9.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 37/14
Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (L-Awstrija) fid-29 ta' Novembru 2007 — Fachverband der Buch- und Medienwirtschaft vs LIBRO Handelsgesellschaft mbH
(Kawża C-531/07)
(2008/C 37/19)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberster Gerichtshof (L-Awstrija)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Fachverband der Buch- und Medienwirtschaft
Konvenuta: LIBRO Handelsgesellschaft mbH
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 28 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fih innifsu, jipprekludi l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li jimponu fuq l-importaturi ta' kotba bil-lingwa Ġermaniża biss l-obbligu li, għall-kotba importati fit-territorju nazzjonali, jistabbilixxu u jpoġġu għall-informazzjoni tal-pubbliku, prezz ta' bejgħ lill-pubbliku ta' natura obbligatorja għall-bejjiegħ finali, fejn dan il-prezz ma jistax ikun inqas, wara t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud, mill-prezz ta' bejgħ lill-pubbliku stabbilit jew propost mill-pubblikatur għall-Istat tal-pubblikazzjoni, jew mill-prezz ta' bejgħ lill-pubbliku propost għat-territorju nazzjonali minn pubblikatur li m'għandux l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fit-territorju ta' Stat firmatarju tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), iżda fejn, b'deroga għal din ir-regola, l-importatur li jixtri, fi Stat li huwa parti miż-ŻEE, bi prezz inqas mill-prezz ta' bejgħ tas-soltu, jista' jistabbilixxi prezz inqas minn dak stabbilit jew propost mill-pubblikatur għall-Istat tal-pubblikazzjoni — fil-każ ta' importazzjonijiet mill-ġdid, il-prezz stabbilit mill-pubblikatur nazzjonali — proporzjonalment mal-profitt kummerċjali miksub?
2)
F'każ ta' risposta pożittiva għall-ewwel domanda:
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prezz stabbilit tal-ktieb imsemmija fl-ewwel domanda, fiha nnifisha inkompatibbli ma' l-Artikolu 28 KE — eventwalment, kif ukoll, bħala modalità ta' bejgħ li tippreġudika l-moviment liberu ta' merkanzija —, li l-obbjettiv tagħha huwa ddefinit b'mod ġenerali ħafna minħabba l-ħtieġa li jiġu kkunsidrati “l-ispeċifiċità tal-ktieb bħala prodott kulturali, l-interess tal-konsumatur li l-prezzijiet tal-ktieb ikunu raġjonevoli u r-realitajiet ekonomiċi tal-ħwienet tal-kotba”, hija ġġustifikata skond l-Artikolu 30 KE jew l-Artikolu 15 KE, per eżempju minħabba interess ġenerali in sostenn tal-produzzjoni tal-kotba, tad-diversità tal-kotba bi prezzijiet regolamentati u tad-diversità tan-negozjanti li jbiegħu bl-imnut — minkejja n-nuqqas ta' informazzjoni empirika li tista' tipprova li sistema legali ta' prezz stabbilit tal-ktieb hija mod xieraq sabiex jintlaħqu l-obbjettivi mixtieqa?
3)
F'każ ta' risposta negativa għall-ewwel domanda:
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prezz stabbilit tal-ktieb, imsemmija fl-ewwel domanda, hija kompatibbli ma' l-Artikoli 3(1)(g) KE, 10 KE u 81 KE, minkejja li hija segwiet u ssostitwiet, mingħajr interruzzjoni kronoloġika jew fil-mertu, is-sistema preċedenti ta' prezz stabbilit tal-ktieb, ibbażata fuq impenn kuntrattwali tal-ħwienet tal-kotba li jużaw il-prezzijiet stabbiliti mill-pubblikaturi għall-prodotti tal-pubblikazzjoni (sistema ta' Sammelrevers ta' l-1993)?
Full & Egal Universal Law Academy