8.3.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 64/16
Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Juzgado de lo Social de Madrid (Spanja) fit-3 ta' Diċembru 2007 — Evangelina Gómez-Limón Sánchez-Camacho vs Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS), Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS), Alcampo SA
(Kawża C-537/07)
(2008/C 64/25)
Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Juzgado de lo Social de Madrid.
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Evangelina Gómez-Limón Sánchez-Camacho.
Konvenuta: Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS), Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS), Alcampo SA.
Domandi preliminari
1)
Fid-dawl tal-fatt li l-għoti ta' leave tal-ġenituri, skond il-proċeduri u t-termini li huma liberament iffissati minn kull Stat Membru fil-limiti minimi imposti mill-Ftehim Qafas fuq il-leave tal-ġenituri anness mad-Direttiva 96/34/KE (1), huwa, min-natura tiegħu, miżura ta' promozzjoni ta' ugwaljanza, huwa possibbli li t-tgawdija ta' dan il-perijodu ta' leave tal-ġenituri, fil-każ ta' tnaqqis tal-ħin tax-xogħol u tal-paga sabiex wieħed jieħdu ħsieb tfal minorenni, taffettwa d-drittijiet fil-proċess li jkunu akkwiżiti mill-ħaddiem li jibbenefika minn dan il-leave tal-ġenituri, u l-prinċipju taż-żamma tad-drittijiet akkwiżiti jew fi proċess li jkunu akkwiżiti jista' jiġi invokat mill-individwi quddiem l-istituzzjonijiet pubbliċi ta' Stat?
2)
B'mod partikolari, il-frażi “[i]d-drittijiet akkwiżiti jew fil-proċess li jkunu akkwiżiti” tal-Klawżola 2(6) ta' din id-direttiva dwar il-leave tal-ġenituri tinkludi biss dirittijiet dwar il-kundizzjonijiet ta' xogħol u tirrigwarda biss ir-relazzjoni kuntrattwali ta' xogħol ma' min iħaddem jew, bil-kontra, taffettwa wkoll il-konservazzjoni tad-drittijiet akkwiżiti jew fi proċess li jkunu akkwiżiti fil-qasam tas-sigurtà soċjali; ir-rekwiżit ta' “kontinwità ta' l-intitolamenti għall-kopertura tas-sigurtà soċjali, taħt l-iskemi differenti” skond il-Klawżola 2(8) tad-Direttiva 1996/34/KE jista' jitqies li ġie rrispettat mill-iskema in eżami f'dan il-każ u li ġiet applikata mill-awtoritajiet nazzjonali u, skond il-każ, dan id-dritt għall-kontinwità tad-drittijiet għall-benefiċċji soċjali jista' jiġi invokat quddiem l-awtoritajiet pubbliċi ta' Stat Membru, għar-raġuni li huwa suffiċjentement preċiż u konkret?
3)
Id-dispożizzjonijiet Komunitarji huma kompatibbli ma' liġi nazzjonali li, matul il-perijodu ta' tnaqqis tal-ħin ta' xogħol minħabba leave tal-ġenituri, tnaqqas il-pensjoni ta' diżabbiltà fir-rigward ta' dik li tkun applikabbli qabel dan il-leave u tagħti lok ukoll għat-tnaqqis tad-dritt għal benefiċċji futuri u għall-konsolidazzjoni tagħhom proporzjonalment mat-tnaqqis fil-ħin ta' xogħol u tal-paga?
4)
Peress illi l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jinterpretaw il-liġi nazzjonali fid-dawl ta' l-obbligi tad-direttiva, sabiex ikun hemm l-akbar possibbiltà li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, dan l-obbligu għandu jiġi applikat ukoll għall-kontinwità tad-drittijiet fil-qasam tas-sigurtà soċjali matul il-perijodu ta' tgawdija tal-leave tal-ġenituri u, b'mod konkret, fil-każijiet fejn tintuża l-proċedura tal-leave tal-ġenituri jew tat-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol bħal dik użata f'dan il-każ?
5)
Fiċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża, it-tnaqqis tad-drittijiet irrikonoxxuti u akkwiżiti fil-qasam tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali matul il-perijodu ta' leave tal-ġenituri jista' jitqies li huwa diskriminazzjoni diretta jew indiretta li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE (2) tad-19 ta' Diċembru 1978, dwar il-prinċipju tat-trattament ugwali u ta' non-diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali u, min-naħa l-oħra, li jmur ukoll kontra r-rekwiżit ta' ugwaljanza u ta' non-diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa skond it-tradizzjoni komuni ta' l-Istati Membri, safejn dan il-prinċipju għandu jiġi applikat mhux biss fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' impjieg, iżda wkoll fl-attività pubblika fil-qasam tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema?
(1) Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta' Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta' ETUC (ĠU L 145, p. 4).
(2) ĠU 1979, L 6 p. 24; EE 05/02, p. 174.
Full & Egal Universal Law Academy