safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha d-dritt li ma tiżvelax l-atti ppreżentati mill-Kummissjoni f'kawżi fejn kienet għadha trid issir il-proċedura orali;
—
tannulla l-partijiet tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni D(2003) 30621 ta' l-20 ta' Novembru 2003 li ma ġewx annullati preċedentement mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kawża T-36/04, jew sussidjarjament tirreferi l-kawża lill-Qorti tal-Prim'Istanza għal deċiżjoni ulterjuri fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; u
—
tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
L-appellanti ssostni li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata għall-motivi li ġejjin:
1.
L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza interpretat b'mod żbaljat it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (l-“eċċezzjoni relatata mal-proċedimenti fil-qrati”) meta sostniet li l-Kummissjoni m'għandhiex għalfejn twettaq evalwazzjoni konkreta dwar jekk għandhiex tipprovdi aċċess għall-atti ppreżentati minnha qabel l-proċedura orali. Din l-interpretazzjoni (i) tmur kontra prinċipji stabbiliti sew fir-rigward ta' l-interpretazzjoni ta' l-eċċezzjoni relatata mal-proċedimenti fil-qrati li huma rikonoxxuti f'partijiet oħra tas-sentenza; (ii) hija bbażata fuq dritt ineżistenti tal-Kummissjoni li tiddefendi l-interessi tagħha “ħielsa minn kull influwenza esterna”; (iii) tiddependi fuq argumenti legali li huma manifestament żbaljati meta tinvoka l-“prinċipju ta' equality of arms”; (iv) teskludi b'mod żbaljat l-importanza tar-regoli ta' qrati oħra li jippermettu l-aċċess għall-atti qabel is-seduta; u (v) tiddependi b'mod żbaljat fuq il-ħtieġa li jiġi protett l-effet utile tal-qrati Komunitarji fi proċeduri in camera.
2.
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim'Istanza interpretat b'mod żbaljat il-frażi “interess pubbliku akbar” li tinsab fl-aħħar ta' l-Artikolu 4(2) tar-Regolament billi sostniet li, meta l-kwistjoni tkun dwar l-atti ppreżentati quddiem il-qrati, l-interess pubbliku ġenerali fil-kontenut ta' proċeduri quddiem il-qrati Komunitarji ma jistax jitqies aktar importanti minn kwalunkwe interess protett mill-eċċezzjoni relatata mal-proċedimenti fil-qrati.
Full & Egal Universal Law Academy